Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta' Diċembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof - il-Ġermanja) - Hans-Dieter Jundt, Hedwig Jundt vs Finanzamt Offenburg

(Kawża C-281/06)1

(Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Attività ta' tagħlim fuq bażi part time - Kunċett ta' 'ħlas' - Allowances għal spejjeż professjonali - Leġiżlazzjoni dwar eżenzjoni mit-taxxa - Kundizzjonijiet - Ħlas mogħti minn università nazzjonali)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Hans-Dieter Jundt, Hedwig Jundt

Konvenut: Finanzamt Offenburg

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Bundesfinanzhof - Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 49 u 149 KE - Attività ta' tagħlim eżerċitata bħala attività professjonali sekondarja fis-servizz ta' persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku (università) bi ħlas li jista' jitqies bħala allowance għal spejjeż professjonali - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-eżenzjoni fiskali prevista għal tali ħlas għal dak mogħti minn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku stabbiliti fl-Istat Membru

Dispożittiv

Attività ta' tagħlim eżerċitata minn persuna taxxabbli fi Stat Membru fis-servizz ta' persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, f'dan il-każ università, li tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE anki jekk tkun eżerċitata fuq bażi part time jew fuq bażi kważi volontarja.

Ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mill-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżerva l-applikazzjoni ta' eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għall-ħlasijiet magħmula, bħala korrispettiv għal attività ta' tagħlim eżerċitata fuq bażi part time, minn universitajiet, persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, stabbiliti fit-territorju nazzjonali, u tiċħad din l-eżenzjoni meta dawn il-ħlasijiet isiru minn università stabbilita fi Stat Membru ieħor, mhijiex ġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali.

Il-fatt li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jiddeċiedu huma stess dwar l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva tagħhom mhuwiex ta' natura li jagħmel kompatibbli mad-dritt Komunitarju leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta' eżenzjoni mit-taxxa għall-persuni taxxabbli li jeżerċitaw attivitajiet fis-servizz ta' jew f'isem universitajiet pubbliċi nazzjonali.

____________

1 - ĠU C 224, 16.09.2006