Language of document : ECLI:EU:C:2010:92

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Frar 2010 (*)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikoli 55(1)(a) u 7(1)(ċ) – Interess ġuridiku sabiex titressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark ibbażata fuq raġuni assoluta ta’ invalidità – Uffiċċju ta’ avukati – Sinjal verbali ‘COLOR EDITION’ – Karattru deskrittiv ta’ trade mark verbali li tikkonsisti f’elementi deskrittivi”

Fil-Kawża C‑408/08 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-22 ta’ Settembru 2008,

Lancôme parfums et beauté & Cie SNC, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. von Mühlendahl, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

CMS Hasche Sigle, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja),

parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. Toader, President tat-Tmien Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC (iktar ’il quddiem “Lancôme”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (issa l-Qorti Ġenerali) tat-8 ta’ Lulju 2008, Lancôme vs UASI – CMS Hasche Sigle (COLOR EDITION) (T-160/07, Ġabra p. II‑1733, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha mressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-26 ta’ Frar 2007 li tannulla r-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali COLOR EDITION għall-prodotti kożmetiċi u tal-make-up.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146 - 180, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), jipprovdi:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

(ċ)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

3        L-Artikolu 55(1) tar-Regolament jipprovdi dan li ġej:

“Applikazzjoni għal revoka tad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jew għal dikjarazzjoni li t-trade mark hija invalida tista’ tiġi preżentata lill-Uffiċċju:

(a)      meta japplikaw l-Artikoli 50 u 51, minn kull persuna naturali jew ġuridika u minn kull grupp jew organu mwaqqfa bil-għan jirrapreżentaw l-interessi ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew konsumaturi, u li għandhom il-kapaċità li jfittxu [locus standi] jew li jiġi mfittxija f’isimhom stess skond il-liġi li tirregolahom;

(b)      kull fejn japplika l-Artikolu 52(1), mill-persuni msemmija fl-Artikolu 42(1);

(ċ)      kull fejn japplika l-Artikolu 52(2), mill-proprjetarji tad-drittijiet preċedenti msemmija f’dik id-disposizzjoni jew mill-persuni li huma intitolati li jeżerċitaw id-drittijiet in kwistjoni skond il-liġi ta’ l-Istati Membri konċernati”.

4        Skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament, l-invalidità tat-trade mark Komunitarja hija ddikjarata, fuq talba mressqa quddiem l-UASI, meta l-imsemmija trade mark tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7.

5        L-Artikolu 42(1) tar-Regolament jindika l-persuni li jistgħu jressqu oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark billi jinvokaw raġuni relattiva għal rifjut, filwaqt li l-Artikolu 52 tal-istess regolament jistabbilixxi r-raġunijiet relattivi ta’ invalidità.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Fid-9 ta’ Diċembru 2002, Lancôme ppreżentat lill-UASI applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “COLOR EDITION” bħala trade mark Komunitarja.

7        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Prodotti kożmetiċi u tal-make-up”.

8        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irreġistrata fil-11 ta’ Frar 2004.

9        Fit-12 ta’ Mejju 2004, id-ditta ta’ avukati Norton Rose Vieregge ressqet talba quddiem l-UASI għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din ir-reġistrazzjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 51(1)(a) u 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament.

10      Fil-21 ta’ Diċembru 2005, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet din it-talba.

11      Fid-9 ta’ Frar 2006, id-ditta ta’ avukati CMS Hasche Sigle, l-aventi kawża ta’ Norton Rose Vieregge, ressqet appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2007, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-imsemmi appell. Huwa kkunsidra, minn naħa, li dan tal-aħħar kien ammissibbli u, min-naħa l-oħra li s-sinjal verbali “COLOR EDITION” kien deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament u, b’hekk, ma huwiex ta’ karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-regolament.

 Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

13      Permezz ta’ rikors ippeżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Mejju 2007, Lancôme ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-26 ta’ Frar 2007.

14      Insostenn tar-rikors tagħha, Lancôme qajmet tliet motivi, ibbażati fuq il-ksur, rispettivament, tal-Artikolu 55(1)(a), tal-Artikolu 7(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament.

15      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors u kkundannat lil Lancôme għall-ispejjeż.

