Language of document : ECLI:EU:C:2009:674

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2009 1(1)

Kawża C-386/08

Brita GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Hafen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja)]

“Trattament preferenzjali – Ftehim KE-Iżrael – Ftehim KE-PLO – Kunċett ta’ ‘prodotti li joriġinaw’ – Prodotti li joriġinaw minn kolonja ta’ popolament Iżraeljana stabbilita fix-Xatt tal-Punent – Verifika a posteriori taċ-ċertifikati EUR.1 – Dubju fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti – Kunċett ta’ ‘territorju tal-Istat tal-Iżrael’”





1.        Dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat ta’ Iżrael mill-parti ’l oħra (2), kif ukoll tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni interim Ewro-Mediterranju, dwar kummerċ u koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Organiżazzjoni għall-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża, minn naħa l-oħra (3).

2.        Din toriġina mill-ilment tal-kumpannija Brita GmbH (4) kontra dazji doganali imposti kontriha mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi għall-importazzjoni ta’ apparat għal manifattura tal-ilma bil-gass fix-Xatt tal-Punent li għalihom l-awtoritajiet doganali Iżraeljani ħarġu ċertifikat ta’ moviment li jiddikjara l-oriġini Iżraeljana ta’ dawn il-prodotti.

3.        Il-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) issaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk, skont il-Ftehim KE-Iżrael, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi humiex marbuta bir-riżultat tal-verifika tal-oriġini tal-imsemmija prodotti li sar a posteriori mill-awtoritajiet doganali Iżraeljani.

4.        Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kinux obbligati li jressqu l-kwistjoni li għandhom mal-awtoritajiet doganali Iżraeljani quddiem il-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali, stabbilit minn dak il-Ftehim.

5.        Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna biex tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li l-Ftehim KE-Iżrael jew il-Ftehim KE‑PLO jiġu applikati mingħajr distinzjoni għal prodotti ċċertifikati bħala ta’ oriġini Iżraeljana, meta jkun jirriżulta li dawn joriġinaw mit-territorji okkupati u, b’mod iktar partikolari, mix-Xatt tal-Punent.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li, peress li l-kwistjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati li huma partijiet għall-Ftehim KE-Iżrael tirrigwarda l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dak il-Ftehim, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni mhumiex marbuta bir-riżultat tal-verifika a posteriori mwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni.

7.        Sussegwentement ser nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ma kinux obbligati li jissottomettu lill-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali l-kwistjoni li għandhom mal-awtoritajiet doganali Iżraeljani.

8.        Fl-aħħar nett, ser nindika r-raġunijiet għalfejn nemmen li prodotti ċċertifikati mill-awtoritajiet doganali Iżraeljani bħala ta’ oriġini Iżraeljana, iżda li jirriżulta li joriġinaw mit-territorji okkupati u, b’mod iktar speċifiku, mix-Xatt tal-Punent, la jistgħu jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali taħt il-Ftehim KE-Iżrael u lanqas minn dak stabbilit mill-Ftehim KE‑PLO.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

9.        Il-konferenza ministerjali Ewro-Mediterranja li saret f’Barċellona fis-27 u fit-28 ta’ Novembru 1995 ippermettiet li jiġu kkonkretizzati d-direzzjonijiet diġà ddefiniti mill-Kunsilli Ewropej preċedenti, jiġifieri li tiġi stabbilita sħubija mal-pajjiżi tal-baċin Mediterranju. Dan kien jirrigwarda tnax-il Stat terz. Dawn huma r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, l-Istat tal-Iżrael, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, ir-Repubblika Libaniża, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Marokk, ir-Repubblika Għarbija Sirjana, ir-Repubblika tat-Tuneżija, ir-Repubblika tat-Turkija u l-Awtorità Palestinjana.

10.      Din l-isħubija l-ġdida hija msejsa fuq tliet binarji. Il-binarju “politika u sigurtà” għandu l-għan li jiddefinixxi spazju komuni ta’ paċi u stabbiltà. It-tieni binarju, il-binarju “ekonomiku u finanzjarju”, għandu jippermetti l-bini ta’ żona ta’ prosperità komuni. Fl-aħħar nett, il-binarju “soċjali, kulturali u uman” huwa intiż biex jiżviluppa r-riżorsi umani kif ukoll biex jippromwovi li l-kulturi jifhmu lil xulxin u skambji bejn is-soċjetajiet ċivili.

11.      B’hekk ġew konklużi ftehim bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri, minn naħa, u l-pajjiżi Mediterranji, min-naħa l-oħra. Dawn il-ftehim isegwu l-istess skema li tinkludi t-tliet binarji msemmija iktar ’il fuq kif ukoll protokoll ta’ ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti li joriġinaw u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-mod tal-ħruġ u tal-verifika a posteriori taċ-ċertifikati li jiddikjaraw l-oriġini tal-prodotti.

12.      Huwa b’hekk illi l-Komunità u l-Istati Membri ffirmaw, fi Brussell, fl-20 ta’ Novembru 1995, il-Ftehim KE-Iżrael u, fl-24 ta’ Frar 1997, il-Ftehim KE‑PLO.

13.      Dawn il-ftehim ġew approvati, rispettivament, bid-Deċiżjonijiet 2000/384/KE, KEFA tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ April 2000 (5) u 97/430/KE tal-Kunsill, tat-2 ta’ Ġunju 1997 (6).

1.      Il-Ftehim KE-Iżrael

14.      Il-Ftehim KE-Iżrael daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2000. Jirriżulta mill-preambolu ta’ dan il-Ftehim li l-“Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-Iżrael jixtiequ jsaħħu [r-rabtiet eżistenti tradizzjonali li jeżistu bejniethom] u jistabbilixxu relazzjonijiet dejjiema, bbażati fuq reċiproċità u sħubija, u jippromwovu aktar integrazzjoni ta’ l-ekonomija ta’ l-Iżrael fl-ekonomija Ewropea”.

15.      Il-preambolu tal-Ftehim KE-Iżrael jindika wkoll li l-partijiet ikkonkludew dak il-Ftehim waqt li “jikkunsidraw l-importanza [li huma] jagħtu lill-prinċipju ta’ ħelsien ekonomiku u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li jiffurmaw il-bażi nnifisha ta’ l-Assoċjazzjoni”.

16.      Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi Ftehim, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KE‑Iżrael japplikaw għall-prodotti li joriġinaw mill-Komunità u mill-Iżrael. L-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim jistabbilixxi li d-“dazji doganali fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet, u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti, għandhom jiġu projbiti bejn il-Komunità u l-Iżrael. Dan għandu jgħodd ukoll għal dazji doganali ta’ natura fiskali”.

17.      L-Artikolu 67 tal-Ftehim KE-Iżrael jipprevedi l-istabbiliment ta’ Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li jkun responsabbli biex jeżamina kull kwistjoni prinċipali li tinqala’ fil-qafas ta’ dan il-Ftehim kif ukoll kull kwistjoni oħra bilaterali u internazzjonali ta’ interess komuni.

18.      Skont l-Artikolu 75(1) tal-imsemmi Ftehim, kull waħda mill-partijiet tista’ tirreferi lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kull kwistjoni dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-Ftehim KE-Iżrael.

19.      Jirriżulta wkoll mill-Artikolu 79(2) ta’ dan il-Ftehim li parti għandha d-dritt li tieħu l-miżuri xierqa jekk tikkunsidra li l-parti l-oħra naqset milli tħares xi obbligu taħt il-Ftehim, kemm-il darba hija madankollu tipprovdi lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bl-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa għal eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet.

20.      Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim KE-Iżrael huwa ddefinit fl-Artikolu 83 tiegħu. Skont dak l-Artikolu, dan il-Ftehim japplika għat-territorji fejn it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar huma applikabbli u taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dawn it-Trattati kif ukoll fit-territorju tal-Istat tal-Iżrael.

21.      Skont l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tal-Protokoll Nru 4 tal-imsemmi Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti li joriġinaw u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva, għandhom jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw mill-Iżrael il-prodotti miksuba kollha kemm huma fl-Iżrael fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan il-protokoll (7) kif ukoll il-prodotti miksuba fl-Iżrael u li jkun fihom materjali mhux miksuba kollha kemm huma hemmhekk, kemm-il darba l-imsemmija materjali madankollu jkunu għaddew minn xogħol u pproċessar suffiċjenti fl-Iżrael fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmi protokoll.

