Rikors ippreżentat fid-19 ta' Ottubru 2007 - Wenning vs Europol
(Kawża F-114/07)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Rainer Wenning (The Hague, l-Olanda) (rappreżentant: G. Vandersanden, C. Ronzi, avukati)
Konvenut: Europol
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur ta' l-Europol tal-21 ta' Diċembru 2006 li ma jestendix il-kuntratt tar-rikorrent u r-reintegrazzjoni tiegħu mill-ġdid fl-Europol mill-1 ta' Ottubru 2007;
konsegwentement, tannulla l-Formola ta' l-Iżvilupp u r-Reviżjoni tal-Persunal li fuqha hi bbażata d-deċiżjoni kkontestata;
tordna l-għotja ta' kumpens għall-preġudizzju materjali u morali mġarrab;
tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Id-deċiżjoni li ma jiġix estiż il-kuntratt tar-rikorrent tikser l-obbligu ta' motivazzjoni, peress li ma għandhiex ir-raġunijiet li jiġġustifikawha. Hija bbażata fuq Formola ta' l-Iżvilupp u r-Reviżjoni tal-Persunal invalida.
Ir-Rapport ta' Evalwazzjoni tar-rikorrent ġie abbozzat bi ksur tar-regoli dwar il-Proċess ta' l-Iżvilupp u r-Reviżjoni tal-Persunal ta' l-Europol (Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol u Linji gwida tal-Proċess ta' l-Iżvilupp u r-Reviżjoni tal-Persunal) u fih ħafna żbalji ta' evalwazzjoni li wasslu għal żball fid-dritt.
Il-proċess ta' evalwazzjoni ntuża mis-superjuri tar-rikorrent bil-għan li jitkeċċa, minflok sabiex issir l-evalwazzjoni tiegħu. Dan jikkostitwixxi wkoll użu ħażin u abbuż ta' poter.
L-uniku għan li kellhom is-superjuri tar-rikorrent kien li ma jġeddux il-kuntratt tiegħu, minkejja r-rendiment tajjeb tiegħu u l-fatt li kien ġie assigurat li sejjer jikseb punteġġ aħjar mis-sena preċedenti jekk it-titjib tiegħu jkompli. Ir-rikorrent kellu aspettativi leġittimi li l-kuntratt tiegħu kien se jiġi kkonvertit f'wieħed għal żmien mhux determinat jew ta' l-inqas imġedded.
Id-deċiżjoni kkontestata u l-kuntest li fih ingħatat ukoll m'humiex konformi mal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u dmir ta' diliġenza, li kull amministrazzjoni għandha turi lejn il-membri tal-persunal tagħha.
Kien ikun konformi kemm ma' l-interess tas-servizz kif ukoll tal-membru tal-persunal li r-rikorrent jinżamm fl-Europol. Fil-fatt, l-inkarigu li r-rikorrent iwettaq se jkompli jsir. Ir-rikorrent matul is-snin dejjem wera li kien iwettqu tajjeb, għas-sodisfazzjon kemm tal-kollegi tiegħu kif ukoll tal-persuni barra mill-Europol.
Ir-rikorrent ġie wkoll diskriminat meta mqabbel ma' kollegi oħra li ħadmu bħalu u li kisbu estensjoni tal-kuntratt tagħhom.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu materjali u morali li d-deċiżjoni kkontestata kkawżatlu.
____________