16      Il-Qorti Ġenerali, wara li għamlet analiżi testwali u teleoloġika tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament, ma laqgħatx l-ewwel motiv invokat peress li kkunsidrat li, fir-rigward tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġuni assoluta ta’ invalidità, dan l-artikolu jeżiġi biss mill-applikant li huwa jkollu personalità ġuridika jew locus standi iżda ma jeżiġix li dan tal-aħħar juri interess ġuridiku.

17      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod partikolari li, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, kien jirriżulta mill-Artikolu 55(1) tar-Regolament li l-leġiżlatur ried li kull persuna fiżika jew ġuridika u kull grupp li għandu locus standi jkunu jistgħu jressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq raġunijiet ta’ invalidità assoluta, filwaqt li, f’dak li jikkonċerna talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġunijiet ta’ invalidità relattiva, huwa espliċitament illimita n-numru ta’ applikanti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

18      Minn dak li jirriżulta mill-punt 26 tas-sentenza appellata, din l-analiżi hija kkorroborata mill-fatt li, bid-differenza tar-raġunijiet relattivi għal rifjut, li jipproteġu biss l-interessi privati tal-proprjetarji ta’ ċerti drittijiet preċedenti, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut huma fondati fuq interessi ġenerali differenti u għandhom, sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi, ikunu jistgħu jitressqu mill-akbar numru possibbli ta’ persuni.

19      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li, peress li ma ġiex ikkontestat li CMS Hasche Sigle setgħet titqies bħala persuna ġuridika, il-Bord tal-Appell ġustament iddikjara ammissibbli t-talba tagħha.

20      Bl-istess mod, fir-rigward tat-tieni motiv invokat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ma kienx wettaq żball meta kkunsidra li t-trade mark COLOR EDITION kienet deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament. Huwa kkunsidra f’dan ir-rigward li, meħuda fl-intier tagħha, din it-trade mark kellha rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti kożmetiċi u tal-make-up previsti minnha.

21      F’dan il-kuntest, hija sostniet b’mod partikolari, fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, li s-sinjal “COLOR EDITION” kien kompost esklużivament minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw ċerti karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni u li ma jikkreax fil-pubbliku mmirat, impressjoni suffiċjentement differenti minn dik prodotta bis-sempliċi tqiegħid maġenb xulxin tal-istess kliem li jifformawh.

22      Fl-aħħar nett, filwaqt li fakkret li huwa suffiċjenti li wieħed mir-raġunijiet assoluti għal rifjut japplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors mingħajr ma eżaminat it-tielet motiv li ġie ppreżentat lilha.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Lancôme titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, li tiċħad l-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI, li tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż li saru quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, u tikkundanna lis-CMS Hasche Sigle għall-ispejjeż konnessi mal-proċeduri tal-appell quddiem l-UASI.

24      L-UASI jitlob li l-appell jiġi miċħud u li Lancôme tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

25      Insostenn tal-appell tagħha, Lancôme tqajjem formalment żewġ aggravji bbażati, rispettivament, fuq il-ksur mill-Qorti Ġenreali tal-Artikoli 55(1)(a) u 7(1) (ċ) tar-Regolament.

 Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament

26      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Lancôme tilmenta li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li ditta ta’ avukati kellha dritt li titlob f’isimha stess għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja. Dan l-aggravju huwa diviż f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, Lancôme ssostni, essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament meta kkunsidrat li ma kienx neċessarju interess ġuridiku sabiex tkun tista’ tiġi introdotta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja bbażata fuq raġuni assoluta ta’ invalidità. Fit-tieni lok, hija ssostni li huwa inkompatibbli mar-rwol tal-professjoni ta’ avukat, kif irrikonoxxut madwar l-Unjoni Ewropea, għal ditta ta’ avukati li tressaq talba bħal din f’isimha u għan-nom tagħha stess.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament fir-rigward tal-interess ġuridiku

–       L-argumenti tal-partijiet

27      Lancôme ssostni li l-actio popularis huwa totalment assenti fid-dritt tal-Unjoni. Għalkemm l-Artikolu 230 KE, li jeżiġi li r-rikorrenti tkun individwalment u direttament ikkonċernata sabiex tkun tista’ tressaq rikors, ma huwiex direttament applikabbli fil-każ preżenti, l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament għandu madankollu jkun interpretat, skontha, fid-dawl tal-prinċipji prevalenti, bħala regola ġenerali, fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, is-sistemi legali kollha jistabbilixxu distinzjoni bejn il-kapaċità ġuridika u l-kapaċità li tfittex jew li tiġi mfittxija f’isimha stess, fejn din tal-aħħar teħtieġ interess ġuridiku. B’hekk, dan ma għandux jiġi dedott mill-fatt li l-leġiżlatur ma eżiġix espressament li interess bħal dan ikun meħtieġ.