22.      Il-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE-Iżrael jistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar il-prova tal-oriġini tal-prodotti. B’hekk, l-Artikolu 17(1)(a) ta’ dan il-protokoll jipprovdi li l-prodotti li joriġinaw fis-sens tal-imsemmi protokoll jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KE-Iżrael mas-sottomissjoni ta’ ċertifikat tal-moviment tal-prodotti EUR.1 (8). Skont l-Artikolu 18(1) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE-Iżrael, dan iċ-ċertificat jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni wara li tkun saret applikazzjoni bil-miktub mill-esportatur jew taħt ir-responsabbiltà tal-esportatur mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

23.      L-Artikolu 32 ta’ dan il-protokoll jistabbilixxi koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istat tal-Iżrael u l-Istat Membru kkonċernat. Din hija r-raġuni għalfejn meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jkollhom dubji fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti, huma jistgħu jitolbu verifika a posteriori taċ-ċertifikati EUR.1. Dawn l-awtoritajiet b’hekk jibagħtu ċ-ċertifikati kkonċernati lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni waqt li jagħtu r-raġunijiet ta’ sustanza jew forma għal inkjesta.

24.      L-Artikolu 32(3) tal-imsemmi protokoll jipprovdi li l-verifika għandha ssir mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni. L-Artikolu 32(6) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE-Iżrael jindika li, “jekk f’każi ta’ dubju raġonevoli ma jkun hemm ebda tweġiba fi żmien għaxar xhur jew jekk it-tweġiba ma jkunx fiha informazzjoni suffiċjenti biex tistabbilixxi l-awtentiċità tad-dokument in kwistjoni, jew l-oriġini veru tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali li jagħmlu t-talba għandhom, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, jirrifjutaw id-dritt għall-preferenzi”.

25.      Fl-aħħar nett, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33 ta’ dan il-protokoll, “[f]ejn jinqalgħu disputi b’relazzjoni mal-proċeduri ta’ verifikazzjoni ta’ l-Artikolu 32 li ma jkunux jistgħu jiġu solvuti bejn l-awtoritajiet doganali li jagħmlu t-talba għall-verifikazzjoni u l-awtoritajiet doganali responsabbli biex iwettqu din il-verifikazzjoni jew fejn huma jqajmu kwistjoni fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ dan il-Protokoll, dawn għandhom jintbagħtu lill-Kumitat Doganali ta’ Koperazzjoni”.

26.      Il-kwistjoni tar-regoli ta’ oriġini u tal-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim KE-Iżrael, hija s-suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil, sa minn bosta snin, bejn il-Komunità u l-Istat tal-Iżrael. Il-Komunità hija tal-fehma li l-prodotti li joriġinaw mit-territorji okkupati, mix-Xatt tal-Punent u mill-medda ta’ Gaża ma jistgħux jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali stabbilit mill-Ftehim KE-Iżrael, waqt li l-Istat tal-Iżrael jemmen li dan jista’ jkun il-każ.

27.      Sa mill-1997, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej diġà kienet esprimiet, f’avviż indirizzat lill-importaturi (9), id-dubji tagħha dwar is-suġġett tal-validità taċ-ċertifikati EUR.1 ippreżentati mal-importazzjoni, fil-Komunità, ta’ meraq tal-larinġ li ġej mill-Iżrael u dwar koperazzjoni amministrattiva inadegwata bejn l-Istat tal-Iżrael u l-Komunità. Dawn id-dubji setgħu, skont il-Kummissjoni, ipoġġu f’dubju l-validità ta’ dawk iċ-ċertifikati.

28.      Fit-12 ta’ Mejju 1998, il-Kummissjoni, f’komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew (10), irreferiet għad-diffikultajiet li kienet iltaqgħet magħhom fl-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE-Iżrael, li kien japplika sakemm kienet għadha pendenti r-ratifika tal-Ftehim innifsu mill-Komunità.

29.      F’dik il-komunikazzjoni, hija indikat li kien hemm żewġ ostakli għall-applikazzjoni korretta ta’ dak il-ftehim. Dawn l-ostakli kienu jirrigwardaw l-esportazzjoni lejn il-Komunità ta’ prodotti ċċertifikati li joriġinaw mill-Iżrael, minkejja li effettivament kienu prodotti fit-territorji okkupati.

30.      Barra minn hekk, matul it-tnax-il sessjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE‑Iżrael (11), il-Kummissjoni kienet “ilmentat dwar il-persistenza ta’ differenzi fl-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim [KE‑Iżrael]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija kienet saħqet ukoll li legalment kienet obbligata li tiggarantixxi l-implementazzjoni ta’ dak il-ftehim u li tipproteġi r-riżorsi tal-Unjoni Ewropea (12). Minħabba dan il-fatt, il-Kummissjoni kienet ħabbret il-pubblikazzjoni ta’ avviż ġdid (13).

31.      F’dak l-avviż, il-Kummissjoni informat lill-importaturi li r-“riżultati tal-proċeduri ta’ verifika mwettqa jikkonfermaw li l-Iżrael ħareġ, għal prodotti miksuba fit-territorji mpoġġija taħt l-amministrazzjoni tiegħu sa mill-1967, provi ta’ oriġini li, skont il-Komunità, ma jagħtuhomx il-benefiċċju tat-trattament preferenzjali ddefinit fil-[Ftehim KE-Iżrael]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tkompli billi tindika li l-“operaturi Komunitarji li jippreżentaw provi dokumentarji tal-oriġini sabiex jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali għal prodotti li joriġinaw minn kolonji ta’ popolament Iżraeljani stabbiliti fix-Xatt tal-Punent, fil-medda ta’ Gaża, fil-Lvant ta’ Ġerusalem jew fl-għoljiet ta’ Golan huma infurmati li għandhom jieħdu kull prekawzjoni neċessarja u li t-tpoġġija f’moviment liberu ta’ dawk il-prodotti tista’ tagħti lok għal dejn doganali”.

2.      Il-Ftehim KE‑PLO

32.      Il-Ftehim KE‑PLO daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1997. Huwa indikat, fil-preambolu tiegħu, li l-partijiet ikkonkludiew l-istess Ftehim “[wara li kkunsidraw] l-importanza li l-partijiet jatribwixu għall-prinċipji tac-Carter tal-Ġnus Mgħaquda [il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti], partikolarment l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, prinċipji demokratiċi u libertajiet politiċi w ekonomiċi li jiformaw il-bażi tar-relazzjonijiet tagħhom”. L-imsemmi ftehim ġie konkluż ukoll “[wara li ġiet ikkunisdrata] d-differenza f’iżvilupp ekonomiku w soċjali bejn il-partijiet u l-ħtieġa li jiġu ntensifikati l-isforzi eżsitenti sabiex jiġu promoss l-iżvilupp ekonomiku w soċjali fix-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża”.

33.      Skont l-Artikolu 1(2) tal-Ftehim KE‑PLO, dan għandu l-għan, b’mod partikolari, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tax-Xatt tal-Punent u tal-medda ta’ Gaża kif ukoll li jħeġġeġ il-koperazzjoni reġjonali sabiex isaħħaħ il-koeżistenza paċifika u l-istabbiltà politika u ekonomika.

34.      L-Artikolu 5 ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi li “[l]-ebda dazji doganali ġodda fuq l-importazzjoni, jew kwalunkwe miżata oħra li jkollha l-istess effett, ma tista’ tiġi ntrodotta bejn il-Komunità w x-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża”. L-Artikolu 6 tal-imsemmi Ftehim jistabbilixxi wkoll li “[i]mportazzjoni għall-ġol Komunità ta’ prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża jkunu permessi liberi minn dazji doganali w ta’ kwalunkwe miżata oħra li jkollha effett ekwivalenti w liberi minn restrizzjonijiet kwantitativi w ta’ kwalunkwe miżura oħra li jkollha effett ekwivalenti”.

35.      Il-kunċett ta’ “prodotti oriġinanti [prodotti li joriġinaw]” huwa ddefinit fil-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim KE‑PLO li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinanti [prodotti li joriġinaw]” u metodi ta’ ko-operazzjoni amministrattiva. Huwa indikat fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) ta’ dan il-protokoll li jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u mill-medda ta’ Gaża l-prodotti li jinkisbu għal kollox mix-Xatt tal-Punent u mill-medda ta’ Gaża (14) kif ukoll dawk li jinkisbu minn hemm u li jkun fihom materjali li ma jkunux inkisbu għal kollox minn hemm, kemm-il darba dawk il-materjali jkunu għaddew minn xogħol u pproċessar suffiċjenti f’dawk it-territorji.

36.      F’każ ta’ kwistjoni bejn il-partijiet, dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Ftehim KE‑PLO, l-Artikolu 67 ta’ dan il-Ftehim jistabbilixxi li kull waħda minn dawk il-partijiet tista’ tissottometti dik il-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt sabiex tinstab soluzzjoni għal dik il-kwistjoni.

37.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 73 tal-imsemmi ftehim jindika li dan japplika għat-territorji tax-Xatt tal-Punent u tal-medda ta’ Gaża.

