Language of document : ECLI:EU:C:2008:391

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ppreżentati fl-10 ta’ Lulju 2008 1(1)

Kawża C‑205/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

u

Kawża C‑249/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Renju tal-Isvezja






1.        Il-kawżi preżenti jirrigwardaw ftehim dwar l-investiment li daħlu fihom jew l-Awstrija jew l-Isvezja, fuq naħa waħda, u diversi pajjiżi terzi, fuq in-naħa l-oħra, li permezz tagħhom l-investituri huma garantiti t-trasferiment ta’ kapital konness mal-investimenti tagħhom.

2.        Kull wieħed minn dawn il-ftehim bilaterali dwar l-investiment seħħ qabel l-adeżjoni tal-Awstrija u tal-Isvezja u huma għalhekk irregolati mill-Artikolu 307 KE. Taħt dan l-artikolu, l-Awstrija jew l-Isvezja huma obbligati li jieħdu l-passi kollha xierqa sabiex jeliminaw kwalunkwe inkompatibbiltà mat-Trattat li jista’ jkun hemm f’dawn il-ftehim. Il-Kummissjoni qedha ssostni li l-Awstrija u l-Isvezja naqsu minn dak l-obbligu minħabba li l-ftehim tagħhom ma jipprovdux għar-restrizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital għal jew minn pajjiżi terzi kif previst fl-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE, u li ma għamlu xejn sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.

3.        L-Awstrija u l-Isvezja għalhekk ‘qegħdin jiġu akkużati’ li pproteġew il-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi b’mod wisq żelanti. Madankollu, il-kwistjoni prinċipali f’dawn il-każijiet mhijiex dan il-paradoss evidenti. Minkejja li l-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE jippermettu restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital, il-Komunità għad trid tintroduċi dawn ir-restrizzjonijiet fir-rigward ta’ pajjiżi terzi involuti. Sa liema punt jistgħu l-Awstrija u l-Isvezja jinstabu responsabbli li ma neħħewx inkompatibbiltà li, apparentement, għadha ma seħħitx?

I –    Il-kuntest fattwali u legali

4.        L-Awstrija kkonkludiet diversi ftehim bilaterali dwar l-investiment ma’ pajjiżi terzi qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea (2). Dawn il-ftehim fihom l-hekk imsejħa ‘klawżola tat-trasferiment’, li tiggarantixxi lill-investituri ta’ kull parti t-trasferiment liberu, mingħajr dewmien żejjed, ta’ kapital konness mal-investiment tagħhom.

5.        Qabel l-adeżjoni tagħha, l-Isvezja wkoll ikkonkludiet numru ta’ ftehim bilaterali ma’ pajjiżi terzi, li fihom klawżola tat-trasferiment (3). Fil-ftehim tal-Isvezja, dik il-klawżola tawtorizza t-trasferiment ta’ diversi tipi ta’ kapital relatat mal-investiment, jiġifieri profitti, somom illikwidati, ir-rimbors ta’ self, u l-ħlas ta’ spejjeż. F’ċerti ftehim huwa indikat li t-trasferiment għandu jsir skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli.

6.        Il-ftehim dwar l-investiment bdew iżidu fl-importanza fis-snin 90, u anki wasslu għal negozjati għal strument multilaterali taħt il-kappa tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku li eventwalment fallew. Minflok, żviluppa netwerk ta’ ftehim bilaterali, li llum ilaħħaq mal-eluf. L-Awstrija u l-Isvezja argumentaw, mingħajr ma ġew kontradetti mill-Kummissjoni, li l-klawżoli tat-trasferiment fil-ftehim tagħhom huma klawżoli standard, u fil-fatt ċentrali, għal dak it-tip ta’ ftehim.

7.        It-Trattat ipoġġi l-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi fuq l-istess bażi bħal dak bejn l-Istati Membri. L-Artikolu 56 KE jipprojbixxi kwalunkwe restrizzjonijiet fuq dawn, kif ukoll restrizzjonijiet fuq ħlas bejn Stati Membri u lejn u minn pajjiżi terzi. Madankollu, it-Trattat jippermetti li jiġu imposti ċerti restrizzjonijiet minn Stati Membri (partikolarment fl-Artikolu 58 KE, li jelenka diversi ġustifikazzjonijiet) u, iżjed importanti għall-każijiet preżenti, mill-Komunità nfisha.

8.        L-Artikolu 57(2) KE jippermetti li l-Komunità tirregola l-moviment tal-kapital minn u lejn pajjiżi terzi, inklużi l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet:

“Filwaqt li jaħdem biex jikseb il-mira ta’ moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, sa fejn huwa l-aktar possibbli u mingħajr ħsara għall-Kapitoli l-oħra ta’ dan it-Trattat, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta miżuri dwar il-moviment ta’ kapital lejn u minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett - li jinkludi investiment f’beni immobbli - l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq kapitali. L-unanimità għandha tkun meħtieġa għal miżuri taħt dan il-paragrafu li jikkostitwixxu pass lura fil-liġi komunitarja fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-moviment ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi”.

9.        Il-Komunità tista’ anki tagħżel li toħloq miżuri ta’ protezzjoni li jindirizzaw diffikultajiet mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, kif speċifikat fl-Artikolu 59 KE:

“Fejn, f’każijiet eċċezzjonali, il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi joħolqu, jew jheddu li joħolqu diffikultajiet serji għat-tħaddim ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-BĊE, jista’ jieħu miżuri ta’ salvagwardja rigward il-pajjiżi terzi għal żmien ta’ mhux aktar minn sitt xhur, jekk dawk il-miżuri jkunu strettament meħtieġa.”

10.      Fl-aħħar nett, taħt l-Artikolu 60(1) KE, il-Komunità tista’ tirrestrinġi relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiżi terzi, inklużi l-moviment tal-kapital, fuq il-bażi ta’ azzjoni konġunta relatata mal-politika barranija u s-sigurtà komuni:

“Jekk, fil-każijiet kontemplati fl-Artikolu 301, azzjoni mill-Komunità tiġi kkunsidrata meħtieġa, il-Kunsill jista’ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 301, jieħu l-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi in kwistjoni.”

