Language of document : ECLI:EU:C:2009:150

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2009 1(1)

Kawżi magħquda C‑22/08 u C‑23/08

Athanasios Vatsouras

vs

Arbeitsgemeinschaft (ARGE) Nürnberg 900

u

Josif Koupatantze

vs

Arbeitsgemeinschaft (ARGE) Nürnberg 900

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Nürnberg (il-Ġermanja)]

“Ċittadinanza Ewropea – Moviment liberu tal-persuni – Kunċett ta’ ħaddiem – Validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE – Ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn qiegħda li qabel ikunu wettqu attività professjonali għal perijodu qasir – Dritt li jirċievu benefiċċji ta’ għajnuna soċjali”





I –    Introduzzjoni

1.        Is-Sozialgericht (Qorti għal kwistjonijiet soċjali) ta’ Nürnberg għamlet tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 234 KE dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE u 39 KE u dwar il-validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (2). Il-Qorti tixtieq tkun taf jekk ċittadin Grieg, li jgħix fil-Ġermanja, fejn ħadem għal perijodu qasir, jistax, ladarba jgħaddu l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jitlob benefiċċji tal-għajnuna soċjali filwaqt li jkun qed ifittex attivament ix-xogħol.

2.        Id-domanda hija bbażata fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Collins (3), li daħħlet ir-rekwiżit li min qed ifittex ix-xogħol u jeżerċita d-dritt għall-moviment liberu għandu jagħti l-prova ta’ “ness” mal-Istat Membru ospitanti biex ikollu aċċess għall-għajnuna soċjali, filwaqt li d-Direttiva 2004/38 ma ssegwix din il-ġurisprudenza u tipprojbixxi l-għoti tal-għajnuna lil dawk li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment u jridu jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Meta dan id-dritt jiġi ristrett b’mod indefinit dan ikun ifisser li l-benefiċċji jistgħu jiġu rrifjutati lil individwi li, għalkemm qed ifittxu x-xogħol, diġà għandhom ness mal-pajjiż ospitanti.

II – Il-fatti

A –    Ir-rikors ta’ A. Vatsouras (Kawża C-22/08)

3.        Skont id-digriet tar-rinviju, Athanasios Vatsouras, ċittadin Grieg, daħal fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’Marzu 2006 u beda jaħdem bi ħlas baxx. Fl-10 ta’ Lulju 2006 s-sitwazzjoni tiegħu waslitu biex japplika għand l-Arbeitsgemeinschaft Nürnberg (aġenzija għas-sigurtà soċjali ta’ Nürnberg; iktar ’il quddiem l-“ARGE”) għall-benefiċċji taħt is-Sozialgesetzbuch Zweites Buch (It-Tieni Ktieb tal-Kodiċi Ġermaniż fuq is-Sigurtà Soċjali), u dawn ingħatawlu fis-27 ta’ Lulju għall-ammont ta’ EUR 169 kull xahar sat-30 ta’ Novembru tal-istess sena.

4.        F’Jannar tal-2007, Vatsouras safa’ bla xogħol. L-għajnuna, li ġiet ipprorogata sal-31 ta’ Mejju 2007, twaqqfet mit-30 ta’ April2007. A. Vatsouras ippreżenta rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud fl-4 ta’ Lulju. Vatsouras fetaħ kawża quddiem il-qrati li biha kkontesta din iċ-ċaħda, u matul dan il-proċediment qamet waħda mill-kwistjonijiet li wasslet għal dan ir-rinviju.

5.        Għandu jingħad li A. Vatsouras sab impjieg ġdid fil-Ġermanja fl-4 ta’ Ġunju 2007.

B –    Ir-rikors ta’ J. Koupatantze (Kawża C-23/08)

6.        Anki fil-kawża ta’ Josif Koupatantze qed tiġi kkontestata deċiżjoni tal-ARGE. Ir-rikorrent, li huwa ċittadin Grieg, daħal fil-Ġermanja f’Ottubru 2006. Beda jaħdem fl-1 ta’ Novembru u baqa’ hemm sakemm tkeċċa fil-21 ta’ Diċembru minħabba d-diffikultajiet finanzjarji ta’ min kien qed iħaddmu. Fl-ewwel jum tal-qgħad tiegħu, J. Koupatantze talab il-benefiċċju tal-qgħad taħt is-Sozialgesetzbuch Zweites Buch, u dan ingħatalu fil-15 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Mejju 2007 għall-ammont ta’ EUR 670 kull xahar.