B –    Il-Ftehim interim Iżraeljan-Palestinjan

38.      Il-proċess ta’ Madrid, li tnieda fl-1991, għandu l-ambizzjoni li jistabbilixxi paċi sostenibbli fil-Lvant Nofsani. Fil-kuntest ta’ dan il-proċess, l-Istat tal-Iżrael u l-PLO ffirmaw, f’Washington, fit-28 ta’ Settembru 1995, il-Ftehim interim Iżraeljan-Palestinjan dwar ix-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża (15). Dan il-Ftehim, li, skont il-preambolu tiegħu, jissostitwixxi l-Ftehim dwar il-medda ta’ Gaża u r-reġjun ta’ Ġeriko (16), il-Ftehim preliminari dwar it-trasferiment tal-poteri u r-responsabbiltajiet (17) u l-Protokoll dwar trasferiment ulterjuri tal-poteri u r-responsabbiltajiet (18), għandu b’mod partikolari l-objettiv li “jistabbilixxi […] Kunsill elett […] u Rais elett tal-Awtorità Eżekuttiva, għall-poplu Palestinjan fix-Xatt tal-Punent u fil-medda ta’ Gaża […] li għandu jwassal għal kolonja permanenti fuq il-bażi tar-Riżoluzzjonijiet 242 u 338 tal-Kunsill tas-Sigurtà [tan-Nazzjonijiet Uniti]” (19).

39.      Huwa indikat ukoll f’dan il-preambolu li l-elezzjonijiet tal-Kunsill elett u tar-Rais tal-Awtorità Eżekuttiva għandhom jikkostitwixxu “pass interim preparatorju importanti għall-kisba tad-drittijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan u tal-ħtiġijiet ġusti tagħhom u jikkostitwixxu bażi demokratika għall-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet Palestinjani”.

40.      Sabiex jasal għal dan l-objettiv, il-Ftehim Iżraeljan-Palestinjan jipprevedi li l-Istat tal-Iżrael għandu jittrasferixxi l-poteri u r-responsabbiltajiet tal-gvern militari Iżraeljan u tal-amministrazzjoni ċivili tiegħu lill-Kunsill elett u li għandu jkompli jeżerċita l-poteri u r-responsabbiltajiet li ma jkunux ġew ittrasferiti (20).

41.      Wara l-ewwel fażi ta’ trasferiment (21), ġew stabbiliti tliet żoni. Dawn huma ż-żoni A, B u C. Peress li t-territorju minn fejn jiġu l-prodotti inkwistjoni jinsab fiż-żona C, jiena ser niffoka biss fuq din iż-żona.

42.      Fl-imsemmija żona, l-Istat tal-Iżrael iżomm kompetenza esklużiva fil-qasam tas-sigurtà.

43.      Skont l-Artikolu IX(5)(b)(1) tal-Ftehim Iżraeljan-Palestinjan, il-PLO tista’ tidħol f’negozjati u tiffirma, ma’ Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali, ftehim ekonomiċi.

44.      Barra minn hekk, l-Artikolu XI(2)(c) ta’ dan il-Ftehim jistabbilixxi li, “fiż-żona C, matul l-ewwel fażi tat-trasferiment, l-Iżrael għandu jittrasferixxi lill-Kunsill il-poteri u [r-]responsabbiltajiet ċivili mhux relatati mat-territorju, kif stabbilit fl-Anness III”.

45.      L-Artikolu IV tal-Anness III tal-imsemmi Ftehim jipprovdi dispożizzjonijiet speċjali għat-territorji taż-żona C.

46.      B’hekk, huwa indikat li, għal dawk it-territorji, matul l-ewwel fażi tat-trasferiment, il-poteri u r-responsabbiltajiet f’relazzjoni mal-oqsma elenkati fl-appendiċi 1 għandhom jiġu ttrasferiti u mħarsa mill-Kunsill elett b’mod konformi mad-dispożizzjonijet ta’ dak l-appendiċi.

47.      Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi appendiċi, il-kummerċ u l-industrija jagħmlu parti mill-oqsma ttrasferiti lill-Kunsill elett. Huwa ppreċiżat li l-qasam tal-kummerċ u l-industrija jinkludi, inter alia, l-importazzjoni u l-esportazzjoni. L-aspetti ekonomiċi ta’ dak il-qasam jinsabu fl-Anness V tal-Ftehim Iżraeljan-Palestinjan.

48.      Skont l-Artikolu IX(6) (li jirrigwarda l-industrija) ta’ dak l-Anness, il-Palestinjani għandhom id-dritt li jesportaw mingħajr restrizzjonijiet il-prodotti industrijali tagħhom lejn swieq esterni, fuq il-bażi ta’ ċertifikati ta’ oriġini maħruġa mill-Awtorità Palestinjana.

II – Il-fatti u l-kawża prinċipali

49.      Brita hija kumpannija stabbilita fil-Ġermanja. Hija timporta apparat għal manifattura tal-ilma bil-gass kif ukoll aċċessorji u ġuleppi ffabbrikati mill-kumpannija Soda‑Club Ltd (22) stabbilta f’Mishor Adumin fix-Xatt tal-Punent, fil-Lvant ta’ Ġerusalem.

50.      Skont il-Ftehim Iżraeljan-Palestinjan, dan it-territorju, li ġie okkupat fl-1967 mill-Istat tal-Iżrael, jaqa’ taħt it-territorji taż-żona C.

51.      Bejn ix-xahar ta’ Frar sax-xahar ta’ Ġunju 2002, Brita talbet li jitpoġġew f’moviment liberu l-prodotti pprovduti minn Soda‑Club. Għal dan il-għan, hija ppreżentat 62 dikjarazzjoni fid-dwana li fihom kien indikat li l-Istat tal-Iżrael kien il-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawk il-prodotti. Huwa miktub ukoll fuq il-fatturi maħruġa minn Soda‑Club li l-prodotti inkwistjoni kienu joriġinaw mill-Iżrael.

52.      L-uffiċċju doganali Ġermaniż, provviżorjament, laqa’ l-applikazzjoni ta’ Brita u ta trattament tariffarju preferenzjali għal dawk il-prodotti, b’mod konformi mal-Ftehim KE-Iżrael. B’mod parallel ma’ dan, huwa talab verifika a posteriori fir-rigward tal-provi tal-oriġini tal-imsemmija prodotti.

53.      Din it-talba saret wara li nħarġet ċirkulari ministerjali fis-6 ta’ Diċembru 2001, li qalet li kien hemm lok li jiġu introdotti talbiet ta’ verifika a posteriori għaċ-ċertifikati preferenzjali kollha maħruġa fl-Iżrael, peress li kien hemm, fir-rigward tal-kunsinni tal-prodotti inkwistjoni, raġunijiet tajbin biex wieħed jissuspetta li dawn setgħu oriġinaw mill-kolonji ta’ popolament stabbiliti mill-Istat tal-Iżrael fix-Xatt tal-Punent, fil-medda ta’ Gaża, fil-Lvant ta’ Ġerusalem u fl-għoljiet ta’ Golan.

54.      It-talba għal verifika a posteriori ntbagħtet lill-awtoritajiet doganali Iżraeljani. Dawn tal-aħħar wieġbu lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi li “jirriżulta mill-verifika li [kienu għamlu] li l-prodotti inkwistjoni joriġinaw minn żona taħt ir-responsabbiltà tad-dwana Iżraeljana. Bħala tali, dawn il-prodotti huma prodotti li joriġinaw b’mod konformi mal-Ftehim […] KE‑Iżrael u jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali skont dak il-Ftehim”.

55.      Billi kkunsidraw li l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet doganali Iżraeljani kienet insuffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 32(6) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE-Iżrael, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, b’ittra tas-6 ta’ Frar 2003, talbu mill-ġdid lill-awtoritajiet doganali Iżraeljani biex jindikaw bħala informazzjoni kumplimentari jekk il-prodotti msemmija fuq iċ-ċertifikati preferenzjali kinux ġew iffabbrikati fil-kolonji ta’ popolament Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent, fil-medda ta’ Gaża, fil-Lvant ta’ Ġerusalem jew fl-għoljiet ta’ Golan.

56.      L-awtoritajiet doganali Iżraeljani ma laqgħux din it-talba. Għaldaqstant, permezz ta’ avviż tat-taxxa tal-25 ta’ Settembru 2003 indirizzata lil Brita, il-Hauptzollamt Hamburg‑Hafen ċaħdet l-għoti tal-benefiċċju tat-trattament preferenzjali, fuq il-bażi li ma setax jiġi vverifikat b’ċertezza li l-prodotti importati kienu jaqgħu taħt il-Ftehim KE-Iżrael.

57.      Hija b’hekk ipproċediet għall-irkupru a posteriori tad-dazji doganali għall-ammont ta’ EUR 19 155.46. Brita ressqet ilment kontra dak l-irkupru quddiem il-Hauptzollamt. Dan l-ilment ġie miċħud b’deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2006 bħala infondat.

