Language of document : ECLI:EU:C:2007:816

Kawża C-281/06

Hans-Dieter Jundt u Hedwig Jundt

vs

Finanzamt Offenburg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attività ta’ tagħlim fuq bażi part-time — Kunċett ta’ ‘ħlas’ — Allowances għal spejjeż professjonali — Leġiżlazzjoni dwar eżenzjoni mit-taxxa — Kundizzjonijiet — Ħlas mogħti minn università nazzjonali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni

(L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE; Artikoli 49 KE u 50 KE)

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali

(Artikolu 49 KE)

1.        Attività ta’ tagħlim eżerċitata minn persuna taxxabbli fi Stat Membru fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, bħalma hija università, li tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE anki jekk tkun eżerċitata fuq bażi part-time jew fuq bażi kważi volontarja.

Fil-fatt, il-fattur deċiżiv li jqiegħed attività fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa n-natura ekonomika tagħha, jiġifieri li l-attività ma tkunx eżerċitata bla ħlas. Mill-banda l-oħra, mhuwiex meħtieġ, f’dan ir-rigward, li l-prestatarju tas-servizz ikollu l-għan li jagħmel profitt. Barra minn hekk, il-fatt li l-attività ta’ tagħlim bi ħlas tiġi eżerċitata f’isem università, persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, m’għandux l-effett li joħroġ is-servizz mogħti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, peress li l-attivitajiet fis-servizz pubbliku ta’ tagħlim fl-università ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE, ikkunsidrat flimkien ma’ l-Artikolu 50 KE, safejn din id-deroga għandha tkun limitata għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika.

(ara l-punti 32-33, 35, 37-39 u d-dispożittiv 1)

2.        Ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mill-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżerva l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għall-ħlasijiet magħmula, bħala korrispettiv għal attività ta’ tagħlim eżerċitata fuq bażi part-time, minn universitajiet, persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, stabbiliti fit-territorju nazzjonali, u tiċħad din l-eżenzjoni meta dawn il-ħlasijiet isiru minn università stabbilita fi Stat Membru ieħor, mhijiex iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

Fil-fatt, leġiżlazzjoni bħal din li tapplika bl-istess mod għaċ-ċittadini nazzjonali u għall-barranin li jeżerċitaw attivitajiet fis-servizz ta’ persuni ġuridiċi nazzjonali rregolati mid-dritt pubbliku, toħloq trattament anqas favorevoli għas-servizzi pprovduti lil destinatarji li jinsabu fi Stati Membri oħra meta mqabbel mat-trattament irriżervat għal dawk mogħtija fit-territorju nazzjonali. L-imsemmija restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tistax tkun iġġustifikata abbażi tal-promozzjoni tat-tagħlim, tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp safejn tippreġudika l-libertà ta’ l-għalliema li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq bażi part-time li jagħżlu l-post fejn jipprovdu s-servizzi tagħhom fi ħdan il-Komunità mingħajr ma ġie stabbilit li, sabiex jintlaħaq l-allegat għan ta’ promozzjoni tat-tagħlim, huwa meħtieġ li l-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi rriżervat għal dawk il-persuni taxxabbli biss li jeżerċitaw attività ta’ tagħlim fuq bażi part-time fl-universitajiet li jinsabu fit-territorju nazzjonali. Barra minn hekk, din ir-restrizzjoni ma’ tistax tiġi ġġustifikata minħabba l-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali peress li, mill-perspettiva tas-sistema fiskali, ma teżistix rabta diretta bejn l-eżenzjoni mit-taxxa ta’ l-allowances għal spejjeż professjonali mogħtija minn universitajiet nazzjonali u kumpens għal dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari.

Barra minn hekk, il-fatt li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jiddeċiedu huma stess dwar l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva tagħhom mhuwiex ta’ natura li jagħmel kompatibbli mad-dritt Komunitarju l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mit-taxxa għall-persuni taxxabbli li jeżerċitaw attivitajiet fis-servizz ta’ jew f’isem universitajiet pubbliċi nazzjonali. Din il-leġiżlazzjoni mhijiex miżura li tikkonċerna l-kontenut tat-tagħlim jew l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva, imma hija miżura fiskali ta’ natura ġenerali li tagħti vantaġġ fiskali meta individwu jiddedika ruħu għal attivitajiet li minnhom tibbenefika l-komunità in ġenerali. Anki jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi miżura marbuta ma’ l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva, hija xorta waħda tibqa’ inkompatibbli mat-Trattat safejn taffettwa l-għażla ta’ l-għalliema li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq bażi part-time fir-rigward ta’ fejn joffru s-servizzi tagħhom.

(ara l-punti 54, 56-57, 61, 69, 71, 73, 83-85, 88-89 u d-dispożittivi 2-3)