28      Id-distinzjoni stabbilita mill-Qorti Ġenerali bejn il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji hija irrilevanti, peress li ma huwiex konċepibbli li d-dritt tittieħed azzjoni quddiem l-awtorità amministrattiva huwa ikbar mid-dritt li jitressaq rikors kontra deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità quddiem il-qrati tal-Unjoni.

29      Bl-istess mod, huwa irrilevanti d-distinzjoni stabbilita mill-Qorti Ġenerali bejn il-kawżi tan-nullità assoluta u r-raġunijiet relattivi ta’ invalidità, peress li ma jistax jiġi dedott minn din id-distinzjoni li ma huwiex assolutament neċessarju li jkun hemm interess sabiex titressaq applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq raġuni assoluta ta’ invalidità.

30      Fir-rigward tar-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament, l-interess ġenerali li huwa bbażat fuqu dan il-motiv ta’ rifjut huwa dak, irrikonoxxut mill-ġurisprudenza, tal-kompetituri kollha tal-applikant jew tal-proprjetarju tat-trade mark li, fid-dritt tagħhom li jużaw indikazzjoni deskrittiva għall-prodotti jew servizzi tagħhom, għandhom jiġu protetti kontra reġistrazzjonijiet akkwistati b’mod irregolari minn kompetitur. Minn dan jirriżulta li xkiel effettiv jew potenzjali biss subit bħala kompetitur effettiv jew potenzjali tal-applikant jista’ jsostni din ir-raġuni għal rifjut.

31      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mir-regola espliċita kontenuta fl-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament, li tagħti d-dritt li titressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità lil kull grupp magħmul minn fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew konsumaturi, jiġifieri minn persuni li jistgħu jiġu affettwati mir-reġistrazzjoni vvizzjata minn irregolarità ta’ trade mark.

32      Lancôme kkonkludiet li l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, minbarra l-kapaċità li jfittex, huwa jeħteġ li l-applikant ikun ikkonċernat ekonomikament, b’mod effettiv jew potenzjali u, konsegwentement, li huwa jkollu interess ekonomiku effettiv jew potenzjali għat-tħassir tat-trade mark ikkontestata. Issa, dan ma jkunx il-każ ta’ ditta ta’ avukati li titlob l-annullament tat-trade mark Komunitarja li tkopri prodotti kożmetiċi.

33      L-UASI jsostni li, bħala risposta, li t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiemu huma rregolati biss mir-Regolament u mir-regolament ta’ implementazzjoni tiegħu, u li l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament ma huwiex ambigwu u jawtorizza lil kull persuna tressaq talba għall-annullament.

34      Skont l-UASI, Lancôme tinterpreta b’mod żbaljat il-ġurisprudenza rigward l-interess ġenerali li huwa l-bażi tar-raġuni assoluta għal rifjut previst fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament. Fil-fatt, dan l-interess ma huwiex biss dak tal-operaturi professjonali li jistgħu jużaw sinjali deskrittivi, iżda l-interess ta’ kull persuna, professjonali jew le, sabiex is-sinjali deskrittivi jittiħdux b’mod esklużiv minn impriża waħda. Dan huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-fatt li l-karattru deskrittiv ta’ sinjal huwa evalwat fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tiegħu, li mhux limitat għall-professjonisti tas-settur ikkonċernat, peress li jinkludi fuq kollox il-konsumaturi u l-utenti finali.

35      Lancôme interpretat b’mod żbaljat ukoll l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament. Ir-referenza li hemm fih għal “grupp” għandha biss l-għan li tikkompleta l-lista tal-persuni ammissibbli sabiex iressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. L-imsemmi artikolu jawtorizza gruppi li għandhom il-kapaċità li jfittxu [locus standi] jew li jiġu mfittxija, iżda li ma għandhomx, skont il-liġi nazzjonali, personalità ġuridika, li jressqu talba bħal din.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Id-dritt li titressaq talba quddiem l-UASI għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja ma huwiex suġġett għar-regoli ta’ ammissibbiltà applikabbli għall-proċeduri ġudizzjarji, intiżi għal dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx żball ta’ dritt meta kkonstatat, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament, taqa’ taħt proċedura mhux ġudizzjarja iżda amministrattiva, u li kkunsidrat b’mod partikolari għal din ir-raġuni, fil-punt 30 tal-imsemmija sentenza, li l-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 230 KE ma kinitx rilevanti fil-każ preżenti, la direttament u lanqas b’analoġija.