7.        Għal raġunijiet li ma humiex spjegati fid-digriet tar-rinviju, fit-18 ta’ April 2007 l-ARGE waqqaf l-għajnuna soċjali ta’ J. Koupatantze b’effett retroattiv mit-28 ta’ Frar. Fl-4 ta’ Mejju, J. Koupatantze kkontesta amministrattivament din id-deċiżjoni, iżda l-kontestazzjoni tiegħu ġiet miċħuda ġimgħa wara. Fis-16 ta’ Mejju 2007, skont il-liġi proċedurali Ġermaniża, J. Koupatantze fetaħ kawża li matulha qamet kwistjoni identika għal dik imsemmija fil-kawża C‑22/08.

8.        Fl-1 ta’ Ġunju 2007 Koupatantze beda impjieg ġdid fil-Ġermanja.

III – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

9.        Id-dritt primarju Komunitarju jkopri d-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini Ewropej li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-moviment u jiddistingwi bejniethom, skont jekk għandhomx attività ekonomika. F’dan ir-rigward huma rilevanti l-Artikoli 12 KE, 18 KE u 39 KE:

“Artikolu 12

Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, jista’ jadotta regoli intiżi biex jiprojbixxu din id-diskriminazzjoni.

[…]

Artikolu 18

1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Trattat u d-disposizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq.

2.      Jekk ikun hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni mill-Komunità biex dan il-għan jintlaħaq u dan it-Trattat ma pprovdiex il-poteri meħtieġa, il-Kunsill jista’ jadotta disposizzjonijiet bl-iskop li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251.

3.      Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għad-disposizzjonijiet rigward passaporti, karti ta’ l-identità, permessi ta’ residenza jew xi dokumenti oħra bħalhom jew għal disposizzjonijiet dwar sigurtà soċjali jew protezzjoni soċjali.

[…]

Artikolu 39

1.      Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2.      Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

3.      Għandu jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet ġustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta’ pubblika u saħħa pubblika:

         a)     li jaċċetta offerti ta’ impjieg li jkunu saru,

         b)      li jispostja ruħu liberament għal dan l-iskop fit-territorju tal-Istati Membri,

         c)      li joqgħod f’kull Stat Membru sabiex jaħdem f’impjieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat,

         d)     li jgħix fit-territorju ta’ Stat Membru wara li jkun okkupa impjieg hemm, bil-kondizzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun soġġetta għal regolamenti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni,

4.      Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għal impjieg fl-amministrazzjoni pubblika”.

10.      Id-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, fl-Artikolu 7 tagħha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-residenza fi Stat Membru għal perijodu itwal minn tliet xhur.

“Artikolu 7

Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur

1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

         (a) ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

         (b) għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

[…]

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

         c)     il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

[…]”

11.      Fir-rigward tal-għajnuna soċjali, id-Direttiva 2004/38 tintroduċi diversi limitazzjonijiet għall-prinċipju li ma jkunx hemm diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità għar-residenti ta’ Stat Membru ieħor. Filwaqt li d-dikjarazzjoni ta’ prinċipju tidher fl-Artikolu 24(1), il-paragrafu suċċessiv jinkludi l-limitazzjonijiet.

“Artikolu 24

Trattament ugwali

1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom”.

12.      Il-perijodu l-iktar twil stabbilit fl-Artikolu 14 tad-Direttiva jirreferi għal “ċittadini ta’ l-Unjoni [li] daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg”. Dawn il-persuni ma jistgħux jitkeċċew sakemm jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu x-xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.

B –    Id-dritt nazzjonali

13.      L-Artikolu 17(1) tal-Ktieb II tas-Sozialgesetzbuch Ġermaniż jgħid hekk:

“Artikolu 7

1.      Il-benefiċċji previsti f’dan il-ktieb jingħataw lill-persuni:

         a)     li jkunu għalqu 15-il sena u li jkunu għadhom ma għalqux 65 sena,

         b)      li huma kapaċi jwettqu attività,

         c)     li jinsabu fil-bżonn u, u

         d)     li r-residenza ordinarja tagħhom tinsab fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

         Huma esklużi r-residenti barranin li d-dritt ta’ residenza tagħhom jirriżulta esklużivament mill-għan li jfittxu xogħol, il-membri tal-familji tagħhom kif ukoll il-benefiċċjarji previsti fl-Artikolu 1 tal-liġi fuq il-benefiċċji li għandhom jingħataw lill-applikanti għal ażil […]”.

