Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' April 2008 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-153/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyal u L. Lozano Palacios, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja

Talbiet

tiddikjara li, billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li tintaxxa r-rebħ magħmul minn parteċipazzjoni f'kull tip ta' lotteriji, logħob jew imħatri organiżżati lil hinn mir-Renju ta' Spanja, filwaqt li r-rebħ magħmul minn ċerti tipi ta' lotteriji, logħob jew imħatri organiżżati fir-Renu ta' Spanja huma eżenti mit-taxxa fuq id-dħul, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond d-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, skond l-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

tikkundanna lir-Renju ta' Spanja jbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skond il-leġiżlazzjoni Spanjola, ir-rebħ magħmul mil-lotteriji u mill-imħatri organizzati mil-Loterias y Apuestas del Estado (il-korp pubbliku industrijali u kummerċjali nazzjonali inkarigat mil-lotteriji u mill-imħatri) u mill-korpi jew entitajiet tal-komunitajiet awtonomi, u kif ukoll ir-rebħ miksub minn tlugħ bix-xorti organizzat mill-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar Spanjola u mill-Organización Nacional de Ciegos Españoles (l-organizzazzjoni nazzjonali Spanjola tal-persuni għomja) huwa eżentat mit-taxxa fuq id-dħul. Madankollu, ir-rebħ magħmul minn lotteriji, logħob jew imħatri organizzati minn korpi oħra, kemm nazzjonali kif ukoll barranin, inklużi dawk stabbiliti fi Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-ŻEE, jiżdied mal-bażi taxxabbli u huwa suġġett għal rati ta' taxxa progressivi.

Il-Kummissjoni tinvoka, b'mod partikolari, is-sentenzi Lindman1 u Safir2, u tfakkar li skond il-ġurisprudenza, l-attivitajiet ta' organizzazzjoni ta' lotteriji għandhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ta' "servizzi" fis-sens ipprovdut fit-Trattat KE. Dejjem skond il-ġurisprudenza, l-Artikolu 49 KE, minn naħa, jipprojbixxi kull restrizzjoni u kull ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anke jekk dawn ir-restrizzjonijiet jew dawn l-ostakoli japplikaw mingħajr distinżjoni kemm fil-konfront tal-fornituri ta' servizzi nazzjonali kif ukoll fil-konfront tal-fornituri ta' Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, jeskludi l-applikazzjoni ta' kull leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal sabiex il-provvista ta' servizzi bejn Stati Membri tkun iktar diffiċli minn provvista ta' servizzi purament interna fl-Istat Membru. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tas-settur tal-logħob ta' l-azzard, il-ġurisprudenza tippermetti li l-Istati Membri jistabbilixxu ċerti restrizzjonijiet, madankollu dejjem sakemm jiġġustifikaw dawn ir-restrizzjonijiet bħala meħtieġa u proporzjonati u ma jkunux ta' natura diskriminatorja.

Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Spanjola hija diskriminatorja minħabba li l-eżenzjoni hija rriżervata għal ċerti entitajiet elenkati espliċitament minn din il-leġiżlazzjoni u li, b'dan il-mod, teskludi minn din l-eżenzjoni l-entitajiet ta' Stati Membri oħra li għandhom l-istess natura jew li jippersegwu l-istess għanijiet bħal dawk ta' l-entitajiet Spanjoli ddefiniti fid-dispożizzjoni ta' eżenzjoni. Għaldaqstant, anke li kieku l-awtoritajiet Spanjoli irnexxielhom jippruvaw, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta' twettieq ta' obbligu, li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni hija miżura meħtieġa u proporzjonata fid-dawl ta' l-għan iddikjarat ta' protezzjoni tal-konsumaturi u ta' l-ordni soċjali - ħaġa li m'għamlux - il-leġiżlazzjoni in kwistjoni xorta waħda ma tistax, fl-ebda każ, tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju, u dan safejn din hija effettivament diskriminatorja.

____________

1 - Sentenza tat-13 ta' Novembru 2003, Lindman (C-42/02, Ġabra p. I-13519).

2 - Sentenza tat-28 ta' April 1998, Safir (C-118/96, Ġabra p. I-1897).