58.      Fl-10 ta’ Lulju 2006, Brita ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim KE-Iżrael, issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet serje ta’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

III – Id-domandi preliminari

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba li tiddeċiedi fir-rigward ta’ dawn id-domandi:

“1)      Fid-dawl tal-fatt li huwa previst trattament preferenzjali fiż-żewġ ftehim rilevanti – jiġifieri l-[Ftehim KE-Iżrael] kif ukoll il-[Ftehim KE-PLO] – għall-prodotti li joriġinaw, rispettivament, mit-territorju tal-Istat tal-Iżrael u mix-Xatt tal-Punent, il-benefiċċju tat-trattament preferenzjali msemmi għandu, f’kull każ, jingħata lil importatur ta’ prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent, minkejja li jiġi ppreżentat biss ċertifikat formali tal-oriġini Iżraeljana tal-prodotti?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

2)      Fir-rigward ta’ importatur li jitlob il-benefiċċju tat-trattament preferenzjali għal prodotti importati fit-territorju tal-Komunità, l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru huma marbutin, skont il-[Ftehim KE-Iżrael], mill-prova tal-oriġini prodotta mill-awtoritajiet Iżraeljani – u l-proċedura ta’ verifika fis-sens tal-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 4 għall-[Ftehim KE-Iżrael] mhijiex miftuħa – tant li l-awtoritajiet ma għandhomx, fir-rigward tan-natura ta’ oriġini tal-prodott, dubji oħra ħlief dwar jekk il-prodotti humiex ġejjin minn territorju li huwa sempliċement taħt kontroll Iżraeljan – jiġifieri skont il-[Ftehim Iżraeljan-Palestinjan] – u għal tant żmien li l-ebda proċedura ma twettqet skont l-Artikolu 33 tal-Protokoll Nru 4 għall-[Ftehim KE-Iżrael]?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda:

3)      Ladarba, meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jkunu għamlu talba għal verifika skont l-Artikolu 32(2) tal-Protokoll Nru 4 għall-[Ftehim KE-Iżrael], l-awtoritajiet Iżreljani jikkonfermaw (biss) li l-prodotti kkonċernati nkisbu f’territorju taħt ġurisdizzjoni doganali Iżraeljana, u għaldaqstant huma prodotti ta’ oriġini Iżraeljana, u fin-nuqqas ta’ tweġiba mill-awtoritajiet Iżraeljani għat-talba għal preċiżazzjonijiet mressqa ulterjorment mill-awtorjtajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni, dawn l-awtoritajiet huma, minħabba dan is-sempliċi fatt, awtorizzati sabiex jirrifjutaw mingħajr raġunijiet ulterjuri l-benefiċċju tat-trattament preferenzjali, u b’mod partikolari mingħajr ma tkun importanti wkoll f’dan ir-rigward l-oriġini reali tal-prodotti?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda:

4)      L-awtoritajiet doganali huma awtorizzati sabiex jirrifjutaw, mingħajr raġunijiet ulterjuri, il-benefiċċju ta’ trattament preferenzjali skont il-[Ftehim KE-Iżrael] minħabba li – hekk kif inhu wara kollox stabbilit – il-prodotti joriġinaw mix-Xatt tal-Punent, jew għandu jingħata t-trattament preferenzjali skont dan il-Ftehim ukoll għall-prodotti li għandhom din l-oriġini, mill-inqas sakemm ma jkunux ittieħdu proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ disputi skont l-Artikolu 33 tal-Protokoll Nru 4 tal-[Ftehim KE-Iżrael] fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “territorju tal-Istat ta’ Iżrael” li jinsab f’dan il-ftehim?”

IV – Analiżi

60.      Fuq bażi preliminari, għal dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, nixtieq infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (23), fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (24), li ftehim konkluż mill-Kunsill, b’mod konformi mal-Artikoli 228 u 238 tat-Trattat KE (25), jikkostitwixxi, għal dak li jirrigwarda lill-Komunità, att adottat minn waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, fis-sens tal-inċiż b tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 177 tat-Trattat KE (26), li d-dispożizzjonijiet ta’ tali Ftehim jiffurmaw parti integrali mis-sistema ġuridika Komunitarja u li, fil-qafas ta’ dik is-sistema ġuridika, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tiddeċiedi fuq bażi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dak il-Ftehim (27).

61.      Fil-fehma tiegħi, id-domandi preliminari jistgħu jiġu indirizzati skont kif ġej.

62.      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qed issaqsi dwar jekk, fil-kuntest tal-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE-Iżrael, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni humiex marbuta mir-riżultat tal-verifika a posteriori tal-prova tal-oriġini mwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni.

63.      Hija tixtieq tkun taf ukoll jekk, għall-finijiet li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni li għandhom mal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni għandhomx, skont l-Artikolu 33 ta’ dak il-protokoll, jissottomettu dik il-kwistjoni lill-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali qabel ma jieħdu miżuri b’mod unilaterali.

64.      Fl-aħħar nett, permezz tal-ewwel u r-raba’ domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba biex tiddeċiedi dwar il-punt jekk prodotti ċċertifikati li joriġinaw mill-Iżrael mill-awtoritajiet doganali Iżraeljani u li jkunu ġew iffabbrikati fit-territorju okkupat fix-Xatt tal-Punent jistgħux xorta waħda jibbenefikaw jew mit-trattament preferenzjali taħt il-Ftehim KE-Iżrael, jew minn dak stabbilit mill-Ftehim KE‑PLO.

A –    Fuq il-kwistjoni jekk l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni humiex marbuta bir-riżultat tal-verifika a posteriori mwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni

65.      Fuq bażi preliminari, huwa utli, fil-fehma tiegħi, li nfakkru d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim KE-Iżrael dwar il-verifika tal-oriġini ta’ prodott.

66.      Sabiex ikun jista’ jibbenefika minn trattament preferenzjali, l-esportatur għandu, skont l-Artikolu 17, tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE-Iżrael, jippreżenta ċertifikat EUR.1. Dan iċ-ċertifikat jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, li għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkontrollaw minn fejn joriġina l-prodott u jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha stipulati mill-Protokoll humiex issodisfati (28).

67.      L-imsemmi ċertifikat sussegwentement jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni tal-prodott. Jekk dawn tal-aħħar ikollhom dubji fondati dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikat EUR.1, minn fejn joriġina l-prodott ikkonċernat jew il-ħarsien tal-kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati f’dak il-protokoll, issir verifika a posteriori ta’ dak iċ-ċertifikat (29).

68.      L-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni b’hekk jibagħtu lura l-imsemmi ċertifikat lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni waqt li jispjegaw, jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet ta’ sustanza u ta’ forma li jiġġustifikaw inkjesta. Dawn tal-aħħar jagħmlu l-verifika u għandhom jinformaw lill-kontroparti tagħhom fi żmien sitt xhur, sal-iktar tard, bir-riżultat ta’ dik il-verifika. Huma għandhom jindikaw jekk id-dokumenti humiex awtentiċi, jekk il-prodott ikkonċernat jistax jitqies bħala prodott li joriġina u jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħrajn previsti mill-imsemmi protokoll (30).

69.      Fil-każ ta’ dubji fondati u fin-nuqqas ta’ risposta fi żmien sitt xhur jew jekk ir-risposta tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni ma tkunx tagħti informazzjoni suffiċjenti biex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-awtentiċità taċ-ċertifikat inkwistjoni jew l-oriġini reali tal-prodott, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni għandhom jiċħdu l-benefiċċju tat-trattament preferenzjali (31).

70.      Il-koperazzjoni amministrattiva prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE-Iżrael b’hekk ġiet stabbilita sabiex tiġi vverifikata l-eżattezza tal-indikazzjonijiet dwar l-oriġini ta’ prodott. Il-verifika a posteriori tista’, pereżempju, jkollha l-objettiv li tiżgura li l-valur ta’ element li ma joriġinax mill-Istat tal-Iżrael, li jkun jifforma parti mill-prodott finali li għalih ikun inħareġ ċertifikat EUR.1, ma jaqbiżx 10 % tal-prezz mill-fabbrika ta’ dak il-prodott (32) jew li tivverifika l-ipproċessar li l-prodott seta’ għadda minnu (33).

71.      Fil-preżent, jeħtieġ li ninvestigaw il-punt jekk, fil-każ li għandna quddiemna, ir-riżultat tal-verifika a posteriori tal-oriġini ta’ prodott, imwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, torbotx lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni.

72.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni, fil-kuntest ta’ Ftehim oħra bejn il-Komunità u Stati terzi, li tirrispondi għal din id-domanda.

73.      Effettivament, fis-sentenza tagħha Les Rapides Savoyards et (34), li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar kummerċ ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (35), u li fih Protokoll simili għal dak tal-Ftehim KE-Iżrael, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-“determinazzjoni tal-oriġini tal-prodotti […] hija bbażata fuq tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet doganali tal-partijiet tal-Ftehim ta’ kummerċ ħieles, fis-sens li l-oriġini hija stabbilita mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni, waqt li l-kontroll tal-funzjonament ta’ dik is-sistema huwa żgurat permezz tal-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet ikkonċernati minn naħa u mill-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (36).

74.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli billi tindika li dan il-mekkaniżmu jista’ jaħdem biss jekk l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jirrikonoxxu l-evalwazzjonijiet li jkunu saru legalment mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni (37).

