Language of document : ECLI:EU:C:2009:440

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2009 1(1)

Kawża C‑226/082

Stadt Papenburg

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Oldenburg)

“Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Deċiżjoni ta’ Stat Membru li japprova lista preliminari ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità redatta mill-Kummissjoni – Interessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Aspettattivi leġittimi”





1.        Il-muniċipalità ta’ Papenburg (“Stadt Papenburg”) hi belt b’port fuq ix‑xmara Ems fis-Sassonja t’Isfel, il-Ġermanja. Hi magħrufa għat-tarzna kbira tagħha, il-Meyer-Werft, li ġiet fondata fl-1795 u fil-preżent tispeċjalizza fil‑kostruzzjoni tal-bastimenti tal-kruċieri (2).

2.        Ta’ kull darba qabel bastiment b’pixka fonda jiġi navigat mit-tarzna għall‑Baħar tat-Tramuntana, iridu jitwettqu xogħlijiet neċessarji ta’ tħammil. Permezz ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Wasser- und Schiffahrtsdirektion Nordwest (Direttorat tal-Kanali u tan-Navigazzjoni għar-Reġjun tal-Majjistral) tal-31 ta’ Mejju 1994, l-iStadt Papenburg, Landkreis Emsland (distrett ta’ Emsland), u l-Wasser- und Schiffahrtsamt Emden (Uffiċċju tal-Kanali u tan-Navigazzjoni ta’ Emden) ingħataw permess biex iħammlu l-Ems meta dan ikun meħtieġ. Ix-xmara hija adattata, b’mod naturali, biss għal bastimenti b’pixka sa 6.3 metri. It-tħammil huwa maħsub biex jippermetti lill bastimenti b’pixka ta’ 7.3 metri li jilħqu l-baħar.

3.        Din id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tissostiwixxi l-awtorizzazzjonijiet neċessarji l-oħra kollha meħtieġa skont il-liġi pubblika Ġermaniża u hija ma tistax tiġi legalment ikkontestata (3). Għaldaqstant, ix-xogħol ta’ tħammil attwali f’kull każ individwali ma jeħtieġx permess jew awtorizzazzjoni addizzjonali.

4.        Fis-17 ta’ Frar 2006, partijiet mix-xmara li jinsabu fin-naħa t’isfel tax‑xmara lil hinn mill-awtorità lokali tal-belt ta’ Papenburg kienu nnotifikati mill-Ġermanja lill-Kummissjoni, taħt id-deskrizzjoni “Unterems u Außenems (DE 2507-331)” bħala sit possibbli ta’ importanza għall-Komunità skont id‑Direttiva 92/43/KEE (id-“Direttiva dwar l-habitats”) (4).

5.        Il-Kummissjoni inkludiet is-sit fil-lista preliminari tagħha ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità fir-reġjun Atlantiku u talbet lill-Gvern Federali biex japprova din l-inklużjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva dwar il-Habitat. Il-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti l‑approvazzjoni tagħha. L-iStadt Papenburg tibża’ li, jekk Unterems u Außenems jiġu inklużi fil-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità, fil-futur ikun meħtieġ li ssir evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats qabel kull operazzjoni ta’ tħammil. L-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni jkun kompletament inċert; u n-nefqa u l-ispejjeż involuti jiżdiedu kunsiderevolment.

6.        Fl-20 ta’ Frar 2008, l-iStadt Papenburg ressqet rikors quddiem il‑Verwaltungsgericht Oldenburg (Qorti Amministrattiva, Oldenburg), fejn talbet li l-Bundesrepublik Deutschland (iktar ’il quddiem: il-“Gvern Federali”) jiġi ordnat li ma jagħtix din l-approvazzjoni. F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti Amministrattiva titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikoli 2(3), 4(2), u 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar l‑habitats (5).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva dwar l-habitats

7.        It-tielet premessa fil-preambolu għad-Direttiva dwar l-habitats tistipula li:

“[…] l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; […] l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani”;

8.        L-Artikolu 1 jinkludi numru ta’ definizzjonijiet:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(k)      sit ta’ importanza għall-Komunità [‘SIK’] tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’mod sinifikanti fil-manteniment jew ir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

[…];

(l)      żona speċjali ta’ konservazzjoni [‘ŻSK’] tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[…]”.

9.        L-Artikolu 2(3) jipprovdi li:

“Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

10.      L-Artikolu 3 jistipula li:

“1.   Għandu jiġi stabbilit netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-netwerk, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-netwerk Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 79/409/KKE.

2.     Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000 skond ir-rappreżentanza fit-territorju tiegħu tat-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan kull Stat Membru għandu jinnomina, skont l-Artikolu 4, xi siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni waqt li jitqiesu l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

[…]”.

11.      L-Artikolu 4 jipprovdi li:

“1.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom.

[…]

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit.

[…]

2.     Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mis-sebgħa reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ)(iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabbilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-[SIKs] msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew iktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew l-ispeċi ta’ prijorità.

L-Istati Membri li s-siti tagħhom li jilqgħu fihom wieħed jew iktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità u l-ispeċi ta’ prijorità jirrappreżentaw iktar minn 5 % tat-territorju nazzjonali tagħhom jistgħu bi ftehim mal-Kummissjoni, jitolbu li l-kriterji mniżżla fl-Anness III (Stadju 2) ikunu [mħaddma] b’mod iktar flessibbli meta jintgħażlu s-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità fit-territorju tagħhom.

Il-lista ta’ siti magħżula bħala [SIKs], li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew iktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew l-ispeċi ta’ prijorità għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21(6)

[…]

4.     Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux iktar minn sitt snin żmien, u jistabbilixxi prijoritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konsevazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

5.     Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

12.      L-Artikolu 6 jipprovdi li:

“1.   Għal [ŻSKs], l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amministrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.     L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-[ŻSKs], id-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinfikanti meta jitqies skont l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3.     Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li mhux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.     Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva tal-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru jrid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi ta’ prijorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajjmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma’ raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

13.      L-Anness III, Stadju 2, intitolat “Evalwazzjoni tal-importanza għall-Komunità ta’ siti inklużi fil-listi nazzjonali”, jipprovdi kif ġej:

“1.      Is-siti kollha identifikati mill-Istati Membri fi Stadju 1 li fihom tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi jitqiesu bħala [SIKs].