14.      L-Artikolu 23(3) tal-Ktieb XII tal-istess liġi jtenni, għall-għajnuna tas-sigurtà soċjali, li l-barranin li huma residenti li daħlu fit-territorju Ġermaniż biex jiksbu għajnuna soċjali jew impjieg ma jibbenefikawx mill-għajnuna msemmija f’dan it-test.

IV – Id-domandi preliminari

15.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, fit-22 ta’ Jannar 2008, is-Sozialgericht Nürnberg għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari fir-rigward tal-validità u l-interpretazzjoni taħt l-Artikolu 234 KE u saru l-istess domandi fiż-żewġ talbiet:

“1.      L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, tad-29 ta’ April 2004, [huwa] konformi mal-Artikolu 12 KE moqri flimkien mal-Artikolu 39 KE?

2.      Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 12 KE moqri flimkien mal-Artikolu 39 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi ċ-ċittadini tal-Unjoni mill-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fil-każ li jinqabeż it-tul massimu ta’ residenza previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/CE, tad-29 ta’ April 2004, u fin-nuqqas ta’ kull dritt ta’ residenza abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra?

3.      Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda tingħata risposta fil-pożittiv, l-Artikolu 12 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea anki mill-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali mogħtija lill-immigranti klandestini?”

16.      Il-president tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’digriet tas-7 ta’ April 2008, għaqqad iż-żewġ kawżi minħabba l-konnessjoni oġġettiva tagħhom.

17.      Il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet.

18.      Fis-seduta li saret fl-4 ta’ Frar 2009 dehru biex jagħmlu t-trattazzjoni orali tagħhom l-aġent tar-Renju Unit u l-aġenti tal-Kunsill, tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea.

V –    Kunsiderazzjoni preliminari: l-istatus ta’ A. Vatsouras u J. Koupatantze bħala ħaddiema

19.      Fid-digriet tar-rinviju tas-Sozialgericht Nürnberg ingħad li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ ħaddiema skont l-Artikolu 39 KE. Minħabba t-tip ta’ xogħol li għamlu, li dam ftit u ma tantx kien imħallas, jista’ jagħti l-każ li A. Vatsouras u J. Koupatantze ma kinux protetti bis-saħħa tal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema imma taħt ir-regola tan-nondiskriminazzjoni taħt l-Artikolu 12 KE. Madankollu din l-impressjoni għandha tiġi kkwalifikata u l-implikazzjonijiet tagħha jiġu eżaminati mill-qrib.

20.      Il-fehmiet tal-Gvernijiet u tal-istituzzjonijiet Komunitarji li huma partijiet f’dan il-proċediment huma differenti f’dan ir-rigward minn tal-Kunsill u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta jgħidu li r-rikorrenti jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jitqiesu li huma ħaddiema, filwaqt li d-Danimarka tgħid il-kontra; il-Kummissjoni u l-Pajjiżi l-Baxxi, min-naħa tagħhom, jgħidu li ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex jista’ jkun hemm konklużjoni sodisfaċenti u jipproponu li għandha tkun il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar dan il-punt. Minħabba l-ambigwità tal-qorti tar-rinviju (4), huwa indispensabbli li jiġu ċċarati l-parametri tad-diskussjoni qabel ma jiġu ttrattati d-domandi magħmula.

21.      Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ippruvat tipprevjeni l-kuntest tal-moviment liberu u d-drittijiet tal-impjegati milli jaqbdu triq indipendenti fi ħdan kull Stat Membru. Wara d-deċiżjoni f’Unger (5), hija elaborat definizzjoni esklużivament Ewropea tal-kelma “ħaddiem” fl-Artikolu 39 KE, u kklassifikat ir-relazzjoni ta’ xogħol bħala dik ikkaratterizzata minn “ċertu perijodu ta’ żmien [fejn] persuna tagħti servizzi għal u taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra u li għal dan tirċievi ħlas” (6). Wara hija kienet ikkonfermat li din is-sentenza kellha tiġi interpretata b’mod wiesa’ biex tinkludi xogħlijiet ta’ natura differenti ħafna (7).