75.      Iktar reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat ta’ importazzjoni ma jistgħux, unilateralment, jiddikjaraw invalidu ċertifikat EUR.1 maħruġ regolarment mill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat ta’ esportazzjoni. Bl-istess mod, fil-każ ta’ kontroll sussegwenti, dawn l-istess awtoritajiet huma marbuta bir-riżultati ta’ tali kontroll” (38).

76.      Il-mekkaniżmu ta’ koperazzjoni amministrattiva stabbilit b’mod ġenerali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE-Iżrael, b’hekk huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati partijiet tal-Ftehim u fuq rikonoxximent reċiproku tal-atti li huma joħorġu.

77.      Madankollu, dan ir-rikoxximent reċiproku mhuwiex assolut. Effettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet f’ċerti każijiet li l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni mhumiex marbuta bir-riżultat tal-verifika a posteriori mwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni.

78.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, f’ċirkustanzi partikolari, fejn l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu regolarment il-verifika a posteriori prevista mill-protokoll inkwistjoni, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jistgħu jipproċedu huma stess għall-verifika tal-awtentiċità u tal-eżattezza taċ-ċertifikat EUR.1 billi jikkunsidraw provi oħra tal-oriġini tal-prodotti (39).

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, f’każ ta’ dubji fondati fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti u fin-nuqqas ta’ risposta mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni mal-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar xhur wara d-data tat-talba għal verifika jew jekk ir-risposta mogħtija minn dawk l-awtoritajiet ma jkunx fiha informazzjoni suffiċjenti biex tippermetti li tiġi ddeterminata l-oriġini, li ċ-ċertifikati li huma jkunu ħarġu jistgħu jiġu rrevokati mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni (40).

80.      Barra minn hekk, meta t-trattament preferenzjali jkun stabbilit mhux minn ftehim internazzjonali bejn il-Komunità u Stat terz fuq il-bażi ta’ obbligi reċiproki, iżda minn miżura Komunitarja ta’ natura awtonoma, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni ma għandhomx is-setgħa li jorbtu lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha fl-interpretazzjoni tagħhom ta’ regolament Komunitarju. F’dan il-każ, l-evalwazzjonijiet li jkunu saru mill-Kummissjoni fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti fil-kuntest ta’ missjoni ta’ inkjesta għandhom jipprevalu fuq dawk tal-awtoritajiet doganali tal-Istat terz tal-esportazzjoni (41).

81.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (42), li l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jibqgħalhom l-possibbiltà li jipproċedu għal irkupru a posteriori, billi jibbażaw fuq ir-riżultati tal-verifiki li jkunu saru wara l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni mill-Kummissjoni, mingħajr ma jkunu obbligati li jirrikorru għall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet previst minn dak il-Ftehim (43).

82.      B’hekk huwa biss f’każ ta’ inadempjenza min-naħa tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni jew f’każ ta’ miżura Komunitarja awtonoma, li l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni ma jkunux marbuta bl-obbligu ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni.

83.      Dan huwa spjegat mill-fatt li teżisti preżunzjoni li l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni huma fl-aħjar pożizzjoni biex jivverifikaw direttament il-fatti li jikkundizzjonaw l-oriġini tal-prodott (44).

84.      L-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni b’hekk huma, fil-prinċipju, marbuta bir-riżultat tal-verifika a posteriori mwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni.

85.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-każ li għandna quddiemna f’din il-kawża huwa differenti mill-każijiet li ġew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja s’issa.

86.      Effettivament, fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni mhijiex li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-indikazzjonijiet fir-rigward tal-oriġini tal-prodott li tagħti dritt għat-trattament preferenzjali, għaliex dik l-oriġini hija magħrufa u mhux ikkontestata. Il-kwistjoni, fir-realtà, hija jekk l-imsemmija oriġini taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim KE-Iżrael.

87.      Kif indikajt qabel (45), il-kwistjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni u dawk tal-Istat ta’ esportazzjoni diġà tqajmet matul it-tieni sessjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael tal-20 ta’ Novembru 2001. Għandi nfakkar li dan tal-aħħar huwa kompetenti, skont l-Artikolu 75 ta’ dan il-Ftehim, biex jieħu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-imsemmi Ftehim.

88.      Matul dik is-sessjoni, il-Kummissjoni, bħala membru tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (46), qajmet il-kwistjoni dwar ir-regoli ta’ oriġini kif ukoll id-diffikultà relatata, għaldaqstant, biex jiġi applikat il-Ftehim KE-Iżrael, u hija ħabbret li kienet ser tieħu miżuri bħala konsegwenza. Il-Kummissjoni lmentat dwar il-persistenza ta’ differenzi fl-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dak il-ftehim u hija ħabbret li b’hekk kienet ser tippubblika avviż ġdid għall-importaturi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jippreċiża u jissostitwixxi l-avviż tal-1997.

89.      S’issa, il-kwistjoni bejn il-Komunità u l-Istat tal-Iżrael għadha ma ġietx riżolta.

90.      Il-qorti tar-rinviju issa tinsab iffaċċjata b’din il-problema fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn kumpannija Ġermaniża, li timporta prodotti li joriġinaw mit-territorji okkupati, u l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi. Din hija r-raġuni għalfejn issa qed tirrikorri għand il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex din tal-aħħar tagħti soluzzjoni għall-imsemmija problema.

91.      Effettivament, il-kwistjoni li hemm bejn il-Komunità u l-Istat tal-Iżrael ilha għaddejja għal bosta snin, biex b’hekk l-operaturi ekonomiċi jinsabu f’inċertezza ġuridika dwar kif għandu jiġi applikat il-Ftehim KE-Iżrael għall-prodotti li joriġinaw mit-territorji okkupati.

92.      Għaldaqstant, jekk jiġi aċċettat li l-awtoritajiet doganali ta’ waħda mill-partijiet għal dan il-Ftehim, jew il-qrati tagħhom, jinterpretaw b’mod unilaterali l-punt jekk l-imsemmi ftehim japplikax għall-prodotti li joriġinaw mit-territorji okkupati, dan mingħajr ebda dubju jwassal għal applikazzjoni mhux uniformi tal-Ftehim KE-Iżrael li, għandna nfakkru, jagħmel parti integrali mis-sistema ġuridika Komunitarja.

93.      Konkretament, dan ikollu l-konsegwenza li prodotti ġejjin mit-territorji okkupati, meta jkunu esportati lejn Stat Membru partikolari, jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali stabbilit mill-Ftehim KE-Iżrael, waqt li meta l-istess prodotti jiġu esportati lejn Stat Membru ieħor, dan it-trattament preferenzjali ma jiġix applikat.

94.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-preżunzjoni li teżisti fir-rigward tal-verifika tal-eżattezza tal-fatti mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni ma tistax tiġi applikata f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, għaliex f’dan il-każ ebda waħda mill-partijiet tal-Ftehim KE-Iżrael ma tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tagħti interpretazzjoni unilaterali tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

95.      Għaldaqstant, ma narax kif l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi jistgħu jkunu marbuta bir-riżultat tal-verifika a posteriori mwettqa mill-awtoritajiet doganali Iżraeljani.

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li peress li l-kwistjoni li hemm bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati li huma partijiet għall-Ftehim KE-Iżrael ma tirrigwardax kwistjoni ta’ fatt, iżda l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dak il-Ftehim, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni mhumiex marbuta bir-riżultat tal-verifika a posteriori mwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 4 tal-imsemmi ftehim.

B –    Fuq l-obbligu li l-kwistjoni tiġi sottomessa lill-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali

97.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi humiex obbligati, qabel ma jadottaw id-deċiżjoni tagħhom għall-irkupru a posteriori tad-dazji doganali, li jissottomettu l-kwistjoni quddiem il-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33 tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE-Iżrael li jipprovdi li, meta jinqalgħu kwistjonijiet fl-okkażjoni ta’ verifiki a posteriori jew meta tinqala’ kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dak il-protokoll, dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali.

98.      Fir-realtà, il-kwistjoni hija jekk l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kellhomx id-dritt li jieħdu miżura b’mod unilaterali, jiġifieri l-irkupru tad-dazji doganali a posteriori, mingħajr ma qabel jissottomettu l-kwistjoni lill-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali.

99.      Fil-fehma tiegħi l-proċedura stabbilita mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33 tal-imsemmi protokoll mhijiex il-qafas adattat biex jiġi solvut kunflitt dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim KE-Iżrael.

100. Dik il-proċedura hija prevista meta tinqala’ kwistjoni wara verifika a posteriori prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 4 ta’ dak il-ftehim, kontroll li jippermetti l-verifika tal-eżattezza tal-indikazzjonijiet dwar l-oriġini ta’ prodott (47).

101. Jiena tal-fehma li l-kwistjoni li hemm bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni ma tirrigwardax il-fatti li jikkundizzjonaw l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim.