2.      L-evalwazzjoni tal-importanza għall-Komunità ta’ siti oħra fil-listi tal-Istati Membri, jiġifieri l-kontribut tagħhom biex jinżammu jew jerġgħu jiġu stabbiliti, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, habitat naturali fl-Anness I jew xi speċi fl-Anness II u/jew il-koerenza ta’ Natura 2000 trid tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)      il-valur relattiv tas-sit fuq livell nazzjonali;

(b)      il-qagħda ġeografika kif marbuta mar-rotot ta’ migrazzjoni tal-ispeċi fl-Anness II u jekk hi tappartjenix għal ekosistema kontinwa li tinsab fuq iż-żewġ naħat ta’ waħda jew iktar mill-fruntieri interni tal-Komunità;

(ċ)      iż-żona kollha tas-sit;

(d)      l-għadd ta’ tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-sit;

(e)      il-valur globali ekoloġiku tas-sit għar-reġjuni bioġeografiċi konċernati u/jew għat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2, rigward il-karatteristiċi jew l-aspett uniku tal-fatturi tiegħu kif ukoll il-mod kif inhuma mħallta.”

 Il-Kostituzzjoni Ġermaniża

14.      L-Artikolu 28(2) tal-Grundgesetz (il-Liġi Bażika jew “GG”) jipprovdi kif ġej: (7)

“Il-muniċipalitajiet għandhom ikunu ggarantiti d-dritt li jirregolaw l-affarijiet lokali kollha taħt ir-responsabbiltà tagħhom, fil-limiti tal-liġi. Fil-limiti tal‑funzjonijiet tagħhom mogħtija mil-liġi, assoċjazzjonijiet ta’ muniċipalitajiet għandhom ikollhom ukoll id-dritt [għall-awtonomija amministrattiva] skont il-liġi. Il-garanzija ta’ [awtonomija amministrattiva] għandha testendi għall-[elementi bażiċi] tal-awtonomija finanzjarja; dawn l-[elementi bażiċi] għandhom jinkludu d-dritt tal-munċipalitajiet għal sors ta’ dħul mit-taxxa bbażat fuq l-abbiltà ekonomika u d-dritt li jistabbilixxu r-rati li bihom dawn is-sorsi għandhom jiġu ntaxxati.”

15.      Kif ġie interpretat mill-qorti tar-rinviju, id-dritt għal amministrazzjoni awtonoma lokali ggarantit permezz ta’ din id-dispożizzjoni jinkludi wkoll id-dritt tal-muniċipalitajiet li l-interessi tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta miżuri li l-effetti tagħhom jeċċedu l-livell lokali jkollhom effett fit-tul fuq l-iżvilupp tal-muniċipalità jew joħolqu tfixkil fit-tul mal-pjanijiet tal-muniċipalità li huma suffiċjentement konkreti u stabbiliti. Dan japplika wkoll għal miżuri li jaqgħu barra mit-territorju lokali tagħha meta huwa jaffettwaw il-muniċipalità b’mod ċar u partikolari, minkejja d-distanza ġeografika.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-iStadt Papenburg sostniet li d-dritt tagħha għal amministrazzjoni awtonoma, mogħti skont l-Artikolu 28(2) GG, jiġi miksur jekk il-Ġermanja tapprova, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva dwar l-habitats, il-lista preliminari ta’ SIKs fir-reġjun Atlantiku redatta mill-Kummissjoni.

17.      Huwa ddikjara, li bħala belt b’port u b’tarzna, l-ippjanar u l-investimenti tiegħu u l-iżvilupp ekonomiku tiegħu jiddependu fuq il-possibbiltà li huwa jiggarantixxi li l-Ems tibqa’ navigabbli għal bastimenti kbar li jivvjaġġaw fuq il‑baħar.

18.      Il-Gvern Federali jitlob li r-rikors għandu jiġi miċħud. Huwa tal-fehma li jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi allegati mir-rikorrent meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu għal-lista preliminari ta’ SIKs jikser id-dritt Komunitarju. Taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, Stat Membru jista’ jieħdu d-deċiżjoni jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu biss fuq raġunijiet ta’ konservazzjoni tan-natura. Il-Gvern Federali jsostni sussidjarjament li, jekk id-Direttiva dwar l-habitats kienet tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ awtorità lokali, ir-rikorrent seta’ jressaq azzjoni legali biex jallega li dawn kienu ġew injorati anki wara li l-lista kienet ġiet adottata. Għaldaqstant ma kienx ikun hemm il-ħtieġa għal projbizzjoni “preventiva” tal-approvazzjoni tal-Gvern Federali għal-lista preliminari.

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008, il-Qorti Amministrattiva, Oldenburg tat lill-iStadt Papenburg rimedju provviżorju. Il-Gvern Federali għalhekk ġie pprojbit milli jagħti l-approvazzjoni tiegħu sakemm tiġi mogħtija s‑sentenza fuq ir-rikors fil-kawża prinċipali.

20.      Il-Qorti Amministrattiva, Oldenburg iddeċidiet li tissopendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi d-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa jawtorizza Stat Membru li jirrifjuta, għal raġunijiet oħra minbarra l-konservazzjoni tan-natura, li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal-lista preliminari ta’ [SIKs] redatta mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ wieħed jew diversi siti?

2.      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tingħata fl-affermattiv: l-interessi tal-muniċipalitajiet u assoċjazzjonijiet ta’ muniċipalitajiet, b’mod partikolari l-pjanijiet u proġetti ta’ ppjanar u interessi oħra tagħhom konnessi mal-iżvilupp ulterjuri taż-żona tagħhom, huma inklużi wkoll fost dawn ir-raġunijiet?

3.      Jekk ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi tingħata fl-affermattiv: it-tielet premessa jew l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/43/KEE jew dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju jeħtieġu wkoll li l-Istati Membri ul-Kummissjoni jieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-raġunijiet waqt l-approvazzjoni u r-redazzjoni tal-lista ta’ [SIK]?

4.      Jekk ir-risposta għat-tielet domanda tingħata fl-affermattiv: muniċipalità li hi affettwata bl-inklużjoni ta’ sit partikolari fil-lista, tkun tista’ ssostni fi proċeduri legali, billi tibbaża ruħha fuq id-dritt Komunitarju, wara l-adozzjoni finali tal-lista, li l-lista tikser id-dritt Komunitarju għax l-interessi tagħha ma ttieħdux inkunsiderazzjoni, jew ma ttieħdux inkunsiderazzjoni suffiċjentement?

