Language of document : ECLI:EU:C:2007:703

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Novembru 2007 (*)

“Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Servizz universali u drittijiet ta’ l-utenti – Kunċett ta’ ‘obbligi’ li għandhom jinżammu fis-seħħ b’mod provviżorju – L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali) – Tariffi applikati għall-provvista tas-servizz ta’ telefonija bil-vuċi – Obbligu ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva”

Fil-kawża C‑262/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-17 ta’ Mejju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-15 ta’ Ġunju 2006, fil-proċedura

Deutsche Telekom AG

vs

Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata minn Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, J. Makarczyk, P. Kūris (Relatur) u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deutsche Telekom AG, minn T. Mayen, U. Karpenstein, u B. Stamm, Rechtsanwälte,

–        għall-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, minn Bayer, Meyer-Sebastian, E. Greiwe, M. Dorsch, bħala aġenti, assistiti minn B. Kuhrmeyer u R. Busch,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M.G. Aiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Litwan, minn S. Žalimienė, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun u M. Shotter, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (ĠU L 108, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”) u l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, p. 51, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Servizz Universali”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ appell fuq punt ta’ dritt (“Reviżjoni”) bejn il-Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (Aġenzija federali tan-netwerks tad-dawl, gas, telekomunikazzjonijiet, posta u ferroviji, iktar ’il quddiem l-“awtorità regolatorja”) u Deutsche Telekom AG (iktar ’il quddiem “Deutsche Telekom”), dwar deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2004 li permezz tagħha l-awtorità regolatorja kkonstatat li t-tariffi applikati minn Deutsche Telekom kif ukoll il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ li jirrigwardaw ċerti “proposti ta’ offerti” kienu jaqgħu taħt l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 25(1) tal-liġi dwar it-telekomunikazzjoni (Telekommunikationsgesetz), tal-25 ta’ Lulju 1996 (BGBl., 1996 I, p. 1120, iktar ’il quddiem it-“TKG 1996”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 1998 dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-vuċi u dwar servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet f’ambjent kompetittiv (ĠU L 101, p. 24) tistabbilixxi s-segwenti prinċipji għall-iffissar ta’ tariffi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari ta’ l-Artikolu 3 dwar il-karattru ta’ prezz raġonevoli tat-tariffi jew tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li hemm l-organi li jipprovdu s-servizzi ta’ telefonija bil-vuċi li jkollhom is-setgħa fuq is-suq u kemm dawk li ġew magħżula skond l-Artikolu 5 u għandhom is-setgħa fuq is-suq jikkonformaw irwieħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.      It-tariffi għall-użu ta’ netwerk pubbliku fiss tat-telefon u tas-servizzi pubbliċi fissi tat-telefon għandhom jirrispettaw il-prinċipji fundamentali ta’ l-orjentazzjoni skond l-ispejjeż imniżżla fl-Anness II tad-Direttiva 90/387/KEE.

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 97/33/KE [tal-Parlament Europew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997] dwar l-interkonnessjoni [fit-telekomunikazzjonijiet fir-rigward li jiġi żgurat servizz universali u interoperabbli permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ open network provision(ONP) (ĠU L 199, p. 32] it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk pubbliku fiss tat-telefon u għall-użu tiegħu, huma indipendenti mit-tip ta’ applikazzjoni li l-utenti jimplementaw, ħlief u safejn wieħed jeħtieġ servizzi jew komplementi ta’ servizzi differenti.

4.      It-tariffi ta’ servizzi komplimentari li jingħaddu mal-provvista tal-konnessjoni man-netwerk pubbliku fiss tat-telefon u mas-servizzi pubbliċi fissi tat-telefon huma, skond il-liġi komunitarja, suffiċjentement mhux amalgamati b’mod li min jużahom mhuwiex marbut li jħallas għal dawk is-servizzi komplimentari li mhumiex bżonnjużi għas-servizz mitlub.