22.      F’dan il-każ partikolari A. Vatsouras u J. Koupatantze kellhom dmirijiet li jaqgħu taħt il-kunċett legali ta’ relazzjoni ta’ impjieg kif ġie żviluppat mill-ġurisprudenza. Madankollu, hemm żewġ fatturi li jikkumplikaw is-sitwazzjoni meta jiġu biex jiġu kklassifikati bħala ħaddiema: l-ewwel nett għaliex ix-xogħol dam għal ftit żmien biss u kien imħallas ftit u, it-tieni nett, spiċċa u ġie segwit b’nuqqas ta’ attività ekonomika. Iż-żewġ fatturi jeħtieġu kunsiderazzjoni mill-qrib biex jiġi aċċertat jekk ir-rikorrenti kinux “ħaddiema”.

A –    In-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg qasira u bi ħlas baxx

23.      F’każijiet fejn l-impjieg huwa minimu jew tant insinjifikanti li ma jimmeritax ħlas suffiċjenti għall-għixien, il-ġurisprudenza żviluppat numru ta’ kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 39 KE. Fis-sentenza Levin (8), qalet li l-ammont ta’ remunerazzjoni ma huwiex fattur kritiku fid-deċiżjoni dwar l-istatus ta’ persuna li tipprovdi servizzi għal ħaddieħor. Biex jiġi deċiż li ħaddiem jidħol fl-ambitu tal-Artikolu 39 KE, dik il-persuna għandha tkun f’“attivitajiet ġenwini u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet fuq skala tant żgħira li jitqiesu purament marġinali u anċillari” (9). Il-kawża Levin kienet tinvolvi ċittadina Britannika li kienet applikat għal permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi billi qalet li kienet ħaddiema part-time. Mid-digriet tar-rinviju wieħed seta’ jifhem li hija kienet tirċievi bħala salarju ammont li ma kienx jiggarantixxi l-għixien tagħha, iżda dan ma żammx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddikjara li, sakemm ikun hemm xogħol ġenwin, ma jistgħux jiġu limitati l-libertajiet fundamentali ta’ persuna u li għad-dritt Komunitarju, huma irrilevanti r-raġunijiet li wassluha tfittex ix-xogħol; l-element deċiżiv għall-Artikolu 39 KE hija n-natura oġġettiva tax-xogħol mhux l-ammont li jaqla’ l-ħaddiem bħala ħlas.

24.      Minkejja l-fatt li s-sentenza Levin kienet ħalliet id-deċiżjoni għall-qorti tar-rinviju, ġurisprudenza sussegwenti wriet li “attivitajiet ġenwini u effettivi” jistgħu jvarjaw ħafna. Kien biss eċċezzjonalment li attività nstabet li kienet “sempliċiment marġinali u anċillari”. Fil-kawża Lawrie-Blum (10) il-kwistjoni kienet jekk is-sistema ta’ apprendistat imħallas fi skola, bi ftit ħlas u part-time, kinitx attività ta’ xogħol ġenwina u effettiva. Is-sentenza enfasizzat li l-apprendisti kienu ħaddiema taħt l-Artikolu 39 KE irrispettivament jekk ix-xogħol kienx parti minn programm ta’ taħriġ (11). Kranemann (12) kienet kawża simili li indirizzat l-istatus ta’ ħaddiema taċ-ċivil temporanji li jagħmlu taħriġ prattiku legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-idea li billi l-ħlas lill-individwi kien sempliċement għajnuna biex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet minimi tagħhom, l-Artikolu 39 KE ma kienx japplika għalihom. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li l-istatus ta’ persuna bħala ħaddiem taħt id-dritt Komunitarju ma jistax jiġi affettwat mill-ammont limitat ta’ remunerazzjoni jew is-sors tal-finanzjament (13).