37      Fir-rigward tar-risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament jissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għat-turija ta’ interess ġuridiku, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni eżatta tal-imsemmi artikolu.

38      Fil-fatt, ma kienx hemm dubju, li, hekk kif il-Qorti Ġenerali sostniet fil-punt 21 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament ma jirreferi bl-ebda mod għall-interess ġuridiku.

39      Barra minn hekk, hekk kif il-Qorti Ġenerali sostniet essenzjalment fil-punti 22 sa 25 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament jipprovdi li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq raġuni assoluta ta’ invalidità tista’ tiġi mressqa minn kull persuna fiżika jew ġuridika jew minn kull grupp imwaqqaf bil-għan li jirrapreżenta l-interessi ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew konsumaturi u li għandhom il-kapaċità li jfittxu [locus standi] jew li jiġu mfittxija, filwaqt li l-Artikolu 55(1)(b) u (ċ) tar-Regolament, li jirrigwarda t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġuni relattiva ta’ nullità, jirreżerva d-dritt għal ċerti persuni partikolari li għandhom interess ġuridiku li jressqu talba bħal din. Il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li mill-istruttura ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jirrestrinġi ċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fit-tieni każ, iżda mhux fl-ewwel wieħed.

40      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ġustament sostniet ukoll, essenzjalment, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, li, filwaqt li r-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jipproteġu l-interessi tal-proprjetarji ta’ ċerti drittijiet preċedenti, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-interess ġenerali li huwa l-bażi tagħhom, liema ħaġa tispjega li l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament ma jeħtieġx mill-applikant li juri interess ġuridiku.

41      Barra minn hekk, hija infondata l-allegazzjoni ta’ Lancôme li l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ interess ekonomiku effettiv jew potenzjali għat-tħassir tat-trade mark ikkontestata sabiex tista’ titressaq quddiem l-UASI talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha.

42      Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni Lancôme, interpretazzjoni bħal din ma hijiex ikkorroborata mir-riferiment li sar fl-imsemmi Artikolu 55(1)(a) għall-gruppi mwaqqfa bil-għan li jirrapreżentaw l-interessi ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew konsumaturi u li, skont il-liġi applikabbli għalihom, għandhom il-kapaċità li jfittxu [locus standi] jew li jiġi mfittxija. Din l-enumerazzjoni, li tinkludi barra minn hekk il-konsumaturi li ġeneralment ma jistax jingħatalhom interess ekonomiku bħal dak deskritt minn Lancôme, għandha l-għan biss li tinkludi, fil-lista tal-persuni li jistgħu jressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont din id-dispożizzjoni quddiem l-UASI, il-gruppi ta’ dan it-tip li, għalkemm għandhom il-kapaċità li jfittxu [locus standi] skont il-leġiżlazzjoni li hija applikabbli għalihom, ma għandhomx personalità ġuridika.

43      Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni bħal din ma tirriżultax mis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779), li għaliha tirreferi Lancôme. Fil-fatt, fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interess ġenerali jeħtieġ li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jistgħu jkunu użati liberament minn kulħadd. Minn dan, hija ddeduċiet li l-interess ġenerali li huwa l-bażi tar-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark minħabba l-karattru deskrittiv tagħha ma huwiex esklużivament dak tal-kompetituri tal-applikant jew tal-proprjetarju tagħha li jistgħu jsofru kwalunkwe xkiel u li minħabba dan il-fatt, għandhom interess ekonomiku effettiv jew potenzjali għat-tħassir tat-trade mark ikkontestata, iżda li huwa fl-interess ta’ kulħadd.