102. Jidhirli li l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta’ kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, u li fil-fatt ġiet segwita, hija l-proċedura prevista fl-Artikolu 75(1) tal-Ftehim KE-Iżrael.

103. Jirriżulta minn dik id-dispożizzjoni li “[k]ull waħda mill-Partijiet tista’ tirreferi lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kull disputa li għandha x’taqsam ma’ l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim”. Effettivament, għandu jiġi mfakkar li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa inkarigat, skont l-Artikolu 67 ta’ dak il-ftehim, biex jeżamina l-problemi importanti li jinqalgħu fil-kuntest tal-imsemmi ftehim kif ukoll kwalunkwe kwistjoni bilaterali jew multilaterali oħra ta’ interess komuni.

104. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jiena tal-fehma li l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ma kellhomx l-obbligu li jissottomettu lill-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali l-kwistjoni li għandhom mal-awtoritajiet doganali Iżraeljani.

C –    Fuq il-possibbiltà li tipproċedi għal klassifikazzjonijiet konkorrenti

105. Permezz tal-ewwel u r-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-prodotti ċċertifikati bħala li huma ta’ oriġini Iżraeljana, iżda li jirriżulta li joriġinaw mit-territorji okkupati u, b’mod iktar speċifiku, mix-Xatt tal-Punent, jistgħux xorta waħda jibbenefikaw jew mit-trattament preferenzjali taħt il-Ftehim KE-Iżrael jew minn dak stabbilit mill-Ftehim KE‑PLO.

106. Il-qorti tar-rinviju effettivament tikkunsidra li fl-aħħar mill-aħħar mhuwiex wisq rilevanti liema huma l-awtoritajiet doganali kompetenti għall-finijiet tal-ħruġ ta’ ċertifikat EUR.1 u li, fi kwalunkwe każ, għandu jingħata l-benefiċċju tat-trattament preferenzjali għall-prodotti li joriġinaw mit-territorji okkupati, peress li kemm il-Ftehim KE-Iżrael kif ukoll il-Ftehim KE‑PLO jipprevedu dan it-trattament preferenzjali.

107. Jiena ma naqbilx ma’ din l-opinjoni.

108. Għandi nfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 83 tal-Ftehim KE-Iżrael jipprovdi li “[dan] jgħodd […] għat-territorju ta’ l-Istat ta’ l-Iżrael”.

109. Il-fruntieri tal-Istat tal-Iżrael ġew iddelimitati mill-Pjan ta’ tqassim tal-Palestina, elaborat mill-Unscop (48) u approvat, fid-29 ta’ Novembru 1947, bir-Riżoluzzjoni 181 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-14 ta’ Mejju 1948, il-kap tal-gvern provviżorju tal-Istat tal-Iżrael ipproklama t-twelid ta’ dak l-Istat fuq il-bażi tal-fruntieri li kienu ġew iddefiniti mill-Pjan ta’ Qsim tal-Palestina (49).

110. Barra minn hekk, fil-preambolu tal-Ftehim KE-Iżrael huwa indikat dan li ġej:

“Jikkunsidraw l-importanza li l-Partijiet jagħtu lill-prinċipju ta’ ħelsien ekonomiku u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li jiffurmaw il-bażi nnifisha ta’ l-Assoċjazzjoni”.

111. Skont ir-Riżoluzzjoni 242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tat-22 ta’ Novembru 1967, imsemmija fil-preambolu tal-Ftehim KE‑PLO, it-truppi Iżraeljani ġew mitluba biex jirtiraw mit-territorji okkupati, biex iwaqqfu kull pretensjoni jew kull stat ta’ belliġerenza kif ukoll biex jirrispetaw is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika ta’ kull Stat tar-reġjun. Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti talab l-applikazzjoni ta’ dik ir-Riżoluzzjoni f’riżoluzzjoni oħra, jiġifieri r-Riżoluzzjoni 338, tat-22 ta’ Ottubru 1973.

112. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda għażla oħra għajr li tikkonstata li t-territorji tax-Xatt tal-Punent u tal-medda ta’ Gaża ma jagħmlux parti mit-territorju tal-Istat tal-Iżrael.

113. Għandi ngħid ukoll li, b’risposta għad-domanda bil-miktub P‑2747/00 ta’ A. Lipietz, Membru Parlamentari Ewropew (50), dwar il-portata territorjali tal-Ftehim KE-Iżrael, il-Kunsill indika li, “[g]ħal dak li jirrigwarda l-portata territorjali ta’ [dan il-Ftehim], l-Artikolu 83 japplika biss għat-territorju tal-Istat tal-Iżrael [u li] [i]t-terminu Iżrael ikopri l-ibħra territorjali, li jinsabu madwar l-Iżrael, kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, ċerti bastimenti għan-navigazzjoni marittima. Ebda definizzjoni oħra ma tinstab fil-Ftehim [KE‑Iżrael]. Il-[Komunità] tikkunsidra li [dan] il-Ftehim japplika esklużivament għat-territorju tal-Istat tal-Iżrael fil-kuntest tal-fruntieri tiegħu rikonoxxuti fuq livell internazzjonali b’mod konformi mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar dan is-suġġett” (51).

114. Barra minn hekk, skont l-Artikolu XI(1) tal-Ftehim Iżraeljan-Palestinjan, l-Istat tal-Iżrael u l-PLO jikkunsidraw, it-tnejn li huma, ix-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża bħala unità territorjali unika.

115. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi affermat li prodott li joriġina mix-Xatt tal-Punent u, b’mod iktar ġenerali, mit-territorji okkupati, jista’ jibbenefika mit-trattament preferenzjali taħt il-Ftehim KE-Iżrael.

116. Ċertament, it-tensjonijiet li jeżistu fir-relazzjonijiet bejn l-Istat tal-Iżrael u l-PLO ma għandhomx jippenalizzaw lill-produtturi ta’ dawn it-territorji u jimpeduhom milli jibbenefikaw minn trattament preferenzjali.

117. Is-soluzzjoni prevista mill-qorti tar-rinviju, għalkemm hija waħda pragmatika, fil-fehma tiegħi mhijiex waħda sodisfaċenti, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

118. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema ta’ trattament preferenzjali huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-għoti unilaterali mill-Komunità ta’ vantaġġi tariffarji favur prodotti li joriġinaw minn ċerti pajjiżi fi stat ta’ żvilupp bil-għan li jiġu ffaċilitati l-flussi kummerċjali li ġejjin minnhom. Il-benefiċċju ta’ dik is-sistema b’hekk huwa marbut mal-oriġini tal-prodotti u l-verifika ta’ dik l-oriġini tikkostitwixxi, konsegwentement, element neċessarju tas-sistema (52).

119. Iċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni b’hekk għandu jkun jista’ jiċċertifika mingħajr ambigwità li l-prodott tabilħaqq ikun ġej minn Stat speċifiku, sabiex it-trattament preferenzjali relatat ma’ dak l-Istat ikun jista’ jiġi applikat għal dak il-prodott.

120. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi aċċettat li t-trattament preferenzjali taħt il-Ftehim KE-Iżrael jiġi applikat għal prodott li joriġina mix-Xatt tal-Punent.

121. Barra minn hekk, jidhirli li l-fatt li l-Komunità indenjat ruħha, ftit snin wara l-konklużjoni tal-Ftehim KE-Iżrael u wara l-annessjoni tat-territorji okkupati fl-1967, li tikkonkludi l-Ftehim KE‑PLO għall-finijiet tal-għoti ta’ preferenza tariffarja għall-prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u mill-medda ta’ Gaża, jindika li hija kienet tikkunsidra li dawk il-prodotti ma setgħux jibbenefikaw minn tali preferenza taħt il-Ftehim KE-Iżrael.

122. Minbarra hekk, jirriżulta b’mod ċar minn nota miktuba mill-grupp “Mashreq/Maghreb” tal-Kunsill u li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħames laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE‑Iżrael li, skont ftehim tekniku nnegozjat bejn l-Istat tal-Iżrael u l-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali Iżraeljani huma obbligati li jindikaw il-post tal-produzzjoni fuq iċ-ċertifikati ta’ oriġini kollha maħruġa mill-Iżrael għall-prodotti li jibbenefikaw minn dazji preferenzjali u esportati lejn l-Unjoni. L-iskop ta’ dan huwa li ssir distinzjoni bejn prodotti li joriġinaw mill-Iżrael li jistgħu jibbenefikaw minn dazju preferenzjali taħt il-Ftehim KE-Iżrael u dawk li ġejjin minn żoni ta’ kolonizzazzjoni li ma jistgħux jibbenefikaw b’dan il-mod (53).

123. Barra minn hekk, huwa evidenti li l-Komunità kienet qed tfittex, meta kkonkludiet il-Ftehim KE‑PLO, li tiżviluppa l-flussi kummerċjali minn u lejn ix-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża. Effettivament, jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ dak il-ftehim li dan għandu l-għan, b’mod partikolari, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tax-Xatt tal-Punent u tal-medda ta’ Gaża kif ukoll biex iħeġġeġ il-koperazzjoni reġjonali sabiex tiġi kkonsolidata l-koeżistenza paċifika u l-istabbiltà politika u ekonomika.