L-Artikolu 301 KE, li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni, jgħid:

“Meta jkun hemm, f’posizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata skond il-provvedimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il-politika komuni barranija u ta’ sigurtà, provvedimenti għal xi azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri urġenti neċessarji. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.”

11.      Minkejja l-possibbiltajiet imsemmija hawn fuq, il-Komunità għad trid tintroduċi restrizzjonijiet li jaffettwaw il-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi li huma parti minn ftehim mal-Awstrija u mal-Isvezja. B’mod partikolari, il-Komunità għadha m’għamlitx użu mill-Artikolu 57(2) biex tirregola s-suġġett ikkonċernat; għad ma kienx hemm bżonn li jiġu introdotti l-miżuri ta’ protezzjoni provduti fl-Artikolu 59 KE; u waqt li l-Kunsill diġà għamel użu tal-Artikolu 60(1) KE, dan ma kienx immirat b’mod sinjifikanti lejn wieħed minn dawn il-pajjiżi terzi (4).

12.      L-Artikolu 307 KE japplika kieku kellu jqum kunflitt bejn il-ftehim konkluż mill-Awstrija u l-Isvezja u t-Trattat. Skont dak l-Artikolu, il-ftehim jibqa’ fis-seħħ iżda l-Awstrija u l-Isvezja huma obbligati li jieħdu l-passi kollha xierqa biex jeliminaw l-inkompatibbiltà:

“Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat.

Sakemm tali ftehim ma jkunux kompatibbli ma’ dan it-Trattat, l-Istat jew Stati Membru/i kkonċernati għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jeliminaw l-inkompatabilitajiet stabbiliti. L-Istati Membri għandhom, fejn hu meħtieġ, jassistu lil xulxin għal dan l-għan u għandhom, fejn xieraq, jadottaw attitudni komuni.

Meta jiġi applikat l-ftehim msemmi fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-fatt li l-vantaġġi mogħtija taħt dan it-Trattat minn kull Stat Membru jifformaw parti integrali tat-twaqqif tal-Komunità u huma għalhekk b’mod inseparabbli konnessi mal-ħolqien ta’ istituzzjonijiet komuni, ma’ l-għoti tal-poteri lilhom u l-għoti ta’ l-istess vantaġġi lill-Istati Membri l-oħra.”

II – Il-proċedura prekontenzjuża

13.      Fit-12 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 226 KE, bagħtet ittri lill-Awstrija u lill-Isvezja li fihom esprimiet l-opinjoni li l-ftehim bilaterali tagħhom ma’ pajjiżi terzi kienu inkompatibbli mal-introduzzjoni mill-Komunità tar-restrizzjonijiet ipprovduti fl-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE. Hija staqsiet lill-Awstrija u lill-Isvezja jekk ħadux xi miżuri biex jeliminaw l-inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 307 KE li kienet identifikat.

14.      Fir-risposti tagħhom tal-14 u tat-12 ta’ Lulju 2004 rispettivament, l-Awstrija u l-Isvezja ċaħdu l-eżistenza ta’ din l-inkompatibbiltà. Dan wassal sabiex il-Kummissjoni toħroġ żewġ opinjonijiet motivati fil-21 ta’ Marzu 2005, u tagħti xahrejn żmien lill-Awstrija u lill-Isvezja biex jikkonformaw ruħhom mal-obbligu tagħhom taħt l-Artikolu 307 KE u jeliminaw l-inkompatibbiltà allegata.

15.      Fir-risposta għall-opinjonijiet motivati, l-Awstrija u l-Isvezja komplew jiċħdu l-eżistenza ta’ xi inkompatibbiltà u l-Awstrija żiedet tgħid li, fil-kors tar-reviżjoni tal-mudell tal-ftehim bilaterali dwar l-investiment, ġiet adottata klawżola msejħa “organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomiċi reġjonali” li tipprevjeni kunflitti mal-obbligi tat-Trattat.

16.      Fid-dawl ta’ dawn ir-risposti, il-Kummissjoni fetħet dawn il-kawżi taħt l-Artikolu 226 KE. Il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija u l-Litwanja talbu sabiex jintervjenu insostenn tal-Awstrija u tal-Isvezja.

III – Evalwazzjoni

17.      L-argument ewlieni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrigwarda l-eżistenza ta’ inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 307. Is-soluzzjoni għal dan l-argument kienet tkun simplifikata ħafna kieku l-Komunità kellha tintroduċi restrizzjonijiet dwar il-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi li huma partijiet fil-ftehim mal-Awstrija u mal-Isvezja. Madankollu, il-Komunità għad trid tagħmel hekk. Il-kwistjoni hija l-limitu tal-obbligi tal-Awstrija u tal-Isvezja fil-frattemp. Sakemm il-Komunità tintroduċi dawn ir-restrizzjonijiet, l-Istati Membri jsostnu li kwalunkwe inkompatibbiltà tkun biss ‘ipotetika’. Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, issostni li din l-inkompatibbiltà hija fi kwalunkwe każ biżżejjed sabiex twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 307 KE u tobbliga lill-Awstrija u lill-Isvezja jemendaw dan il-ftehim.

18.      Il-kunċett ta’ inkompatibbiltà fl-Artikolu 307 KE huwa loġikament kompost minn żewġ elementi inkompatibbli: l-obbligu tat-Trattat u obbligu li jirriżulta minn ftehim konkluż ma’ pajjiż terz (5).

19.      Għaldaqstant l-ewwel ser nanalizza jekk xi wieħed mill-argumenti tal-Kummissjoni huwiex biżżejjed sabiex jipprova obbligu derivanti mit-Trattat (A). Wara ser nimxi fuq l-argumenti tal-Istati Membri li, fi kwalunkwe każ, il-ftehim dwar l-investiment ma jistax iwassal għal obbligu internazzjonali inkompatibbli (B). Finalment, jekk il-kombinazzjoni flimkien ta’ dawn l-elementi tirriżulta f’inkompatibbiltà, ser nevalwa jekk l-Awstrija u l-Isvezja indirizzawhiex b’mod xieraq, u l-limitu tal-obbligu tagħhom li jagħmlu hekk (Ċ).