5.      Xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwa fil-kanal navigabbli ta’ estwarju, li kienu digà approvati b’mod definittiv skont il-liġi nazzjonali qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 6(3) jew (4) tad-direttiva meta dawn ix-xogħlijiet jitkomplew wara l-inklużjoni tas-sit fil-lista ta’ [SIKs]?”

21.      L-iStadt Papenburg u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub.

22.      L-iStadt Papenburg, il-Gvern Federali, u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali matul is-seduta tas-26 ta’ Marzu 2009.

 Analiżi

 L-ewwel domanda

23.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-habitats jistabbilixxi proċedura għal klassifikazzjoni ta’ siti naturali bħala ŻSKs, maqsuma f’diversi stadji bl-effetti legali korrispondenti, li hija intiża partikolarment sabiex jinħoloq in-netwerk Natura 2000, kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (8).

24.      Fl-iStadju 1 ta’ din il-proċedura, abbażi tal-kriterji applikabbli li huma stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva dwar l-habitats flimkien ma’ informazzjoni xjentifika rilevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi u jibgħat lill-Kummissjoni lista ta’ siti, li tindika liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom (l-Artikolu 4(1)). Fl-iStadju 2, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, abbażi tal-kriterji applikabbli li huma stabbiliti fl-Annes III u bi qbil ma’ kull Stat Membru, lista preliminari ta’ SIKs redatta mil-listi tal-Istati Membri. Il-lista ta’ siti magħżula bħala SIKs, li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew iktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew ispeċi ta’ prijorità, tiġi adottata mill-Kummissjoni (l-Artikolu 4(2)). Ladarba SIK ikun ġie adottat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnomina dan is-sit bħala ŻSK (l-Artikolu 4(4)). Hekk kif sit jitniżżel fil-lista adottata mill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2), dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4) (l-Artikolu 4(5)).

25.      L-ewwel domanda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, fl-iStadju 2 ta’ din il‑proċedura, il-Ġermanja tistax tibbaża ruħha fuq raġunijiet oħra minbarra l-konservazzjoni tan-natura biex tirrifjuta li tagħti l-approvazzjoni tagħha għal-lista preliminari tal-Kummissjoni ta’ SIKs.

26.      Fis-sentenza First Corporate Shipping (9), il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha d‑domanda jekk Stat Membru setax jew kellux jieħu inkunsiderazzjoni ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u karatteristiċi reġjonali jew lokali meta jiddeċiedi liema siti għandu jipproponi lill-Kummissjoni fl-iStadju 1. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-kriterji fir-rigward tal-iStadju 1 stabbiliti fl-Anness III huma “definiti esklużivament fir-rigward tal-għan tal-konservazzjoni ta’ habitat naturali jew tal-fawna jew flora selvaġġa elenkati fl-Anness I u II rispettivament. Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-habitats bħala tali ma jipprovdix biex jiġu kkunsidrati ħtiġiet oħra għajr dawk li għandhom x’jaqsmu mal-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa meta jintgħażlu, u jiġu definiti l-konfini tas-siti li għandhom jiġu proposti lill-Kummissjoni bħala eliġibbli għal identifikazzjoni bħala [SIKs]” (10).

27.      Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li biex tipproduċi lista preliminari ta’ SIKs li tista’ twassal għall-ħolqien ta’ netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ ŻSKs, il-Kummissjoni għandha kollha għad-dispożizzjoni tagħha “lista eżawrjenti ta’ siti li, fil-livell nazzjonali, għandhom interess ekoloġiku li hu rilevanti mill-perspettiva tal-għan tad-Direttiva dwar l-habitats tal-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u flora selvaġġa. Għal dan l-iskop, din il-lista hi redatta abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) għad-Direttiva”. Il‑Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li hu biss b’dan il-mod “li hu possibbli li jintlaħaq l-għan, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-habitats, taż‑żamma jew tar-ripristinar tat-tipi ta’ habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi kkonċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, li jistgħu jinstabu fuq iż-żewġ naħat ta’ waħda jew iktar mill-fruntieri interni tal‑Komunità”. Meta jistabblixxi l-lista ta’ siti nazzjonali, Stat Membru ma jkunx f’pożizzjoni li jkollu konoxxenza dettaljata u preċiża tas-sitwazzjoni tal-habitat fl-Istati Membri l-oħra. Għalhekk huwa “ma jistax minn jeddu, kemm jekk minħabba ħtiġiet ekonomiċi, soċjali jew kulturali jew minħabba karatteristiċi reġjonali jew lokali, jeskludi siti li fil-livell nazzjonali għandhom interess ekoloġiku rilevanti mill-perspettiva tal-għan tal-konservazzjoni mingħajr ma jikkomprometti t-twettiq ta’ dan l-għan fil-livell Komunitarju”. Jekk l-Istati Membri setgħu jagħmlu dan, “il-Kummissjoni ma tistax tkun ċerta li għandha għad-dispożizzjoni tagħha lista eżawrjenti ta’ siti eliġibbli bħala ŻSKs u l-għan tal-ħolqien ta’ dawn is-siti f’netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti jista’ jkun f’riskju li ma jintlaħaqx” (11).

28.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li “l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva dwar l-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali jew karatteristiċi reġjonali jew lokali, bħala dawk imsemmija fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-Direttiva, meta jagħżel u jiddefinixxi l-konfini tas-siti li għandhom jiġu proposti lill-Kummissjoni bħala eliġibbli għal identifikazzjoni bħala [SIKs]” (12).

29.      L-istess raġunament japplika għall-iStadju 2 tal-proċedura?

30.      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża First Corporate Shipping, l-Avukat Ġenerali Léger ikkunsidra “li mhux eskluż li fit-tieni stadju, fil-ħin tal-ftehim bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar l-għażla tal-SIKs, ħtiġiet ekonomiċi u soċjali jistgħu jiġġustifikaw li sit li jospita wieħed mit-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi endemiċi fl-Anness II ma jiġix magħżul bħala SIK, u konsegwentement ma jiġix nominat bħala ŻSK” (13).

31.      Kuntrarjarment għal dak li tallega l-iStadt Papenburg, jien ma nemminx li s-sentenza First Corporate Shipping adottat din il-pożizzjon  (14). F’kull każ, , tibqa’ d-domanda jekk dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward tal-iStadju 1 japplikax bl-istess mod għall-iStadju 2.

