Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Ottubru 2007 - Doumas vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-112/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Georgios Doumas (Brussell, il-Belġu) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u E. Marchal, avocats)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni li biha ġiet miċħuda t-talba tar-rikorrent ta' l-24 ta' Novembru 2006;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tħallas lir-rikorrent il-ħlas li kellu jirċievi mill-1 ta' Novembru 2003 sas-16 ta' Settembru 2007, data tar-reintegrazzjoni effettiva tiegħu, bħala kumpens għad-danni materjali;

tikkundanna lil Kummissjoni tħallas is-somma ta' EUR 200 000, bla ħsara għal possibilità li din is-somma tiżdied jew titnaqqas matul l-iżvolġiment ta' l-istanza, lir-rikorrent għad-danni subiti minħabba d-dewmien fil-karriera tiegħu u għall-opportunità ta' avvanz fil-karriera tiegħu li tilef (promozzjoni, livell, sistema ta' pensjoni ...) kif ukoll bħala danni morali, b'mod speċjali d-danni lis-saħħa tiegħu, minħabba l-inċertezza dwar l-iżvilupp fil-karriera tiegħu li ilu fiha għal iżjed minn tliet snin minħabba żbalji mwettqa mill-awtorità li għandha setgħa ta' ħatra (AIPN);

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, uffiċjal fil-grad A5, livell 3, wera, permezz ta' messaġġ bil-posta elettronika ta' l-1 ta' Awwissu 2003, tliet xhur qabel l-għeluq tal-leave għal raġunijiet personali, meħud mill-1 ta' Ottubru 2002 sal-31 ta' Ottubru 2003, ix-xewqa li ma jestendix l-imsemmi leave. Fl-24 ta' Novembru 2006, huwa ppreżenta talba quddiem l-Awtorità tal-Ħatra intiża, minn naħa, għar-reintegrazzjoni tiegħu ma' l-ewwel opportunità ta' post ta' xogħol battal li jikkorrispondi mal-grad tiegħu, u ,min-naħa l-oħra, għal kumpens għad-danni subiti minħabba n-nuqqas ta' reintegrazzjoni b'riżultat ta' l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni, liema reintegrazzjoni ma kinitx possibbli qabel is-16 ta' Settembru 2007 fil-grad ta' amministratur.

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka, b'mod partikolari, il-ksur ta' l-Artikolu 40 tar-Regolamenti tal-Persunal, ta' l-Artikoli 4 et seq tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Settembru 1998, applikabbli fl-għeluq tal-leave għal raġunijiet personali tar-rikorrent u ta' l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni l-ġdida tat-28 ta' April 2004 tal-Kummissjoni, dwar leave għal raġunijiet personali li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2004.

Barra minn hekk, ir-rikorrent jesponi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma timpjegahx hija vvizzjata b'nuqqas totali ta' motivazzjoni.

Ir-rikorrent isostni b'mod partikolari li r-repetizzjoni ta' dawn l-iżbalji li lilu kkawżawlu danni sinjifikattivi tikkostitwixxi abbuż psikoloġiku fis-sens ta' l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jirrileva li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 40(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-prinċipju ta' ammistrazzjoni tajba.

____________