124. Fil-komunikazzjoni tagħha bid-data, tat-12 ta’ Mejju 1998 (54), il-Kummissjoni tfakkar li l-iskop tal-istabbiliment ta’ trattament preferenzjali għat-territorji fix-Xatt tal-Punent u fil-medda ta’ Gaża kien li tiġi rrettifikata anomalija, jiġifieri li l-Istati ġirien ta’ dawk it-territorji diġà kienu jibbenefikaw minn tali trattament, waqt li t-territorji tax-Xatt tal-Punent u tal-medda ta’ Gaża ma kinux (55).

125. Fl-2007, ix-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża kienu jokkupaw biss il-168 post fil-klassifikazzjoni tal-importaturi sħab kummerċjali tal-Unjoni Ewropea (56). Il-Ftehim KE‑PLO ġustament għandu l-għan li jistimula l-kummerċ bejn dawk it-territorji u l-Unjoni. Jekk jiġi aċċettat li l-prodotti li joriġinaw mill-imsemmija territorji jistgħu jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali KE‑Iżrael u b’hekk jitqiesu bħala prodotti ta’ oriġini Iżraeljana, dan ikollu l-konsegwenza li l-Ftehim KE‑PLO jitlef parti mill-effett utli tiegħu.

126. Fl-aħħar nett, Brita hija tal-fehma li l-awtoritajiet doganali Palestinjani kienu, fi kwalunkwe każ, f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli għalihom li joħorġu ċ-ċertifikati EUR.1 għall-prodotti li ġejjin mix-Xatt tal-Punent. Huwa minnu li, meta titqies is-sitwazzjoni fit-territorji okkupati, jista’ jidher diffiċli għall-esportaturi ta’ dawk it-territorji biex jinħarġulhom dawk iċ-ċertifikati mill-awtoritajiet doganali tax-Xatt tal-Punent u tal-medda ta’ Gaża. Għaldaqstant, wieħed jista’ jippreżumi li l-awtoritajiet doganali Iżraeljani joħorġu l-imsemmija ċertifikati u li l-esportaturi ta’ prodotti li joriġinaw mit-territorji msemmija jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali stabbilit mill-Ftehim KE‑PLO.

127. Madankollu, skont l-Artikolu 16(4) tal-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim KE‑PLO, huma l-awtoritajiet doganali tax-Xatt tal-Punent u tal-medda ta’ Gaża li huma kompetenti biex joħorġu ċ-ċertifikat EUR.1.

128. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Anness V tal-Ftehim Iżraeljan-Palestinjan, dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ partijiet, li l-Awtoritajiet Palestinjani mhumiex imneżża minn kull poter u responsabbiltà fir-rigward tal-kummerċ u l-isfera doganali (57).

129. Effettivament, skont l-Artikoli VIII(11) u IX(6) tal-imsemmi Anness, il-Palestinjani għandhom ikunu f’pożizzjoni li jesportaw il-prodotti agrikoli u industrijali tagħhom mingħajr ebda restrizzjoni, fuq il-bażi ta’ ċertifikati ta’ oriġini maħruġa mill-Awtoritajiet Palestinjani (58).

130. Għaldaqstant huwa ferm ċar li jeżistu awtoritajiet kompetenti inkarigati biex joħorġu ċ-ċertifikati EUR.1 għall-prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u mill-medda ta’ Gaża. Jidher ukoll li l-operatur ekonomiku jista’ jitlob dawn iċ-ċertifikati mingħand il-kamra tal-kummerċ Palestinjana (59).

131. Konsegwentement, sabiex jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali stabbilit mill-Ftehim KE‑PLO, jiena naħseb li ċ-ċertifikati EUR.1 li jagħtu prova tal-oriġini tal-prodotti għandhom jinħarġu unikament mill-awtoritajiet doganali Palestinjani. Ma jkunx koerenti jekk jiġi applikat it-trattament preferenzjali stabbilit minn dak il-ftehim għal prodott li għalih ikun inħareġ ċertifikat EUR.1 minn awtoritajiet oħrajn apparti l-awtoritajiet Palestinjani.

132. Barra minn hekk, jidhirli li din l-analiżi ġiet ikkonfermata mis-sentenza, tal-5 ta’ Lulju 1994, Anastasiou et (60), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha każ li, fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi assimilat għall-każ li għandna quddiemna fil-kawża prinċipali.

133. Effettivament, f’dik il-kawża, li kienet tirrigwarda l-Ftehim tad-19 ta’ Diċembru 1972 li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ Ċipru (61) u li l-mekkaniżmu tiegħu ta’ prova tal-oriġini ta’ prodott huwa analogu għal dawk stabbiliti mill-Ftehim KE-Iżrael u l-Ftehim KE‑PLO, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar il-fatt jekk, minn naħa waħda, il-Ftehim KEE‑Ċipru kienx jipprekludi l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni ta’ ċertifikati EUR.1 maħruġa minn awtoritajiet apparti l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru jew, għall-kuntrarju, jimponix tali aċċettazzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk ikunx differenti f’każ fejn ċerti ċirkustanzi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tar-Repubblika ta’ Ċipru jitqisux li huma stabbiliti jew le.

134. Is-sitwazzjoni kienet din li ġejja. Produtturi u esportaturi ta’ ħxejjex stabbiliti fil-parti ta’ fuq ta’ Ċipru kienu esportaw il-prodotti tagħhom lejn ir-Renju Unit. Iċ-ċertifikati EUR.1 relatati ma’ dawk il-prodotti nħarġu minn awtoritajiet differenti minn dawk tar-Repubblika ta’ Ċipru.

135. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “waqt li huwa minnu li d-diviżjoni de facto tat-territorju Ċiprijott, b’konsegwenza tal-intervent tal-Armata Torka fl-1974, f’żona fejn l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru jkomplu jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom bis-sħiħ u żona fejn huma ma jistgħux jeżerċitawhom de facto, toħloq problemi li huma diffiċli li tinstabilhom soluzzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Ftehim [KEE‑Ċipru] għal Ċipru kollu, dan ma jfissirx li wieħed għandu jwarrab id-dispożizzjonijiet ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet tal-protokoll [dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘prodotti li joriġinaw’ u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva tal-1977] [(62)]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (63).

136. Il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli billi tindika li “l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni turi li dawn għandhom fiduċja sħiħa fis-sistema ta’ kontroll tal-oriġini tal-prodotti, kif implementata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ esportazzjoni. Din turi wkoll li l-Istat ta’ importazzjoni ma jiddubitax li l-verifika a posteriori, il-konsultazzjonijiet u s-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti jew dwar l-eżistenza ta’ frodi jistgħu jintervjenu b’mod effikaċi permezz tal-koperazzjoni tal-amministrazzjonijiet ikkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (64).

137. Tali koperazzjoni hija, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “eskluża mal-awtoritajiet ta’ entità bħal dik stabbilita fil-parti ta’ fuq ta’ Ċipru, li la hija rikonoxxuta mill-Komunità u lanqas mill-Istati Membri, peress li dawn ma jirrikonoxxu ebda Stat Ċiprijott għajr ir-Repubblika ta’ Ċipru” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (65). Hija tikkunsidra wkoll li “l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati [ta’ oriġini] mhux maħruġa mir-Repubblika ta’ Ċipru tikkostitwixxi, fin-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ verifika u koperazzjoni, negazzjoni tal-iskop u l-għan tas-sistema stabbilita mill-protokoll tal-1977” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (66).

138. Għaldaqstant huwa ċar, fir-rigward tal-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Anastasiou et, iċċitata iktar’il fuq, li ma tistax tiġi aċċettata l-validità ta’ ċertifikati maħruġa minn awtoritajiet minbarra dawk speċifikati bl-isem fi Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Waqt li huwa minnu li sitwazzjonijiet diffiċli f’territorji bħal dawk tal-parti ta’ fuq ta’ Ċipru jew tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża jistgħu jimmilitaw favur soluzzjoni bħal dik proposta mill-qorti tar-rinviju, jiena madankollu tal-fehma li jekk tintgħażel din id-direzzjoni, dan fl-aħħar mill-aħħar iġib fix-xejn l-isforzi li saru sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ koperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u dawk tax-Xatt tal-Punent kif ukoll tal-medda ta’ Gaża u sabiex jiġi mħeġġeġ il-kummerċ ma’ dawk it-territorji.

139. Għaldaqstant, fir-rigward tal-elementi kollha preċedenti, jiena tal-fehma li prodotti ċċertifikati mill-awtoritajiet doganali Iżraeljani bħala li huma ta’ oriġini Iżraeljana, iżda li jirriżulta li joriġinaw mit-territorji okkupati u, b’mod iktar speċifiku, mix-Xatt tal-Punent, la jistgħu jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali taħt il-Ftehim KE-Iżrael u lanqas minn dak stabbilit mill-Ftehim KE‑PLO.