20.      Matul dawn il-konklużjonijiet ser joħroġ evidenti li l-obbligi tal-Istati Membri dwar l-azzjoni li potenzjalment tittieħed mill-Komunità għandhom karattru partikolari ħafna. B’parafrażi ta’ Saint-Exupéry, l-obbligu tagħhom mhuwiex li jbassru l-futur, iżda li jippermettuh (6).

A –    L-obbligu taħt it-Trattat

21.      Il-Kummissjoni ssuġġeriet tliet sorsi ta’ obbligu taħt it-Trattat li jwasslu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 307 KE: (i) il-leġiżlazzjoni sekondarja prevista fl-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE; (ii) l-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE infushom; u (iii) id-dmir ta’ kooperazzjoni leali (7). Dawn ser nanalizzahom wieħed wieħed.

22.      Ser nitratta wkoll (iv) il-paradoss evidenti li joħroġ f’dawn il-każijiet, fejn l-Artikolu 307 KE qed jiġi invokat biex jiġu kkontestati ftehim li jestendu l-obbligi eżistenti taħt l-Artikolu 56 KE biex jiġi stabbilit il-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi.

i)      Leġiżlazzjoni sekondarja prevista fl-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE

23.      Kemm il-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja jistgħu jwasslu għal obbligu taħt it-Trattat għall-iskopijiet tal-Artikolu 307 KE. Iżda jista’ dan l-obbligu jirriżulta minn leġiżlazzjoni, bħal dik prevista mill-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE, li għadha ma daħlitx fis-seħħ?

24.      It-tweġiba hija ovvjament le. L-inkompatibbiltà li magħha għandu x’jaqsam l-Artikolu 307 KE għandu jkun ir-riżultat ta’ żewġ obbligi inkompatibbli. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni – primarja jew sekondarja – m’hemm ebda obbligu, u għalhekk ebda inkompatibbiltà (8).

ii)    L-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE

25.      B’kuntrast mal-leġiżlazzjoni sekondarja li hija awtorizzata minnhom, l-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE ma jeħtiġux huma stess li azzjoni mill-Komunità tkun torbot legalment. Huma diġà obbligatorji fir-rigward tal-proċess leġiżlattiv; il-kwistjoni hija jekk jimponux ukoll obbligu fuq l-Istati Membri.

26.      It-test tal-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE ma jindikax li dan huwa l-każ. L-artikoli sempliċement jagħtu l-poter lill-Komunità li taġixxi. Jekk ikunu ser iwasslu għal inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 307 KE, dik l-awtorizzazzjoni trid timplika obbligu fuq l-Istati Membri. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jinferixxi dan l-obbligu mill-artikoli nfushom (9).

27.      Għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjarat il-Kummissjoni, dan l-obbligu qatt ma jista’ jkun jikkonsisti f’li jiġu emendati l-ftehim minħabba li dawn jistgħu jkunu inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni li hija kompetenti li tadotta l-Komunità. L-obbligu li jiġu emendati l-ftehim jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 307 KE. Iżda biex l-Artikolu 307 KE ikollu effett, huwa xorta waħda meħtieġ li jinstab obbligu fuq l-Istati Membri f’ċirkustanzi fejn hemm biss poter għall-Komunità li taġixxi.

28.      Hemm każ wieħed fejn l-awtorizzazzjoni twassal għal obbligu: meta l-Komunità jkollha kompetenza esklużiva. F’dik is-sitwazzjoni, l-Istati Membri huma obbligati li joqgħodu lura milli jgħaddu leġiżlazzjoni. Madankollu, din mhijiex is-sitwazzjoni f’dan il-każ. Sakemm taġixxi l-Komunità, l-Istati Membri huma ħielsa li jirregolaw il-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi (10). Fi kliem ieħor, il-kompetenza tinqasam.

29.      Kif indikaw uħud mill-Istati Membri li intervjenew, kieku kellu jiġi impost obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jieqfu milli jilleġiżlaw, sew bi strumenti nazzjonali jew internazzjonali, sabiex jipprevjenu xi kunflitt potenzjali ma’ leġiżlazzjoni futura tal-Komunità, dan ibiddel il-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi f’qasam ta’ kompetenza esklużiva. Fil-fatt, kieku kull qasam ta’ kompetenza komuni jispiċċa bl-istess mod.

30.      It-tweġiba tal-Kummissjoni hija li l-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE għandhom kontenut tant speċifiku li l-obbligi tal-Istati Membri jiġu limitati, b’kuntrast ma’ oqsma oħra ta’ kompetenza komuni. Il-Kummissjoni għalhekk tidher li taċċetta li l-kompetenza ssir esklużiva, iżda b’mod limitat. Minkejja dan, jien ma narahiex bħala raġuni għala wieħed għandu jitlaq mill-prinċipji tal-kompetenza komuni u jwaqqaf l-Istati Membri milli jgħaddu leġiżlazzjoni fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Komunità. Anzi, ninsab konvint li r-risposta għad-domanda dwar jekk l-Istati Membri għandhomx obbligi mhijiex dipendenti fuq l-ambitu tal-kompetenza, iżda għandha tkun applikabbli għall-oqsma kollha ta’ kompetenza komuni.

31.      Kif ser joħroġ iżjed ċar fil-parti (iii) hawn taħt, għandi xi tħassib dwar l-effetti li l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenza komuni tagħhom permezz ta’ ftehim internazzjonali jista’ jkollhom fuq il-libertà u l-effikaċja tal-kompetenza tal-Komunità nfisha. Minkejja dan, ma nemminx li l-mod ġust kif tiġi indirizzata din il-problema jinsab fit-trasformazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni f’kompetenzi maħsuba li jkunu esklużivament limitati.

32.      Għal din ir-raġuni, jidhirli li l-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE sempliċement jawtorizzaw lill-Komunità li taġixxi u ma jimponux obbligu fuq l-Istati Membri. Huma ma jistgħux iwasslu, waħedhom, għal inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 307 KE.

iii) Id-dmir ta’ kooperazzjoni leali

33.      L-obbligu taħt l-Artikolu 307 KE huwa espressjoni tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali fformulat fl-Artikolu 10 KE (11). Huwa dan id-dmir li jispjega għalfejn l-Istati Membri huma obbligati li jemendaw il-ftehim li huwa inkompatibbli mat-Trattat, avolja dan il-ftehim huwa rikonoxxut bħala totalment validu.

