Language of document : ECLI:EU:C:2008:189

Kawża C-346/06

Dirk Rüffert, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju ta’ Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG

vs

Land Niedersachsen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Celle)

“Artikolu 49 KE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Direttiva 96/71/KE — Kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Protezzjoni soċjali tal-ħaddiema”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi — Direttiva 96/71

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, Artikolu 3(1) u (8))

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi — Direttiva 96/71

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, Artikolu 3)

3.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi — Direttiva 96/71

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71)

4.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi

(Artikolu 49 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71, Artikolu 3(1))

1.        Liġi li tobbliga lil awtorità kontraenti tagħżel bħala appaltatur ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, dawk l-impriżi biss li meta jagħmlu l-offerti tagħhom jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi, mingħajr ma l-imsemmi ftehim ikun jista’ jiġi kkwalifikat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, ma tiffissax rata ta’ ħlas skond waħda mill-proċeduri stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni inċiżi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) u fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi. Għaldaqstant, rata ta’ ħlas bħal din ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi rata minima ta’ ħlas fis-sens tas-subparagrafu (ċ) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva, li l-Istati Membri għandhom dritt jimponu, skond din id-direttiva, fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi tranżnazzjonali.

(ara l-punti 26, 30, 31)

2.        L-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istat Membru ospitanti jissuġġetta t-twettiq ta’ prestazzjoni ta’ servizzi fit-territorju tiegħu għall-osservanza ta’ termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg li jmorru lil hinn mir-regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima.

Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet imsemmija fis-subparagrafi (a) sa (g) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1), id-Direttiva 96/71 tipprovdi espressament il-livell ta’ protezzjoni li l-Istat Membru ospitanti jista’ jirrikjedi li jiġi osservat mill-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra favur il-ħaddiema tagħhom ikkollokati fit-territorju ta’ l-imsemmi Stat Membru ospitanti. Għaldaqstant, u bla ħsara għall-possibbiltà ta’ l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jiffirmaw volontarjament ftehim kollettiv ta’ xogħol fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari fil-qafas ta’ impenn meħud fir-rigward tal-persunal ikkollokat tagħhom stess, li t-termini tiegħu jkunu iktar favorevoli, il-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi ggarantit lill-ħaddiema kkollokati fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti huwa limitat, bħala prinċipju, għal dak previst fis-subparagrafi (a) sa (g) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, ħlief jekk, skond il-liġi jew il-ftehim kollettivi applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-imsemmija ħaddiema ma jkunux igawdu diġà minn termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg iktar favorevoli fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 33, 34)

3.        Stat Membru m’għandux dritt li, bis-saħħa tad-Direttiva 96/71, jimponi fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, rata ta’ ħlas bħal dik stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi kkonċernati u mhux iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali billi, permezz ta’ miżura leġiżlattiva, jobbliga lill-awtorità kontraenti tagħżel, bħala appaltaturi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, dawk l-impriżi biss li meta jagħmlu l-offerti tagħhom jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv.

(ara l-punt 35)

4.        Id-Direttiva 96/71/KE, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, interpretata fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE, tipprekludi liġi, adottata minn awtorità ta’ Stat Membru, li tobbliga lill-awtorità kontraenti tagħżel, bħala appaltaturi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, dawk l-impriżi biss li meta jagħmlu l-offerti tagħhom jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi, sakemm l-imsemmija paga ma tkunx determinata permezz ta’ waħda mill-modi previsti fl-Artikolu 3 (1) u (8) tad-direttiva.

Billi tobbliga lill-appaltaturi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u, b’mod indirett, lis-subappaltaturi tagħhom, josservaw il-paga minima fi ftehim kollettiv bħal dan, tali liġi tista’ timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fejn ir-rati minimi ta’ ħlas ikunu iktar baxxi, piż ekonomiku addizzjonali li jista’ jipprojbixxi, ifixkel jew irendi inqas attraenti l-prestazzjoni tas-servizzi tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, tali miżura tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE.

Restrizzjoni bħal din ma tistax titqies li hija ġġustifikata mill-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni tal-ħaddiema safejn ir-rata ta’ ħlas stabbilita fi ftehim kollettiv bħal dan hija vinkolanti, skond l-effetti tal-liġi in kwistjoni, għal parti biss mis-settur tal-bini, peress li, minn naħa, din il-liġi tapplika biss għall-kuntratti pubbliċi u mhux għall-kuntratti privati, u min-naħa l-oħra, l-imsemmi ftehim kollettiv ma kienx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali u sakemm ebda indikazzjoni ma tippermetti li jiġi konkluż li l-protezzjoni li tirriżulta minn rata ta’ ħlas bħal din hija neċessarja għal ħaddiem fis-settur tal-bini fil-każ biss li huwa jkun impjegat fil-qafas ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet u mhux fil-każ li jkun jaħdem fil-qafas ta’ kuntratt privat.

Għall-istess motivi, l-imsemmija restrizzjoni lanqas tista’ titqies li hija ġġustifikata mill-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-organizzazzjoni awtonoma tal-ħajja professjonali mit-trade unions.

(ara l-punti 36-43 u d-dispożittiv)