5.      Il-bdil fit-tariffi jiġu biss fis-seħħ wara perijodu xieraq ta’ pre-avviż lill-pubbliku stabbilit mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

6.      Bla ħsara għall-Artikolu 3 dwar il-prezzijiet raġonevoli, Stat Membru jista’ jawtorizza lill-awtorità regolatorja nazzjonali tiegħu sabiex ma tapplikax il-paragrafi 1, 2, 3, 4 jew 5 ta’ dan l-artikolu f’żona ġeografika partikolari meta jkun stabbilit li hemm kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi pubbliċi fissi tat-telefon.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skond it-tnax-il premessa tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU L 108, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ l-Aċċess”), sabiex tiġi żgurata l-kontinwità ta’ ftehim esiżtenti, u sabiex tiġi evitata lakuna legali, il-qafas regolatorju ġdid tat-telekomunikazzjonijiet għandu jżomm, sar-reviżjoni tagħhom, l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni preċedenti.

5        L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Qafas jipprovdi li kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni jew xi aġġornament tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti, waqt li jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li din l-analiżi titwettaq, fejn xieraq, b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

6        L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom iżommu l-obbligazzjonijiet kollha taħt il-liġi nazzjonali msemmija f’Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/19/KE [Direttiva dwar l-Aċċess] u Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22/KE [Direttiva Servizz Universali] sa dak iż-żmien li [tittieħed deċiżjoni] fir-rigward ta’ dawk l-obbligazzjonjiet mill-awtorità nazzjonali regolatorja skond Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva.”

7        L-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ l-Aċċess jgħid li:

“Reviżjoni ta’ l-obbligi [preċedenti] għall-aċċess u l-interkonnessjoni

1.      L-Istati Membri għandhom iżommu fis-seħħ l-obbligi kollha fuq l-impriżi li jfornu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi jikkonċernaw l-aċċess u l-interkonnessjoni li kienu fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva taħt Artikoli 4, 6, 7, 8, 11, 12, u 14 tad-Direttiva [97/33], Artikolu 16 tad-Direttiva [98/10], u Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 92/44/KE [tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 1992, dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuh għal-linji mikrija (ĠU L 165, p. 27)] sa dak iż-żmien li dawk l-obbligi jkunu ġew riveduti u [deċiżjoni meħuda] skond il-paragrafu 3.

2.      Il-Kummissjoni għandha tindika s-swieq relevanti għall-obbligi imsemmija fil-paragrafu 1 fir-rakkomandazzjoni iniżjali dwar swieq ta’ prodotti u servizzi relevanti u d-Deċiżjoni li tidentifika swieq transnazzjonali li għandhom jiġu adottati skond [l-]Artikolu 15 tad-[Direttiva Qafas].

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, u perjodikament wara, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwettqu analiżi tas-suq skond Artikolu 16 tad-[Direttiva Qafas] biex jiġi stabbilit jekk iżommux fis-seħħ, jemendawx jew jirtirawx dawn l-obbligi. Perjodu adatt ta’ avviż għandu jingħata lill-partijiet affettwati minn dak l-emendar jew dak l-irtirar ta’ l-obbligi.”

8        L-Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali jipprovdi li:

“Reviżjoni ta’ l-obbligi

1.      L-Istati Membri għandhom iżommu l-obbligi kollha li jirrelataw ma:

a)      tariffi bl-imnut għall-forniment ta’ aċċess għal u l-użu tan-network pubbliku tat-telefon, imposti taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva [98/10];

b)      għażla jew għażla minn qabel tal-carrier, imposta taħt id-Direttiva [97/33]

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        L-Artikolu 24 tat-TKG 1996 jipprovdi b’mod partikolari li t-tariffi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispejjeż marbuta mal-provvista effikaċji ta’ servizzi u għandhom jissodisfaw is-segwenti ħtiġijiet, jiġifieri li ma jkunx fihom spejjeż addizzjonali imposti unikament minħabba l-pożizzjoni dominanti ta’ operatur fis-suq tat-telekomunikazzjoni rispettiv, fis-sens ta’ l-Artikolu 19 tal-liġi dwar ir-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni (Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. 1989 I, p. 2486, li ma jkunx fihom tnaqqis li jippreġudika l-possibbiltajiet kompetittivi ta’ impriżi oħrajn fis-suq tat-telekomunikazzjoni u li ma jagħtux vantaġġi lill-utenti, meta mqabbla ma’ utenti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni simili jew identiċi fis-suq tat-telekomunikazzjoni rilevanti, ħlief meta tingħata ġustifikazzjoni oġġettiva għal dan.

