Language of document : ECLI:EU:C:2008:350

Kawża C-319/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kollokament ta’ ħaddiema — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 96/71/KE — Dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku — Mistrieħ fil-ġimgħa — Obbligu ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti dwar kollokament fuq sempliċi talba mill-awtoritajiet nazzjonali — Obbligu li jiġi appuntat mandatarju ad hoc residenti fil-Lussemburgu u li jikkonserva d-dokumenti neċessarji kollha għall-finijiet ta’ kontroll”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi — Direttiva 96/71 — Kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg — Dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, Artikolu 3(10))

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi —– Direttiva 96/71 — Kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg — Dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, Artikolu 3(10))

3.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi —– Direttiva 96/71 — Kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg — Dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, Artikolu 3(10))

4.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi — Direttiva 96/71 — Kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg — Dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku — Dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn ftehim kollettivi ddikjarati ta’ applikazzjoni ġenerali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, Artikolu 3(10))

5.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

(Artikolu 226 KE)

6.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi — Kontrolli mill-Istat Membru ospitanti

(Artikolu 49 KE)

7.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi — Kontrolli mill-Istat Membru ospitanti

(Artikolu 49 KE)

1.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżġuraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jikkollokaw ħaddiema fit-territorji rispettivi tagħhom fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi tranżnazzjonali, għandhom jiġġarantixxu lill-ħaddiema kollokati l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg, fir-rigward tal-oqsma msemmija mill-istess Artikolu, li huma ffissati fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu x-xogħol huwa mwettaq. Sabiex tagħmel dan, din id-dispożizzjoni tipprovdi limitattivament l-oqsma li fihom l-Istati Membri jistgħu jħallu jipprevalu r-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti.

2.        L-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tal-imsemmija Direttiva madankollu jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà, fl-osservanza tat-Trattat KE, li jimponu b’mod non-diskriminatorju, lill-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol dwar kwistjonijiet barra dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sa fejn dawn għandhom x’jaqsmu ma’ dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku.

F’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħala dispożizzjonijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà minn Stat Membru hija intiża għad-dispożizzjonijiet li l-osservazzjoni tagħhom ġiet ikkunsidrata bħala kruċjali għas-salvagwardja tal-organizzazzjoni politika, soċjali u ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat, sal-punt li timponi l-osservanza lil kull persuna li ssib ruħha fit-territorju nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jew għal kull relazzjoni ġuridika lokalizzata fih. B’hekk, l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, li għandha tinftiehem b’mod strett u li l-iskop tagħha ma jistax jiġi ddeterminat unilateralment mill-Istati Membri.

Fil-kuntest tad-Direttiva 96/71, l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tagħha jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju li jgħid li l-kwistjonijiet li fihom l-Istat Membru ospitanti jista’ jimponi l-leġiżlazzjoni tiegħu fuq l-impriżi huma limitatament imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u għandha, b’konsegwenza, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Din id-dispożizzjoni ma teżentax b’mod partikolari lill-Istati Membri milli jirrispettaw l-obbligi imposti fuqhom skont it-Trattat KE, b’mod partikolari, dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

(ara l-punti 25-31, 33)

3.        Jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, Stat Membru li jiddikjara li jikkostitwixxu dispożizzjonijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku, id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/71 li jobbligaw lill-impriżi kkonċernati, minn naħa, li jikkollokaw biss persunal marbut mal-impriżi b’kuntratt tal-impieg bil-miktub jew dokument ieħor ikkunsidrat bħala analogu skont id-Direttiva 91/533 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratti jew għar-relazzjoni tal-impjieg, u min-naħa l-oħra, li josserva l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ impjieg part-time u għal żmien fiss.

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala effett li jissuġġettaw l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti għal obbligu li huma diġà suġġetti għalih fl-Istat Membru li fih huma stabbiliti. Minbarra dan, peress li l-għan tad-Direttiva 96/71 jikkonsisti li jiggarantixxi l-osservanza ta’ nukleu minimu ta’ regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, jagħmel aktar superfluwa l-eżistenza ta’ tali obbligu supplimentari li, fir-rigward tal-proċeduri li huwa jimplika, jista’ jiddiswadi l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jeżerċitaw il-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi.

Madankollu, għalkemm id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettivi ta’ xogħol konklużi mill-imsieħba soċjali, għal kull persuna impjegata, anke jekk fuq bażi temporanja, indipendentement mill-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ min iħaddem, xorta jibqa’ l-fatt li tali possibbiltà hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernati, li jwettqu temporanjament xogħlijiet fl-Istat Membru ospitanti, ma jgawdux diġà mill-istess protezzjoni, jew minn protezzjoni essenzjalment paragunabbli, skont obbligi li għalihom min iħaddimhom ikun diġà suġġett fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

B’mod partikolari, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, inkwantu prinċipju fundamentali tat-Trattat, ma tistax tiġi limitata ħlief peremzz ta’ liġijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u din tapplika għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, sa fejn dan l-interess mhuwiex issalvagwardjat mir-regoli li għalihom min jipprovdi s-servizz huwa suġġett fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit.

(ara l-punti 41-44, 60 u d-dispożittiv)

4.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, Stat Membru li jimponi fuq l-impriżi li jikkollokaw fit-territorju tiegħu, il-kundizzjoni dwar l-adattament awtomatiku tas-salarji li mhumiex is-salarji minimi, maż-żieda fl-għoli tal-ħajja, safejn ma jintweriex b’suffiċjenza ta’ dritt li din il-miżura nazzjonali taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku skont din id-dispożizzjoni tad-direttiva.

