Language of document : ECLI:EU:C:2009:396

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2009 1(1)

Kawża C-73/08

Nicolas Bressol et

u

Céline Chaverot et


vs

Gouvernement de la Communauté française

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju)]

“Edukazzjoni ogħla – Saħħa pubblika – Numerus clausus – Obbligu ta’ residenza – Trattament ugwali – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ġustifikazzjonijiet ”





1.        L-istudenti ilhom iridu jsegwu (parti mit-)taħriġ tagħhom barra l-pajjiż tal-oriġini tagħhom għal parti sinjifikattiva tal-istorja Ewropea (2). Dan ir-rinviju jqajjem, mhux għall-ewwel darba, il-kwistjoni dwar jekk l-Istat ospitanti jistax jillimita n-numru ta’ studenti barranin li jistgħu jidħlu fis-sistema tal-edukazzjoni tiegħu.

2.        F’dan ir-rinviju mill-Cour Constitutionnelle (Qorti Kostituzzjonali) (il-Belġju), il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 u l-Artikolu 18(1) KE, flimkien mal-Artikolu 149(1), it-tieni inċiż tal-Artikolu 149(2) u t-tielet inċiż tal-Artikolu 150(2) KE.

3.        Il-kawża quddiem il-qorti nazzjonali tirrigwarda rikors għal annullament imressaq minn numru ta’ studenti, li l-maġġoranza tagħhom huma Franċiżi, u minn għalliema u impjegati amministrattivi ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla tal-Communauté française de Belgique (Komunità Franċiża tal-Belġju; iktar ’il quddiem il-“Komunità Franċiża”) kontra d-Décret régulant le nombre d’étudiants dans certains cursus de premier cycle de l’enseignement supérieur (Digriet li jirregola n-numru ta’ studenti f’ċerti korsijiet fl-ewwel sentejn tal-edukazzjoni ogħla; iktar ’il quddiem id-“Digriet”) adottat fis-16 ta’ Ġunju 2006 mill-Parlament tal-Communauté française de Belgique (Parlament tal-Komunità Franċiża tal-Belġju) (3).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Internazzjonali      

4.        L-Artikolu 2(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) (4) jipprovdi:

“L-Istati Partijiet għal dan il-Patt jimpenjaw irwieħom jiggarantixxu li d-drittijiet enunzjati f’dan il-Patt ser ikunu eżerċitati mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq [...] oriġini nazzjonali jew soċjali [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 13(2)(ċ) tal-ICESCR jipprovdi:

“L-Istati Partijiet għal dan il-Patt jirrikonoxxu li, bil-għan li jinkiseb it-twettiq sħiħ ta[d-dritt ta’ kulħadd għal edukazzjoni]:

[…]

(ċ)   L-edukazzjoni ogħla għandha ssir aċċessibbli bl-istess mod għal kulħadd, abbażi tal-kapaċità, bil-mezzi xierqa kollha, u b’mod partikolari bl-introduzzjoni progressiva ta’ edukazzjoni b’xejn;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Komunitarju

6.        L-Artikolu 2 KE jipprovdi:

“Il-Komunità għandu jkollha bħala l-kompitu tagħha, dana billi tistabilixxi suq komuni u unjoni ekonomika u monetarja u bl-implimentazzjoni ta’ politika komuni jew ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 4, dak li tippromwovi fil-Komunità kollha l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta’ l-attivitajiet ekonomiċi, livell għoli ta’ mpjieg u ta’ ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, it-tkabbir sostenibbli li ma jkunx inflazzjonarju, grad għoli ta’ kompettitività u konverġenza fl-operazzjoni ekonomika, livell għoli ta’ protezzjoni u titjieb fil-kwalità ta’ l-ambjent, it-titjieb tal-livell ta’ l-għixien u tal-kwalità tal-ħajja u l-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.”

7.        L-Artikolu 10 KE jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirrizultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

Huma m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanjiet ta’ dan it-Trattat.”


8.        L-Artikolu 12(1) KE jipprovdi:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

9.        L-Artikolu 18(1) KE jipprovdi:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett.”

10.      L-Artikolu 149(1) KE u t-tieni inċiż tal-Artikolu 149(2) KE jipprovdi:

“1.      Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

2.       L-azzjoni komunitarja għandha tkun immirata lejn:

[…]

–        l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi ir-rikonoxximnet akkademiku ta’ diplomi u perjodi ta’ studju,

…”

11.      It-tielet inċiż tal-Artikolu 150(2) KE jipprovdi:

“L-azzjoni komunitarja għandha jkollha l-mira li:

[…]

–        tħaffef l-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali u tinkoraġġixxi l-mobilità ta’ l-edukaturi u ta’ min ikun qiegħed jitħarreġ u partikolarment taż-żgħażagħ,

[…]”

 Id-dritt nazzjonali

12.      Permezz tal-Artikolu 1 tiegħu, id-digriet jiddefinixxi min jikkwalifika bħala student residenti għall-iskop tad-digriet: (5)

“Student residenti għall-iskopijiet ta’ dan id-digriet huwa student li, fiż-żmien tar-reġistrazzjoni tiegħu f’istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla, jagħti prova li r-residenza prinċipali tiegħu hi fil-Belġju u li huwa jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet segwenti:

1°     huwa għandu d-dritt jibqa’ permanentement fil-Belġju;

2°     huwa kellu r-residenza prinċipali tiegħu fil-Belġju għal tal-inqas sitt xhur qabel ir-reġistrazzjoni tiegħu f’istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla, u fl-istess ħin kien qed iwettaq attività professjonali bi ħlas jew bla ħlas jew kien qed jibbenefika minn dħul supplenti mogħti minn servizz pubbliku Belġjan;

3°     huwa għandu l-permess jibqa’ għal perijodu illimitat [fil-Belġju] abbażi tal-[leġiżlazzjoni Belġjana rilevanti];

4°     huwa għandu l-permess jibqa’ fil-Belġju għaliex igwadi minn status ta’ refuġjat [kif definit mil-leġiżlazzjoni Belġjana] jew ippreżenta talba biex jiġi rikonoxxut bħala refuġjat;

5°     huwa għandu d-dritt jirrisjedi fil-Belġju għaliex jibbenefika minn protezzjoni temporanja abbażi tal-[leġiżlazzjoni Belġjana rilevanti];

6°     huwa għandu omm, missier, kustodju legali, jew konjuġi li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq;

7°     huwa kellu r-residenza prinċipali tiegħu fil-Belġju għal tal-inqas tliet snin fiż-żmien tar-reġistrazzjoni tiegħu f’istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla;

8°     huwa ngħata borża ta’ studju għall-istudji tiegħu fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp għas-sena akkademika u għall-istudji li għalihom saret it-talba għar-reġistrazzjoni.

Id-“dritt [li wieħed] jibqa’ permanentement” skont it-tifsira tal-paragrafu 1° ifisser, għal ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, id-dritt rikonoxxut bis-saħħa tal-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2004/38/KE [(6)] [u], għal ċittadini ta’ Stati mhux Membri, id-dritt li jirresjedu fil-Belġju bis-saħħa tal-[leġiżlazzjoni Belġjana rilevanti].”

13.      Il-Kapitolu II tad-digriet jinkludi dispożizzjonijiet fir-rigward tal-aċċess għall-universitajiet. L-Artikolu 2 jillimita n-numru ta’ studenti li jirreġistraw għall-ewwel darba f’università fil-Komunità Franċiża f’kors elenkat fl-Artikolu 3, skont il-metodu stabbilit fl-Artikolu 4.

14.      L-Artikolu 3 tad-digriet jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II japplikaw għal korsijiet li jwasslu għal gradi ta’ baċellerat fil-fiżjoterapija u fir-riabilitazzjoni u fil-mediċina veterinarja.

15.      L-Artikolu 4 tad-digriet jipprovdi kif ġej:

“Għal kull università u għal kull kors imsemmi fl-Artikolu 3, ikun hemm numru totali “T” ta’ studenti li jirreġistraw għall-ewwel darba fil-kors rilevanti u li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet ta’ finanzjament, kif ukoll numru “NR” ta’ studenti li jirreġistraw għall-ewwel darba fil-kors rilevanti li mhumiex ikkunsidrati bħala residenti skont l-Artikolu 1.

Meta l-proporzjoni bejn in-NR, minn naħa, u t-T tas-sena akkademika preċedenti, min-naħa l-oħra, jilħaq perċentwali speċifiku “P”, l-awtoritajiet akkademiċi għandhom jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni addizzjonali ta’ studenti li ma jkunux għadhom ġew irreġistrati fil-kors rilevanti u li mhumiex ikkunsidrati bħala residenti skont l-Artikolu 1.

Il-P fil-paragrafu preċedenti huwa stabbilit għal 30 %. Madankollu, fejn, f’sena akkademika partikolari, in-numru ta’ studenti li jistudjaw f’pajjiż li mhuwiex dak fejn ikunu kisbu d-diploma tal-iskola sekondarja tagħhom ikun iktar minn 10 % tal-medja fl-istabbilimenti tal-edukazzjoni ogħla kollha tal-Unjoni Ewropea, il-P ikun ugwali, għas-sena akkademika li jmiss, għal dak il-perċentwali mmultiplikat bi 3”.

16.      L-Artikolu 5 tad-digriet jipprovdi kif ġej:

“[1] […] studenti li mhumiex ikkunsidrati bħala residenti skont l-Artikolu 1 jistgħu japplikaw għal reġistrazzjoni f’kors elenkat fl-Artikolu 3 fit-tliet ġranet tax-xogħol l-iktar kmieni qabel it-2 ta’ Settembru ta’ qabel is-sena akkademika rilevanti. L-istudenti [...] jiġu rreġistrati abbażi ta’ minn jilħaq l-ewwel.

[…]

[3]   Kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata mit-2 ta’ Settembru ’il quddiem ta’ qabel is-sena akkademika b’mod konformi mal-ewwel paragrafu għandha tiġi rreġistrata f’reġistru [...]

[4]   B’deroga mill-ewwel paragrafu, fir-rigward ta’ studenti mhux residenti li jippreżentaw lilhom infushom biex jippreżentaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’xi wieħed mill-korsijiet imsemmija fl-Artikolu 3 l-iktar tard fl-aħħar ġurnata tax-xogħol qabel it-2 ta’ Settembru ta’ qabel is-sena akkademika, jekk in-numru ta’ dawk l-istudenti li jkunu hekk ippreżentaw lilhom infushom jeċċedi n-NR kif imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4, il-prijorità [għall-iskopijiet ta’ reġistrazzjoni] bejn dawk l-istudenti tiġi deċiża bix-xorti [...]

[5]      Kull student mhux residenti jista’ jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni waħda biss fir-rigward tal-korsijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 7 qabel it-2 ta’ Settembru ta’ qabel is-sena akkademika. Studenti li jiksru dik id-dispożizzjoni jiġu esklużi mill-istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla li għaliha jkunu ġew ammessi sabiex isegwu wieħed mill-korsijiet imsemmija fl-Artikoli 3 jew 7.

[…]”

17.      Il-Kapitolu III jinkludi dispożizzjonijiet relatati ma’ skejjel tal-edukazzjoni ogħla. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, u l-Artikoli 8 u 9 (li jiffurmaw parti minn dak il-kapitolu) jinkludu dispożizzjonijiet analogi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, u għall-Artikoli 4 u 5.

18.      L-Artikolu 7 tad-digriet japplika d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III għall-korsijiet li jwasslu għall-gradi ta’ baċellerat fil-professjoni tal-qabla, fit-terapija okkupazzjonali, fit-terapija għal pronunzja, fil-podjatrija-kiropodija, fil-fiżjoterapija, fl-awdjoloġija u għal edukatur speċjalizzat fl-għoti ta’ pariri psiko-edukazzjonali.

 Il-proċeduri prinċipali u d-domandi rinvjati

19.      Skont id-digriet tar-rinviju, għal diversi snin il-leġiżlatura tal-Komunità Franċiża osservat żieda qawwija fin-numru ta’ studenti rreġistrati għall-ewwel darba fil-korsijiet inkwistjoni. Ġie espress tħassib li, b’rigward għar-riżorsi baġitarji, umani u materjali disponibbli għall-istituzzjonijiet ta’ tagħlim ikkonċernati, din iż-żieda kienet qed tipperikola l-kwalità tat-tagħlim – u, minħabba n-natura tal-korsijiet inkwistjoni, is-saħħa pubblika.

20.      Fis-sena akkademika 2003/04, in-numru ta’ studenti li kellhom diplomi tal-iskola sekondarja mogħtija minn Stat Membru ieħor li kienu rreġistrati f’korsijiet oħra mhux koperti bid-digriet kienu jirrappreżentaw inqas minn 10 % tar-reġistrazzjonijiet. Fis-sena akkademika 2004/05, dan kien bejn 41 % u 75 % għall-korsijiet koperti bid-digriet fl-iskejjel tal-edukazzjoni ogħla. Fis-sena akkademika 2005/06, dan kien bejn 78 % u 86 % għall-korsijiet universitarji koperti bid-digriet.

21.      Ħafna mill-istudenti rreġistrati li kellhom diplomi tal-iskola sekondarja miksuba barra mill-Komunità Franċiża tal-Belġju huma ta’ ċittadinanza Franċiża. Skont il-qorti tar-rinviju dan huwa dovut għal diversi fatturi.

22.      L-ewwel, fi Franza d-dħul fl-iskejjel veterinarji jsir permezz ta’ eżami nazzjonali kompetittiv, miftuħ biss għal studenti li jkunu lestew sentejn ta’ studji preparatorji wara d-diploma tal-iskola sekondarja tagħhom. Fl-2004, 329 kandidat ġew ammessi fl-erba’ skejjel veterinarji nazzjonali permezz ta’ dik il-kompetizzjoni. Dak in-numru tnaqqas għal 221 fl-2005 u miżjud għal 436 fl-2006. Ġeneralment, wieħed minn ħamsa tal-kandidati għall-eżami kompetittiv biss huwa ammess.

23.      It-tieni, Franza stabbilixxiet numerus clausus fir-rigward tal-istudenti tal-fiżjoterapija.

24.      B’riżultat ta’ dan, ħafna studenti Franċiżi jiġu jistudjaw bil-Franċiż fil-Komunità Franċiża tal-Belġju. Fit-tmiem tal-istudji tagħhom, huma jirritornaw Franza biex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom. Kważi terz mill-veterinarji li jistabbilixxu rwieħhom fi Franza ta’ kull sena jkunu kisbu d-diploma tagħhom fil-Komunità Franċiża tal-Belġju. Dan ma jidhirx li qed joħloq affollament tal-professjoni fi Franza. Fl-2005, iktar minn 800 student kisbu diplomi fil-fiżjoterapija fil-Komunità Franċiża tal-Belġju.

25.      B’reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, il-Parlament tal-Komunità Franċiża ppromulga d-digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006. Dan effettivament jistipula numerus clausus għar-reġistrazzjoni minn persuni mhux residenti u jiddefinixxi r-“residenti” li mhumiex suġġetti għan-numerus clausus permezz ta’ kundizzjoni doppja. Essenzjalment, ir-“residenti” huma persuni li għandhom kemm ir-residenza prinċipali tagħhom fil-Belġju kif ukoll id-dritt għal residenza permanenti fil-Belġju.