10      L-Artikolu 25 tat-TKG 1996 jipprovdi li:

“(1)      Skond l-Artikoli 24 u 27 sa 31 ta’ din il-liġi, it-tariffi u d-dispożizzjonijiet rispettivi tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ li jirrigwardaw l-offerta ta’ mezzi ta’ trażmissjoni u ta’ servizzi ta’ telefonija bil-vuċi fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ klassi ta’ liċenzji, fis-sens ta’ l-Artikolu 6, huma suġġeti għal awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità regolatorja, meta l-pussessur tal-liċenzja għandu, fis-suq rilevanti, pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 22 tal-liġi dwar ir-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni.

(2)      It-tariffi u d-dispożizzjonijiet rispettivi tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ li jirrigwardaw is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ipprovduti minn impriżi li għandhom, fis-suq rilevanti, pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 22 tal-liġi dwar ir-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni, huma suġġetti, skond l-Artikoli 24, 27(4) u 31, għall-proċedura prevista fl-Artikolu 30.

(3)      Il-paragrafi 1 u 2 japplikaw b’analoġija għat-tariffi u għad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ applikati minn impriża kkostitwita minn impriża waħda flimkien mal-pussessur ta’ liċenzja fis-sens tal-paragrafu 1, jew minn impriża fis-sens tal-paragarafu 2. Jikkostitwixxu impriża waħda l-impriżi li huma konnessi fis-sens ta’ l-Artikolu 36(2) u ta’ l-Artikolu 37(1) u (2) tal-liġi dwar ir-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni.”

11      L-Artikolu 150 tal-liġi dwar it-telekomunikazzjoni (Telekommunikationsgesetz), tat-22 ta’ Ġunju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1190), kif emendata mil-liġi tas-7 ta’ Lulju 2005 (BGBl. 2005 I, p. 1970, iktar ’il quddiem it-“TKG 2004”), jirregola t-tariffi bil-mod li ġej:

“(1)      Id-deċiżjonijiet dwar pożizzjonijiet dominanti fis-suq meħuda mill-awtorità regolatorja qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw, jibqgħu validi sa meta jiġu sostitwiti minn deċiżjonijiet ġodda skond il-Parti 2. Dan japplika wkoll fil-każijiet fejn id-deċiżjonijiet dwar pożizzjonijiet dominanti fis-suq jinsabu biss fil-motivi ta’ att amministrattiv. L-ewwel sentenza hija applikabbli, b’analoġija, għall-obbligi msemmija fl-Artikolu 36, 37 u 39, it-tieni edizzjoni, [tat-TKG 1996].

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fl-2003, Deutsche Telekom ikkummerċjalizzat diversi “proposti ta’ offerti” ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li kienu jinkludu servizzi suġġetti għall-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità regolatorja prevista fl-Artikolu 25(1) tat-TKG 1996 kif ukoll servizzi li ma kinux suġġetti għal tali obbligu.

13      Numru ta’ lmenti wasslu lill-awtorità regolatorja sabiex tiftaħ inkjesta f’Diċembru 2003 sabiex teżamina jekk dawn il-proposti kinux suġġetti fl-intier tagħhom għall-obbligu msemmi.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2004, l-awtorità regolatorja kkonstatat li t-tariffi applikati kif ukoll id-dispożizzjonijiet rispettivi tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ kienu jaqgħu taħt l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 25 tat-TKG 1996.

15      Deutsche Telekom appellat minn din id-deċiżjoni u ppreżentat talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (qorti amministrattiva, Kolonja).