44      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti mressqa minn Lancôme insostenn ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju mhumiex fondati u li konsegwentement dawn għandhom jiġu rrifjutati.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kompatibbiltà bejn id-dritt ta’ ditta ta’ avukati li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark quddiem l-UASI, għan-nom tagħha u f’isimha, u r-rwol tal-professjoni ta’ avukat

–       L-argumenti tal-partijiet

45      Lancôme tispjega li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament differenti minn dik tagħha, huwa fi kwalunkwe każ meħtieġ l-annullament tas-sentenza appellata, peress li d-dritt ta’ ditta ta’ avukati li tressaq, għan-nom tagħha u f’isimha, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja ma huwiex kompatibbli mal-rwol tal-professjoni ta’ avukat kif magħruf madwar l-Unjoni Ewropea.

46      Fid-dritt tal-Unjoni, ir-rwol tal-professjoni ta’ avukat kien, minn dejjem, dak ta’ kollaboratur fil-ġustizzja. L-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa ibbażat fuq din l-idea tal-professjoni ta’ avukat, li tirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, mis-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni (155/79, Ġabra p. 1575, punt 24).

47      L-UASI jqajjem l-inammissibbiltà ta’ din it-tieni parti tal-ewwel aggravju, taħt l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà bejn il-kwalità ta’ applikant quddiem l-UASI u dik tal-avukat ma tqajmietx quddiem il-Qorti Ġenerali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48      Għalkemm hija ppreżentata bħala parti mill-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti ma hijiex ibbażata fuq din id-dispożizzjoni, iżda fuq elementi oħra ta’ dritt, indipendenti minnha.

49      Fil-fatt, mill-kliem stess tal-argumenti żviluppati insostenn tagħha huwa ċar li l-imsemmija parti tressqet minn Lancôme fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tadottax l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament, peress li fl-opinjoni tagħha, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, “fi kwalunkwe każ”, għal raġunijiet oħra milli minħabba l-allegat żball ta’ interpretazzjoni.

50      Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet imressqa, li jirrigwardaw il-professjoni ta’ avukat, ma jirrigwardawx l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament. Dan l-aħħar imsemmi artikolu min-naħa l-oħra ma jinkludix regoli applikabbli għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni, peress li dawn bħala prinċipju, fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam, huma stabbiliti minn kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede, C-3/95, Ġabra p. I‑6511, punt 37, kif ukoll tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C 309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 99).

51      B’hekk, it-tieni parti tal-ewwel aggravju fir-realtà tammonta għal aggravju tad-dritt distint minn dak ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament.

52      Issa, dan il-motiv ma tressaqx quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, peress li dan ma jirrigwardax l-ammissibbiltà ta’ proċeduri ġudizzjarji iżda jirrigwarda dik ta’ talba mressqa quddiem l-UASI, ma jammontax għal motiv ta’ ordni pubbliku li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina ex officio.

53      Aggravju bħal dan huwa inammissibbli, peress li f’appell il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda u b’hekk għandu jiġi miċħud dan tal-aħħar.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament

 L-argumenti tal-partijiet

55      Permezz ta’ dan l-aggravju, Lancôme tilmenta li l-Qorti Ġenerali applikat kriterji żbaljati fl-evalwazzjoni tagħha tas-sinjal “COLOR EDITION” bħala assoċjazzjoni ta’ kliem.

56      Skont il-ġurisprudenza, sabiex trade mark komposta b’dan il-mod tkun tista’ tiġi kkunsidrata deskrittiva, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kliem użat u l-assoċjazzjoni tagħhom huma magħrufa u abitwali fil-lingwa kurrenti tal-pubbliku mmirat. Meta sostniet li trade mark, magħmula minn elementi li kull wieħed minnhom huwa deskrittiv, hija hi stess deskrittiva ħlief jekk hemm differenza perċettibbli bejn it-trade mark li għaliha qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni u s-sempliċi għaqda tal-elementi li jifformawha, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju msemmi fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251). Fil-fatt, skont dan il-prinċipju, il-Qorti Ġenerali kellha tfittex, pjuttost, jekk teżistix diskrepanza perċettibbli bejn l-assoċjazzjoni tal-kliem u l-lingwa kurrenti tal-kategorija ta’ konsumaturi kkonċernati sabiex jindikaw il-prodotti u s-servizzi jew il-karatteristiċi essenzjali tagħhom.

57      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali mhija bbażata fuq ebda element fattwali li jirrigwarda l-lingwa tal-pubbliku mmirat.