32.      Jien nemmen li dan huwa l-każ.

33.      Fir-rigward tal-iStadju 2 tal-proċedura, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-habitats jipprovdi li l-Kummissjoni tistabbilixxi, bi qbil ma’ kull Stat Membru, lista preliminari ta’ SIKs abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2). Il-kriterji tal-evalwazzjoni stabbiliti għall-iStadju 2, bħal dawk għall-iStadju 1, huma definiti esklużivament fir-rigward tal-għan li jiġi kkonservat l-habitat naturali jew il-fawna u flora selvaġġa elenkati fl-Anness I u II rispettivament (15). L-unika eċċezzjoni li tipprovdi għaliha d-Direttiva dwar l-habitats hi li Stati Membri li jospitaw wieħed jew iktar tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità u speċi ta’ prijorità li jirrappreżentaw iktar minn 5 % tat-territorju nazzjonali tagħhom, jistgħu, bi qbil mal-Kummissjoni, jitlobu li l-kriterji elenkati fl-Anness III (Stadju 2) jiġu mħaddma b’mod iktar flessibbli fl-għażla tas-SIKs fit-territorju tagħhom (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2)). Din l-eċċezzjoni ma ġietx invokata f’din il-kawża. Barra minn hekk, anki jekk Stat Membru jaqa’ f’din il-kategorija, id-Direttiva dwar l-habitats xorta waħda ma tipprovdix għal kriterji oħra (bħal pereżempju, ekonomiċi jew soċjali) li jiġu applikati f’dan l-istadju. Din sempliċement tipprovdi għall-kriterji purament ekoloġiċi li jiġu applikati b’mod iktar flessibbli.

34.      Hawnhekk jista’ jsir xebħ ukoll mad-Direttiva 79/409 KEE (id-“Direttiva dwar l-Għasafar”) (16). L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri speċjali ta’ konservazzjoni għal ċerti speċi, u b’mod partikolari biex jinnominaw bħala Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni (“ŻSPs”) l-iktar territorji adattati għall-konservazzjoni tagħhom. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-habitats jipprovdi għal netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ ŻSKs li għandhom jiġu stabbiliti bit-titolu Natura 2000, li għandha tinkludi ż-ŻSPs ikklassifikati mill-Istati Membri skont id-Direttiva dwar l-Għasafar. Għalhekk teżisti rabta mill-qrib bejn iż-żewġ direttivi (17).

35.      Fis-sentenza Royal Society for the Protection of Birds (18), il-Qorti tal‑Ġustizzja saritilha d-domanda jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’, meta jinnomina ŻSP u jiddefinixxi l-konfini tagħha, jieħu inkunsiderazzjoni ħtiġiet ekonomiċi sal-punt li dawn jirriflettu raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza tat-tip imsemmija fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza li jistgħu, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats, jiġġustifikaw pjan jew proġett li għandu l-konsegwenza li jaffettwa b’mod sinifikanti ŻSP jistgħu, skont il-każ, jinkludu raġunijiet ta’ natura soċjali jew ekonomika. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li għalkemm l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats, sa fejn din emendat l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-Għasafar, stabbilixxa proċedura li tippermetti lill-Istati Membri li jadottaw, għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza u suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, pjan jew proġett li jaffettwa ħażin ŻSP u b’hekk għamlitha possibbli li tmur lura minn deċiżjoni li tikklassifika tali żona billi naqset mill-kobor tagħha, madankollu din ma għamlet l-ebda emendi fir-rigward tal-istadju inizjali ta’ klassifikazzjoni ta’ żona bħala ŻSP imsemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Minn dan isegwi li, anki taħt id-Direttiva dwar l-habitats, il-klassifikazzjoni ta’ siti bħala ŻSPs għandhom f’kull ċirkustanza jitwettqu skont il-kriterji permessi taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar u li ħtiġiet ekonomiċi, bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza li jippermettu deroga mill-obbligazzjoni li tikklassifika sit skont il-valur ekoloġiku tiegħu, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan l-istadju (19).

36.      Kemm id-Direttivi dwar l-Habitat kif ukoll id-Direttiva dwar l-Għasafar jifformaw parti mis-sistema stabbilita biex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000. Jidhirli li huwa kemm inkonsistenti kif ukoll inkompatibbli mal-għan tad-Direttiva dwar l-habitats li Stati Membri jitħallew jinvokaw kriterji ekonomiċi sabiex jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom għal-lista preliminari ta’ SIKs taħt id-Direttiva dwar l-habitats innifisha, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ċar li kriterji bħal dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jintgħażlu siti skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar kif emendata bid-Direttiva dwar l-habitats.

37.      Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Royal Society for the Protection of Birds, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats jipprovdi biex tali interessi jittieħdu inkunsiderazzjoni fi stadju iktar tard (20). Fil-fatt, l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar l-habitats igħid dan billi ipprovda li miżuri adottati skont din id-direttiva għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u karatteristiċi reġjonali u lokali.

38.      Madankollu, kif ġustament tiddikjara l-Kummissjoni, l-Artikolu 2(3) ma huwiex deroga ġenerali mir-regoli tad-Direttiva dwar l-habitats. L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-Għasafar huwa miktub bi kliem simili (21). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix deroga awtonoma mis-sistema ġenerali ta’ protezzjoni taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar, imma madankollu turi li d-direttiva tikkunsidra kemm in-neċessità għal protezzjoni effettiva tal-għasafar u, fost affarijiet oħra, ir-rekwiżit tal-ekonomija (22). Din id‑dikjarazzjoni tidher li tapplika wkoll, mutatis mutandis, għall-Artikolu 2(3) tad‑Direttiva dwar l-habitats.

39.      Għal dak li jirrigwarda l-mertu, id-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi hi għalhekk l-Artikolu 6(4).

40.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-habitats jobbliga lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għaż-ŻSKs, (l-Artikolu 6(1)), biex fiż-ŻSKs, jiġi evitat id-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi u t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew innominati (l-Artikolu 6(2)) u li “kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li mhux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’iktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu” ikun suġġett għall-evalwazzjoni ex ante tal-implikazzjonijiet probabbli tiegħu għaż-ŻSK (l-Artikolu 6(3)). L-Artikolu 6(4) jipprovdi skop (limitat) għal Stat Membru li jinjora evalwazzjoni ex ante negattiva u li jawtorizza pjan jew proġett inkwistjoni għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza, inkluż dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika. Madankollu, l-Istat Membru mbagħad għandu jadotta l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000 u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri (23).