16      Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, din il-qorti laqgħat l-appell imressaq minn Deutsche Telekom, peress li d-dispożizzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 150(1) tat-TKG 2004 tirrigwarda biss l-obbligi li ma jirrikjedu l-ebda att ta’ implementazzjoni u li huma applikabbli bħala tali, li huma kriterji li l-Artikolu 25(1) tat-TKG 1996 ma jissodisfax.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità regolatorja ressqet appell fuq punt ta’ dritt (“Reviżjoni”) quddiem il-Bundesverwaltungsgericht li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-[Direttiva Qafas] u l-Artikolu 16(1)(a) tad-[Direttiva Servizz Universali] għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jinżamm provviżorjament fis-seħħ l-obbligu previst ex lege mil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, li kien jissuġġetta għall-awtorizzazzjoni t-tariffi tas-servizzi ta’ telefonija bil-vuċi applikati fil-konfront tal-klijenti aħħarin minn impriża bi pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni kif ukoll, bħala konsegwenza, l-att amministrattiv li jikkonferma n-natura obbligatorja ta’ l-awtorizzazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

2)      Id-dritt Komunitarju jeskludi estensjoni ta’ portata hekk wiesgħa ta’ l-obbligu ex lege u ta’ l-att amministrattiv imsemmija fl-ewwel domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u l-Aritkolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali humiex intiżi sabiex jinżamm provviżorjament fis-seħħ obbligu legali sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għal dak li jirrigwarda ċerti tariffi telefoniċi applikati minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni, previst fid-dritt nazzjonali preċedenti, kif ukoll l-att amministrattiv li jikkonferma n-natura obbligatorja ta’ l-awtorizzazzjoni.

19      Huwa paċifiku li ebda deċiżjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas ma ġiet adottata mill-awtorità regolatorja peress li l-analiżi tas-suq rilevanti tas-servizzi ta’ telefonija bil-vuċi kienet għada ma tlestietx fiż-żmien tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali

20      Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni litterali ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas, għandu jiġi osservat li huma “l-obbligi kollha” previsti fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri u msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ l-Aċċess u l-Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali li għandhom jinżammu fis-seħħ. L-imsemmi Artikolu 7 jirrigwarda obbligi li jikkonċernaw l-aċċess u l-interkonnessjoni imposti fuq impriżi li jipprovdu netwerks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li kienu applikabbli qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva Qafas. L-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali jipprovdi għaż-żamma fis-seħħ ta’ l-obbligi kollha li jirrigwardaw it-tariffi applikati fil-konfront tal-klijenti aħħarin għall-provvista ta’ aċċess għal u użu ta’ netwerk telefoniku pubbliku.

21      Minn dan jirriżulta, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li l-obbligi kollha imposti u msemmija fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri li tiġi qabel il-qafas regolatorju li jirriżulta mid-Direttiva Qafas, id-Direttiva ta’ l-Aċċess, id-Direttiva Servizz Universali u d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (iktar ’il quddiem il-“qafas regolatorju ġdid”) għandhom jinżammu provviżorjament fis-seħħ, indipendentement min-natura tagħhom.

22      Il-fatt li hija l-awtorità regolatorja li għandha tiddeċiedi jekk twaqqafx din is-sitwazzjoni provviżorja, liema fatt jirriżulta mit-twettiq ta’ l-analiżi tas-suq imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, ma tbiddilx din l-interpretazzjoni għaliex din l-awtorità teżegwixxi biss l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li toħroġ mill-qafas regolatorju ġdid. Fil-fatt, huwa dan l-aħħar qafas li jiddetermina l-obbligi li ser jinżammu fis-seħħ, li ser jiġu emendati jew li ser jiġu rtirati.

23      Tali interpretazzjoni hija konformi wkoll ma’ l-oriġini u l-istruttura tal-qafas regolatorju ġdid.

24      Għal dak li jirrigwarda l-oriġini tiegħu, huwa paċifiku li fil-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2000, dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks u għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [COM(2000) 393 finali], ma ġiet iddefinita ebda dispożizzjoni tranżitorja espressa.

25      L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, ta’ l-24 ta’ Jannar 2001, dwar il-“Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks u għas-servizzi ta’ komunikazzjoni” (ĠU C 123, p. 56), issemmi, fil-punt 4.4 tagħha, il-bżonn “li jiġi ppreċiżat b’mod ċar li l-leġiżlazzjoni eżistenti għandha tapplika biss sakemm titwettaq l-ewwel analiżi tas-swieq effettwati skond id-direttiva l-ġdida”.