26.      Kull università jew skola tal-edukazzjoni ogħla jistgħu jaċċettaw biss numru limitat ta’ studenti mhux residenti. Dak in-numru huwa stabbilit għal kull kors f’kull istituzzjoni, għas-sena akkademika 2006/07, għal 30 % tan-numru totali tal-istudenti rreġistrati għall-ewwel darba fl-istituzzjoni fil-korsijiet ikkonċernati. Kandidati mhux residenti jistgħu japplikaw għar-reġistrazzjoni matul it-tliet ġranet ta’ xogħol ta’ qabel it-2 Settembru biss. Jekk in-numru tagħhom jeċċedi n-numerus clausus, il-kandidati aċċetati jintgħażlu permezz tax-xorti.

27.      Fid-9 ta’ Awwissu 2006, N. Bressol u 43 persuna oħra ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn talbu l-annullament tad-digriet. Fit-13 ta’ Diċembru 2006, C. Chaverot u 18–il persuna oħra wkoll ippreżentaw rikors fejn talbu l-annullament ta’ diversi artikoli tad-digriet. Huma jikkontestaw id-differenza fit-trattament li d-digriet jistabbilixxi bejn residenti u mhux residenti fir-rigward tad-dħul għall-korsijiet inkwistjoni.

28.      Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Belġju, fejn esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-kompatibbiltà tad-digriet mad-dritt Komunitarju. Fl-24 ta’ Mejju 2007, il-Belġju wieġeb għal dik l-ittra, u pprovda ċerti statistiċi u spjegazzjonijiet. Fit-28 ta’ Novembru 2007, wara li ġie kkunsidrat li, mingħajr miżuri protettivi xierqa, il-Komunità Franċiża tal-Belġju kienet qed tirriskja li ma tkunx “f’qagħda li żżomm livelli suffiċjenti ta’ kopertura u kwalità territorjali fis-sistema tas-saħħa pubblika tagħha”, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissospendi l-proċedura għal ħames snin “sabiex tippermetti lill-awtoritajiet Belġjani jipprovdu informazzjoni addizzjonali insostenn għall-argument li l-miżuri restrittivi imposti huma kemm meħtieġa kif ukoll proporzjonali”(7)

29.      Peress li l-Qorti Kostituzzjonali għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikoli 4 u 8 tad-digriet ma’ diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Belġjana, moqrija flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12, l-Artikoli 18(1), 149(1) u (2), u 150(2) KE, hija ddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12 u l-Artikolu 18(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, moqrija flimkien mal-Artikolu 149(1), mat-tieni inċiż tal-Artikolu 149(2) u mat-tielet inċiż tal-Artikolu 150(2) tal-imsemmi Trattat, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu kummissjoni awtonoma ta’ Stat Membru li hija responsabbli mill-edukazzjoni terzjarja [ogħla], li tiffaċċja influss ta’ studenti minn Stat Membru ġar f’diversi korsijiet ta’ natura medika ffinanzjati prinċipalment minn fondi pubbliċi, bħala konsegwenza ta’ politika restrittiva mħaddna minn dan l-Istat ġar, milli tadotta miżuri bħal dawk inklużi fid-Digriet tal-Komunità Franċiża tas-16 ta’ Ġunju 2006, li jirregolaw in-numru ta’ studenti f’ċerti korsijiet fl-ewwel sentejn tal-edukazzjoni terzjarja [ogħla], fejn din il-Komunità tinvoka motivi validi sabiex issostni li hemm ir-riskju li din is-sitwazzjoni toħloq piż fuq il-fondi pubbliċi u thedded il-kwalità ta’ edukazzjoni pprovduta?

(2)      Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk din il-Komunità turi li l-effett ta’ din is-sitwazzjoni huwa li numru ta’ gradwati universitarji li jirrisjedu f’din il-Komunità huwa żgħir wisq sabiex ikun hemm, fuq medda ta’ żmien, numru suffiċjenti ta’ persunal mediku kkwalifikat sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tas-sistema tas-saħħa pubblika f’din il-Komunità?

(3)      Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk dik il-Komunità, b’kunsiderazzjoni tal-aħħar parti tal-Artikolu 149(1) u tal-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li jinkludi obbligu ta’ standstill, tagħżel li żżomm aċċess wiesa’ u demokratiku għall-edukazzjoni terzjarja [ogħla] għall-populazzjoni ta’ din il-Komunità?”

30.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Awstrija u dak tal-Belġju kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

31.      Fit-3 ta’ Marzu 2009 inżammet seduta li fiha dawn il-partijiet kollha għamlu sottomissjonijiet orali.

 Rimarki preliminari

32.      Filwaqt li l-Artikolu 149(1) KE jipprovdi li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli “għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom”, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali jaqgħu fi ħdan l-iskop tat-Trattat (8). F’dak ir-rigward hija rreferiet għat-tieni inċiż tal-Artikolu 149(2) KE, li jipprovdi espressament li azzjoni Komunitarja għandha tkun immirata biex tiġi inkoraġġuta l-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema, inter alia, billi tinkoraġġixxi r-rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi u ta’ perijodi ta’ studju u għat-tielet inċiż tal-Artikolu 150(2) KE, li jipprovdi li azzjoni għandha timmira biex tħaffef l-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali u tinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-edukaturi u ta’ min ikun qiegħed jitħarreġ u partikolarment taż-żgħażagħ (9). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li kemm l-edukazzjoni ogħla kif ukoll l-edukazzjoni universitarja jikkostitwixxu formazzjoni vokazzjonali (10).

33.      Huwa paċifiku li d-digriet jistipula l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla jew universitarja fil-Komunità Franċiża tal-Belġju. Dan għalhekk jirregola materja li taqa’ fi ħdan l-iskop tat-Trattat.

34.      Huwa wkoll ċar li d-digriet jiddistingwi bejn studenti, u jikklassifikahom bħala residenti jew mhux residenti skont jekk dawn jissodisfawx jew le ċerti kriterji. Studenti residenti jgawdu aċċess mhux ristrett għall-korsijiet kollha. Studenti mhux residenti huma suġġetti għal numerus clauses f’ċerti korsijiet. Għaldaqstant, huwa ovvju li hemm differenza fit-trattament taż-żewġ gruppi ta’ studenti.

35.      L-Artikolu 12 KE jipprojbixxi, fl-ambitu tal-iskop ta’ applikazzjoni tat-Trattat, u bla ħsara għal kwalunkwe dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemmhekk, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza. Għalhekk id-digriet għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ dik id-dispożizzjoni.

36.      L-ewwel żewġ domandi li saru mill-qorti tar-rinviju jitolbu gwida dwar l-applikabbiltà ta’ tliet ġustifikazzjonijiet possibbli għal trattament diskriminatorju. Ir-risposta għal dawk id-domandi parzjalment tiddependi fuq jekk id-diskriminazzjoni hijiex diretta jew indiretta (11). Għalhekk, l-ewwel għandi nikkjarifika n-natura tat-trattament diskriminatorju inkwistjoni.

 In-natura tat-trattament diskriminatroju

37.      Id-digriet jillimita n-numru ta’ reġistrazzjonijiet tal-ewwel darba ta’ studenti mhux residenti f’ċerti korsijiet (elenkati fl-Artikoli 3 u 7). Sabiex jiġi kkunsidrat bħala residenti u jevita dik ir-restrizzjoni, student għandu jissodisfa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stipulati fl-Artikolu 1 tad-digriet: (i) huwa għandu jagħti prova li r-residenza prinċipali tiegħu hi fil-Belġju; (ii) huwa għandu jissodisfa waħda minn tmien kundizzjonijiet oħra elenkati hemmhekk (12).

38.      Id-digriet tar-rinviju jagħmilha ċara li, peress li ċ-ċittadini Belġjani kollha jgawdu (bis-saħħa taċ-ċittadinanza tagħhom) dritt li jibqgħu permanentement fil-Belġju skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet, huma awtomatikament jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi biex jitqiesu bħala “residenti” sakemm huma jkollhom ir-residenza prinċipali tagħhom fil-Belġju fiż-żmien tal-applikazzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni (13).

39.      Min-naħa l-oħra, għal kull student prospettiv li mhuwiex ċittadin Belġjan, it-tieni kundizzjoni kumulattiva tippreżenta ostaklu reali. Sabiex tiġi sodisfatta dik il-kundizzjoni, ċittadini tal-UE li m’għandhomx ċittadinanza Belġjana jistgħu jinvokaw id-dritt li “jgħixu permanentement fil-Belġju” biss fl-ambitu tal-limiti stipulati fid-Direttiva 2004/38, jiġifieri, essenzjalment, wara perijodu kontinwu ta’ residenza legali fil-Belġju ta’ ħames snin (14). Jekk ma jistgħux jagħmlu dan (u ma jistgħux jissodisfaw xi wieħed mis-seba’ kriterji l-oħrajn), huma jiġu kklassifikati bħala mhux residenti. Dak hu, tabilħaqq, l-għan preċiż tad-digriet.

40.      Din id-differenza fit-trattament hi diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba ċittadinanza?

41.      Fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha tal-24 ta’ Jannar 2007 (15), il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li, peress li ċ-ċittadini Belġjani għandhom sempliċement jistabbilixxu r-residenza tagħhom fil-Belġju biex jissodisfaw il-kundizzjoni fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet, filwaqt li l-oħrajn kollha jridu jissodisfaw kundizzjoni addizzjonali, id-diskrimkinazzjoni hija diretta. Il-Kummissjoni ma segwietx din il-linja ta’ argument fil-proċeduri preżenti, u kkuntentat ruħha (kif għamlu l-partijiet l-oħra) teżamina d-domandi rinvjati abbażi ta’ diskriminazzjoni indiretta. Madankollu, jien ma nemminx li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew setgħet tevita l-kwistjoni.

42.      Għal preċiżjoni, ser neżamina ż-żewġ kundizzjonijiet imposti bid-digriet separatament. Madankollu, għandi nispjega dak li nikkunsidra li hi d-distinzjoni essenzjali bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta.

 Id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta

43.      B’mod pjuttost sorprendenti, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tinkludi ebda tifsira ċara ta’ “diskriminazzjoni diretta”. Dak li jrid jiġi mfisser b’dak il-kunċett għalhekk għandu jiġi dedott mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u dwar il-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta.

44.      Il-frażi klassika użata mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddefinixxi l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, hi li dak il-prinċipju jeħtieġ “li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat” (16). Dan jidher li japplika għaż-żewġ forom ta’ diskriminazzjoni (17).

45.      Id-definizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni diretta fid-Direttiva dwar id-Diskriminazzjoni Sesswali (18), fid-Direttiva dwar id-Diskriminazzjoni Razzjali (19) u fid-Direttiva Qafas dwar it-Trattament Ugwali (20) bl-istess mod huma ftit li xejn ta’ għajnuna. Essenzjalment, dawn jiddefinixxu d-diskriminazzjoni diretta bħala li sseħħ meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli, għal xi waħda mir-raġunijiet ipprojbiti, minn kif persuna oħra hi, jew ġiet jew tkun ittrattata f’sitwazzjoni komparabbli (21). Dawn id-definizzjonijiet jistgħu jiġu kkuntrastati mad-definizzjonijiet, f’kull direttiva, ta’ diskriminazzjoni indiretta. Diskriminazzjoni indiretta sseħħ kull fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali jiżvantaġġaw lil persuni li għandhom karatteristika li abbażi tagħha trattament differenzjat huwa pprojbit, sakemm dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika mhumiex oġġettivament iġġustifikati b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi biex jintlaħaq dak il-għan huma adatti u meħtieġa (22).

46.      Madankollu, id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta jew indiretta mhijiex preċiża.

47.      Fil-fehma tiegħi, il-problema tinstab f’li jiġi stabbilit b’mod preċiż x’jikkostitwixxi “dispożizzjoni apparentement newtrali”. Dik il-frażi prinċipali tidher li hi magħquda b’mod li ma tistax tinħall mal-kunċett ta’ “diskriminazzjoni moħbija” li tidher fi mkejjen oħra fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “[i]l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-projbizzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, stabbilita fl-Artikolu 12(1) KE hija espressjoni partikolari tiegħu, jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ovvji bbażati fuq iċ-ċittadinanza, imma t-tipi kollha ta’ diskriminazzjoni moħbija, bbażati fuq iċ-ċittadinanza li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, fil-fatt iwasslu għall-istess riżultat” (23). Dik il-formula hi ta’ spiss marbuta ma’ frażi li tistabbilixxi ġustifikazzjonijiet possibbli għal diskriminazzjoni indiretta. Pereżempju, fir-rigward ta’ ħaddiema immigranti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li sakemm “mhijiex oġġettivament ġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja, meta hija tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar il-ħaddiema migranti miċ-ċittadini nazzjonali u li konsegwentement toħloq riskju li tqiegħed fi żvantaġġ iktar partikolarment lil tal-ewwel” (24).

49.      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tikkunsidra d-differenza bejn diskriminazzjoni “ċara” u diskriminazzjoni “moħbija” bħala l-qofol ta’ dak li jiddistingwi diskriminazzjoni diretta minn dik indiretta. Dan jidher b’mod iktar ċar fis-sentenza fit-tieni kawża Defrenne (il-bidu tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diskriminazzjoni sesswali), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal “diskriminazzjoni diretta u ċara” u kkontrastata ma’ “diskriminazzjoni indiretta u moħbija” (25).

50.      Ikolli nammetti li ma nħossx li hu utli li nagħmel distinzjoni b’dan il-mod (26). Hu pjuttost evidenti li d-distinzjoni bejn diskriminazzjoni ċara u diskriminazzjoni moħbija mhux dejjem tikkoinċiedi neċessarjament ma’ dik bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta.

51.      Eżempju ċar ta’ diskriminazzjoni diretta moħbija tinstab fis-sentenza Dekker. E.J.P Dekker kienet ġiet informata li r-raġuni għalfejn ma kinitx kisbet l-impjieg li għalih hija kienet bla dubju ta’ xejn l-aħjar kandidata, ma kinitx it-tqala tagħha fiha nnifisha, imma l-konsegwenzi finanzjarji għall-impjegat prospettiv tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddeċiedi dwar jekk ir-rifjut li hija tiġi impjegata għandux jitqies bħala diskriminazzjoni diretta minħabba sess. Hi ġustament ikkonstatat li r-risposta kienet tiddependi “fuq jekk ir-raġuni fundamentali għar-rifjut ta’ impjieg hijiex waħda li tapplika mingħajr distinzjoni għal ħaddiema ta’ kull sess jew, għall-kuntrarju, jekk din tapplikax esklużivament għal sess wieħed”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “[i]n-nisa biss jistgħu jiġu rrifjutati impjieg għal raġunijiet ta’ tqala u għaldaqstant tali rifjut jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba sess” (27). Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ikkonfermat dan l-approċċ f’numru ta’ kawżi oħra (28).

52.      L-Avukat Ġenerali Jacobs għamel id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta b’mod kemmxejn differenti – u, fil-fehma tiegħi, b’mod iktar ċar - fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Schnorbus: “jista’ jingħad li d-diskriminazzjoni minħabba sess tqum meta membri ta’ sess wieħed jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli minn dawk tas-sess l-ieħor. Id-diskriminazzjoni hi diretta meta d-differenza fit-trattament tkun ibbażata fuq kriterju li jew hu espliċitament dak tas-sess jew hu neċessarjament marbut ma’ karatteristika li ma tistax tiġi separata mis-sess. Din hija indiretta meta jiġi applikat xi kriterju ieħor iżda dan jaffettwa proporzjon sostanzjalmet għola ta’ sess wieħed minn dak tas-sess l-ieħor.” (29).