41.      L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-habitats għalhekk jipprovdi, espliċitament, punt fil-proċedura fejn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi. Fil-fehma tiegħi, sabiex ma jiġix kompromess l-għan tad-Direttiva dwar l-habitats, huwa importanti ferm li matul l-għażla ta’ SIKs jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kriterji tal-konservazzjoni tan-natura. Huwa biss meta l-lista kompleta ta’ SIKs tkun ġiet stabbilita skont dawn il-kriterji li l-interessi ekonomiċi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. B’mod eċċezzjonali, dawn jista’ jfissru li pjan jew proġett li jista’ potenzjalment ikollu impatt negattiv fuq is-sit jitwettaq xorta waħda.

42.      Għalhekk jien nikkonkludi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva dwar l-habitats ma jippermettix li Stat Membru jirrifjuta li japprova l-lista preliminari tal-Kummissjoni ta’ SIKs għal raġunijiet oħra minbarra l‑konservazzjoni tan-natura.

43.      It-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi li saru mill-qorti nazzjonali huma lkoll ibbażati fuq il-premessa li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda. Fid-dawl tal-mod kif qed nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għall-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati t-tieni, it-tielet u r‑raba’ domandi.

 Il-ħames domanda

44.      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwi fil-kanali navigabbli ta’ estwarju, li kienu awtorizzati b’mod definittiv skont il-liġi nazzjonali qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats (24), għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 6(3) jew (4) tad‑direttiva meta dawn jitkomplew wara l-inklużjoni tas-sit li potenzjalment ikunu se jaffettwaw, fil-lista ta’ SIKs.

45.      Ir-risposta għal din d-domanda tiddependi fuq jekk ix-xogħlijiet ta’ tħammil inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux “pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li mhux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’iktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu”. Hemm żewġ każijiet li jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet utli f’dan ir-rigward.

46.      Fil-kawża Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (25), il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha d-domanda jekk is-sajd mekkaniku għall-arzell li kien ilu jsir għal ħafna snin imma li għalih kienet tingħata liċenzja ta’ kull sena għal perijodu limitat (b’kull liċenzja li kienet tinvolvi evalwazzjoni ġdida kemm tal‑possibbiltà li titwettaq fuq din l-attività u tas-sit fejn setgħet tiġi mwettqa) kienx jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjan” jew ta’ “proġett”. Wara li osservat li d-Direttiva dwar l-habitats ma tiddefinixxix it-termini “pjan” jew “proġett”, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għad-definizzjoni ta’ “proġett” fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar l-Istima tal-Effetti fuq l-Ambjent (26) u kkonstatat li s-sajd mekkaniku għall-arzell kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-definizzjoni ta’ “proġett” fid-Direttiva dwar l-Istima tal-Effetti fuq l-Ambjent kienet rilevanti biex tingħata definizzjoni tal-kunċett ta’ “pjan jew proġett” fid-Direttiva dwar l-habitats, peress li dawn id-direttivi għandhom l-għan li jimpedixxu attivitajiet li x’aktarx jagħmlu ħsara lill-ambjent milli jiġu awtorizzati qabel ma ssir evalwazzjoni tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Attività bħas-sajd mekkaniku għall-arzell għalhekk kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjan jew proġett” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats.

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-fatt li l-attività kienet ilha tiġi mwettqa perijodikament għal diversi snin fuq is-sit ikkonċernat u li kellha tinkiseb liċenzja għaliha ta’ kull sena, li kull ħruġ tagħha kien jeħtieġ evalwazzjoni ġdida kemm tal-possibbiltà li tkompli titwettaq din l-attività kif ukoll tas-sit fejn din setgħet titwettaq, fih nnifsu, ma kienx jikkostitwixxi ostaklu biex tiġi kkunsidrata, meta ssir kull applikazzjoni, bħala pjan jew proġett distint fis-sens tad-Direttiva dwar l‑habitats (27).

48.      Fi proċedura ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu kontra l-Irlanda, il‑Kummissjoni sostniet li, bi ksur tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar l‑habitats, l-Irlanda kienet ippermettiet xogħlijiet ta’ drenaġġ li jista’ jkollhom effett sinifikanti fuq il-Glen Lough SPA mingħajr ma qabel għamlet evalwazzjoni xierqa ta’ dan il-proġett jew implementat proċedura deċiżjonali adegwata (28). Fil‑konklużjonijiet tagħha f’din il-kawża, l-Avukat Ġenerali Kokott fakkret li, għal definizzjoni ta’ “proġett” il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà bbażat ruħha fuq id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar l-Istima tal-Impatt Ambjentali fis-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (29). Għalhekk l-Avukat Ġenerali ikkunsidrat li miżuri ta’ manutenzjoni jistgħu jikkostitwixxu wkoll interventi fl-ambjent naturali u l-pajsaġġ, b’mod partikolari meta dawn jagħtu lok għad-deterjorament tal-habitat l-iktar adattat għall-konservazzjoni tal-għasafar (30). Dan l-approċċ ġie adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja (31).

49.      Fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi, jidhirli li x-xogħlijiet ta’ tħammil inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu b’mod ċar taħt id-definizzjoni “pjan jew proġett” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats. L-approċċ tal‑Qorti tal-Ġustizzja jidher li huwa approċċ li jżomm id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats wiesgħa ħafna (32).

50.      Madankollu, id-deċiżjoni ta’ rinviju tindika li x-xogħlijiet ta’ tħammil ġew approvati b’mod definittiv mill-awtoritajiet lokali qabel ma l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats mingħajr il-bżonn ta’ xi permess ieħor fil-futur. Dan jimplika li x-xogħlijiet ta’ tħammil kollha fl-Ems (preżenti u futuri) għandhom jiġu kkunsidrati bħala “pjan jew proġett” uniku, li kien awtorizzat b’mod definittiv qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats u li għalhekk jibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3)?

51.      Huwa ċar li l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats ma jistax loġikament jiġi applikat b’effett retrospettiv. L-ebda evalwazzjoni ex ante għaldaqstant ma setgħet tintalab fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ tħammil li kienu diġà ġew awtorizzati u implementati qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats (33).

