Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta' Jannar 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Juzgado de lo Mercantil no 5 de Madrid, Spanja) - Productores de Música de España (Promusicae) vs Telefónica de España SAU

(Kawża C-275/06)1

(Soċjetà ta' l-informazzjoni - Obbligi tal-fornituri ta' servizzi - Żamma u żvelar ta' ċerta data dwar it-traffiku fuq l-Internet - Obbligu ta' żvelar - Limiti - Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta' komunikazzjonijiet elettroniċi - Kompatibbiltà mal-protezzjoni tad-dritt ta' l-awtur u ta' drittijiet relatati - Dritt għal protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Mercantil no 5 de Madrid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Productores de Musica de Espana (Promusicae)

Konvenuta: Telefónica de España SAU

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Juzgado de lo Mercantil - Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 15(2) u 18 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta' Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, p. 1), ta' l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta' l-informazzjoni (ĠU L 167, p. 10) u ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, p. 45) - Ipproċessar ta' data ġġenerata permezz ta' komunikazzjoni stabbilita matul il-provvista ta' servizz mis-soċjetà ta' l-informazzjoni - Obbligu impost fuq l-operaturi tan-netwerk u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, fuq il-fornituri ta' aċċess għan-netwerks ta' telekomunikazzjoni u fuq il-fornituri ta' servizzi ta' ħażna ta' data, li jżommu u jrendu disponibbli l-imsemmija data - Esklużjoni mill-kuntest ta' proċeduri ċivili

Dispożittiv

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta' Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta' l-informazzjoni, id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ma jirrikjedux lill-Istati Membri li, f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jipprovdu għall-obbligu li data personali tiġi kkomunikata bil-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt ta' l-awtur fil-kuntest ta' proċeduri ċivili. Madankollu, id-dritt Komunitarju jeżiġi li, fit-traspożizzjoni ta' dawn id-direttivi, l-Istati Membri jaraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi assigurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mis-sistema legali Komunitarja. Sussegwentement, meta jiġu implementati l-miżuri ta' traspożizzjoni ta' dawn id-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati ta' l-Istati Membri, mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b'mod konformi ma' dawn id-direttivi stess, iżda għandhom jaraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tkun kunfliġġenti ma' l-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - ĠU C 212, 02.09.2006