53.      Dik l-analiżi ta’ x’jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta tista’ tiġi adattata sabiex tapplika għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq xi raġuni pprojbita. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, id-diskriminazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata li hi diretta meta d-differenza fit-trattament tkun ibbażata fuq kriterju li jew hu espliċitament dak taċ-ċittadinanza jew hu neċessarjament marbut ma’ karatteristika li hi inseparabbli miċ-ċittadinanza.

54.      Fis-sentenza Dekker, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tasal għall-istess konklużjoni li d-diskriminazzjoni kienet diretta li kieku applikat it-test “li kieku ma kienx għal”, li abbażi tiegħu, “li kieku ma kienx għal” karatteristika partikolari (sess, razza, età, ċittadinanza, etc), il-persuna kkonċernata kienet tgawdi l-iktar trattament favorevoli li ġie mogħti lill-komparatur rilevanti (30). Riformulata b’dan il-mod, il-kwistjoni li l-qorti nazzjonali kellha tirriżolvi kienet: “li kieku ma kienx għat-tqala tagħha (karatteristika marbuta b’mod inseparabbli mas-sess), jekk l-affarijiet l-oħra kellhom ikun l-istess, E.J.P Dekker kienet tiġi magħżula?” Jekk ir-risposta kienet iva, ir-rifjut li tiġi rreklutata kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba sess (31).

55.      Din l-analiżi timplika – b’mod kruċjali – li, biex ikun hemm diskriminazzjoni diretta, huwa biżżejjed li f’xi punt fil-katina tal-ġrajjiet, it-trattament avvers li tirċievi l-vittma jkun ibbażat fuq, jew ikkawżat minn, l-użu ta’ karatteristika li ma tistax isservi biex isiru distinzjonijiet sabiex dik il-persuna tiġi distinta minn oħrajn. Għall-konvenjenza ser nirreferi għal dan il-proċess bħala “klassifikazzjoni pprojbita”.

56.      Definizzjoni ġenerali tista’ tiġi fformulata fuq din il-bażi li, safejn nista’ nara, tirrifletti b’mod preċiż is-sitwazzjonijiet kollha rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jikkostitwixxu diskriminazzjoni diretta bbażata fuq xi raġuni pprojbita mid-dritt Komunitarju. Nikkunsidra li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta l-kategorija ta’ dawk li jirċievu ċertu vantaġġ u l-kategorija ta’ dawk li jsofru żvantaġġ korrelattiv jikkoinċidu eżattament mal-kategoriji rispettivi ta’ persuni li jiġu distinti biss bl-applikazzjoni ta’ klassifikazzjoni pprojbita.

57.      Għaldaqstant, fil-każ ta’ E.J.P. Dekker, il-kategorija ta’ dawk li rċevew ċertu vantaġġ (dawk ikkunsidrati adatti għal impjieg) ikkoinċidiet eżattament mal-kategorija ta’ persuni li ġew distinti biss bl-applikazzjoni ta’ klassifikazzjoni pprojbita (is-sess – speċifikament, persuni li fl-ebda ċirkustanza ma jistgħu jinqabdu tqal, jiġifieri l-irġiel). Il-kategorija ta’ dawk li jsofru l-iżvantaġġ korrelattiv (dawk mhux ikkunsidrati adatti għal impjieg) ikkoinċidiet eżattament mal-kategorija relattiva ta’ persuni li ġew distinti biss bl-applikazzjoni ta’ klassifikazzjoni ipprojbita (is-sess, f’dan il-każ persuni li jistgħu jinqabdu tqal, jiġifieri n-nisa). Għaldaqstant it-trattament avvers (ir-rifjut ta’ reklutaġġ) ikkostitwixxa diskriminazzjoni diretta abbażi ta’ klassifikazzjoni pprojbita (is-sess).

58.      X’inhu r-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan it-test għal diskriminazzjoni diretta għaż-żewġ kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 tad-digriet?

 L-ewwel kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet

59.      L-ewwel kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet tirrikjedi li studenti prospettivi jkollhom ir-residenza prinċipali tagħhom fil-Belġju fiż-żmien tar-reġistrazzjoni tagħhom f’istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla (“ir-rekwiżit ta’ residenza prinċipali”).

60.      Huwa evidenti li tali kundizzjoni ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta minħabba ċittadinanza. Il-Belġjani u persuni mhux Belġjani, bl-istess mod jistgħu jistabbilixxu r-residenza prinċipali tagħhom fil-Belġju. Għalhekk, il-kategorija ta’ dawk li jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet ma tikkoinċidix mal-kategorija taċ-ċittadini Belġjani.

61.      Ir-rekwiżit ta’ residenza prinċipali jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta?

62.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ kriterji apparentement newtrali ta’ differenzazzjoni li fil-fatt iwasslu għal riżultat diskriminatorju tapplika, b’mod partikolari, għal miżura li tagħmel distinzjoni abbażi tar-residenza. Dak ir-rekwiżit itendi li jopera prinċipalment għad-detriment ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, peress li persuni mhux residenti huma fil-maġġjoranza tal-każijiet barranin (32).

63.      Mhuwiex serjament ikkontestat li r-rekwiżit ta’ residenza prinċipali jikkostitwixxi miżura indirettament diskriminatorja.

 It-tieni kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet

64.      Fil-fehma tiegħi, għall-kuntrarju, it-tieni kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba ċittadinanza.

65.      Iċ-ċittadini Belġjani kollha awtomatikament igawdu mid-dritt li jibqgħu permanentement fil-Belġju (l-ewwel mit-tmien kriterji possibbli fl-ambitu tat-tieni kundizzjoni kumulattiva tal-Artikolu 1 tad-digriet). L-ebda persuni oħra mhux Belġjani m’għandhom awtomatikament dan id-dritt. Għaldaqstant, dawn għandhom jew jissodisfaw kundizzjonijiet addizzjonali biex jakkwistaw tali dritt (prinċipalment dawk preskritti bid-Direttiva 2004/38) jew iwettqu xi wieħed mill-kriterji l-oħra elenkati f’dik id-dispożizzjoni (33).

66.      Il-kategorija ta’ dawk li jirċievu ċertu vantaġġ (dawk li awtomatikament għandhom dritt jibqgħu permanentement fil-Belġju u għalhekk awtomatikament jissodisfaw it-tieni kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet) għalhekk tikkoinċidi eżattament mal-kategorija ta’ persuni li jiġu distinti biss abbażi ta’ klassifikazzjoni pprojbita (iċ-ċittadinanza, f’dan il-każ dawk li għandhom ċittadinanza Belġjana). Il-kategorija ta’ dawk li jsofru żvantaġġ korrelattiv (dawk li m’għandhomx awtomatikament tali dritt) tikkoinċidi eżattament mal-kategorija ta’ persuni li jiġu distinti biss abbażi ta’ klassifikazzjoni pprojbita (iċ-ċittadinanza, f’dan il-każ dawk li m’għandhomx ċittadinanza Belġjana).

67.      Id-differenza fit-trattament hi evidentement ibbażata fuq kriterju (id-dritt li wieħed jibqa’ permanentement fil-Belġju) li hu neċessarjament marbut ma’ karatteristika li hi inseparabbli miċ-ċittadinanza (34). Id-diskriminazzjoni inkwistjoni minħabba ċittadinanza hi għalhekk diretta.

68.      Il-fatt li ċittadini tal-UE mhux Belġjani jistgħu, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet fid-Direttiva 2004/38, jiksbu d-dritt li jibqgħu permanentement fil-Belgium ma jbiddilx dik il-konklużjoni. Id-diskriminazzjoni diretta tinsab preċiżament fil-fatt li, għall-persuni mhux Belġjani kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE l-oħrajn kollha, id-dritt li jibqgħu permanentement fil-Belġju hu suġġett għall- kundizzjoni li jiġi ssodisfatt xi wieħed mill-kriterji li jibqgħu fit-tieni kundizzjoni kumulattiva, jew dawk fid-Direttiva 2004/38. Għall-Belġjani, id-dritt hu neċessarjament u awtomatikament marbut mal-fatt li wieħed ikun Belġjan u għaldaqstant ma’ klassifikazzjoni pprojbita: iċ-ċittadinanza.

69.      Jien nasal għall-istess konklużjoni billi napplika t-test “li kieku ma kienx għal”. Ejjew nieħdu żewġ studenti prospettivi tal-mediċina veterinarja, it-tnejn li huma lestew l-edukazzjoni sekondarja tagħhom fil-Lussemburgu, fejn jgħixu u jaħdmu l-ġenituri tagħhom. It-tnejn li huma jixtiequ jistudjaw fil-Belġju. L-istudent A hu Belġjan. L-istudent B hu Bulgaru. It-tnejn li huma jittrasferixxu ruħhom għal kamra tal-istudenti f’Louvain-la-Neuve fl-istess bini u jibdew jirrisjedu hemmhekk fil-bidu tas-sena akkademika 2008/09 b’antiċipazzjoni għar-reġistrazzjoni. It-tnejn li huma għalhekk jistgħu jagħtu prova li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ residenza prinċipali.

70.      L-istudent A awtomatikament jissodisfa t-tieni kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet. Bħala Belġjan, hu għandu d-dritt jibqa’ permanentement fil-Belġju. Għaldaqstant hu kkunsidrat bħala “student residenti” u jgawdi aċċess mhux ristrett għall-kors fil-mediċina veterinarja. L-istudent B ma jissodisfax awtomatikament dik il-kundizzjoni. Lanqas preżumibbilment ma jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/38. Sakemm ma jissodisfax dan il-kriterju jew xi wieħed mill-kriterji l-oħra li jibqa’ fit-tieni kundizzjoni kumulattiva (li, fuq dawn il-fatti, hu improbabbli), l-istudent B jkun suġġett għan-numerus clausus.

71.      Hu evidenti li, “li kieku ma kienx għal[l-]” fatt li l-istudent A għandu ċittadinanza Belġjana, hu ma kienx jissodisfa awtomatikament it-tieni kundizzjoni kumulattiva (35).

72.      Nosserva li, il-Kunsill tal-Istat Belġjan fl-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz tad-digriet, kien diġà deher li kellu xi dubji dwar jekk dak li kien qed jiġi propost kienx diskriminazzjoni diretta – fi kwalunkwe każ, dan indika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija kienet tittratta l-istudenti Awstrijaċi li kienu kisbu d-diploma tal-edukazzjoni sekondarja tagħhom barra mill-Awstrija bl-istess mod (avvers) bħall-istudenti minn Stati Membri oħrajn (36).

73.      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tal-Gvern Belġjan waqt is-seduta, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Bidar ma ssostnix l-asserzjoni li kwalunkwe diskriminazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet hi indiretta, u mhux diretta. Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li tat lok għas-sentenza Bidar issuġġettat l-eliġibbiltà għal self lill-istudenti għall-kundizzjoni li (i) wieħed ikun “stabbilit” fir-Renju Unit għall-iskopijiet tal-liġi nazzjonali u (ii) jissodisfa ċerti kundizzjonijiet ta’ residenza (37). Taħt il-liġi tal-immigrazzjoni applikabbli, persuna kienet “stabbilita” fir-Renju Unit jekk kienet ordinarjament residenti hemmhekk mingħajr ma kienet suġġetta għal ebda restrizzjoni fuq il-perijodu li għalih setgħet tibqa’ fit-territorju (38). Ċittadin ta’ Stat Membru ieħor ma setax, fil-kapaċità tiegħu ta’ student, jikseb l-istatus ta’ persuna stabbilita fir-Renju Unit, għaliex kien ifalli ż-żewġ partijiet ta’ dak it-test.

74.      Huwa veru li (bħal ċittadin Belġjan fil-Belġju) l-ebda ċittadin tar-Renju Unit mhuwa suġġett għal restrizzjoni fuq il-perijodu li għalih jista’ jibqa’ fit-territorju tar-Renju Unit. Madankollu, kien evidenti mit-tweġiba tar-Renju Unit għall-mistoqsijiet li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bidar li ċittadini tar-Renju Unit setgħu, taħt ċerti ċirkustanzi, ukoll ma jgħaddux mill-parti “tar-residenza ordinarja” tat-test u għalhekk ma jkollhomx l-istatus ta’ “stabbiliti” fir-Renju Unit (39). Għalhekk, il-kategorija ta’ dawk li jirċievu ċertu vantaġġ (dawk li għandhom l-istatus ta’ stabbiliti fir-Renju Unit) ma kinitx tikkoinċidi eżattament mal-kategorija ta’ persuni li jiġu distinti biss abbażi ta’ klassifikazzjoni pprojbita (iċ-ċittadinanza, f’dan il-każ iċ-ċittadinanza tar-Renju Unit).

75.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ikkonstatat li d-diskriminazzjoni f’Bidar kienet indiretta pjuttost milli diretta. Madankollu, peress li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit kienet tipprekludi kwalunkwe possibbiltà li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jikseb l-istatus ta’ resident permanenti bħala student, u għalhekk irrendiet impossibbli li huwa jikkwalifika għal self indipendentement mill-grad attwali tiegħu ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, il-Qorti tal-Ġustizzja warrbet fil-ġenb il-kundizzjoni ta’ “residenza permanenti” (40).

76.      Naturalment hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi x’inhi l-pożizzjoni taħt il-liġi Belġjana. Madankollu, li kieku kellha tikkonkludi li ċ-ċittadini Belġjani kollha awtomatikament u mingħajr eċċezzjoni jgawdu d-dritt li jibqgħu permanentement fil-Belġju u għalhekk jissodisfaw awtomatikamet it-tieni kundizzjoni kumulattiva, filwaqt li l-oħrajn kollha, inklużi ċ-ċittadini kollha l-oħra tal-UE, ma jgawdux awtomatikament dak id-dritt, it-tieni kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet tkun tiddiskrimina direttament minħabba ċittadinanza, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 12 KE.

 L-ewwel u t-tieni domandi

77.      L-ewwel u t-tieni domandi essenzjalment jirrikjedu kjarifika dwar jekk id-digriet jistax ikun iġġustifikat abbażi ta’ tliet raġunijiet possibbli: (i) l-influss ta’ studenti barranin iqiegħed piż eċċessiv fuq il-finanzi pubbliċi; (ii) il-kwalità tal-edukazzjoni x’aktarx tiġi pperikolata; (iii) il-kwalità tas-sistema tas-saħħa pubblika tal-Komunità Franċiża x’aktarx tiġi pperikolata minħabba nuqqas ta’ persunal mediku kkwalifikat.

78.      Ir-risposta parzjalment tiddependi fuq jekk it-trattament diskriminatorju huwiex dirett jew indirett (41). Huwa paċifiku li diskriminazzjoni indiretta tista’, fil-prinċipju, tiġi ġġustifikata (42). Il-pożizzjoni fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta hi ħafna iktar restrittiva (43). Peress li nikkunsidra li l-ewwel kundizzjoni kumulattiva hi indirettament diskriminatorja, u t-tieni waħda hi direttament diskriminatorja, ser nanalizza ż-żewġ kundizzjonijiet waħda wara l-oħra.

