Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-3 ta' April 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Celle, il-Ġermanja) - Rechtsanwalt Dr. Dirk Rüffert als Insolvenzverwalter über das Vermögen der Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG vs Land Niedersachsen

(Kawża C-346/06)1

(Artikolu 49 KE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Restrizzjonijiet - Direttiva 96/71/KE - Kollokament ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi - Proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' appalt - Protezzjoni soċjali tal-ħaddiema)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Celle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Rechtsanwalt Dr. Dirk Rüffert als Insolvenzverwalter über das Vermögen der Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG

Konvenut: Land Niedersachsen

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Oberlandesgericht Celle - Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 49 tat-Trattat KE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi lill-impriżi li jipparteċipaw fi proċeduri għall-għoti ta' kuntratt pubbliku ta' appalt li jintrabtu li josservaw, u li jaraw li s-subappaltaturi tagħhom josservaw, id-dispożizzjonijiet dwar il-paga minima li jinsabu fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi

Dispożittiv

Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, interpretata fid-dawl ta' l-Artikolu 49 KE, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprekludi liġi, adottata minn awtorità ta' Stat Membru, li tobbliga lill-awtorità kontraenti tagħżel, bħala appaltaturi ta' kuntratti pubbliċi ta' appalt, dawk l-impriżi biss li meta jagħmlu l-offerti tagħhom jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta' l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi.

____________

1 - ĠU C 294, 02.12.2006