34.      Madankollu, id-dmir ta’ kooperazzjoni leali jwassal ukoll għal ħafna obbligi oħra, li jistgħu, huma stess, jintużaw sabiex jiġi implementat l-Artikolu 307 KE (kif inhu l-każ ta’ kull obbligu tat-Trattat). Huwa fin-natura stess tad-dmir tal-kooperazzjoni leali li dan ma jistax jiġi applikat waħdu iżda jirrikjedi li normi oħra tal-Komunità jkollhom effett. F’dan il-kuntest, l-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE jistgħu għal darb’oħra jsiru rilevanti. Huma jippermettu l-formulazzjoni tad-domanda f’termini ġenerali: id-dmir ta’ kooperazzjoni leali jpoġġi obbligu fuq l-Istati Membri fil-qasam li fihom jaqsmu l-kompetenza mal-Komunità?

35.      Hawnhekk nipproponi li ssir analiżi parallela ma’ qasam ieħor li fih ġie applikat id-dmir tal-kooperazzjoni leali, jiġifieri l-obbligi tal-Istati Membri waqt it-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttivi.

36.      Għandu jiġi mfakkar li, qabel jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri ma jkunu taħt l-ebda obbligu li jindirizzaw il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma’ dik id-direttiva (12). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li anki fin-nuqqas ta’ dan l-obbligu, l-Istati Membri m’humiex totalment liberi. Taħt id-dmir tal-kooperazzjoni leali, huma obbligati li ma jiħdux “miżuri li jistgħu jikkompromettu serjament ir-riżultat previst minn din id-direttiva” (13). Dan ma jfissirx li l-kunflitti kollha huma projbiti, iżda dawk biss li jistgħu jipperikolaw l-għan tad-direttiva. (14)

37.      It-traspożizzjoni tad-direttivi hija simili għal kompetenzi komuni fis-sens li kunflitt mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jista’ jseħħ biss wara ċertu żmien, rispettivament l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni u l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità. Id-differenza hija li terminu ta’ traspożizzjoni għandha data ċerta, filwaqt li l-kompetenza tal-Komunità tista’ ma tiġi eżerċitata qatt. Dan huwa biżżejjed biex jiggarantixxi differenza fit-trattament taħt id-dmir tal-kooperazzjoni leali?

38.      Jien minix ta’ din il-fehma. Taħt id-dmir tal-kooperazzjoni leali, mhux permissibbli li Stat Membru jimpedixxi xi forma ta’ azzjoni tal-Komunità. L-Artikolu 10 KE ma jagħmel ebda distinzjoni. Huwa jipprovdi li l-Istati Membri “m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanjiet ta’ dan it-Trattat”. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja sa llum iddeċidiet li l-Artikolu 10 KE huwa applikabbli għat-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttivi, iżda mhux għall-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija taħt it-Trattat, hija purament kumbinazzjoni.

39.      Il-fatt li l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità jibqa’ biss possibbiltà ma jistax jibdel din il-konklużjoni. L-Istati Membri ma jistgħux jipperikolaw ir-realizzazzjoni ta’ għan Komunitarju, anki jekk huwa għan potenzjali. Huwa irrilevanti li l-insegwiment ta’ dan l-għan jirrikjedi ċerti azzjonijiet konkreti (hawnhekk, l-eżerċizzju effettiv tal-kompetenza); l-obbligu li jiġu rispettati l-għanijiet jeżisti u huwa obbligatorju fuq l-Istati Membri (15).

40.      Nixtieq ngħamilha ċara, madankollu, li l-problema mhijiex dwar il-possibbiltà ta’ xi kunflitt fil-futur mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità u mal-għanijiet tagħha. Kieku kellha tiġi eliminata kull possibbiltà ma jkunx hemm iżjed kompetenza komuni, iżda waħda esklużiva. Il-problema tqum biss meta l-miżuri nazzjonali jew l-obbligi internazzjonali fuq l-Istat Membru jkunu jistgħu jipperikolaw l-effett utli tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità possibbli fil-futur u, biex isir dan, tiġi de facto ristretta l-libertà li t-Trattat jagħti lill-Komunità biex taġixxi f’dawk l-oqsma. Dan jiddependi kemm min-natura tal-miżuri nazzjonali jew tal-obbligi internazzjonali, kif ukoll mill-kompetenzi tal-Komunità affettwati, pereżempju l-urġenza tal-miżuri li għandhom jiġu adottati taħt dawn il-kompetenzi.

41.      Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-ftehim protett taħt l-Artikolu 307 KE. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, permezz tal-prinċipju tal-effett dirett u s-supremazija, ser tiġi awtomatikament imwarrba b’leġiżlazzjoni tal-Komunità fil-futur, l-istess ma jistax iseħħ b’dan it-tip ta’ ftehim. B’konsegwenza ta’ dan, l-eżistenza ta’ dan it-tip ta’ ftehim tista’ tikkomprometti l-effett utli tal-leġiżlazzjoni li l-Komunità għandha kompetenza li tadotta.

42.      Jien għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta l-formulazzjoni diġà użata dwar it-traspożizzjoni ta’ direttivi u tordna li l-Istati Membri jiġu obbligati li joqgħodu lura milli jadottaw kwalunkwe miżura li tista’ serjament tikkomprometti l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu l-passi kollha xierqa sabiex jipprevjenu li l-obbligi internazzjonali tagħhom eżistenti minn qabel ma jkunux ta’ periklu għall-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità (16).

43.      L-obbligu taħt it-Trattat jista’, imbagħad, iservi bħala l-bażi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 307 KE. Għaldaqstant, biex teżisti inkompatibbiltà taħt dak l-artikolu fil-każijiet preżenti, l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità prevista fl-Artikoli 57(2), 59, jew 60(1) KE jrid ikun serjament fil-periklu li jiġi kompromess mill-ftehim li daħlu fihom l-Awstrija u l-Isvezja.

iv)    Dwar jekk hemmx kunflitt mal-Artikolu 56 KE

44.      Jien issuġġerejt li d-dmir tal-kooperazzjoni leali jobbliga lill-Istati Membri li ma jikkompromettux l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità. Madankollu, dan japplika meta, bħal m’hemm fl-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE, il-kompetenza tkun waħda li tippermetti li jitpoġġew restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment?