 L-ewwel kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet hi ġustifikabbli?

79.      Il-Gvern Belġjan jibbaża ruħu ħafna fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Bidar li, skont hu, tissanzjona l-leġittimità tar-rekwiżiti ta’ residenza fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni, għaliex tippermetti lill-Istat ospitanti jobbliga lill-istudent prospettiv, permezz tar-rekwiżit ta’ residenza, juri ċertu grad ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat ospitanti (44).

80.      Madankollu, hemm differenza fundamentali bejn aċċess għal għajnuna finanzjarja biex tkopri l-ispejjeż tal-edukazzjoni fi Stat Membru ieħor, li kienet il-kwistjoni f’Bidar, u l-aċċess għall-edukazzjoni nnifisha fi Stati Membri oħrajn, li hi l-kwistjoni fil-każ preżenti.

81.      Fis-sentenza Bidar, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-Istati Membri ffaċċjati b’talbiet għal assistenza finanzjarja minn studenti minn Stati Membri oħrajn. Hi kkonstatat li l-Istati Membri għandhom juru ċertu grad ta’ solidarjetà finanzjarja ma’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn fl-organizzazzjoni u fl-applikazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom (45). Madankollu, huma jistgħu “jiżguraw li l-għoti ta’ għajnuna intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra ma ssirx piż irraġonevoli li tista’ jkollha konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tiġi mogħtija minn dan l-Istat” (46).

82.      B’kuntrast ma’ dan, il-possibbiltà għal student mill-Unjoni Ewropea li jikseb aċċess għall-edukazzjoni ogħla jew universitarja fi Stat Membru ieħor taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat Membru tikkostitwixxi l-vera essenza tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-istudenti ggarantit bit-Trattat (47). Għaldaqstant, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ residenza għal għajnuna finanzjarja fis-sentenza Bidar ma jistax jiġi traspost għall-każ preżenti (48).

83.      Skont ġurisprudenza stabbilita trattament indirettament diskriminatorju minħabba ċittadinanza jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendentement miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u huwa proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex (49).

84.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li huma l-awtoritajiet nazzjonali li jinvokaw deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni li għandhom juru, f’kull każ individwali, li r-regoli tagħhom huma meħtieġa u proporzjonali biex jintlaħaq l-għan imfittex. Ir-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru bħala mod ta’ ġustifikazzjoni “għandhom ikollhom magħhom analiżi ta’ l-adattezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll elementi preċiżi li jissostanzjaw l-argument tiegħu” (50).

85.      Id-digriet tar-rinviju jikkwota t-travaux préparatoires (51) tad-digriet bħala li jindikaw li l-għan prinċipali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tiegħu huwa li “jiġi żgurat aċċess wiesa’ u demokratiku għal edukazzjoni ogħla ta’ kwalità għall-popolazzjoni tal-Komunità Franċiża”. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma ispirati wkoll minn kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika. L-ewwel, tnaqqis fil-kwalità tal-edukazzjoni x’aktarx ibiddel, fuq perijodu fit-tul, il-kwalità tal-kura pprovduta. It-tieni, il-maġġoranza l-kbira tal-istudenti mhux residenti m’għandhomx il-ħsieb jipprattikaw fil-Belġju, li jwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ professjonisti. Jingħad li n-nuqqas ikun “ċert” li kieku kellha tiġi introdotta l-għażla qabel id-dħul.

86.      Taħt is-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn din il-Qorti u l-qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha tikkonstata jekk, jekk stabbilita, xi waħda mir-raġunijiet imressqa tkunx tipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva għal diskriminazzjoni indiretta. Jekk dan ikun il-każ, imbagħad hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk, abbażi tal-provi, ir-raġunijiet humiex fil-fatt stabbiliti.

 Piż eċċessiv fuq il-finanzi pubbliċi

87.      It-travaux préparatoires tad-digriet jinkludu r-riferiment segwenti għal piż eċċessiv fuq il-finanzi pubbliċi bħala ġustifikazzjoni (52).

“In-numru ta’ dawk li jiksbu diploma fis-sistema tal-edukazzjoni ogħla tal-Komunità Franċiża fil-[korsijiet ikkonċernati] manifestament jeċċedi l-bżonnijiet tas-setturi kkonċernati fil-Belġju Frankofonu. Il-Komunità Franċiża ma tistax issostni l-piż eċċessiv irrappreżentat minn studenti mhux residenti fil-Belġju, li jiġu biex jistudjaw fil-Komunità Franċiża għall-unika raġuni li huma m’għandhomx aċċess għal dawk l-istudji fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, u li assolutament m’għandhom ebda intenzjoni jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fil-Komunità Franċiża. ”

88.      L-ewwel sentenza, li tasserixxi li n-numru ta’ studenti li jiksbu diploma “manifestament jeċċedi” l-bżonnijiet tal-Komunità Franċiża, mhjiex immedjatament rikonċiljabbli mal-ġustifikazzjoni alternattiva bbażata fuq ir-riskju li s-sistema tas-saħħa pubblika tkun ipperikolata, li hi bbażata fuq nuqqas potenzjali fil-futur ta’ persunal tas-saħħa kkwalifikat (53).

89.      L-argument imressaq fit-tieni sentenza hu, essenzjalment, purament ekonomiku. Dan huwa problematiku għar-raġunijiet li ġejjin.

90.      L-ewwel, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, għanijiet ta’ natura purament ekonomika normalment ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jiġġustifikaw restrizzjoni ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (54).

91.      Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ma jistax jiġi eskluż li r-riskju li jiġi serjament imdgħajjef il-bilanċ finanzjarju ta’ sistema tas-sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (55). Għalhekk, f’ċirkustanzi partikolari, raġunijiet ekonomiċi jew ta’ baġit jistgħu jitressqu bħala ġustifikazzjoni. Dan jista’, parzjalment, jirrifletti l-fatt inevitabbli li kull servizz pubbliku pprovdut mill-istati soċjali tagħna jiddependi fuq li jkun hemm mezzi ta’ baġit suffiċjenti biex jiffinanzjawh.

92.      Madankollu, naqbel mar-riżervi espressi mill-Avukat Ġenerali Jacobs fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istqarrijiet li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ piżijiet fuq is-sitemi tas-sigurtà soċjali għad-dominju tal-edukazzjoni ogħla. Stqarrijiet bħal dawn jinkludu deroga doppja: huma jidderogaw kemm mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni kif ukoll mir-raġunijiet aċċettati li fuqhom dawk id-derogi jistgħu jiġu ġġustifikati (li, fil-kliem tat-Trattat, huma esklużivament mhux ekonomiċi). Għaldaqstant ġustifikazzjonijiet argumentati fuq bażi ekonomika jeħtieġ li jiġu ttrattati bi prudenza partikolari (56).

93.      L-Avukat Ġenerali Jacobs issuġġerixxa wkoll li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha testendi l-iskop attwali tal-intitolament tal-istudenti għal assistenza finanzjarja lil hinn mill-miżati tat-tagħlim u tar-reġistrazzjoni, il-medda ta’ ġustifikazzjonijiet disponibbli għall-Istati Membri għandha bl-istess mod tiġi estiża skont il-ġurisprudenza dwar ir-riċevituri ta’ servizzi ta’ kura tas-saħħa (57). Fis-sentenza Bidar, il-Qorti tal-Ġustizzja tabilħaqq estendiet l-iskop tal-intitolament tal-istudenti għal għajnuna finanzjarja, biex jinkludi self għall-manteniment, u aċċettat (parallelament) li student għandu juri ċertu livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti qabel ma jkun jista’ jaċċedi għal self bħal dan. Għaldaqstant, fl-ambitu ta’ ċerti limitazzjonijiet, raġunijiet ta’ baġit jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-aċċess għal assistenza finanzjarja għall-edukazzjoni.

94.      Madankollu, kif diġà enfasizzajt, il-każ preżenti jikkonċerna l-aċċess għall-edukazzjoni, mhux l-aċċess għal assistenza finanzjarja għall-edukazzjoni; u għaldaqstant id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Bidar mhijiex trasponibbli. Jien ma naċċettax li raġunijiet ta’ baġit jistgħu jiġu invokati biex jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni għal studenti mhux residenti. Pjuttost, jidhirli li d-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Grzelczyk li d-Direttiva 93/96 (58) “taċċetta ċerta solidarjetà finanzjarja taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra” (59), magħmula fil-kuntest ta’ assistenza finanzjarja għall-edukazzjoni, tapplika a fortiori għall-aċċess għall-edukazzjoni.

95.      It-tieni, il-leġiżlatur tal-Komunità Franċiża jidher li qed jibbaża ruħu fuq l-argument familjari ta’ “rikba b’xejn”: studenti li jsiefru biex jistudjaw jaħsdu l-benefiċji mill-edukazzjoni ffinanzjata minn fondi pubbliċi fl-Istat Membru ospitanti imma ma jikkontribwixxux għall-finanzjament tagħha permezz tat-taxxi nazzjonali (tal-ġenituri tagħhom), u lanqas neċessarjament huma nfushom ma “jħallsu lura” billi jibqgħu hemmhekk biex jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti u jibdew iħallsu t-taxxa hemmhekk (60). L-argument impliċitu huwa li l-istudenti mhux Belġjani kkonċernati qed jikkommettu xi forma ta’ abbuż. Dan evidentement mhuwiex il-każ. Studenti li jsiefru lejn xi Stat Membu ieħor biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom hemmhekk qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu – dritt li, bħala ċittadini tal-Unjoni, huma intitolati li jgawdu mingħajr ebda diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza (61). L-intenzjonijiet supposti tagħhom invokati mil-leġiżlatur tal-Komunità Franċiża, huma pjuttost irrilevanti(62).

96.      Bl-istess mod, naqbel mal-fehmiet espressi mill-Avukati Ġenerali Jacobs u Geelhoed (fil-kawżi Il-Kummissjoni vs L-Awstrija u Bidar rispettivament) li filwaqt li studenti jistgħu ma jikkontribwixxux direttament għas-sistema tat-taxxa tal-Istat li fih huma jsegwu l-istudji universitarji tagħhom, dawn huma sors ta’ dħul għall-ekonomiji lokali fejn l-università hi lokalizzata, kif ukoll, sa ċertu punt limitat, għat-teżoriji nazzjonali permezz ta’ taxxi indiretti (63). Meħud għall-konklużjoni loġika tiegħu, l-argument li dawk biss li kkontribwixxew permezz tat-taxxi għandhom jitħallew jibbenefikaw minn benefiċċji ffinanzjati mill-Istat iżomm liċ-ċittadini stess ta’ Stat Membru li ma jkunux ikkontribbwixxew b’dan il-mod, jew li jkunu għamlu dan b’mod modest biss, milli jitolbu xi benefiċċji bħal dawn (64).

97.      It-tielet, l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Komunità Franċiża, kif tidher mid-digriet tar-rinviju u mis-sottomissjonijiet tal-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma turix b’liema mod il-piż finanzjarju li tqiegħed fuq il-Komunità Franċiża minn dawn il-kategoriji ta’ studenti hu “eċċessiv” jew kif id-digriet jirriżolvi l-allegata problema (65). Pjuttost jidher li l-edukazzjoni ogħla hi ffinanzjata permezz ta’ sistema ta’ “envelop magħluq”. Jekk fhimt sew, dan jimplika li tnaqqis fin-numru ta’ studenti (ta’ kwalunkwe ċittadinanza) ma jinvolvix xi ffrankar ta’ flus relattiv għall-Komunità Franċiża. Żieda jew tnaqqis fin-numru ta’ studenti hu newtrali mil-lat ta’ baġit.

98.      Fl-aħħar nett, ninnota li quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, ir-rikorrenti ssuġġerew li l-istudenti mhux residenti kollha għandhom jiġu ammessi għall-kors ta’ studju magħżul minnhom imma mhux neċessarjament għall-assistenza finanzjarja. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan wieġeb billi qal li tali proposta “ma trendix possibbli li jintlaħqu l-għanijiet [tad-digriet], li wara kollox mhumiex ta’ natura finanzjarja”.

99.      Biex nirrikapitula, fir-rigward tal-ewwel raġuni ta’ ġustifikazzjoni mressqa mill-Gvern Belġjan: ma naċċettax li l-perikolu ta’ piż eċċessiv fuq il-finanzi pubbliċi għandu bħala prinċipju jkun disponibbli bħala ġustifikazzjoni għal diskriminazzjoni indiretta fir-rigward ta’ aċċess għall-edukazzjoni. Lanqas (jekk, b’kuntrarju għall-fehma tiegħi, ġustifikazzjoni bħal din tkun disponibbli fit-teorija għal Stat Membru) ma nikkunsidra li dan ġie ppruvat fil-każ preżenti.

 It-tqegħid fil-perikolu tal-kwalità tal-edukazzjoni

100. It-travaux préparatoires tad-digriet ikomplu billi jinvokaw ġustifikazzjoni alternattiva (66).

“Minbarra l-piż finanzjarju […], hemm ukoll il-kwistjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni. Jekk ikun hemm wisq ħafna studenti, hu impossibbli li dawn jiġu ggarantiti qafas edukattiv xieraq f’termini kemm ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità. Lanqas mhemm possibbiltajiet illimitati ta’ apprentistati f’ambjent professjonali.”

101. Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Komunità Franċiża argumentat li d-Digriet jimmira l-“effetti perversi ta’ mobilità assoluta”: prinċipalment li n-numru dejjem jikber ta’ studenti mhux residenti kien qed jhedded il-kwalità tal-edukazzjoni għad-detriment tal-istudenti kollha. L-istabbilimenti tal-edukazzjoni kellhom kapaċità limitata biex jospitaw studenti. L-għalliema, il-baġit u l-opportunitajiet għal formazzjoni prattika lkoll kemm huma kienu limitati.

102. Il-problema ta’ klassijiet iffullati hi familjari għall-istudenti u l-akkademiċi bl-istess mod. Dan hu interess leġittimu. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ż- “żamma jew it-titjib tas-sistema edukattiva” (67) u li jiġu “żgurati standards għolja ta’ edukazzjoni universitarja” (68), jikkostitwixxu għanijiet leġittimi taħt it-Trattat. Restrizzjonijiet ibbażati fuq dawn ir-raġunijiet għandhom madankollu jissodisfaw it-test tal-proporzjonalità: dawn għandhom ikunu adatti biex jintlaħaq l-għan imfittex u m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dan jintlaħaq (69).