26      Sar riferiment għall-imsemmija proposta fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 38/2001 adottata mill-Kunsill fis-17 ta’ Settembru 2001 sabiex tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks u għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika (Direttiva Qafas) (ĠU C 337, p. 34), li minnha jirriżulta li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jassigura t-trasparenza legali u li jieħu iktar in kunsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet nazzjonali.

27      Minn dan jirriżulta li, b’mod manifest, il-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni jillimita l-kategoriji ta’ obbligi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas.

28      Għal dak li jirrigwarda l-istruttura tal-qafas regolatorju ġdid, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-obbligi imposti fuq impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti f’suq partikolari kienu ddefiniti fl-ex qafas regolatorju permezz tat-testi stess, filwaqt li fil-qafas regolatorju ġdid, huma l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li huma kompetenti sabiex jiddefinixxu s-suq rilevanti u li japplikaw fil-konfront tiegħu l-istrumenti regolatorji. Bl-istess mod, dawn l-awtoritajiet jintervjenu fil-kuntest ta’ l-analiżi tas-suq u jindikaw l-impriżi b’saħħithom f’dan ta’ l-aħħar.

29      Fit-tieni lok, l-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ l-Aċċess isemmi, fost l-obbligi applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva u li l-Istati Membri jżommu fis-seħħ, minn naħa, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 97/33, li joħloq direttament obbligi għall-operaturi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 6 sa 8, 11, 12 u 14 ta’ din l-aħħar direttiva, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 98/10 kif ukoll l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 92/44, li jiddelegaw lill-Istati Membri l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, liema kompitu għandu jitwettaq jew mill-awtoritajiet ta’ l-Istat jew mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

30      It-tielet u fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li t-tmienja u għoxrin premessa tad-Direttiva Servizz Universali tikkunsidra li huwa neċessarju li jibqgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw is-servizzi ta’ linji mikrija msemmija fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-telekomunikazzjonijiet, u b’mod partikolari fid-Direttiva 92/44, sakemm l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiddeċiedu li dawn id-dispożizzjonijiet m’humiex iktar meħtieġa fis-suq nazzjonali li sar suffiċjentement kompetittiv.

31      Qabel kollox, dan l-obbjettiv ta’ kontinwità huwa implementat espressament mill-Anness VII tad-Direttiva Servizz Universali, dwar il-kundizzjonijiet għas-sett minimu ta’ linji mikrija msemmija fl-artikolu 18 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-Artikolu 16(1)(c) ta’ l-imsemmija direttiva, li jipprovdi għaż-żamma fis-seħħ ta’ l-obbligi li jirrigwardaw il-linji mikrija, imsemmija fl-Artikoli 3, 4, 7 u 10 tad-Direttiva 92/44, li jimponu obbligi fuq Stati Membri, kif ukoll fl-Artikoli 6 u 8 ta’ din l-aħħar direttiva li n-natura regolatorja tagħha ma tistax tiġi kkontestata.

32      Sussegwentement, l-Artikolu 16(1)(a) u (b) tad-Direttiva Servizz Universali jipprovdi għaż-żamma fis-seħħ ta’ obbligi li jirrigwardaw kemm it-tariffi applikati fil-konfront tal-klijenti aħħarin imsemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10 jew l-għażla jew l-għażla minn qabel ta’ l-operaturi msemmija fid-Direttiva 97/33.

33      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-obbligi msemmija iktar ’il fuq jirrigwardaw kemm atti individwali kif ukoll miżuri regolatorji applikati minn awtorità li l-ħatra tagħha tiddependi mill-korp kostituzzjonali partikolari ta’ kull Stat Membru.

34      Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-eżami ta’ l-iskop tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni.

35      Fil-fatt, it-tnax-il premessa u l-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ l-Aċċess jipprovdu għal ħtieġa li tiġi evitata lakuna legali bejn l-ex qafas regolatorju u l-qafas regolatorju ġdid. Għal dan il-għan, hemm stipulat li għandhom jinżammu fis-seħħ l-obbligi kollha eżistenti, tkun xi tkun il-bażi tagħhom.

36      Għaldaqstant, billi jagħmel espressament riferiment għall-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ l-Aċċess u l-Artikolu 16 tad-Direttiva Servizz Universali, l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas għandu neċessarjament l-istess għan, jiġifieri li tiġi assigurata kontinwità bejn l-ex qafas regolatorju u l-qafas regolatorju ġdid, irrispettivament min-natura u l-bażi ta’ l-obbligi imposti fuq l-operaturi.