25.      Lanqas kemm iddum ir-relazzjoni tax-xogħol ma tidher li hija determinanti biex jissejjaħ ġenwin u effettiv. Fil-kawża Levin iċċitata iktar ’il fuq, diġà ntqal li fil-kuntratti part-time l-Artikolu 39 KE ma kienx eskluż. Fis-sentenza Ninni-Orasche (14) ġie kkunsidrat li xogħol magħmul għal perijodu ta’ xahrejn u nofs jibdel ħaddiem f’ħaddiem Komunitarju. Il-qorti tar-rinviju kienet uriet dubji fuq il-bona fide tar-rikorrent u invokat sensiela ta’ fatturi li kienu jindikaw possibbiliment aġir abbużiv, imma s-sentenza kkunsidrat li dawn l-elementi (15) huma “irrilevanti” billi qieset biss n-natura ġenwina u effettiva tar-relazzjoni ta’ xogħol.

26.      Iżda ma hemmx ħafna elementi biex jiġi ddeterminat il-kunċett ta’ “attività marġinali u aċċessorja”. Huwa biss fil-kawża Raulin (16) li jidhru l-limiti tal-Artikolu 39 KE, billi jiġi indikat li jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-irregolarità u l-perijodu limitat ta’ żmien tax-xogħol magħmul fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol okkażjonali (17). Bl-istess mod, il-fatt li numru limitat ta’ sigħat biss jinħadmu huwa indikazzjoni li l-attivitajiet huma marġinali u anċillari (18). Madankollu, is-sentenza Raulin kienet tirrigwarda kuntratt staġonali li ma kienx jiggarantixxi n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol. Kienet relazzjoni tal-impjieg mhux tas-soltu li kienet tagħti biss aspettattiva ta’ xogħol. Jidher li huwa loġiku li, jekk kuntratt ta’ dan it-tip ta lok biss għal ammont minimu ta’ xogħol, il-ħtieġa ta’ attività “ġenwina u effettiva” ma kinitx tkun sodisfatta.

27.      Għalhekk jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza li hemm tendenza li l-kunċett ta’ “ħaddiem” fl-Artikolu 39 KE jiġi interpretat b’mod wiesa’, biex jiġu koperti relazzjonijiet ta’ impjieg ġenwini u effettivi ta’ ħafna tipi differenti. Il-fatt li l-impjegat seta’ mmanipula r-regoli biex jilħaq l-għanijiet tiegħu huwa irrilevanti peress li jiġu evalwati biss l‑elementi oġġettivi tar-relazzjoni, u sitwazzjonijiet li huma manifestament marġinali diffiċilment jiġu rrikonċiljati mal-kunċett ta’ impjieg subordinat (19).

28.      Għaldaqstant, A. Vatsouras u J. Koupatantze huma ħaddiema li wettqu “attività ġenwina u effettiva”. A. Vatsouras sab impjieg meta daħal fit-territorju Ġermaniż (20) u dam jaħdem inqas minn sena. Irċieva EUR 169 kull xahar f’benefiċċji għall-għixien. Jekk din is-somma kopriet id-differenza bejn il-paga tiegħu u l-paga għall-għixien medja fil-Ġermanja, wieħed jista’ jassumi li l-paga tiegħu kienet ftit iktar baxxa mill-paga minima. Is-sentenza Lawrie-Blum ma kinitx konklużiva dwar jekk xogħol temporanju li kien imħallas b’rata ta’ kuljum li kienet anqas mill-paga minima kienx attività ġenwina u effettiva. Madankollu, jekk din is-sentenza tinqara flimkien mas-sentenza Ninni-Orasche, li fiha l-Artikolu 39 KE ġie applikat għal attività li damet b’kollox xahrejn u nofs, jikseb saħħa ikbar l-argument favur l-istatus ta’ ħaddiem. Ħlas li jkun ferm iktar baxx minn paga ta’ għixien jista’ jfisser li x-xogħol għandu jitqies li huwa irrilevanti, imma jekk ikunu ftit iktar baxx u, barra minn hekk, tħallas għal sena, jista’ jkun hemm konklużjoni waħda possibbli biss: A. Vatsouras għandu jiġi rrikonoxxut li għandu status ta’ “ħaddiem”, protett mid-dritt Komunitarju.