V –    Konklużjonijiet

140. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi skont kif ġej lill-Finanzgericht Hamburg:

“1)      L-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni mhumiex marbuta bir-riżultat tal-verifika a posteriori mwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat ta’ Iżrael mill-parti ’l oħra, meta l-kwistjoni eżistenti bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati li huma partijiet għal dak il-Ftehim tkun tirrigwarda l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-imsemmi Ftehim.

2)      Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ma kellhomx l-obbligu li jissottomettu l-kwistjoni li għandhom mal-awtoritajiet doganali Iżraeljani lill-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali.

3)      Prodotti ċċertifikati mill-awtoritajiet doganali Iżraeljani bħala li huma ta’ oriġini Iżraeljana, iżda li jirriżulta li joriġinaw mit-territorji okkupati u, b’mod iktar speċifiku, mix-Xatt tal-Punent, la jistgħu jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali taħt il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat ta’ Iżrael mill-parti ’l oħra, u lanqas minn dak stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni interim Ewro-Mediterranju dwar kummerċ u koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO), għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża, minn naħa l-oħra.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11 Vol. 55, p. 167, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE‑Iżrael”.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11 Vol. 26, p. 124, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE‑PLO”.


4 – Iktar ’il quddiem “Brita”.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 33, p. 287.


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 26, p. 122.


7 – Dan l-Artikolu 4 jelenka l-prodotti meqjusa bħala miksuba kollha kemm huma fil-Komunità jew fl-Iżrael. Dawn jinkludu, pereżempju, prodotti minerali estratti mill-art ta’ dawk it-territorji jew mill-qiegħ tal-baħar jew l-oċean tagħhom, ħxejjex maħsuda hemmhekk jew annimali ħajjin imwielda u mrobbija hemmhekk.


8 – Iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat EUR.1”.


9 – Avviż għall-importaturi – Importazzjonijiet mill-Iżrael fil-Komunità, tat-8 ta’ Novembru 1997 (ĠU C 338, p. 13).


10 – Implementazzjoni tal-ftehim interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżrael [SEC(1998) 695 finali].


11 – Ara l-abbozz ta’ proċess verbali tat-tieni sessjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE‑Iżrael, tal-20 ta’ Novembru 2001 (disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea).


12 – Paġna 4.


13 – Avviż għall-importaturi – Importazzjonijiet mill-Iżrael fil-Komunità, tat-23 ta’ Novembru 2001 (ĠU C 328, p. 6).


14 – Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim KE-PLO, b’mod partikolari jitqiesu bħala prodotti miksuba għal kollox mix-Xatt tal-Punent u mill-medda ta’ Gaża l-prodotti minerali estratti mill-ħamrija tagħhom jew minn qiegħ il-baħar tagħhom, il-ħxejjex maħsuda hemmhekk jew inkella prodotti minn annimali ħajjin imrobbija hemmhekk.


15 – Iktar ’il quddiem il-“Ftehim Iżraeljan-Palestinjan”.


16 – Ftehim iffirmat fil-Kajr fl-4 ta’ Mejju 1994.


17 – Ftehim iffirmat f’Erez fid-29 ta’ Awwissu 1994.


18 – Protokoll iffirmat fil-Kajr fis-27 ta’ Awwissu 1995.


19 – Ara l-preambolu tal-Ftehim Iżraeljan-Palestinjan.


20 – Ara l-Artikolu 1 ta’ dak il-ftehim.


21 – L-Artikolu X tal-imsemmi ftehim jistabbilixxi li “l-ewwel fażi tat-trasferiment tal-forzi militari Iżraeljani għandu jkopri ż-żoni populati fix-Xatt tal-Punent – lokalitajiet, bliet, villaġġi, kampi tar-refuġjati u rħula żgħar – kif stabbilit fl-Anness I [tal-Ftehim Iżraeljan-Palestinjan], u għandu jitlesta 22 jum qabel ma jsiru l-elezzjonijiet Palestinjani”, u l-elezzjonijiet għall-Kunsill elett saru fl-20 ta’ Jannar 1996 [ara s-siti tal-Internet tal-Istitut Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Koperazzjoni Mediterranja u Ewro-Għarbija (http://www.medea.be) kif ukoll dak tan-Nazzjonijiet Uniti (http://www.un.org)].


22 – Iktar ’il quddiem “Soda‑Club”.


23 – Ftehim iffirmat f’Ankara, fit-12 ta’ Settembru 1963, mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa waħda, u mill-Istati Membri tal-KEE u u mill-Komunità, min-naħa l-oħra. Dan il-ftehim ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KEE‑Turkija”).


24 – 12/86, Ġabra p. 3719.


25 – L-Artikolu 228 tat-Trattat KE (li wara l-emenda sar l-Artikolu 300 KE) u l-Artikolu 238 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 310 KE).


26 – Li sar l-inċiż b tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 234 KE.


27 – Ara s-sentenza Demirel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 7). Ara wkoll sentenza, tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra p. I‑3655, punt 41).


28 – L-Artikolu 18(1) u (6) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE‑Iżrael.


29 – L-Artikolu 32(1) ta’ dan il-protokoll.


30 – Ara l-Artikolu 32(2), (3) u (5) tal-imsemmi protokoll.


31 – Ara l-Artikolu 32(6) tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim KE‑Iżrael.


32 – Ara l-Artikolu 5(2)(a) ta’ dak il-protokoll.


33 – Ara l-Artikolu 6 tal-imsemmi protokoll.


34 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984 (218/83, Ġabra p. 3105).


35 – Ftehim iffirmat fi Brussell, fit-22 ta’ Lulju 1972, konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament (KEE) Nru 2840/72 tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU L 300, p. 188).


36 – Ara s-sentenza Les Rapides Savoyards et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).


37 – Ibidem (punt 27).


38 – Ara s-sentenza, tad-9 ta’ Frar 2006, Sfakianakis (C‑23/04 sa C‑25/04, Ġabra p. I‑1265, punt 49).


39 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1993, Huygen et (C‑12/92, Ġabra p. I‑6381, punt 27).


40 – Sentenza Sfakianakis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).


41 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et (C‑153/94 u C‑204/94, Ġabra p. I‑2465, punti 24 u 25).


42 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica (C‑251/00, Ġabra p. I‑10433, punt 74).


44 – Ara s-sentenza Les Rapides Savoyards et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).


45 – Punti 26 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46 – Ara l-Artikolu 68 tal-Ftehim KE‑Iżrael.


47 – Ara punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48 – United Nations Special Committee On Palestine. Dan il-kumitat, li huwa kompost minn ħdax-il Stat u ġie stabbilit mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1947, ġie inkarigat biex isib soluzzjoni għall-kunflitt fil-Palestina, b’mod partikolari billi jiżviluppa pjan ta’ tqassim.


49 – Ara s-sit tal-Internet tan-Nazzjonijiet Uniti (http://www.un.org), kif ukoll dak tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Istat ta’ Iżrael (http://www.mfa.gov.il).


50 – ĠU 2001, C 113 E, p. 163.


51 – Punt 2 tar-risposta tal-Kunsill.


52 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza, tal-11 ta’ Diċembru 1980, Acampora (827/79, Ġabra p. 3731, punt 5).


53 – Ara n-nota tal-Kunsill, tat-3 ta’ Diċembru 2004 (15638/04, punt 40).


54 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55 – Paġna 9 tal-Komunikazzjoni.


56 – Ara s-sit tal-Internet tal-Kummissjoni (http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2006/september/tradoc_113382.pdf).


57 – Ara l-Artikolu 3 ta’ dan l-Anness.


58 – Enfażi miżjud minni. Infakkar li dawn l-Artikoli huma applikabbli għat-territorji taż-żona C permezz tal-Artikolu XI(2)(c) tal-Ftehim Iżraeljan-Palestinjan, li jirreferi għall-Anness III ta’ dak il-ftehim. Skont l-Artikolu 6 tal-Appendiċi I ta’ dak l-Anness, l-aspetti ekonomiċi tal-isfera tal-kummerċ u tal-industrija relatati mat-territorji taż-żona C jinsabu fl-Anness V tal-Ftehim Iżraeljan-Palestinjan.


59 – Ara l-punt 17 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


60 – C‑432/92, Ġabra p. I‑3087.


61 – Ftehim anness mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1246/73, tal-14 ta’ Mejju 1973 (ĠU L 133, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KEE‑Ċipru”).


62 – Protokoll anness mal-Protokoll tal-Ftehim KEE‑Ċipru, li huwa anness mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2907/77, tal-20 ta’ Diċembru 1977 (ĠU L 339, p. 1).


63 – Ara s-sentenza Anastasiou et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).


64 – Ibidem (punt 39).


65 – Ibidem (punt 40).


66 – Ibidem (punt 41).