5.        Din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 96/71 tiftaħ il-possibbiltà għall-Istat Membru ospitanti li jimponi fuq l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju tiegħu kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw kwistjonijiet li huma differenti minn dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, bil-kundizzjoni li dawn ikunu dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku. B’hekk, din ir-riżerva, prevista fl-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71, tikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema stabbilita minn din id-direttiva kif ukoll deroga għall-prinċipju fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li fuqu hija bbażata din id-direttiva u għandha tiġi interpretata b’mod strett.

B’hekk, għalkemm l-Istati Membri jibqgħu, essenzjalment, liberi li jiddeterminaw, skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti ta ordni pubbliku, madankollu, fil-kuntest Komunitarju u, b’mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni għal deroga għall-prinċipju fundamentali għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod strett, b’tali mod li l-portata tiegħu ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea. Għaldaqstant, l-ordni pubbliku ma jistax jiġi invokat ħlief f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Fil-fatt, ir-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru sabiex jiġġustifika deroga għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom ikunu akkumpanjati minn analiżi tal-opportunità u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll minn elementi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu. B’hekk sabiex jippermetti li jiġi evalwat jekk il-miżuri inkwistjoni humiex neċessarji u proporzjonali fir-rigward tal-għan ta’ salvagwardja tal-ordni pubbliku, Stat Membru għandu jippreżenta elementi li jippermettu li jiġi stabbilit jekk u sa fejn l-applikazzjoni għall-ħaddiema kollokati fit-territorju nazzjonali tiegħu tal-kundizzjoni dwar l-adattament awtomatiku tas-salarji għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja tistax tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan il-għan.

(ara l-punti 49-52, 54-55 u d-dispożittiv)

6.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, Stat Membru li jiddikjara li d-dispożizzjonijiet li jirriżultaw, b’mod partikolari, minn ftehim kollettivi, jikkostitwixxu dispożizzjonijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku.

Tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku skont l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71. L-ewwel nett, xejn ma jiġġustifika li d-dispożizzjonijiet dwar il-ftehim kollettivi ta’ xogħol, jiġifieri dawk li jinkludu l-iżvilupp u l-implementazzjoni jistgħu, per se u mingħajr preċiżazzjoni oħra, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ordni pubbliku. Tali konstatazzjoni tapplika, fit-tieni lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stess tal-ftehim kollettivi li ma jistgħux jaqgħu taħt tali kunċett, fl-intier tagħhom u għas-sempliċi raġuni li joħorġu minn dan it-tip ta’ atti. It-tielet nett, peress li l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71 huwa relatat esklużivament mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti minn ftehim kollettivi ddikjarati bħala universalment applikabbli, leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża espressament għas-sempliċi ftehim kollettivi ta’ xogħol ma tistax tallega li tista’ tikkonkretizza fl-aħħar nett il-permess mogħti lill-Istati Membri skont dan l-Artikolu.

(ara l-punti 64-67 u d-dispożittiv)

7.        L-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif ippreżentata fl-aħħar taż-żmien stabbilit fl-opinjoni motivata u l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punt 72)

8.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 49 KE, Stat Membru li jistabbilixxi f’regolament ta’ dritt intern li jistabbilixxi proċedura ta’ dikjarazzjoni preliminari f’każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-indikazzjonijiet essenzjali indispensabbli għal kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma neqsin miċ-ċarezza meħtieġa sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-impriżi li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

Fil-fatt, l-obbligu għal kull impriża li tagħmel aċċessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali qabel il-bidu ta’ xogħlijiet, fuq sempliċi talba u fl-iqsar żmien possibbli, l-indikazzjonijiet essenzjali indispensabbli għal kontroll mhuwiex nieqes minn ambigwità li tista’ tiddiswadi l-impriżi li jixtiequ jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru milli jeżerċitaw il-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi. Minn naħa peress li l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dawn l-impriżi ma tirriżultax preċiżament minn din ir-regolamentazzjoni, u min-naħa l-oħra l-impriżi li ma josservawx l-obbligi previsti minn din id-dispożizzjoni jbatu sanzjonijiet kunsiderevoli, tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tagħha u minħabba l-ambigwitajiet li għandha, inkompatibbli mal-Artikolu 49 KE.

(ara l-punti 80-82 u d-dispożittiv)

9.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 49 KE, Stat Membru li jobbliga lill-impriżi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom barra mit-territorju nazzjonali u li jikkollokaw ħaddiema fih, li jippreżentaw, qabel il-kollokament, għand mandatarju ad hoc li jirrisjedi fit-territorju nazzjonali, id-dokumenti neċessarji għall-kontroll tal-obbligi tagħhom skont il-liġi nazzjonali, u li jħalluhom għandu matul perijodu indeterminat li jsegwi t-tmiem tal-prestazzjoni.

Peress li tali rekwiżiti jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dawn ma jistgħux jiġu ġġustifikati, minħabba li l-kontroll effettiv tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol tista’ tiġi żgurata permezz ta’ miżuri inqas restrittivi.

(ara l-punti 90-95 u d-dispożittiv)