45.      Kif ġie nnotat minn xi Stati Membri, dan jista’ jidher li jikkontradixxi l-obbligu taħt l-Artikolu 56 KE li ma jiġux introdotti restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi. Jista’ jidher li restrizzjonijiet possibbli fil-futur kienu qed jingħataw prijorità fuq l-obbligu preżenti li titħalla l-libertà tal-moviment.

46.      Kull tħassib ta’ din ix-xorta huwa żbaljat, sempliċement għax ma hemm l-ebda kunflitt. L-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-libertà tal-moviment japplika irrispettivament mid-dmir tagħhom li ma jikkompromettux azzjoni fil-futur mill-Komunità. Jekk dan id-dmir jinvolvi t-twarrib ta’ regola nazzjonali li tiggarantixxi l-libertà tal-moviment – jew, kif inhu fil-każijiet preżenti, l-emenda ta’ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 307 KE – dan huwa r-riżultat li l-Komunità ġiet mogħtija l-poter, f’ċirkustanzi limitati, li tintroduċi restrizzjonijiet fuq il-moviment ħieles tal-kapital. Id-dmir li ma jiġix kompromess l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità m’għandux jiġi konfuż mal-obbligi u mad-drittijiet assoċjati mal-azzjonijiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

B –    L-obbligu taħt ftehim ma’ pajjiż terz

47.      Meta jiġi stabbilit obbligu taħt it-Trattat, sabiex tqum inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 307 KE irid barra dan ikun hemm obbligu konfliġġenti taħt ftehim ma’ pajjiż terz.

48.      Jien għalhekk (i) ser neżamina dan it-tip ta’ ftehim konkluż mill-Awstrija u mill-Isvezja għal obbligu internazzjonali konfliġġenti ta’ dan it-tip. Imbagħad (ii) ser nindirizza l-argumenti tal-Istati Membri li l-inkompatibbiltà tista’ tiġi evitata mingħajr ma wieħed jirrikorri għall-Artikolu 307 KE.

i)      Obbligi internazzjonali li jistgħu serjament jikkompromettu l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Artikolu 307 KE japplika għal kull ftehim internazzjonali “li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (17). Dan jistabbilixxi l-livell ta’ investigazzjoni li trid issir. Għall-kuntrarju ta’ dak li argumentat l-Isvezja, mhuwiex neċessarju li tiġi ddeterminata t-tifsir preċiża ta’ ftehim ibbażat fuq iċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu; huwa biżżejjed li, bbażat fuq il-kliem tiegħu, il-ftehim “jista’” jkun inkompatibbli mat-Trattat.

50.      Il-klawżoli tat-trasferiment ta’ dan it-tip ta’ ftehim li daħlu fih l-Awstrija u l-Isvezja ġew deskritti hawn fuq. Il-partijiet kollha jaqblu dwar il-kontenut tagħhom: li jiggarantixxi l-moviment liberu tal-kapital konness mal-investimenti. Kieku l-Komunità kellha tintroduċi restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu taħt l-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE, ikun possibbli ħafna li l-ftehim ikunu inkompatibbli ma’ din il-leġiżlazzjoni (18). Madankollu, kif diġà ntqal diversi drabi sa issa, dik l-inkompatibbiltà potenzjali ma tikkonċernax il-każijiet preżenti. Ikun hemm inkompatibbiltà biss jekk il-ftehim jista’ serjament jikkomprometti l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità.

51.      Nemmen li teżisti din l-inkompatibbiltà. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità jista’ jservi għanijiet differenti taħt l-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE, iżda komuni għalihom kollha huwa l-fatt li dawn jistgħu jitqiegħedu fil-perikolu jekk l-Awstrija u l-Isvezja jitħallew iżommu obbligi internazzjonali li jikkompromettu l-effett utli tal-leġiżlazzjoni li l-Komunità tista’ tadotta taħt dawn l-artikoli.

52.      F’ċertu sitwazzjonijiet, l-azzjoni tal-Komunità kjarament titlef l-effett utli tagħha. L-Artikolu 59 KE, pereżempju, jippermetti li jiġu adottati miżuri għal perijodu ta’ mhux iżjed minn sitt xhur. Huwa diffiċli li jiġi previst kif dawn il-miżuri jistgħu jiġu adottati u imposti fil-ħin fuq il-pajjiżi li huma parti mill-ftehim mal-Awstrija u mal-Isvezja. L-istess japplika fil-każ tal-Artikolu 60(1) KE. In-natura urġenti (u immedjatament eżegwibbli) tas-sanzjonijiet adottati taħt dan l-artikolu hija inkompatibbli mal-manteniment tal-obbligi internazzjonali tal-Awstrija u tal-Isvezja li kienu eżistenti minn qabel. F’dawk il-każijiet, jekk wieħed ikollu joqgħod jistenna li eventwalment iqum xi kunflitt bejn il-leġiżlazzjoni tal-Komunità u l-obbligi internazzjonali qabel ma jittieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex tiġi eliminata din l-inkompatibbiltà, dan iċaħħad il-leġiżlazzjoni tal-Komunità mill-effett utli tagħha. Dan jammonta għal restrizzjoni fuq il-poter li t-Trattat jagħti lill-Komunità.

53.      F’sitwazzjonijiet oħra, it-telfien tal-effett utli huwa inqas ċar, pereżempju bir-regolarizzazzjoni fil-futur tal-moviment liberu tal-kapital taħt l-Artikolu 57(2) KE, jew it-tnaqqis fir-relazzjonijiet ekonomiċi taħt l-Artikolu 60(1) KE għal raġunijiet oħra differenti minn sanzjonijiet. Barra minn dan, jibqa’ l-fatt li l-ftehim konkluż mill-Awstrija u mill-Isvezja jista’ jipprevjeni l-applikazzjoni immedjata tar-restrizzjonijiet, u din l-applikazzjoni tista’ tkun essenzjali għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Il-poter mogħti lill-Komunità taħt l-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE ma għandux jiġi limitat mill-fakultà tal-Awstrija u tal-Isvezja li jżommu fis-seħħ obbligi internazzjonali li jistgħu, ex ante, iċaħħdu l-leġiżlazzjoni tal-Komunità mill-effett utli tagħha.