103. Il-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jindika li l-adozzjoni tad-digriet kienet ibbażata primarjament fuq statistiċi li juru żieda fin-numru ta’ studenti rreġistrati li ma kinux kisbu id-diploma tal-iskola sekondarja tagħhom fil-Belġju. Dan ivarja b’mod sinjifikattiv bejn il-korsijiet differenti koperti bid-digriet (70). Iċ-ċifri li juru n-numru ta’ studenti mhux residenti li kienu rreġistrati fil-korsijiet inkwistjoni ma kinux disponibbli qabel l-adozzjoni tad-digriet. Kollox ma’ kollox, wieħed jitħalla bl-impressjoni ċara li leġiżlazzjoni li timponi numerus clausus fuq studenti li mhumiex Belġjani għal numru ta’ korsijiet bi profili pjuttost differenti kienet ġiet introdotta abbażi ta’ informazzjoni pjuttost erratika dwar xi aspetti tar-reġistrazzjoni ta’ studenti f’uħud minn dawk il-korsijiet. Dan mhux permessibbli. Biex jiġi evitat nuqqas ta’ ftehim, irrid nagħmilha ċara li mhux qed ngħid li l-Komunità Franċiża kellha toqgħod tistenna b’mod passiv sakemm ikun ġie kkawżat dannu sinjifikattiv lil setturi speċifiċi tas-sistema ta’ edukazzjoni ogħla tagħha qabel ma tieħu xi azzjoni. Il-punt tiegħi hu, pjuttost, li l-materjal speċifiku li jwassal lil leġiżlatur prudenti jikkonkludi li problema speċifika li tfaċċat kienet teħtieġ li tiġi ttrattata mill-ewwel (u li, għalhekk, kienu meħtieġa miżuri speċifiċi ffukati u proporzjonali) kien – safejn nista’ ngħid minn dak li ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – sempliċement mhux disponibbli u/jew ma ġiex eżaminat meta d-digriet ġie ppromulgat.

104. Barra dan, jidhirli li jekk in-numri tal-istudenti huma problema, dawn mhumiex iktar jew inqas problematiċi skont minn fejn ikunu ġejjin l-istudenti żejda. Il-problema hija l-eċċess ta’ studenti per se, mhux l-eċċess fin-numru ta’ studenti mhux residenti. Pjuttost jidher li l-intenzjoni tad-digriet kienet li jinżamm l-aċċess mhux ristrett għall-edukazzjoni ogħla għall-Belġjani, filwaqt li jsir iktar diffiċli għal dawk l-istudenti barranin (li jiġu primarjament minn Franza) li fir-rigward tagħhom is-sistema ta’ edukazzjoni ogħla fil-Komunità Franċiża tikkostitwixxi alternattiva naturali biex jidħlu f’dik is-sistema. Għan bħal dan huwa evidentement diskriminatorju fl-essenza tiegħu u inkonsistenti mal-għanijiet tat-Trattat (71).

105. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li domanda eċċessiva għal aċċess għal ċerti korsijiet tista’ tiġi indirizzata b’mod legali billi jiġu adottati miżuri speċifiċi nondiskriminatorji bħal eżami tad-dħul jew li jiġi mitlub grad minimu għar-reġistrazzjoni. Tali miżuri jikkonformaw mal-Artikolu 12 KE (72).

106. L-Istati Membri individwali jistgħu jkunu jixtiequ jżommu aċċess liberu mhux limitat għall-edukazzjoni ogħla. Bla dubju ta’ xejn dawn għandhom il-libertà kollha jagħmlu dan. Madankollu, huma għandhom ikunu ppreparati joffru aċċess liberu bla limitu għall-istudenti tal-UE kollha, indipendentement miċ-ċittadinanza. L-Artikolu 12 KE jobbliga lil kull Stat Membru jiżgura li ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn f’sitwazzjoni rregolata bid-dritt Komunitarju jitqegħdu kompletament fuq l-istess livell maċ-ċittadini tiegħu (73). Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hi intiża li tkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, li tippermetti lil dawk li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni jgawdu l-istess trattament fil-liġi irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom (74). Aċċess liberu għall-edukazzjoni ma jistax ifisser “aċċess liberu – imma għaċ-ċittadini tagħna biss”.

107. Politika restrittiva fir-rigward tal-aċċess għal ċerti korsijiet (bħal dik ipprattikata minn Franza) bħala regola ġenerali hi wkoll aċċettabbli. Dik l-għażla hi miftuħa għal Stat Membru daqs l-għażla ta’ aċċess illimitat. Tabilħaqq, il-Belġju mkien ma jsostni li Franza qed tikser it-Trattat KE meta taġixxi b’dan il-mod. Skont ġurisprudenza stabbilita, anki jekk Stat Membru ieħor jista’ jkun qed jikser id-dritt Komunitarju, dan ma jilleġittimizzax miżuri korrettivi jew difensivi minn Stat Membru ieħor li altrimenti jkunu illegali (75). A fortiori dan ikun il-kaz jekk Stat Membru jippromulga miżuri diskriminatorji b’risposta għall-effetti kollaterali tal-għażla politika leġittima ta’ Stat Membru ieħor.

108. Jidhirli li hu possibbli ħafna li l-implementazzjoni ta’ miżuri inqas diskriminatorji tista’ tfisser l-abbandun tas-sistema kurrenti ta’ aċċess pubbliku mhux ristrett għall-edukazzjoni ogħla għall-Belġjani kollha. Tabilħaqq nista’ nara li dan se jiġi kkunsidrat bħala mhux mixtieq u li tassew jista’ jkun aħjar jekk (sal-punt li dan ikun meħtieġ) il-volum transkonfinali tal-istudenti kien irregolat fuq il-livell Komunitarju (76). Madankollu, fl-assenza ta’ sistema bħal din, il-fatt li tibdil bħal dan jista’ jkun meħtieġ jirrifletti l-bżonn ta’ konformità mal-obbligi li joħorġu mill-prinċipju tat-trattament ugwali taħt it-Trattat (77).

109. Il-Belġju u ċerti Stati Membri oħrajn li jiffaċċjaw sitwazzjonijiet simili ppruvaw isostnu li huma jinsabu f’pożizzjoni vulnerabbli unika (78).

110. Il-problemi li qed jiffaċċjaw il-Komunità Franċiża fil-Belġju u l-Gvern Awstrijak li jirriżultaw mill-influss ta’ numru ta’ studenti barranin li jistgħu jew jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom bil-Franċiż u bil-Ġermaniż rispettivament, mhumiex, fil-fatt, esklużivi għall-Belġju u għall-Awstrija. Anki Stati Membri oħra jistgħu jiskopru li jkollhom ikampaw ma’ influss ta’ studenti minn Stati Membri oħra minħabba lingwa komuni jew minnħabba xi kunsiderazzjoni partikolari oħra (79).

111. It-travaux préparatoires tad-digriet (80) jistipulaw li eżami tad-dħul (is-soluzzjoni newtrali ovvja għal theddida apparenti għall-kwalità tal-edukazzjoni minn numri eċċessivi ta’ studenti) (81), ikun jiffavorixxi studenti li, permezz tal-isfond soċjali vvantaġġjat tagħhom jew minħabba raġunijiet oħra, huma l-iktar ippreparati għall-korsijiet ta’ studji proposti tagħhom. Dik l-asserzjoni ma ġietx imsaħħa b’xi evidenza empirika li l-Qorti tal-Ġustizzja rat. Fil-fehma tiegħi, jekk tabilħaqq dan hu l-każ, ir-rimedji adatti jridu jinstabu xi mkien ieħor. Il-problema minnha nnifisha ma tistax tiġġustifika li wieħed jirrikorri għal miżuri diskriminatorji li jiksru d-dritt Komunitarju.

112. Huwa konċepibbli li jistgħu jinqalgħu ċirkustanzi fejn jintwera li teżisti theddida reali, serja u imminenti għall-kwalità tal-edukazzjoni universitarja f’settur speċifiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każ bħal dan, tkun tixtieq teżamina mill-ġdid jekk miżuri indirettament diskriminatorji adottati biex jilqgħu għal theddida bħal din jistgħux ikunu oġġettivament iġġustifikati. F’dawn il-proċeduri, anki jekk tali ġustifikazzjoni tista’ teoretikament tkun possibbli (kwistjoni li jien espressament inħalli miftuħa), il-materjal disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja hu anqas minn dak li jkun meħtieġ biex jiġi ġġustifikat trattament diskriminatorju.

113. Għaldaqstant nikkonkludi li l-miżuri li ttieħdu fid-digriet inkwistjoni ma jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi ta’ riskju apparenti għall-kwalità tal-edukazzjoni universitarja fil-Komunità Franċiża.

 Il-kwalità tas-sistema tas-saħħa pubblika

114. Il-ġustifikazzjoni finali mressqa hija li ftit wisq studenti li jgħixu fil-Komunità Franċiża (b’differenza minn studenti mhux residenti) jiksbu diplomi f’ċerti speċjalitajiet. Għaldaqstant, fuq perijodu fit-tul, jista’ ma jkunx hemm biżżejjed persunal mediku kkwalifikat biex tiġi żgurata l-kwalità tas-sistema tas-saħħa pubblika ta’ dik il-komunità.

115. It-travaux préparatoires tad-digriet jiffukaw, f’dan ir-rigward, fuq il-mediċina veterinarja, li fir-rigward tagħha jidher li l-Komunità Franċiża organizzat eżami tad-dħul fl-2003, fl-2004, u fl-2005. Fil-kompetizzjoni tal-2005, 192 kandidat biss minn total ta’ 795 kienu kisbu d-diploma tal-iskola sekondarja tagħhom fil-Komunità Franċiża. Mill-250 student li għaddew (numru stabbilit mil-leġiżlatur), 216 kienu kisbu d-diploma tal-iskola sekondarja tagħhom barra mill-pajjiż. Dan jimplika li 34 kandidat li trabbew fil-pajjiż biss kienu kapaċi jibdew l-istudji tagħhom fil-mediċina veterinarja (82). Il-leġiżlatur jislet dawn il-konklużjonijiet (83):

“Bla dubju ta’ xejn dak in-numru huwa insuffiċjenti. Jekk ma tittieħed ebda miżura, il-Komunità Franċiża jkollha r-riskju li tiltaqa’ ma’ nuqqas ta’ veterinarji. Hemm ċans kbir li n-numru insuffiċjenti ta’ veterinarji ma jkunx ikkumpensat b’veterinarji minn Stati oħra, minħabba l-limitazzjonijiet li jeżistu f’pajjiżi oħra. Huwa ovvju li dan in-nuqqas ta’ veterinarji jista’ jikkawża perikoli serji għas-saħħa pubblika. ”

116. Fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ evalwazzjoni ddettaljata tar-riskju allegat mill-Istat Membru meta dan jinvoka d-deroga tas-saħħa pubblika fl-Artikolu 30 KE (84). Standard ta’ skrutinju simili hu applikabbli f’rinviji għal deċiżjoni preliminari (85), għalkemm id-determinazzjoni finali tal-fatti hi ovvjament kwistjoni li l-qorti nazzjonali għandha tanalizza.

117. Fil-fehma tiegħi, il-materjal ipprovdut mill-Belġju fid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jindika li l-evalwazzjoni tar-riskju li ssostni l-ġustifikazzjoni tas-saħħa pubblika li qed tiġi invokata ma tilħaqx l-istandard rikjest.

118. L-ewwel nett, kif juru s-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Gvern Belġjan, in-nuqqas potenzjali ta’ veterinarji jidher li oriġina mis-sistema stabbilita mill-Komunità Franċiża stess – jiġifieri, it-tnaqqis fin-numru tal-istudenti fix-xjenza veterinarja sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-edukazzjoni. Huwa (tal-inqas) kunċettwalment kurjuż li l-azzjoni li ttieħdet biex tinżamm il-kwalità tal-edukazzjoni (ġustifikazzjoni debitament imressqa għall-miżuri diskriminatorji ppromulgati) fl-istess hin twassal lill-Gvern Belġjan jinvoka n-nuqqas potenzjali ta’ professjonisti tas-saħħa kkwalifikati kif suppost.

119. It-tieni nett, il-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jissuġġerixxi li l-problema potenzjali perċepita għall-ġejjieni għandha l-għeruq tagħha f’xi kombinazzjoni ta’ (għall-inqas) dawn li ġejjin: (i) nuqqas ta’ kandidati li kisbu d-diplomi tal-iskola sekondarja tagħhom fil-Komunità Franċiża li jridu jistudjaw biex isiru veterinarji u li huma tajbin biżżejjed biex jiksbu wieħed mill-250 post biex jistudjaw ix-xjenza veterinarja quddiem kompetizzjoni minn kandidati oħra tal-UE; (ii) preżunzjoni li l-maġġoranza tal-istudenti ammessi għall-korsijiet fix-xjenza veterinarja li ma kisbux id-diplomi tal-iskola sekondarja tagħhom fil-Komunità Franċiża awtomatikament se jirritornaw fl-Istat/i Membru/i tal-oriġini tagħhom wara li jlestu l-istudji tagħhom. Minn dawn iż-żewġ fatturi, huwa l-fattur (i) li jidher li huwa fondat għal dik li hi statistika (86); imma l-fattur (ii) huwa sempliċement suppożizzjoni. Dan jassumi, speċifikament, li veterinarji mhux Belġjani ġeneralment jirritornaw fl-Istat/i Membru/i tagħhom wara li jikkwalifikaw, irrispettivament minn xi jkunu l-prospetti ta’ impjieg lokalment. Wieħed seta’ jaħseb li (għall-kuntrarju), jekk ikun hemm nuqqas ta’ veterinarji kkwalifikati fil-Belġju Frankofonu, dan in-nuqqas jista’ jipprovoka reazzjoni (mis-suq jew mill-awtoritajiet pubbliċi) li trendi l-prospetti ta’ impjieg lokalment iktar attrajenti u tinkoraġixxi lil xi veterinarji mhux Belġjani li jkunu għadhom kif ikkwalifikaw jibdew il-karrieri professjonali tagħhom fl-Istat Membru fejn ħadu l-formazzjoni tagħhom.

120. It-tielet nett, jew il-Komunità Franċiża jew il-Gvern Federali (jew it-tnejn li huma flimkien) (87) għandhom l-għodod regolatorji meħtieġa biex jindirizzaw il-problema potenzjali. Is-soluzzjonijiet possibbli msemmija fil-materjal irreferit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jinkludu l-aġġustament fin-numru tal-veterinarji li jitħallew jiggradwaw ta’ kull sena jew li huma ammessi fit-tieni parti (klinika) tal-istudji fil-mediċina veterinarja (88), il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel sekondarji u l-fakultajiet biex jiġi aġġustat il-livell tal-edukazzjoni pre-universitarja sabiex jiġi żgurat li biżżejjed Belġjani jilħqu r-rekwiżiti ta’ eżami stabbilit fuq livell xieraq, u l-istabbiliment ta’ sena ta’ studju preparatorja biex il-veterinarji potenzjali jkunu ppreparati aħjar għall-kors universitarju attwali (89).

121. Nifhem li l-implementazzjoni ta’ miżuri bħal dawn tista’ toħloq diffikultajiet prattiċi. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, tali diffikultajiet ma jistgħux minnhom infushom jiġġustifikaw il-ksur ta’ libertà ggarantita mit-Trattat (90).

122. Barra dan, is-sezzjoni leġiżlattiva tal-Kunsill tal-Istat Belġjan osservat li l-esperjenza bil-mediċina veterinarja ma testendix neċessarjament għal korsijiet oħra. Pereżempju, minkejja l-kwota federali għall-istudji fil-fiżjoterapija, in-numru ta’ dawk li jiksbu diploma u li jridu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fil-Belġju, apparentement hu ferm qrib għall-bżonnijiet tal-professjoni, kif stmati mill-Gvern Federali (91).

123. Ir-raba’ nett, “l-għarfien miksub minn student matul l-istudji terzjarji tiegħu ġeneralment ma jiddestinahx għal suq geografiku tax-xogħol partikolari” (92) Għaldaqstant, persuni mhux residenti li jiksbu diploma fil-Komunità Franċiża jistgħu jiġu inkoraġġuti, b’inċentivi adattati, jibdew il-karriera professjonali fir-reġjun fejn ikunu studjaw.