52.      Madankollu, kif issuġġerejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Valloni e steppe pedegarganiche, jidhirli “[j]ekk u sal-punt fejn jeżistu proġetti oħrajn, jew stadji oħrajn tal-istess proġett globali li jistgħu jiġu distinti mill-istadji ta’ qabel mingħajr artifiċjalità, dawn ikunu […] suġġetti għall-obbligu tall-Artikolu 6(3). Dawn ikunu kapaċi wkoll (potenzjalment, għall-inqas) li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ ordni superjuri ta’ l-Artikolu 6(4)” (34).

53.      Konsegwentement, jien inqis li x-xogħlijiet kollha l-oħra ta’ tħammil jew ta’ manutenzjoni fuq ix-xmara Ems għandhom ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni ex ante skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats.

54.      Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, l-Avukat Ġenerali Kokott sostniet li sabiex effettivament tiġi evitata ħsara mhux intenzjonata għal siti ta’ Natura 2000, il-miżuri kollha li potenzjalment jistgħu jagħmlu ħsara, għandhom, fejn possibbli, ikunu suġġetti għall-proċedura fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats; u li t-termini “pjan” u “proġett” għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod estensiv. Hi kkunsidrat il-fatt li s-sajd għall-arzell kien diġà ilu jsir bl-istess mod għal ħafna snin, imma hija qieset li la t-terminu “pjan” u lanqas it-terminu “proġett” ma jipprekludu miżura mġedda f’intervalli regolari milli tiġi kkunsidrata f’kull okkażżjoni bħala pjan jew proġett distint. B’mod sinifikanti, l-Avukat Ġenerali Kokott osservat, li preċiżament minħabba li l-miżuri inkwistjoni huma ripetuti, tali interpretazzjoni tat-termini “pjan” jew “proġett” ma twasslax għal ħsara sproporzjonata. Jekk l-effetti jibqgħu l-istess minn sena għal sena, faċilment ikun jista’ jiġi ddeterminat fl-evalwazzjoni li jkun imiss li ebda effett sinifikanti ma hu probabbli billi jsir riferiment għal evalwazzjonijiet preċedenti. Meta jinbidlu ċ‑ċirkustanzi, il-ħtieġa li jitwettqu evalwazzjonijiet komprensivi ġodda ma tistax tiġi eskluża u barra minn hekk hija ġġustifikata (35).

55.      Dan l-approċċ huwa raġonevoli.

56.      Jien inżid, li fil-fehma tiegħi, id-definizzjoni ta’ “pjan jew proġett” fl‑Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats għandha tkun definizzjoni awtonoma tal-Komunità. Din ma tistax tiddependi fuq in-natura tad-deċiżjoni amministrattiva li tawtorizza attività taħt il-liġi nazzjonali mingħajr ma tikkomprometti l-għan ta’ din id-direttiva. Jekk wieħed jassumi, pereżempju, li ħafna qabel ma jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats, Stat Membru kien ħa deċiżjoni amministrattiva definittiva li tippermetti liċ-ċittadini tiegħu li jisparaw liberament fuq il-lupi (36). Permess ġenerali bħal dan għall-qtil tal-lupi ma jkunx eżenti mill-iskrutinju taħt id-Direttiva dwar l-habitats sempliċement minħabba n-natura definittiva tad-deċiżjoni amministrattiva nazzjonali.

57.      Il-Kummissjoni tissottometti li l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ drittijiet akkwiżiti tipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali għal sitwazzjonijiet li kienu diġà ġew awtorizzati u l-iStadt Papenburg u l-Meyer-Werft għandhom aspettattiva leġittima fir-rigward tan-navigabbilità tax-xmara Ems. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li evalwazzjonijiet ex ante skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats ma jistgħux jiġu applikati għal xogħlijiet ta’ tħammil li jibqgħu taħt il-qafas tal-awtorizzazzjoni oriġinali skont il-liġi amministrattiva Ġermaniża. Hi tissuġġerixxi li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, li jobbliga Stati Membri li jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw, fiż-ŻSKs, id-deterjorament tal-habitat kif ukoll tfixkil sinifikanti tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, joffri protezzjoni ambjentali adegwata.

58.      Bl-istess mod, l-iStadt Papenburg tinvoka s-sentenza Kühne & Heitz (37), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li (taħt ċerti kundizzjonijiet speċifiċi) (38) l‑prinċipju tal-kooperazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE jimponi obbligu fuq korp amministrattiv li jikkunsidra mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva finali, fejn ikun sarlu rikors biex jagħmel tali kunsiderazzjoni mill-ġdid, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti mogħtija sadanittant mill-Qorti tal-Ġustizzja.

59.      Fil-fehma tiegħi dan ma huwiex l-approċċ korrett.

60.      F’din il-kawża, il-korp amministrattiv li kien adotta d-deċiżjoni li tawtorizza x-xogħlijiet ta’ tħammil ma kienx eżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni. Pjuttost, il-kwistjoni hija dwar jekk att leġiżlattiv Komunitarju – f’dan il-każ direttiva – jistax ibiddel sitwazzjoni legali stabbilita b’deċiżjoni amministrattiva skont il-liġi nazzjonali li kienet ittieħdet qabel l-iskadenza tat-terminu għat‑traspożizzjoni tad-direttiva u jibqa’ jkollha effetti legali.

61.      Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza VEMW et, il-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi hija bla dubju wieħed mill-prinċipji fondamentali tal‑Komunità u kull negozjant li fih istituzzjoni qajmet aspettattivi raġonevoli jista’ jinvoka dan il-prinċipju (39). Madankollu f’din il-kawża, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma għamlu xejn li seta’ jissuġġerixxi li s-sitwazzjoni ġuridika fis‑seħħ qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats kienet se titkompla indefinittivament.