54.      Għalhekk nikkonkludi li hemm inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 307 KE bejn il-klawżoli tat-trasferiment fil-ftehim konklużi mill-Awstrija u mill-Isvezja u l-obbligu tat-Trattat li ma jiġix kompromess l-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE.

ii)    Biex tiġi evitata inkompatibbiltà taħt Artikolu 307 KE

55.      L-Awstrija u l-Isvezja, appoġġjati mill-Istati Membri kollha li intervjenew, argumentaw li hemm diversi metodi kif tista’ tiġi evitata inkompatibbiltà mal-Artikolu 307 KE li tkun tirriżulta mill-ftehim tagħhom. Dawn il-metodi kollha jinvolvu r-rinuzja għall-applikazzjoni tal-ftehim, jew permezz ta’ strumenti interpretattivi, jew billi jsir rikors għal-liġi internazzjonali, jew sempliċement billi ma jiġix applikat il-ftehim.

56.      Bħala prinċipju, ma naħsibx li dawk l-argumenti għandhom jiġu aċċettati. Meta ftehim ikun jista’, minħabba l-kliem tiegħu, ifixkel l-applikazzjoni tat-Trattat, l-Artikolu 307 KE diġà jipprovdi rimedju xieraq: l-Istati Membri jridu jieħdu l-passi kollha xierqa biex tiġi eliminata l-inkompatibbiltà, li ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jiġi emendat, jew jekk meħtieġ, jiġi tterminat il-ftehim (19).

57.      Jekk l-Istati Membri kienu korretti meta qalu li kwalunkwe inkompatibbiltà tista’ tiġi riżolta sempliċement bl-interpretazzjoni tal-ftehim skont il-liġi tal-Komunità, billi jiġu applikati ċertu prinċipji tal-liġi internazzjonali – notevolment rebus sic stantibus – jew billi l-ftehim ma jiġix applikat, dan jgħodd għal kull każ u l-obbligu impost bl-Artikolu 307 KE fuq l-Istati Membri li jieħdu l-passi kollha xierqa biex tiġi eliminata din l-inkompatibbiltà ma jkun iservi l-ebda skop.

58.      F’kull każ, la r-rikors għall-interpretazzjoni propost mill-Awstrija u mill-Isvezja u lanqas l-applikazzjoni tal-liġi internazzjonali ma tista’ tirranġa l-inkompatibbiltà ta’ dawn il-ftehim. Għalkemm fl-opinjoni tiegħi dan il-punt mhuwiex rilevanti għall-obbligu tal-Awstrija u tal-Isvezja taħt l-Artikolu 307 KE, xorta waħda ser nanalizza fil-qosor hawn taħt il-klawżoli tat-trasferiment.

59.      L-Awstrija allegat li l-espressjoni “mingħajr dewmien żejjed” fil-klawżoli tat-trasferiment kienet ser tippermettilha li ddewwem it-trasferiment, biex b’hekk tagħti effett lill-miżuri temporanji provduti fl-Artikolu 59 KE. Madankollu, dan ma japplikax għall-Artikoli 57(2) u 60(1) KE, u anki għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 59 KE, huwa dubjuż jekk l-espressjoni tistax tiġi interpretata f’dak is-sens.

60.      L-Isvezja targumenta li, minħabba klawżola f’uħud mill-ftehim tagħha li tistipula li t-trasferimenti għandhom isiru skont il-leġiżlazzjoni tagħha, il-ftehim qatt ma jista’ jkun kuntrarju għal-liġi tal-Komunità. Din il-klawżola mhijiex preżenti fil-ftehim kollha tal-Isvezja. Barra minn hekk, jekk din tirreferix għal-liġi tal-Komunità jew le huwa dibattibbli.

61.      Fl-aħħar nett, kemm l-Awstrija kif ukoll l-Isvezja jargumentaw li clausula rebus sic stantibus tapplika għall-ftehim kollha tagħhom. Dan il-prinċipju huwa kodifikat fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna u huwa ġeneralment meqjus bħala prinċipju tad-dritt internazzjonali (20). L-Awstrija u l-Isvezja jsostnu li l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Komunità taħt l-Artikoli 59 u 60(1) KE għandu jkun eċċezzjonali. B’konsegwenza, il-ftehim tagħhom huma affettwati minn dak il-prinċipju u ma humiex applikabbli kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja. Madankollu, il-prinċipju ta’ rebus sic stantibus jiġi applikat f’ċirkustanzi limitati ħafna; jekk jistax jiġi applikat għall-każijiet preżenti hija kwistjoni kontroversjali.

62.      Dawn l-argumenti kollha għandhom jiġu miċħuda. L-Artikolu 307 KE ma jistax jiddependi fuq l-interpretazzjoni definittiva ta’ klawżoli fi ftehim jew l-applikazzjoni ta’ punt kontroversjali tad-dritt internazzjonali bħal rebus sic stantibus. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat dan billi qalet li l-possibbiltà biss li ftehim jkun inkompatibbli huwa biżżejjed għall-applikazzjoni tal-Artikolu 307 KE (21).

Ċ –    Passi li ttieħdu biex tiġi eliminata l-inkompatibbiltà

63.      Fejn teżisti inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 307 KE, l-Istati Membri huma taħt obbligu li jieħdu l-passi kollha xierqa biex jeliminawha.

64.      L-Isvezja ħasbet li l-aġir tagħha kien legali u għaldaqstant irrifjutat li tieħu passi fiż-żmien speċifikat fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Għalhekk l-Isvezja naqset mill-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 307 KE.

65.      L-Awstrija adottat pożizzjoni simili, iżda għall-kuntrarju ta’ dak li għamlet l-Isvezja, qalet li qed taħdem fuq klawżola għal “organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomiċi reġjonali” (“OIER”) għall-mudell tal-ftehim tagħha dwar l-investiment. Din il-klawżola tipprevjeni li ftehim jiġi mwettaq jekk ikun f’kunflitt ma’ obbligu tal-Komunità. Madankollu, dan japplika biss għal ftehim fil-futur. Dwar il-ftehim li jifforma l-mertu tal-każ preżenti, l-Awstrija semmiet biss li t-taħdidiet maċ-Ċina kienu skedati għall-‘futur qarib’, u li n-negozjati mill-ġdid dwar il-ftehim mar-Russja kienu nbdew iżda ġew sospiżi sakemm jitlesta x-xogħol fuq il-klawżola tal-OIER.