58      L-UASI jwieġeb essenzjalment li, billi ssostni li sinjal huwa deskrittiv biss meta huwa magħruf u abitwali fil-lingwa kurrenti tal-pubbliku mmirat, Lancôme injorat id-differenza fundamentali eżistenti bejn l-Artikoli 7(1)(d) u 7(1)(ċ) tar-Regolament. Għall-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, huwa irrilevanti jekk il-frażi kkontestata tkunx magħrufa u abitwali fil-lingwa kurrenti tal-pubbliku mmirat, peress li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għas-sinjali li jistgħu abitwalment jitużaw fil-futur sabiex jippreżentaw il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati.

59      Huwa għal din ir-raġuni li fis-sentenza Procter & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tivverifika jekk il-kostruzzjoni grammatikali tal-frażi “baby-dry” tagħmilx l-użu tagħha plawżibbli fil-futur. L-eżami tal-karattru deskrittiv tas-sinjal “COLOR EDITION” li sar mill-Qorti Ġenerali barra minn hekk huwa konformi mal-ġurisprudenza sussegwenti għal din is-sentenza.

60      Barra minn hekk, billi tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq ebda element fattwali, Lancôme fir-realtà qed tfittex li tinvalida l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula minnha, b’mod li l-parti ta’ dan l-aggravju huwa inammissibbli. Barra min hekk, din tal-aħħar hija manifestament infondata, peress li huwa irrilevanti l-punt dwar jekk il-konsumaturi tal-prodotti kożmetiċi attwallment jużawx fil-lingwa kurrenti espressjoni bħal “COLOR EDITION”.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bħala regola ġenerali, is-sempliċi għaqda ta’ elementi li kull wieħed minnhom huwa deskrittiv tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tibqa’ hi stess deskrittiva tal-imsemmija karatteristiċi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament. Madankollu, tali għaqda tista’ ma tkunx deskrittiva, fis-sens tal-istess dispożizzjoni jekk hi toħloq impressjoni suffiċjentement imbiegħda minn dik prodotta mill-għaqda tal-imsemmija elementi (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punti 98 u 99; Campina Melkunie, C-265/00, Ġabra p. I-1699, punti 39 u 40, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, UASI vs Celltech, C-273/05 P, Ġabra p. I-2883, punti 77 u 78).

62      B’hekk, trade mark kostitwita minn kelma komposta minn elementi li kull wieħed minnhom huwa deskrittiv ta’ karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija fiha nnifisha deskrittiva tal-imsemmija karatteristiċi, ħlief jekk hemm diskrepanza perċettibbli bejn il-kelma u s-sempliċi għaqda tal-elementi li jifformawha, fatt li jippresupponi li, minħabba l-karattru inużwali tal-kombinazzjoni fir-rigward tal-imsemmija prodotti jew servizzi, il-kelma toħloq impressjoni suffiċjentement imbegħda minn dan il-prodott minħabba l-għaqda sempliċi tal-indikazzjonijiet miġjuba mill-elementi li jifformawha, b’tali mod li l-kelma tissupera l-imsemmija elementi meħuda flimkien (ara s-sentenzi Koninklijke KPN Nederland, punt 100, u Campina Melkunie, punt 41).

63      Fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali, wara li kkunsidrat li s-sinjal “COLOR EDITION” kien magħmul esklużivament minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jidikaw ċerti karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, iddeċidiet, fil-punt 49 tal-imsemmija sentenza, li l-assoċjazzjoni tal-kliem “color” u “edition” jippreżentaw struttura mhux inabitwali, iżda kurrenti fid-dawl tar-regoli lessiċi tal-lingwa Ingliża, u li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni b’hekk ma kenitx tikkrea, fil-pubbliku mmirat, impressjoni suffiċjentement differenti minn dik prodotta mis-sempliċi tqiegħid ħdejn xulxin tal-elementi verbali li kienu jifformawha b’mod li jbiddlu s-sens jew il-portata tagħha.

64      Dan ir-raġunament, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, mhuwa, fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 61 u 62 tas-sentenza preżenti, ivvizzjat minn ebda żball ta’ liġi.

65      B’hekk jirriżulta li l-ilmenti mressqa minn Lancôme fil-kuntest tat-tieni aggravju mhumiex fondati u li konsegwentement hemm lok li dan tal-aħħar jiġi miċħud.

66      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 ta’ dan ir-regolament, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Lancôme tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Lancôme parfums et beauté & Cie SNC hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.