62.      Huwa veru li l-awtoritajiet lokali Ġermaniżi tabilħaqq kienu adottaw miżura li tawtorizza xogħlijiet ta’ tħammil tal-Ems. Madankolllu, din id-deċiżjoni ġiet adottata fil-31 ta’ Mejju 1994 (40), ftit iktar minn sentejn wara li d-Direttiva dwar l-habitats kienet ġiet adottata (fil-21 ta’ Mejju 1992), għalkemm għaxart’ijiem qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva (10 ta’ Ġunju 1994) (41). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li jekk negozjant prudenti u kawt seta’ jantiċipa l-adozzjoni ta’ miżura Komunitarja li x’aktarx kienet se taffettwa l-interessi tiegħu, hu ma jistax jinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tiegħu jekk il-miżura tiġi adottata. F’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni kienet diġà ġiet adottata. Barra minn hekk, Stat Membru ma jistax jorbot il-Komunità b’tali mod li hija ma tkunx tista’ twettaq jew timplementa l-politika tagħha dwar l-ambjent u l-missjoni tagħha, iddikjarata fl-Artikolu 2 KE, li tippromwovi livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjen  (42).

63.      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ b’mod partikolari li regoli li jinvolvu konsegwenzi negattivi għal individwi għandhom ikunu ċari u preċiżi u l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għal dawk li huma suġġetti għalihom. Madankollu, individwu ma jistax jinvoka l-fatt li ma jkun hemm ebda emenda leġiżlattiva, imma jista’ jikkontesta biss l-arranġamenti għall-implementazzjoni ta’ tali emenda. Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jeħtieġx li ma jkun hemm ebda emenda leġiżlattiva. Pjuttost, jeħtieġ li l-leġiżlatur jieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet partikolari ta’ negozjanti u jipprovdi, skont il-każ, addattamenti għall-applikazzjoni tar-regoli legali ġodda (43).

64.      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, regoli ġodda japplikaw immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun oriġinat taħt ir-regoli qodma (44) u li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż sal-punt li jimpedixxi, b’mod ġenerali, regoli ġodda milli japplikaw għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jkunu oriġinaw taħt ir-regoli preċedenti (45).

65.      Evidentement jien sensittiv għall-interess leġittimu tal-iStadt Papenburg u tal-kostrutturi tiegħu tal-bastimenti li x-xmara Ems tkun navigabbli sabiex il-vapuri li huma jibnu jistgħu jilħqu l-baħar. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva dwar l-habitats tinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sitwazzjoni speċjali bħal dik ta’ bliet bħal Stadt Papenburg, permezz tad-deroga fl-Artikolu 6(4) (46).

66.      L-interessi tal-belt ta’ Papenburg u tat-tarzna tagħha jistgħu għalhekk jiġu protetti mingħajr ma jiġi interpretat l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats b’mod li jkun ristrett iż-żejjed u li joħloq ir-riskju li jikkomprometti l-għan tal-konservazzjoni tan-natura tagħha.

67.      Jekk it-ħammil tal-Ems essenzjalment jinvolvi l-istess operazzjonijiet li huma ripetuti bl-istess mod fuq medda ta’ żmien, huwa raġjonevoli li wieħed jassumi li l-evalwazzjoni ex ante skont l-Artikolu 6(3) ma għandhiex tkun wisq iebsa. Jekk, f’każ partikolari, ix-xogħlijiet ta’ tħammil neċċessarji jeċċedu l-limiti ta’ dawn l-operazzjonijiet ripetuti, għandha ssir evalwazzjoni iktar rigoruża (47). Jekk, minkejja evalwazzjoni negattiva tal-implikazzjonijiet għas-sit, ix-xogħlijiet tat-tħammil xorta waħda għandhom isiru (48), l-Artikolu 6(4) jippermetti li l-Ġermanja tinjora din l-evalwazzjoni ex ante negattiva u li tawtorizza dawn ix-xogħlijiet ta’ tħammil. Madankollu l-Ġermanja tkun imbagħad obbligata tadotta l-miżuri kumpensatorji meħtieġa biex tipproteġġi l-koerenza totali ta’ Natura 2000 u jkollha tinforma l-Kummissjoni bil-miżuri li hija tkun adottat.

68.      Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li għandu japplika l-Artikolu (2) biss. Madankollu, jien infakkar li l-Artikolu 6(2) u (3) għandhom funzjonijiet differenti fid-Direttiva dwar l-habitats. Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (49), il-fatt li pjan jew proġett kien ġie awtorizzat skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats jirrendi superfluwa applikazzjoni konkomitanti tar-regola ta’ protezzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 6(2). Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew proġett mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) neċessarjament tippresupponi li ġie meqjus bħala li ma huwiex ta’ natura li jaffettwa ħazin l-integrità tas-sit ikkonċernat u, konsegwentement, li lanqas ma huwa ma jista’ jwassal għad-deterjorazzjoni tal-habitats jew għat-tfixkil sinjifikanti fis-sens tal-Artikolu 6(2).

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid, madankollu, li “ma jistax jiġi eskluż li, sussugwentement, tali pjan jew proġett jirriżulta li huwa ta’ natura li jwassal għal deterjorazzjoni jew tfixkil bħal dan, anki jekk fin-nuqqas ta’ xi żball li għalih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jinżammu responsabbli”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar l-habitats tippermetti li jintlaħaq l-għan essenzjali tal-preżervazzjoni u tal-protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent, inkluż il-konservazzjoni tal-habitat naturali kif ukoll tal-fawna u flora selvaġġa (50).

70.      Għaldaqstant jien nikkunsidra li xogħlijiet ta’ tħammil fil-futur fix-xmara Ems għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ex ante skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats. L-Artikolu 6(2) għandu jgawdi minn rwol limitat biss għalkemm hu wieħed kemm kumplimentari u, fl-aħħar mill-aħħar, importanti.

71.      Konsegwentment, jien nikkonkludi li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwi fil-kanali navigabbli ta’ estwarji li kienu awtorizzati definittivament skont il-liġi nazzjonali qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 6(3) jew (4) tad-Direttiva meta dawn jitkomplew wara l-inklużjoni tas-sit fil-lista ta’ SIKs.

 Konklużjoni

72.      Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq, jien tal-fehma li r-risposti għad‑domandi preliminari magħmulin mill-Verwaltungsgericht Oldenburg għandhom ikunu dawn li ġejjin:

–        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa ma jippermettix li Stat Membru li jirrifjuta li jagħti l‑approvazzjoni għal-lista preliminari tal-Kummissjoni ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità għal raġunijiet oħra minbarra l-konservazzjoni tan-natura.

–        Xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwi fil-kanali navigabbli ta’ estwarji, li kienu awtorizzati b’mod definittiv skont il-liġi nazzjonali qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tagħhom konformi mal-Artikolu 6(3) jew (4) tad-direttiva meta dawn jitkomplew wara l-inklużjoni tas-sit fil-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ara http://www.meyerwerft.de.