 Fuq l-Artikolu 25(1) tat-TKG 1996

37      L-Artikolu 25(1) tat-TKG 1996 jissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel it-tariffi li l-impriżi li għandhom pożizzjoni dominanti fis-suq ikkonċernat japplikaw fil-konfront tal-konsumaturi aħħarin għas-servizz ta’ telefonija bil-vuċi, skond l-Artikoli 24 u 27 sa 31 ta’ l-istess liġi.

38      L-Artikoli 17 tad-Direttiva 98/10, li tħalla fis-seħħ espressament permezz ta’ l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali, li għalih isir riferiment fl-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas, jiddefinixxi fil-paragrafu 1 tiegħu r-rwol ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kif ukoll l-obbligu għal pussessur ta’ liċenzja, li għandu pożizzjoni dominanti fis-suq, li jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. Il-paragarafu 2 ta’ dan l-Artikolu 17 jipprovdi li t-tariffi għall-użu tan-netwerk telefoniku pubbliku fiss u għas-servizzi telefoniċi pubbliċi fissi għandhom josservaw il-prinċipji fundamentali ta’ orjentazzjoni skond l-ispejjeż.

39      Skond l-Artikolu 24 tat-TKG 1996, it-tariffi għandhom jiġu stabbiliti skond l-ispejjeż marbuta mal-provvista effikaċji ta’ servizzi u jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu li jipprovdi, b’mod partikolari, li t-tariffi ma jistgħux ikun fihom spejjeż addizzjonali li jiġu imposti unikament minħabba l-pożizzjoni dominanti ta’ operatur fis-suq tat-telekomunikazzjoni rispettiv.

40      Minn dan jirriżulta li dispożizzjoni bħall-Artikolu 25 tat-TKG 1996 li fiha obbligu ġenerali sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni u li fl-istess tagħmel riferiment għall-prinċipju ta’ orjentazzjoni skond l-ispejjeż stabbilit f’dispożizzjoni bħall-Artikolu 24 ta’ din il-liġi tista’ tiġi kkunsidrata bħala li timplementa l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10.

41      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li obbligu bħal dak previst fl-Artikolu 25 tat-TKG 1996 jikkostitwixxi obbligu fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali u għandu, għaldaqstant, jinżamm provviżorjament fis-seħħ.

42      Huwa veru li Deutsche Telekom issostni li l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ wkoll, billi tastjeni milli twettaq l-analiżi tas-suq rilevanti, tipposponi l-applikazzjoni tar-regoli ġodda Komunitarji. Madankollu, f’dan il-każ ikun il-kompitu ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u, skond il-każ, il-qrati kompetenti li jasslu għall-konklużjonijiet ta’ dan u l-Kummissjoni għandha teżerċita s-setgħat tagħha sabiex tassigura l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt Komunitarju.

43      Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha msemmija, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula hija li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva Servizz Universali għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jinżamm provviżorjament fis-seħħ obbligu legali sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija bil-vuċi applikati fil-konfront tal-klijenti aħħarin minn impriżi li għandhom pożizzjoni dominanti f’dan is-suq kif previst fl-Artikolu 25 tat-TKG 1996, stabbilita mid-dritt nazzjonali qabel il-qafas regolatorju ġdid, kif ukoll l-atti amministrattivi li jikkonfermaw in-natura obbligatorja ta’ l-awtorizzazzjoni.

44      Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) u l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jinżamm provviżorjament fis-seħħ obbligu legali sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija bil-vuċi applikati fil-konfront tal-klijenti aħħarin minn impriżi li għandhom pożizzjoni dominanti f’dan is-suq kif previst fl-Artikolu 25 tal-liġi dwar it-telekomunikazzjoni (Telekommunikationsgesetz) tal-25 ta’ Lulju 1996, stabbilita mid-dritt nazzjonali qabel il-qafas regolatorju ġdid, kif ukoll l-atti amministrattivi li jikkonfermaw in-natura obbligatorja ta’ l-awtorizzazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.