66.      L-uniku pass li l-Awstrija effettivament ħadet fiż-żmien stipulat fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni kien li jinfetħu n-negozjati dwar ftehim wieħed. Hija tassumi r-responsabbiltà li sussegwentement issospendiet dawk in-negozjati. Għaldaqstant, inqis li l-Awstrija wkoll naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 307 KE.

67.      Minkejja li ma ħadux azzjoni sinjifikanti sabiex tiġi eliminata l-inkompatibbiltà, l-Awstrija u l-Isvezja jargumentaw li l-obbligi taħt l-Artikolu 307 KE ma għandux ikollu l-effett li jeħtieġ mingħandhom li jitterminaw il-ftehim tagħhom. F’dan ir-rigward, xi Stati Membri argumentaw li l-interessi tal-investituri tagħhom barra l-pajjiż għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi ddeterminat il-limitu tal-obbligu li tiġi eliminata inkompatibbiltà taħt l-Artikolu 307 KE.

68.      L-Artikolu 307 KE jitlob li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha xierqa sabiex tiġi eliminata l-inkompatibbiltà. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkjarifikat xi jfissru dawn il-passi, jiġifieri l-emenda u, jekk meħtieġ, it-terminazzjoni tal-ftehim (22). L-Istati Membri huma marbuta mir-riżultat mixtieq, u limitati biss bil-legalità tal-mezzi.

69.      F’dan il-kuntest, huma żgur jistgħu jikkunsidraw l-interessi tal-investituri tagħhom. Madankollu, dawk l-interessi ma jistgħu qatt jeħilsu lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom li jikkonformaw mal-liġi tal-Komunità, sakemm ma hemmx dispożizzjoni speċifika għal dak il-għan. L-Artikolu 307 KE diġà jippermetti ċertu derogi mil-liġi tal-Komunità fir-rigward tal-obbligi internazzjonali eżistenti li l-Istati Membri daħlu fihom minn qabel. L-iskop tiegħu mhuwiex dak li jawtorizza lill-Istati Membri li jagħtu preċedenza lil dawn l-obbligi fuq l-obbligi Komunitarji tagħhom jekk dan ikun iżjed favorevoli għall-interessi tal-investituri tagħhom (23).

70.      Minkejja dan, it-terminazzjoni, fil-fehma tiegħi, għandha titqies bħala l-aħħar soluzzjoni (24). Iżda dan huwa hekk peress li t-Trattat jiffavorixxi li tiġi evitata, sakemm huwa possibbli, kull interferenza mal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri eżistenti minn qabel.

IV – Konklużjoni

71.      Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li, billi ma ħadux il-passi kollha xierqa sabiex tiġi eliminata l-inkompatibbiltà bejn il-ftehim dwar l-investimenti bilaterali ta’ qabel l-adeżjoni u l-Artikolu 10 KE flimkien mal-Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE, l-Awstrija u l-Isvezja naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom taħt l-Artikolu 307 KE.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Maċ-Ċina (BGB1. 537/1986, dħul fis-seħħ fil-11 ta’ Ottubru 1986), Malasja (BGB1. 537/1986, dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1987), mal-Federazzjoni Russa (BGB1. 387/1991, dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1991, konkluż inizjalment mal-ex USSR u magħmul applikabbli bejn l-Awstrija u l-Federazzjoni Russa bl-iskambju ta’ noti BGBl. 257/1994), mal-Korea (BGB1. 523/1991, dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1991), mat-Turkija (BGB1. 612/1991, dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1992) u mal-Kap Verde (BGB1. 83/1993, dħul fis-seħħ fl-1 ta’ April 1993).


3 – Mal-Vjetnam (SÖ 1994:69, dħul fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 1994), l-Arġentina (SÖ 1992:91, dħul fis-seħħ fit-28 ta’ Settembru 1992), mal-Bolivja (SÖ 1992:19, dħul fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju 1992), mal-Côte d'Ivoire (SÖ 1966:31, dħul fis-seħħ fit-3 ta’ Novembru 1966), mal-Eġittu (SÖ 1979:1, dħul fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 1979), Hong Kong (SÖ 1994:19, dħul fis-seħħ fis-26 ta’ Ġunju 1994), mal-Indoneżja (SÖ 1993:68, dħul fis-seħħ fit-18 ta’ Frar 1993), maċ-Ċina (SÖ 1982:28, dħul fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 1982), mal-Madagaskar (SÖ 1967:33, dħul fis-seħħ fit-23 ta’ Ġunju 1967), mal-Malasja (SÖ 1979:17, dħul fis-seħħ fis-6 ta’ Lulju 1979), mal-Pakistan (SÖ 1981:8, dħul fis-seħħ fl-14 ta’ Ġunju 1981), mal-Perù (SÖ 1994:22, dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 1994), mas-Senegal (SÖ 1968:22, dħul fis-seħħ fit-23 ta’ Frar 1968), mas-Sri Lanka (SÖ 1982:16 dħul fis-seħħ fit-30 ta’ April 1982), mat-Tuneżija (SÖ 1985:25, dħul fis-seħħ fit-13 ta’ Mejju 1985), mal-Jemen (SÖ 1983:110, dħul fis-seħħ fit-23 ta’ Frar 1984), mal-Jugoslavja (SÖ 1979:29, dħul fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 1979, imġedded mas-Serbja u mal-Montenegro wara ftehim konkluż fi Stokkolma fit-28 ta’ Frar 2002).


4 – Diġà ġew introdotti sanzjonijiet taħt Artikolu 60(1) KE kontra l-Côte d'Ivoire u s-Serbja u l-Montenegro, li magħhom l-Isvezja kienet ikkonkludiet jew żammet ftehim. Madankollu, il-Kummissjoni ma allegatx li hemm xi kunflitt bejn dawk is-sanzjonijiet u l-ftehim konklużi mill-Isvezja.