124. Dawn l-osservazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għall-korsijiet l-oħra msemmija fid-digriet ikkontestat.

125. Fir-rigward ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni tas-saħħa pubblika putattiva, id-digriet jidher essenzjalment li kien wieħed preventiv. Sakemm il-qorti nazzjonali ma tiġix ippreżentata b’materjal sostanzjalment iktar b’saħħtu minn dak li ġie ppreżentat lil din il-Qorti, fil-fehma tiegħi ma jistax jingħad li t-test tal-proporzjonalità ġie sodisfatt (93). Meta jkun involut trattament diskriminatorju bħala miżura prekawzjonali kontra problema futura perċepita, it-test tal-proporzjontalità għandu jiġi applikat b’viġilanza partikolari.

126. Abbażi tal-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, nikkonkludi li d-digriet ikkontestat ma jistax jiġi ġġustifikat fuq il-bażi li ftit wisq studenti li jgħixu fil-Komunità Franċiża jiksbu diplomi biex ikun hemm, fuq perijodu twil, numru suffiċjenti ta’ persunal mediku kkwalifikat biex tiġi żgurata l-kwalità tas-sistema tas-saħħa pubblika f’dik il-komunità.

 Konklużjoni dwar l-ewwel kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikoli 1 tad-digriet

127. Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit ta’ residenza (indirettament diskriminatorju) fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu tad-digriet, ma jistax jiġi ġġustifikat fuq xi waħda mir-raġunijiet li bbaża ruħu fuqhom il-Belġju.

 It-tieni kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet

128. Safejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kkonstatat li miżura li tiddiskrimina direttament minħabba ċittadinanza, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 12 KE, tista’ tiġi ġġustifikata (94). Indikajt iktar ’il fuq għalfejn nikkunsidra li t-tieni kundizzjoni kumulattiva fid-digriet ikkontestat tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta (95).

129. Il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sa issa tidher loġika. Diskriminazzjoni diretta minħabba raġunijiet ipprojbiti mit-Trattat tant hi kontra l-idea nnifisha ta’ Unjoni Ewropea li għandha tiġi ttollerata biss għal raġuni verament tajba. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, tali diskriminazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss abbażi ta’ derogi espliċiti fit-Trattat (96). Mhemm ebda deroga fit-Trattat mill-projbizzjoni ġenerali dwar diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza inkluża fl-Artikolu 12 KE (97).

130. Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha importanza simbolika immensa. Kif stqarr l-Avukat Ġenerali Jacobs b’mod daqshekk elokwenti, din turi li l-Komunità mhijiex “biss arranġament kummerċjali bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri imma impriża komuni li fiha ċ-ċittadini kollha tal-Ewropa jistgħu jipparteċipaw bħala individwi. Ebda aspett ieħor tad-dritt Komunitarju ma jmiss lill-individwu b’mod iktar dirett jew jagħmel iktar biex jinkoraġġixxi dak is-sens ta’ identità komuni u ta’ destin maqsum li mingħajru ’għaqda dejjem akbar fost il-popli Ewropej’, ipproklamata fil-preambolu tat-Trattat, kienet tkun slogan vojt” (98).

131. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun xorta waħda ppreparata tikkunsidra l-idea li diskriminazzjoni diretta minħabba ċittadinanza li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 12 KE tista’ fil-prinċipju tkun iġġustifikata, nirreferi għar-raġunijiet (ikkonstatati iktar ’il fuq) għalfejn nikkunsidra li l-ewwel kundizzjoni kumulattiva indirettament diskriminatorja imposta bid-digriet ikkontestat ma tistax tiġi ġġustifikata. A fortiori, dawk il-kunsiderazzjonijiet japplikaw għat-tieni kundizzjoni kumulattiva direttament diskriminatorja tad-digriet.

 Konklużjoni dwar it-tieni kundizzjoni kumulattiva fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet

132. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-digriet (fejn ċittadin Belġjan awtomatikament jissodisfa t-tieni kundizzjoni kumulattiva bis-saħħa tal-fatt li għandu d-dritt, inseparabbli miċ-ċittadinanza tiegħu, jibqa’ permanentement fil-Belġju, filwaqt li ċittadini mhux Belġjani – inklużi ċ-ċittadini l-oħra kollha tal-UE – għandhom jew jissodisfaw xi wieħed mis-seba’ kriterji l-oħra stipulati hemmhekk jew jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/38) ma jistgħux jiġu ġġustifikati.

 Risposta għall-ewwel u t-tieni domandi

133. Li jiġu aċċettati r-restrizzjonijiet stabbiliti mill-Komunità Franċiża jammonta għal li l-Istati Membri jitħallew jikkompartimentalizzaw is-sistemi tal-edukazzjoni ogħla tagħhom (99). Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun prudenti ħafna meta tiġi biex taċċetta li l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla jista’ jiġi ristrett anki permezz ta’ miżuri indirettament diskriminatorji li jissodisfaw it-test tal-proporzjonalità (li, safejn jidher mill-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mhuwiex il-każ, fil-każ tal-miżuri Belġjani). Din m’għandhiex tkun disposta tittollera miżuri li jiddiskriminaw direttament fuq dik il-bażi għal skop bħal dan.

134. Għaldaqstant nikkonkludi li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 u l-Artikolu 18(1) KE, flimkien mal-Artikolu 149(1), it-tieni inċiż tal-Artikolu 149(2) u t-tielet inċiż tal-Artikolu 150(2) KE, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu miżuri bħal dawk inklużi fid-Décret régulant le nombre d’étudiants dans certains cursus de premier cycle de l’enseignement supérieur, ippromulgat mill-Komunità Franċiża tal-Belġju.

 It-tielet domanda

135. It-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkunx differenti jekk il-Komunità Franċiża, b’kunsiderazzjoni għall-aħħar parti tal-Artikolu 149(1) KE u għall-Artikolu 13(2)(ċ) tal-ICESCR (100), li jinkludi obbligu ta’ standstill, tagħżel li żżomm aċċess wiesa’ u demokratiku għal edukazzjoni ogħla ta’ kwalità għall-popolazzjoni ta’ dik il-komunità.

136. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (KIDĊP) (101) hija waħda mill-istrumenti internazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li hija tieħu kont tagħha meta tapplika l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (102). Jidhrli li l-istess għandu japplika fir-rigward tal-ICESCR li, bħall-KIDĊP, torbot lil kull Stat Membru (103).

137. Il-qorti tar-rinviju tosserva korrettement li l-Artikolu 13(2)(ċ) tal-ICESCR, safejn dan jirrikjedi “l-introduzzjoni progressiva ta’ edukazzjoni b’xejn” [traduzzjoni libera] jinkludi klawżola ta’ standstill.

138. Il-Kummenti Ġenerali dwar din id-dispożizzjoni josservaw li l-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni ppromulgata fl-Artikolu 2(2) tal-ICESCR “la hi suġġetta għar-realizzazzjoni progressiva u lanqas għad-disponibbilità ta’ riżorsi; din tapplika b’mod sħiħ u immedjatament għall-aspetti kollha tal-edukazzjoni u tinkludi r-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti internazzjonalment” (104) [traduzzjoni libera]. Bħala illustrazzjoni, il-Kummenti Ġenerali jipprovdu li “ksur tal-Artikolu 13 jinkludi: l-introduzzjoni jew in-nuqqas li tiġi abrogata leġiżlazzjoni li tiddiskrimina kontra individwi jew gruppi, għal xi waħda mir-raġunijiet ipprojbiti, fil-qasam tal-edukazzjoni” (105) [traduzzjoni libera]. L-Artikolu 2(2) tal-ICESCR jelenka “l-oriġini nazzjonali jew soċjali” [traduzzjoni libera] fost ir-raġunijiet ipprojbiti.

139. L-Artikolu 13 tal-ICESCR hu – kwintessenzjalment – miżura li trendi illegali d-diskriminazzjoni, minħabba raġuni pprojbita, fl-aċċess għall-edukazzjoni. It-tentattiv li wieħed jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 13(2)(ċ) tal-ICESCR biex tiġi ġġustifikata miżura li evidentement tiddiskrimina minħabba xi waħda mir-raġunijiet espliċitament ipprojbiti kemm mill-Artikolu 12 KE kif ukoll mill-Artikolu 2(2) tal-ICESCR għaldaqstant huwa inspjegabbli (106). (Tabilħaqq, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbażaw ruħhom parzjalment fuq l-Artikolu 13 tal-ICESCR biex jikkontestaw id-digriet ikkontestat.)

140. Għas-sens ta’ kompletezza, inżid ngħid li l-Kummenti Ġenerali dwar l-Artikolu 13(2)(ċ) tal-ICESCR jipprovdu wkoll li “filwaqt li l-edukazzjoni sekondarja ’għandha ssir ġeneralment disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd”, l-edukazzjoni ogħla “għandha ssir ugwalment aċċessibbli għal kulħadd, abbażi tal-kapaċità”. Skont dak l-artikolu, l-edukazzjoni ogħla ma għandhiex issir “ġeneralment disponibbli”, imma disponibbli biss “abbażi tal-kapaċità”. Il-“kapaċità” tal-individwi għandha tiġi evalwata abbażi tal-ħila u l-esperjenza kollha tagħhom” (107) [traduzzjoni libera].

141. Fir-rigward tal-Artikolu 149(1) KE, nirrepeti li filwaqt li l-Artikolu jipprovdi li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli “għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom”, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-iskop tat-Trattat (108). Minbarra dan, skont ġurisprudenza stabbilita, anki f’materji li ma jaqgħux fl-ambitu tal-iskop tat-Trattat (li hu l-każ fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-politika tal-edukazzjoni) il-kompetenzi miżmuma mill-Istati Membri għandhom jiġu eżerċitati b’mod konsistenti mad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri, kif ikkonferita bl-Artikolu 18(1) KE (109).

142. Wieħed għandu tabilħaqq jara l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bħala l-ġebla tax-xewka tat-Trattat preċiżament għax tħalli l-awtonomija regolatorja tal-Istati Membri intatta – sakemm il-liġijiet tagħhom japplikaw b’mod ugwali għaċ-ċittadini u għal dawk li mhumiex ċittadini. Il-prinċipju ewlieni inerenti huwa li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom jiġu ttrattati bħala individwi, mingħajr kunsiderazzjoni għaċ-ċittadinanza tagħhom (110). “Aċċess għall-edukazzjoni ħieles u ugwali għal kulħadd” għaldaqstant ifisser eżattament hekk. Dan ma jistax ifisser “aċċess għall-edukazzjoni ħieles u ugwali għaċ-ċittadini kollha tiegħi”.

143. Naċċetta li l-problemi ffaċċjati mill-Komunità Franċiża mhumiex insinjifikattivi. Madankollu, dawn għandhom jiġu riżolti b’mod li ma jkunx varjazzjoni ta’ “ugwaljanza għal dawk ġewwa iċ-ċirku maġiku” (111) (f’dan il-każ iċ-ċittadini Belġjani), imma li jirrispetta l-“istatus fundamentali” taċ-ċittadini tal-UE billi jiżgura aċċess għall-edukazzjoni ugwali għaċ-ċittadini kollha tal-UE indipendentement miċ-ċittadinanza.

144. Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi mhijiex invalidata bl-aħħar parti tal-Artikolu 149(1) KE. Għal kuntrarju, din hija msaħħa b’qari korrett tal-Artikolu 13(2)(ċ) tal-ICESCR.

 It-talba biex is-sentenza tkun limitata fiż-żmien

145. Il-Gvern Belġjan talab lill-Qorti tal-Ġustizzja biex, jekk l-Artikolu 12 KE jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-digriet inkwistjoni, hija tillimita l-effetti temporali tas-sentenza tagħha.

146. B’sostenn għat-talba tiegħu, il-Gvern Belġjan invoka r-raġunijiet li ġejjin: l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi tal-Komunità Franċiża; il-fatt li d-digriet ġie maħsub speċifikament biex jikkonforma mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-leġiżlazzjoni Komunitarja; il-fatt li l-Kummissjoni indikat li s-sistema tista’ tkun ġustifikabbli; u n-nuqqas ta’ ġurisprudenza rilevanti.

147. Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li tirrestrinġi l-opportunità għal kwalunkwe parti kkonċernata li tibbaża ruħha fuq dispożizzjoni interpretata minnha. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ta’ sentenza b’dan il-mod, hi tagħmel dan b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali inerenti fis-sistema legali Komunitarja. Żewġ kriterji essenzjali għandhom jiġu sodisfatti qabel ma tkun tista’ tiġi imposta limitazzjoni bħal din: dawk li f’isimhom tintalab limitazzjoni temporali jridu jkun aġixxew in bona fide u jrid ikun hemm riskju ta’ diffikultajiet serji (112).

148. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet limitazzjoni temporali biss f’ċirkustanzi pjuttost speċifiċi, meta kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji minħabba, b’mod partikolari, in-numru kbir ta’ relazzjonijiet legali konklużi in bona fide abbażi ta’ regoli kkunsidrati li huma validament fis-seħħ u fejn ikun deher li individwi u awtoritajiet nazzjonali twasslu biex jadottaw prattiċi li ma kinux jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-implikazzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, li għaliha setgħet anki kkontribbwixxiet il-kondotta ta’ Stati Membri oħra. Il-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minn deċiżjoni preliminari minnhom infushom ma jiġġustifikawx li jiġu limitati l-effetti temporali ta’ dik id-deċiżjoni (113).

149. Fil-każ preżenti, huma x’inhuma l-merti tal-argumenti l-oħra tiegħu, il-Belġju ma ressaqx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja materjal li juri li hemm xi riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji.

150. Għaldaqstant, jekk tiddeċiedi li l-Artikolu 12 KE jipprekludi leġliżlazzjoni nazzjonali bħad-digriet ikkontestat, ma jkunx xieraq għall-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ta’ dik id-deċiżjoni fiż-żmien.

 Rimarka finali

151. Enfasizzajt l-importanza, għall-iżvilupp tal-Unjoni, tal-moviment liberu tal-istudenti bbażat fuq l-ugwaljanza. Bl-istess mod, madankollu, l-UE m’għandhiex tinjora l-problemi tassew reali li jistgħu jinqalgħu għal Stati Membri li jospitaw ħafna studenti minn Stati Membri oħra (114).

152. Il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità (115) jipprovdi li azzjoni fuq il-livell Komunitarju hi ġġustifikata fejn, “l-objettivi ta’ l-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu biżżejjed mill-azzjoni ta’ Stati Membri fil-qafas tas-sistema kostituzzjonali nazzjonali tagħhom u għalhekk ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar bl-azzjoni minn naħa tal-Komunità”. Dan jistipula wkoll biex jiġu użati l-linji gwida segwenti biex jiġi eżaminat jekk dik il-kundizzjoni hijiex sodisfatta: (i) il-kwistjoni li qed tiġi kkunsidrata jkollha aspetti transnazzjonali li ma jkunux jistgħu jiġu rregolati b’mod sodisfaċenti bl-azzjoni tal-Istati Membri; (ii) l-azzjonijiet tal-Istati Membri biss jew in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Komunità jkunu f’kunflitt mal-ħtiġijiet tat-Trattat jew ikunu b’mod ieħor jagħmlu ħsara għall-interessi tal-Istati Membri; (iii) azzjoni fil-livell tal-Komunità tkun tipproduċi vantaġġi evidenti minħabba d-dimensjoni jew l-effetti tagħha meta tkun ipparagunata mal-azzjoni fuq il-livell tal-Istati Membri.