3 – Ara l-Artikolu 75(1) VwVfG (Verwaltungsverfahrensgesetz – Liġi dwar proċeduri amministrattivi).


4 – Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102 ).


5 – Id-domandi preliminari huma riprodotti fil-punt 20 iktar ’l isfel.


6 – L-Artikolu 21 jirreferi għal proċedura regolatorja ta’ “komitoloġija” skont l-Artikoli 5 u 7 tad‑Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implementazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124).


77– Traduzzjoni mill-Bundestag tal-Ġermanja, tinstab f’ http://www.bundestag.de/interakt/informat/fremdsprachiges_material/downloads/ggEn_download.pdf


8 – Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping (C-371/98, Ġabra I‑9235, punt 20).


9 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


10 – Sentenza First Corporate Shipping, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 14 sa 16.


11 – Sentenza First Corporate Shipping, iċċitata fin-nota ta’qiegħ il-paġna 8, punti 22 sa 24.


12 – Sentenza First Corporate Shipping, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 25.


13 – Punt 51 tal-konklużjonijiet.


14 – L-iStadt Papenburg tirreferi speċifikament għall-punt 20 tas-sentenza: “Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Habitats jistabbilixxi proċedura għall-klassifikazzjoni ta’ siti naturali bħala ŻSK, imqassma fi stadji differenti bl-effetti legali relattivi, li intiża b’mod partikolari biex tippermetti l-ħolqien tan-netwerk Natura 2000, kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-direttiva.” Jien ma nistax nara kif dak il-punt jista’ jiġi interpretat fis-sens li b’xi mod igħid xi ħaġa dwar il-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali.


15 – Ara, fir-rigward tal-iStadju 1, is-sentenza First Corporate Shipping, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 15. Il-kriterji applikabbli għall-iStadju 2 huma stabbiliti fil-punt 13 iktar ’il fuq.


16 – Direttiva tal-Kunsill tat-2 ta’April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 1979 L 103, p. 1).


17 – Ara wkoll l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Habitats, li jistabbilixxi rabta bejn din id-direttiva u d-Direttiva dwar l-Għasafar billi jistipula li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva dwar l-Habitats jissostitwixxu l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-Għasafar fir-rigward ta’ żoni klassifikati bħala ŻSPs skont l-Artikolu (1), jew rikonoxxuti bl-istess mod bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Ara, barra dan, il-konklużjonijiet tiegħi tas-7 ta’ Mejju 2007 fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-388/05, Valloni e steppe pedegarganiche, Ġabra I‑7555, punt 40).


18 – Sentenza C-44/95, Ġabra p. I-3805.


19 – Sentenza Royal Society for the Protection of Birds, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 38 sa 41.


20 – Sentenza Royal Society for the Protection of Birds, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 41.


21 – “L-Istati Membri għandhom jadottaw l-miżuri meħtieġa biex iżommu l-popolazzjoni għall-ispeċi li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġiet ekonomiċi u rekreazzjonali, jew biex tkun adattata l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi għal dak il-livell.”


22 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (247/85, Ġabra p. 3029, punt 8).


23 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Valloni e steppe pedegarganiche, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 44 u 45.


24 – Kif osservajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Valloni e steppe pedegarganiche, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 16, nota ta’ qiegħ il-paġna 7, li tiġi stabbilita d-data eżatta mhix ħaġa sempliċi daqskemm wieħed jassumi. Il-Qorti tal-Ġustizzja issa stabbilixxiet li d-data korretta hi l-10 ta’ Ġunju 1994: ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda (C-418/04, Ġabra I‑10947, punt 32).


25 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, Ġabra p. I‑7405).


26 – Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 1985 L 175, p. 40). L-Artikolu 1(2) jistipula li “l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazzjonijiet jew skemi oħra” u “interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali’ għandhom jiġu kkunsidrati bħala “proġetti”.


27 – Is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 21 sa 28.


28 – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 248.


29 – Sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 25, punt 24.


30 – Konklużjonijiet fil-Kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 175.


31 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punti 248 sa 257.


32 – Forsi jista’ jsir xebh mal-Artikolu 28 KE, li għalih bl-istess mod il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ wiesgħa ħafna. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C-142/05 Ġabra p. I-4273, punt 24), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


33 – Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Valloni e steppe pedegarganiche, iċċitati fin‑nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 51.


34 – Iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 52.


35 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 30 sa 38.


36 – Il-kaċċa tal-lupi kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/05, Ġabra I-4713).


37 – Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, Ġabra p. I‑837).


38 – Jiġifieri, “meta skont il-liġi nazzjonali, hu għandu l-poter li jmur lura fuq din id-deċiżjoni; id-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni tkun saret finali b’riżultat ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċidi fil-prim’istanza; dik is-sentenza hi, fid-dawl ta’ deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għaliha, ibbażata fuq interpretazzjoni ħażina tad-dritt Komunitarju li ġiet adottata mingħajr ma tkun ġiet irrinvjata ebda domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari skond it-tielet sub-paragrafu tal-Artikolu 234 KE; u l-persuna kkonċernata tkun resqet ilment quddiem il-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf b’dik id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”. (punt 28 tas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 28).


39 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C-17/03, p. I‑4983, punti 73 u 74), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


40 – Ara l-punt 2 iktar ’il fuq.


41 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq.


42 – Ara, barra minn hekk, l-Artikoli 3(1)(l), 6, u 174 sa 176 KE. Ara, b’analoġija, is-sentenza VEMW et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punti 74 sa 75 u 79 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


43 – Sentenza VEMW et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punti 80 u 81.


44 – Ara, b’mod partikolari, il-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C-162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 50; u l-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-512/99, Ġabra p. I‑845, punt 46).


45 – Ara, b’mod partikolari, il-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (278/84, Ġabra 1987, punt 36); il-kawża Butterfly Music li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Ġinju 1999 (C-60/98, Ġabra p. I‑3939, punt 25; u Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 55.


46 – Ara, b’analoġija, is-sentenza VEMW et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 82.


47 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 38.


48 – Hi ħaġa kważi ċerta li ma hemm ebda “soluzzjonijiet alternattivi” biex jinġiebu bastimenti mit‑tarzna għall-baħar; u “raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku” jinkludu dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika.


49 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 35 u 36.


50 – Sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 37.