5 – Ara, għal dan l-għan, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2003, Budejovický Budvar (C‑216/01, Ġabra p. I-13617, punt 146), u tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port (C‑364/95 u C‑365/95, Ġabra p. I-1023, punt 60), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Evans Medical et Macfarlan Smith (C‑324/93, Ġabra p. I-563, punt 34). Dwar l-obbligu tat-Trattat, ir-raġunament applikat għall-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà taħt Artikolu 307 KE huwa l-istess bħal dak għal determinazzjoni ta’ ksur ta' Artikolu 226 KE.


6 – Citadelle, Antoine de Saint-Exupéry, Ed. Gallimard, coll. NRF, 1948, p. 167.


7 – Diversi Stati Membri ġustament akkużaw lill-Kummissjoni b’nuqqas ta’ kjarezza dwar is-sors eżatt tal-obbligu taħt it-Trattat, peress li l-argumenti tagħha varjaw fil-kors tal-proċedura.


8 – Anke l-Kummissjoni biddlet l-allegazzjoni tagħha li l-ftehim dwar l-investimenti “jikser miżuri tal-Komunità possibbli fil-futur” (titolu iii tar-risposta tagħha fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija) għal waħda ta’ inkompatibbiltà ma’ Artikoli 57(2), 59, u 60(1) KE.


9 – Meta kkonfrontat bl-istess diffikultà, l-Avukat Ġenerali Tizzano kkunsidra, fil-konklużjonijiet magħquda tiegħu fil-Kawżi C‑466/98 sa C‑469/98, C‑471/98, C‑472/98, C‑475/98 u C‑476/98 (“Open Skies”, Ġabra 2002, p. I-9427), li “kompetenza esterna tal-Komunità f’affarijiet li qabel kienu regolati mill-ftehim tal-Istati Membri m’hijiex biżżejjed waħedha sabiex tagħmel dak il-ftehim inkompatibbli mar-regoli dwar il-kompetenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali]’ (punt 113). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq dak il-punt, għax ikkunsidrat li l-ftehim in kwistjoni kien inbidel bi ftehim ta’ wara l-adeżjoni li huwa barra mill-iskop ta’ Artikolu 307 KE.


10 – Sakemm jirrispettaw l-Artikolu 56, li jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet, jew sakemm ir-restrizzjonijiet imposti jkunu ġustifikati fuq bażi ta’ interess pubbliku jew taħt l-Artikolu 58 KE.


11 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Budvar Budejovický (C‑216/01, Ġabra. 2003, p. I-13617, punt 150) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kadi (C‑402/05, li għadhom pendenti, punt 32).


12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, Ġabra p. I-7411, punt 43).


13 – Inter-Environnement Wallonie, iċċitata fin-nota ta’qiegħ il-paġna 12, punt 45.


14 – Ara l-analiżi tiegħi ta’ dan l-obbligu fil-qafas ta’ Artikolu 226 KE fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑422/05, Ġabra 2007, p. I-4749, punti 27 sa 51).


15 – Bl-istess mod, skont ġurisprudenza kostanti l-fatt li attività ma teżistix fi Stat Membru ma jistax jeħles lil dak l-Istat mill-obbligu tiegħu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva relatata ma’ dik l-attività: ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑422/05, Ġabra p. I-4749, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑184/96, Ġabra p. I-6197, «Foie gras», li jissemma f’uħud mill-osservazzjonijiet tal-Istati Membri).


16 – Għal dak li jikkonċerna l-azzjoni tal-Istati Membri matul it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttivi, jiena kont diġà osservajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitati fin-nota 14 li “il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’, pereżempju, toħloq obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom tidher li hija trendi ineffettiva l-armonizzazzjoni stabbilita fuq livell Komunitarju jew li timponi fakultajiet li jistgħu jkomplu wara t-terminu ta’ traspożizzjoni u li jinfluwenza, min-naħa tagħhom, l-iżvilupp sussegwenti tad-deċiżjonijiet Komunitarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 49).


17 – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa (812/79, Ġabra p. 2787, punt 6).


18 – L-Awstrija argumentat li ċerti elementi fil-klawżola kkonċernata jippermettu li l-inkompatibbiltà tiġi evitata, filwaqt li l-Isvezja għamlet l-istess argument fir-rigward ta’ klawżoli oħra fil-ftehim tagħha. Dawn l-argumenti ser jiġu indirizzati f’(ii) hawn taħt.


19 – Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑62/98, Ġabra p. I-5171, punt 49).


20 – Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, 23 ta’ Mejju 1969, Artikolu 62 ‘Tibdil fundamentali fiċ-ċirkustanzi’: “(1) Bidla fundamentali ta’ ċirkustanzi li saħħet fir-rigward ta’ dawk li kienu jeżistu qabel fil-mument tal-konklużjoni ta’ trattat u li ma kinitx prevista mill-partijiet ma tistax tkun invokata bħala raġuni biex jintemm trattat jew biex wieħed jirtira minnu, sakemm: (a) l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ma kkostitwietx bażi essenzjali tal-kunsens tal-partijiet sabiex jintrabtu mit-trattat; u sakemm (b) din il-bidla ma kellhiex l-effett li tittrasforma b’mod radikali l-portata tal-obbligi li għad iridu jitwettqu skont it-trattat.. (2) Bdil fundamentali fiċ-ċirkustanzi ma jistax jiġi invokat bħala raġuni biex jintemm trattat jew biex wieħed jirtira minnu: (a) jekk it-trattat jistabbilixxi limitu; jew (b) jekk il-bdil fundamentali jirriżulta minn ksur mill-parti li qed tinvokaha jew ta’ obbligu taħt it-trattat jew ta’ kull obbligu internazzjonali ieħor fir-rigward ta’ parti oħra tat-trattat. (3) Jekk parti tista’, skont il-paragrafi preċedenti, tinvoka bidla fundamentali taċ-ċirkustanzi bħala raġuni sabiex jintemm trattat jew sabiex wieħed jirtira minnu, hija tista’ wkoll tinvokaha biss sabiex tissospendi l-applikazzjoni tat-trattat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


21 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 iktar ’il fuq.


22 – Ara nota ta’qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq.


23 – B’mod simili, dwar l-interessi tal-politika barranija tal-Istat Membru, ara Il-Kummissjoni vs Portugall, ċċitata fin-nota ta’qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq, paragrafu 50.


24 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑62/98, Ġabra 2000, p. I-5171, punt 69).