153. Nistieden lil-leġiżlatur Komunitarju u lill-Istati Membri jirriflettu fuq l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-moviment tal-istudenti bejn l-Istati Membri (116).

154. Fl-aħħar nett, infakkar li wieħed mill-għanijiet tal-Komunità elenkati fl-Artikolu 2 KE huwa l-promozzjoni tas-solidarjetà fost l-Istati Membri, u li l-Istati Membri għandhom id-dover reċiproku ta’ kooperazzjoni leali abbażi tal-Artikolu 10 KE (117). Fil-fehma tiegħi dawk id-dispożizzjonijiet huma rilevanti ħafna hawnhekk. Meta fatturi lingwistiċi u differenzi ta’ politika nazzjonali dwar l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla jinkoraġġixxu volumi partikolarment għolja ta’ mobbiltà ta’ studenti li joħolqu diffikultajiet reali għall-Istat Membru ospitanti, huma ċertament kemm l-Istat Membru ospitanti kif ukoll l-Istat Membru tal-oriġini li għandhom ifittxu attivament soluzzjoni nnegozjata li tikkonforma mat-Trattat.

 Konklużjoni

155. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li d-domandi rinvjati mill-Cour Constitutionnelle (il-Belġju) għandhom jingħataw ir-risposta li ġejja:

Domandi 1 u 2

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 u l-Artikolu 18(1) KE, flimkien mal-Artikolu 149(1), it-tieni inċiż tal-Artikolu 149(2) u t-tielet inċiż tal-Artikolu 150(2) KE, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu miżuri bħal dawk inklużi fid-Décret régulant le nombre d’étudiants dans certains cursus de premier cycle de l’enseignement supérieur ippromulgat mill-Komunità Franċiża tal-Belġju.

Domanda 3

It-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħħar parti tal-Artikolu 149(1) KE u tal-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali ma jaffettwax ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ara, għal deskrizzjoni storika ġenerika, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tal-20 ta’ Marzu 2007, fil-Kawżi magħquda C‑11/06 u C‑12/06, Morgan u Bucher, Ġabra I‑9161, punti 37 sa 47. Il-Ministri responsabbli għall-Edukazzjoni Ogħla fis-46 pajjiż tal-Proċess ta’ Bologna reċentement ikkonstataw li l-mobbiltà hija “il-karatteristika ewlenija taż-żona Ewropea tal-edukazzjoni ogħla” u talbu “lil kull pajjiż biex iżid il-mobbiltà”: Komunikat tal-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-edukazzjoni ogħla, Leuven u Louvain-la-Neuve, 28 u 29 ta’ April 2009, paragrafu 18 (disponibbli fuq http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/09/675&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en ).


3 – Moniteur Belge tas-6 ta’ Lulju 2006, p. 34 055. Id-Digriet ġie emendat l-iktar reċenti bid-Décret fixant des conditions d’obtention des diplômes de bachelier sage-femme et de bachelier en soins infirmiers, renforçant la mobilité étudiante et portant diverses mesures en matière d’enseignement supérieur (Digriet li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ksib tad-diplomi ta’ baċellarat fil-professjoni tal-qabla u ta’ baċellerat fis-sengħa tal-kura, u li jirrinforza l-mobbiltà tal-istudenti u li jinkludi diversi miżuri dwar l-edukazzjoni ogħla), tat-18 ta’ Lulju 2008 (Moniteur Belge, tal-10 ta’ Settembru 2008, p. 47 115). F’dawn il-konklużjonijiet nirreferi għall-verżjoni oriġinali tad-digriet kif deskritta fid-digriet tar-rinviju. Id-digrieti huma l-istrumenti legali li permezz tagħhom it-tliet Komunitajiet tal-Belġju, kif ukoll ir-reġjun Fjamming u tal-Wallonja, jeżerċitaw il-kompetenzi leġiżattivi tagħhom. Dawn għandhom l-istess forza ta’ liġi bħal-liġijiet federali. Ara l-Artikoli 127(2), 128(2), 129(2), 130(2) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 134 tal-Kostituzzjoni Belġjana, l-Artikolu 19(2) tal-Loi spéciale de réformes institutionnelles (Liġi Speċjali dwar ir-riforma tal-istituzzjonijiet), tat-8 ta’ Awwissu 1980 (Moniteur belge tal-15 ta’ Awwissu 1980) u l-konklużjonijiet tiegħi tat-28 ta’ Ġunju 2007, fil-Kawża C‑212/06, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, Ġabra I‑1683, punti 4 sa 7.


4 – Adottat u miftuħ għall-iffirmar, għar-ratifika u għall-adeżjoni bir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 2200A (XXI), tas-16 ta’ Diċembru 1966. Il-Patt daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 27 tiegħu, fit-3 ta’ Jannar 1976.


5 – It-traduzzjonijiet kollha tal-leġiżlazzjoni Belġjana u t-travaux préparatoires relatati ma’ dik il-leġiżlazzjoni f’ dawn il-konklużjonijiet huma tiegħi.


6 –      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5 p. 46).


7 – Fl-istess data, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Awstrija minħabba nuqqas ta’ konformità mas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-147/03, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Ġabra 2005 p. I‑5969). Din il-proċedura wkoll ġiet sospiża.


8 – Sentenzi tat-13 ta’ Frar 1985, Gravier (293/83,Ġabra p. 593, punt 25); tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (42/87, Ġabra p. 5445, punti 7 u 8); tal-1 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑65/03, Ġabra p. I‑6427, punt 25); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 32, u tal-11 ta’ Jannar 2007, Lyyski (C‑40/05, Ġabra p. I-99, punt 28).


9 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 25.


10 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 33, u Lyyski, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 29. L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot (24/86, Ġabra p. 379, punti 15 sa 20), deher iktar restrittiv. Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-edukazzjoni universitarja kienet taqa’ fi ħdan l-iskop tal-espressjoni “formazzjoni vokazzjonali” sal-punt li din tipprepara jew tipprovdi l-formazzjoni u l-ħiliet neċessarji għal kwalifika għal professjoni, negozju jew impjieg partikolari. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan kien il-każ “mhux biss fejn l-eżami akkademiku finali jipprovdi direttament il-kwalifika meħtieġa għal professjoni, negozju jew impieg partikolari imma anki safejn l-istudji inkwistjoni jipprovdu formazzjoni u ħiliet speċifiċi, jiġifieri fejn student għandu bżonn l-għarfien hekk miksub għall-insegwiment ta’ professjoni, negozju jew impieg, anki jekk l-ebda dispożizzjonijiet legiżlattivi jew amministrattivi ma jrendu l-ksib ta’ dak l-għarfien prerekwiżit għal dak il-għan”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, b’mod ġenerali, l-istudji universitarji jissodisfaw dawn il-kriterji. “L-uniċi eċċezzjonijiet huma ċerti korsijiet ta’ studju li, minħabba n-natura partikolari tagħhom, huma intiżi għal persuni li jixtiequ jtejjbu l-għarfien ġenerali tagħhom għajr milli biex jippreparaw ruħhom għal xi xogħol.” Fi kwalunkwe każ, il-korsijiet inkwistjoni hawnhekk huma bla dubju ta’ xejn vokazzjonali.


11 – Ara l-punt 78 iktar ’il quddiem.


12 – Ara l-punt 12 supra.


13 – Ara wkoll it-travaux préparatoires tad-digriet: Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 16-17; ibid., Nru 263/3, p. 18; u l-opinjoni tas-sezzjoni leġiżlattiva tal-Kunsill tal-Istat Belġjan, Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 50.


14 – Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.


15 – Ara l-punt 28 supra.


16 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Rüffler (C‑544/07, Ġabra p. I‑3389, punt 59), tirribadixxi d-definizzjoni klassika fil-kuntest speċifiku ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 12 KE.


17 – Ara, bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-Kawża Roberts (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1993, Ġabra p. I‑5579), punti 12 sa 14.


18 – Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p. 23).


19 – Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni, irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


20 – Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


21 – Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar id-Diskriminazzjoni Sesswali, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar id-Diskriminazzjoni Razzjali, u l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva Qafas dwar it-Trattament Ugwali.


22 – Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar id-Diskriminazzjoni Sesswali, l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva dwar id-Diskriminazzjoni Razzjali, u l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva Qafas dwar it-Trattament Ugwali.


23 – Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 28 (enfażi miżjuda), u l-ġurisprudenza ċċitata; fir-rigward tal-Artikolu 39(2) KE, ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Petersen (C-228/07, Ġabra p. I‑6989, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Sentenza Petersen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25 – Sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, Ġabra p. 455, punt 18). Dwar din id-distinzjoni, li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja dehret li qed tissuġġerixxi li din kienet tikkoinċidi mad-differenza bejn l-effett dirett u n-nuqqas tiegħu, ara wkoll ir-rimarki tal-Avukat Ġenerali Warner fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Worringham u Humphreys (sentenza tal-11 ta’ Marzu 1981, 69/80, Ġabra p. 767, 802 u 803).


26 – Ara, bl-istess mod, Ellis, E., EU Anti-Discrimination Law (2005), p. 89 u 90. Ara wkoll il-konklużjonijiet ippreżentati fil-Kawża Burton (sentenza tas-16 ta’ Frar 1982, 19/81, Ġabra p. 554, punt 2.6), li fihom l-Avukat Ġenerali VerLoren van Themaat ikkunsidra li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1981, Jenkins (96/80, Ġabra p. 911), kienet uriet li d-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u dik indiretta li kienet saret fit-tieni sentenza Defrenne, li hija importanti biex jiġi deċiż jekk l-Artikolu 119 huwiex direttament applikabbli jew le, ma tikkoinċidix ma’ distinzjoni fir-rigward ta’ kontenut bejn diskriminazzjoni diretta jew formali, minn naħa, u diskriminazzjoni indiretta jew materjali, min-naħa l-oħra.


27 – Sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C‑177/88, Ġabra p. I‑3941, punti 10 u 12).


28 – Sentenzi tal-5 ta’ Novembru 1990, Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund (C‑179/88, Ġabra p. I‑3979, punt 13); tal-5 ta’ Mejju 1994, Habermann-Beltermann (C‑421/92, Ġabra p. I‑1657, punt 15); tal-14 ta’ Lulju 1994, Webb (C‑32/93, Ġabra p. I‑3567, punt 19); u tat-3 ta’ Frar 2000, Mahlburg (C‑207/98, Ġabra p. I‑549, punt 20).


29 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000 (C‑79/99, Ġabra p. I‑10997, punt 33, enfażi miżjuda).


30 – Ara wkoll Barnard, C., EC Employment Law (Edizzjoni 3, 2006), p. 321, li jirreferi għad-deċiżjoni tal-House of Lords fil-Kawża James [1990] 3 WLR 55, li fiha ġie rrikonoxxut it-test “li kieku ma kienx għal”.


31 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 10, 12 u 14.


32 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑388/01, Ġabra p. I‑721, punt 14, u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 53). Ara wkoll, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann (C‑212/05, Ġabra p. I‑6303, punti 30 u 31), u Petersen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 54 u 55.


33 – Ara l-punti 38 u 39 iktar ’il fuq.


34 – Ara l-punt 33 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Schnorbus, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29. F’dik il-kawża, jekk in-numru ta’ applikazzjonijiet għal dħul f’formazzjoni legali prattiku fil-Ġermanja f’data ta’ bidu partikolari kien jeċċedi n-numru ta’ postijiet ta’ formazzjoni disponibbli, id-dħul seta’ jiġi pospost sa massimu ta’ 12-il xahar; imma dik ir-regola ma kinitx tapplika jekk il-posponiment ikun iwassal għal tbatija partikolari, li kienet ikkunsidrata li sseħħ meta applikant ikun lesta l-lieva obbligatorja. L-Avukat Ġenerali ġustament ikkonstata li dan wassal għal diskriminazzjoni indiretta abbażi ta’ sess. Skont il-liġi Ġermaniża kif kienet, in-nisa qatt ma setgħu jiġu mogħtija prijorità taħt ir-regola inkwistjoni, filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tal-irġiel setgħu. Dan irriżulta direttament mill-fatt li l-kriterju użat – it-tlestija tal-lieva obbligatorja – kien relatat ma’ obbligu impost bil-liġi fuq l-irġiel kollha u fuq l-irġiel biss. Peress li xi rġiel ma kinux lestew il-lieva obbligatorja u għalhekk (bħan-nisa kollha) ma kinux ġew mogħtija dħul bi prijorità, il-kategorija ta’ persuni li rċevew ċertu vantaġġ (dawk li ġew mogħtija prijorità minħabba li kienu lestew il-lieva obbligatorja) ma kinitx tikkoinċidi eżattament mal-kategorija ta’ persuni li ġew distinti biss abbażi ta’ klassifikazzjoni pprojbita (is-sess, f’dan il-każ l-irġiel).


35 – It-test “li kieku ma kienx għal” normalment jiġi applikat fir-rigward tal-persuna li kontriha ssir id-diskriminazzjoni iktar milli fir-rigward tal-persuna li tgawdi l-vantaġġ; f’dan il-każ, il-maqlub huwa, mutatis mutandis, ukoll veru imma ħarira iktar diffiċli biex tesprimih: li kieku ma kienx għall-fatt li l-istudent B mhuwiex ċittadin Belġjan, huwa wkoll kien ikollu dritt jibqa’ permanentement fil-Belġju bis-saħħa taċ-ċittadinanza tiegħu; u huwa wkoll kien awtomatikament jissodisfa t-tieni kundizzjoni kumulattiva.


36 – Opinjoni tas-sezzjoni leġiżlattiva tal-Kunsill tal-Istat Belġjan, Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 50. Il-Kunsill tal-Istat ġibed l-attenzjoni wkoll għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3, u għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tal-abbozz tad-digriet, li abbażi tagħhom ir-restrizzjonjiet rilevanti kellhom jiġu aboliti jekk u meta Franza tneħħi r-restrizzjonijiet tagħha għal studji simili. Il-Kunsill tal-Istat osserva f’dak ir-rigward: “Għalhekk għal darb’oħra ġiet ifformulata kundizzjoni li hija viċin ħafna għall-kriterju taċ-ċittadinanza, peress li l-istudenti ta’ċittadinanza Franċiża huma direttament ikkonċernati” (enfasi miżjuda). Dawn id-dispożizzjonijiet tħassru mit-test finali tad-digriet kif adottat.


37 – Jiġifieri l-persuna kkonċernata għandha tkun residenti fl-Ingilterra u f’Wales fl-ewwel ġurnata tas-sena akkademika u għandha tkun ilha tgħix fir-Renju Unit u l-Gżejjer matul it-tliet snin qabel dik id-data, li ma jinkludux is-snin li tkun qattgħet fir-Renju Unit bħala studenta.


38 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 14 sa 18.


39 – Pereżempju, il-wild Brittaniku ta’ ġenituri Brittaniċi li kienu ħadmu fl-Awstrija għall-10 snin preċedenti, u li kien lesta l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fl-Awstrija, ma kienx ikun eliġibbli għal self lill-istudenti bħala għajnuna għall-ispejjeż ta’ manteniment tiegħu meta kien jieħu post f’Cambridge.


40 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 61 u 62.


41 – Ara l-punt 36 iktar ’il fuq.


42 – Ara l-punti 45 sa 48 iktar ’il fuq.


43 – Ara l-punti 128 u 131 iktar ’il quddiem.


44 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 57 sa 59. Ara, b’mod ġenerali, fir-rigward tar-residenza bħala alternattiva potenzjalment ġustifikabbli għaċ-ċittadinanza: Davies, G., “‘Any Place I Hang My Hat?’ or: Residence is the New Nationality”, European Law Journal 2005, p. 43 sa 56.


45 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 56, li tagħmel riferiment għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 44).


46 – Sentenza Bidar, punti 56 u 57.


47 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 70.


48 – Ara Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 54, fejn is-sezzjoni legiżlattiva tal-Kunsill tal-Istat Belġjan ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern tal-Komunità Franċiża preċiżament dwar din il-kwistjoni.


49 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, Ġabra p. I‑9705, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata.


50 – Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.


51 – Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 12 u 13.


52 – Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 9.


53 – Ara l-punti 114 sa 126 iktar ’il quddiem.


54 – Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann (C‑109/04, Ġabra p. I‑2421, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata. Il-frażi “raisons impérieuses d’intérêt général”, użata sistematikament mill-Qorti tal-Ġustizzja bil-Franċiż, ġiet tradotta għall-Ingliż b’diversi modi. Jidhirli li “overriding reasons in the public interest” hija t-traduzzjoni li tirrifletti bl-aħjar mod it-tifsira. Din ġiet użata reċentement, pereżempju, fil-Kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, C‑326/07, Ġabra p. I‑2291, punt 41).


55 – Sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 41), u tat-12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et (C‑368/98, Ġabra p. I‑5363, punt 47).


56 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 31; ara wkoll il-punti 33 sa 35 dwar għalfejn l-edukazzjoni ogħla hija sostanzjalment differenti mis-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali (l-iktar ovvju għax ma hijiex servizz skont it-tifsira tal-Artikolu 49 KE: ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Humbel (263/86, Ġabra p. 5365, punti 17, 18 u 19), u tas-7 ta’ Diċembru 1983, Wirth (C‑109/92, Ġabra p. I‑6447, punti 15 sa 19).


57 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 46.


58 – Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 250).


59 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 44.


60 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 36.


61 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.


62 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 70, u (bl-istess mod), il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, punt 41. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat inekwivokabbilment li l-motivi li setgħu ħajru ħaddiem fi Stat Membru jfittex impjieg fi Stat Membru ieħor ma huma ta’ ebda importanza fir-rigward tad-dritt tiegħu li jidħol u li jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat sakemm hu jsegwi jew jixtieq isegwi hemmhekk attività effettiva u ġenwina (sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin, 53/81, Ġabra p. 1035, punt 23, u tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich, C-109/01, Ġabra p. I‑9607, punt 55).


63 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 29. Ara, f’dan ir-rigward, l-istqarrijiet tas-Sur Rémy, direttur tal-istudji paramediċi u pedagoġiċi tal-Haute École provinciale du Hainaut occidental, li jenfasizza l-konsegwenza ta’ benefiċċju tal-preżenza ta’ studenti barranin: “Il-preżenza massiva ta’ studenti Franċiżi ppermettitielna nwessgħu l-perspettivi tagħna. Serje sħiħa ta’ proġetti ġew żviluppati grazzi għas-suċċess tal-korsijiet tal-fiżjoterapija u tat-terapija okkupazzjonali li jiżgurawlna livell tajjeb ta’ finanzjament, pereżempju fir-rigward tar-riċerka u tal-edukazzjoni kontinwa. Sfortunatament, dan kollu ser jisparixxi.” (“C’est une vraie catastrophe pour notre école”, La Libre, 3 ta’ Frar 2006).


64 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 65. Ara, diġà f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Gravier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, p. 604.


65 – Kif ġie nnotat ukoll fl-Avis du Corps interfédéral de l’inspection des finances tal-31 ta’ Jannar 2006, inkluż fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, p. 5.


66 – Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 9. Ara l-punt 87 iktar ’il fuq.


67 – Sentenza Lyyski, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 39.


68 – Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02, Ġabra p. I‑13555, punt 46).


69 – Ibidem.


70 – Il-kummenti li jakkumpanjaw id-data statistika inkluża fid-dokumenti ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja josservaw espliċitament li ż-żieda fl-istudenti b’diploma ta’ skola sekondarja barranija hija attribwibbli esklużivament għal żewġ korsijiet: “fiżjoterapija u riabilitazzjoni” u “mediċina veterinarja”.


71 – Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 30.


72 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 61. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’din il-kawża, punt 52.


73 – Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Ricordi (C‑360/00, Ġabra p. I‑5089, punt 31).


74 – Sentenza Grzelczyk, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 31, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.


75 – Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑111/03, Ġabra p. I‑8789, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76 – Ara l-punti 151 sa 153 iktar ’il quddiem.


77 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 53.


78 – B’mod partikolari r-Repubblika tal-Awstrija fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


79 – Skont l-istatistika tal-OECD għall-2006 (disponibbli online fuq www.oecd.org), il-Belġju kellu 40 607 studenti mhux ċittadini minn popolazzjoni ta’ 10 511 382 (proporzjon ta’ 1 : 258.8). B’paragun ma’ dan, id-Danimarka kellha 19 123 student mhux ċittadin minn popolazzjoni ta’ 5 427 459 (proporzjon ta’ 1 : 283.8); l-Isvezja kellha 41 410 studenti mhux ċittadini minn popolazzjoni ta’ 9 047 752 (proporzjon ta’ 1 : 218.4); u r-Renju Unit kellu 418 353 student mhux ċittadin minn popolazzjoni ta’ 60 412 870 (proporzjon ta’ 1 : 144.4). Meta tqis il-prevalenza tal-istudji bil-lingwa Ingliża, din l-aħħar ċifra hija qajla sorprendenti. Madankollu ma huwiex possibbli li wieħed jgħid liema proporzjon ta’ dawk l-istudenti mhux ċittadini, ma humiex ċittadini tal-UE li l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni ogħla tista’ tiġi legalment ristretta.


80 – Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 9.


81 – Ara l-punt 105 iktar ’il fuq u s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 61.


82 – Nosserva li anki kieku l-192 kandidat kollha li kienu kisbu d-diplomi tal-iskola sekondarja tagħhom fil-Komunità Franċiża kienu għaddew, xorta waħda kien ikun hemm nuqqas ta’ tali kandidati biex jimlew il-250 post disponibbli.


83 – Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 5.


84 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (178/84, Ġabra p. 1227); tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑24/00, Ġabra p. I‑1277, punt 54), u tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-192/01, Ġabra p. I‑9693, punt 47).


85 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, Ġabra p. I‑14887, punti 112 sa 124).


86 – Ara ċ-ċifri ċċitati fil-punt 115 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 82.


87 – Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostnew li, fil-fatt, is-saħħa pubblika ma hijiex kompetenza tal-Komunità Franċiża, imma tal-Gvern Federali u li l-proċeduri taħt il-liġi kostituzzjonali Belġjana meħtieġa biex tiġi ppromulgata miżura intiża biex tħares is-saħħa pubblika ma kinux ġew segwiti fil-kawża preżenti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dik il-kwistjoni.


88 – Jidher li l-kompetizzjoni għall-veterinarji li kkawżat il-problemi saret l-iktar minħabba eċċess ta’ studenti fit-tieni parti tal-kors: Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 5 u 6.


89 – Kif ġie ssuġġerit minn Claude Ancion, membru tal-parlament tal-Komunità Franċiża, f’mistoqsija lill-Ministru għall-Edukazzjoni Ogħla, Riċerka Xjentifika u Relazzjonijiet Internazzjonali: compte rendu intégral, parlement de la Communauté française, 2004/05, 13 ta’ Ottubru 2005, p. 53 (il-mistoqsija u t-tweġiba mill-Ministru huma msemmija fit-travaux préparatoires tad-digriet: Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 9, nota ta’ qiegħ il-paġna 8).


90 – Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C‑418/07, Ġabra p. I‑8947, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika għad-diffikultajiet finanzjarji, li huma l-Istat Membri li għandhom jissuperawhom billi jadottaw miżuri xierqa: ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑42/89, Ġabra p. I‑2821, punt 24).


91 – Doc. parl., parlement de la Communauté française, 2005/06, Nru 263/1, p. 53 u 56. Id-data tal-Eurostat l-iktar reċenti disponibbli turi li l-Belġju għandu medja nazzjonali ta’ 242.7 fiżjoterapista għal kull 100 000 abitant. Ir-Reġjun tal-Wallonja tal-Belġju għandu 268 għal kull 100 000 abitant (u sa 416.9 għal kull 100 000 abitant għall-provinċja tal-Wallonja Brabant). Ir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali għandu 218.1 għal kull 100 000 abitant. Dan jikkompara ma’ medja nazzjonali ta’ 104 fiżjoterapisti għal kull 100 000 abitant għal Franza u 103 fiżjoterapisti għal kull 100 000 abitant għall-Ġermanja (Data tal-Eurostat 2006). Il-Ministru tas-Saħħa indika li l-eżami fl-aħħar tal-istudji tal-fiżjoterapija (li jrendi possibbli għall-fiżjoterapista jikseb numru tal-Assigurazzjoni tal-Istituzzjoni Nazzjonali Belġjana għas-Saħħa u l-Invalidità, li jagħti lill-pazjenti tiegħu d-dritt li jiġu rimborsati mill-assigurazzjoni tas-saħħa tagħhom) se jkollu jiġi abolit – x’aktarx, biex jiġi ssostitwit b’eżami fil-bidu tal-istudji: note de politique générale de la vice-Première ministre et ministre des Affaires sociales et de la Santé publique, Doc. parl., Chambre, 2008/09, Nru 1529/5, p. 16.


92 – Sentenza Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 58.


93 – Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 51.


94 – Għall-kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li stabbilixxiet li kien hemm diskriminazzjoni diretta minħabba ċittadinanza, ma eżaminatx il-ġustifikazzjonijiet potenzjali ara pereżempju s-sentenzi segwenti: Gravier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 15, 25 u 26; tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, Ġabra p. 195, punt 10); tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et (C‑92/92 u C‑326/92, Ġabra p. I‑5145, punti 32 u 33). L-Avukat Ġenerali Kokott tosserva korrettement fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Wood (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2008, C-164/07, Ġabra p. I‑4143), punt 42 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, li, filwaqt li huwa dubjuż jekk regola nazzjonali li tiddiskrimina direttament minħabba ċ-ċittadinanza tistax qatt tiġi ġġustifikata, numru ta’ kawżi jaċċennaw għall-possibbiltà teoretika li tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni diretta (ara, pereżempju, is-sentenzi Ricordi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 73, punt 33; tal-20 ta’ Marzu 1997, Hayes, C‑323/95, Ġabra p. I‑1711, punt 24, u tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS, C‑122/96, Ġabra p. I‑5325, punti 26 et seq).


95 – Ara l-punti 64 sa 76 iktar ’il fuq.


96 – Ara, pereżempju, id-deroga mill-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Artikolu 39(4) KE (impjieg fis-servizz pubbliku) u d-deroga mil-libertà tal-istabbiliment fl-Artikolu 45 KE (eżerċizzju ta’ awtorità pubblika) – derogi li, kif inhu magħruf sew, huma interpretati b’mod strett ħafna (ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑490/04, Ġabra p. I‑6095, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).


97 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C-85/96, Ġabra p. I‑2691, punt 64), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat: “B’hekk it-trattament mhux ugwali in kwistjoni li jinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ġġustifikat. Fil-fatt, din hija diskriminazzjoni eżerċitata direttament minħabba ċ-ċittadinanza tar-rikorrenti”. Huwa veru li wara l-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid: “u, barra minn hekk, ebda element li jiġġustifika tali trattament mhux ugali ma tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”. Madankollu, jiena naqra dan bħala riflessjoni sussegwenti li ma jbiddel bl-ebda mod l-implikazzjonijiet ċari tal-ewwel dikjarazzjoni.


98 – Konklużjonijiet fil-kawża Phil Collins et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 94, punt 11.


99 – Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 53.


100 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


101 – Adottata u miftuħa għall-iffirmar, ratifikazzjoni u adeżjoni bir-Riżoluzzjoni 2200A (XXI) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-16 ta’ Diċembru 1966. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ, b’mod konformi mal-Artikolu 49 tagħha, fit-23 ta’ Marzu 1976.


102 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, Ġabra p. I‑505, punt 39), u tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


103 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37.


104 – Kummenti Ġenerali dwar id-dritt għall-edukazzjoni (Artikolu 13), E/C.12/1999/10 (‘E/C.12/1999/10’), paragrafu 31 (ara wkoll il-paragrafu 43).


105 – E/C.12/1999/10, paragrafu 59.


106 – Il-Gvern Belġjan għamel is-segwenti dikjarazzjoni interpretattiva dwar l-ICESCR: “Fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, il-Gvern Belġjan jinterpreta n-nondiskriminazzjoni fir-rigward taċ-ċittadinanza tal-oriġini bħala li ma timplikax neċessarjament obbligu fuq l-Istati biex jiggarantixxu awtomatikament lill-barranin l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tagħhom. L-espressjoni għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi għall-eliminazzjoni ta’ mġiba arbitrarja imma mhux tad-differenzi fit-trattament ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u raġonevoli, skont il-prinċipji li jipprevalu f’soċjetajiet demokratiċi”. Indipendentement minn jekk din id-dikjarazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala riżerva moħbija għall-ICESCR, din ma tistax taffettwa l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fl-ambitu tat-Trattat. Fir-rigward tar-riżervi moħbija, ara Aust, A., Modern Treaty Law and Practice (2007), p. 129 u 130.


107 – E/C.12/1999/10, paragrafu 19.


108 – Ara l-punt 32 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


109 – Ara s-sentenza Morgan u Bucher, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.


110 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Phil Collins et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 94, punt 11: “Dawn m’għandhomx jiġu sempliċement ittollerati bħala barranin, imma għandhom ikunu milqugħa mill-awtoritajiet tal-Istat ospitanti bħala ċittadini tal-Komunità li għandhom dritt, ‛fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat’, għall-privileġġi u l-vantaġġi li jgawdu ċ-ċittadini tal-Istat ospitanti”.


111 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Bartsch (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2008, C‑427/06, Ġabra p. I‑7245), punt 45.


112 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Cobelfret (C-138/07, Ġabra p. I‑731, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).


113 – Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński (C‑313/05, Ġabra p. I‑513, punti 57 u 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).


114 – Ara, f’dan is-sens, Dougan, M., “Fees, Grants, Loans and Dole Cheques: Who Covers the Costs of Migrant Education Within the EU?”, Common Market Law Review 2005, p. 955 u 956.


115 – Protokoll Nru 30 anness mat-Trattat.


116 – Fir-rigward tas-sussidjarjetà, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 118, u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 68, li tirreferi għal MacCormick, N., Questioning Sovereignty (1999), p. 135.


117 – Ara, bħala eżempju fir-rigward tal-edukazzjoni, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci (235/87, Ġabra p. 5589, punt 19).