29.      Il-każ ta’ J. Koupatantze huwa simili. Li qed jiġi kkontestat hawnhekk ma huwiex l-ammont tal-ħlas imma kemm dam l-impjieg. Kif semmejt diġà, f’Ninni-Orasche relazzjoni ta’ impjieg li damet xahrejn u nofs ġiet ikkunsidrata li kienet biżżejjed. Sakemm ikun hemm impjieg ġenwin, għalkemm qasir u bi ħlas baxx, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex diffikultà tapplika l-Artikolu 39 KE. J. Koupatantze bilkemm ħadem għal xahrejn. Huwa ma safax qiegħed għax ried jew għaliex il-kuntratt tiegħu spiċċa imma minħabba l-problemi finanzjarji li għadda minnhom min kien qed iħaddem. Barra minn hekk, huwa qatt ma talab benefiċċji għall-għixien. Billi ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-impjieg ta’ J. Koupatantze kien ovvjament marġinali, għandu jitqies li huwa ħaddiem protett taħt l-Artikolu 39 KE.

B –    It-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg u l-kuntest temporali tal-Artikolu 39(3)(d) KE.

30.      Jibqa’ biex jiġi ċċarat jekk il-fatt li ż-żewġ rikorrenti tilfu l-impjieg tagħhom jistax jaffettwa l-argument tiegħi. L-Artikolu 39(3)(d) KE jistabbilixxi l-possibbiltà li l-ħaddiem jista’ jibqa fl-Istat Membru ospitanti wara li jkun ġie impjegat hemmhekk, imma dik l-għażla tiddependi fuq li jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet mhux speċifikati (21). Għalhekk, min ikun qed ifittex ix-xogħol ma jingħatax l-istatus legali mogħti mill-Artikolu 39 KE jew mil-leġiżlazzjoni sekondarja anki jekk ikun kopert mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam, li tapplika sistema ibrida lil persuni li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom imma li qegħdin effettivament ifittxu impjieg ġdid (22).

31.      Is-sentenza Collins (23) aċċettat l-applikabbilità sħiħa tal-Artikolu 39 KE fil-każ ta’ persuni li kellhom ness mal-Istat Membru ospitanti. F’dan il-każ, għaddew sbatax-il sena bejn iż-żmien meta r-rikorrent, ċittadin Irlandiż, kien beda jaħdem fir-Renju Unit, u l-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna f’dak il-pajjiż. Abbażi tal-ġurisprudenza ta’ qabel, is-sentenza f’Collins żviluppat l-idea ta’ “ness” bejn l-Istat Membru ospitanti u l-persuna li teżerċita d-dritt għall-moviment liberu (24) peress li jekk persuna kienet ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti, din il-persuna għandha tkompli tkun koperta mill-Artikolu 39 KE anki jekk teknikament ma għadhiex ħaddiem.

32.      Abbażi ta’ din il-premessa – u għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiċċara l-fatti – huwa evidenti li A. Vatsouras u J. Koupatantze kienu f’impjieg li permezz tiegħu kisbu l-istatus ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 39 KE. Is-servizzi li pprovdew ma kinux marġinali jew anċillari; barra minn dan, ġie pprovat li bdew ifittxu x-xogħol hekk kif sfaw qiegħda, u għalhekk jirriżulta awtomatikament li jkun hemm ness u, sakemm ikunu qegħdin ifittxu x-xogħol, huma intitolati li jsostnu l-moviment liberu tal-ħaddiema fil-konfront tal-Istat Membru ospitanti.

VI – Analiżi, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, tad-domandi preliminari

33.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li r-rikorrenti fil-proċediment ewlieni, huma, kif qed jargumentaw il-Kunsill u l-Gvern Ġermaniż, ħaddiema protetti taħt l-Artikolu 39 KE.

34.      Id-digriet tar-rinviju jagħti l-impressjoni li s-Sozialgericht Nürnberg hija ta’ fehma opposta u b’din l-attitudni tifformula d-domanda dwar il-validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (25). Din id-dispożizzjoni tapplika biss għal tliet gruppi li ma jaqgħux fl-ambitu tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 39 KE u l-leġiżlazzjoni sekondarja relatata: persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza; min qed ifittex ix-xogħol; u studenti. Fil-każ tat-tieni wieħed minn dawn il-gruppi, l-Artikolu 39 KE huwa applikabbli flimkien mal-Artikolu 12 KE biex joħloq is-sistema ibrida deskritta fis-sentenza Collins.

35.      Għaldaqstant, dan mhux każ fejn huwa xieraq li wieħed joqgħod fuq l-Artikolu 24(2) jew jikkontesta l-validità tagħha.

36.      Madankollu, it-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-konformità tar-regolamenti Ġermaniżi mal-Artikolu 12 KE, fir-rigward tal-Artikolu 39 KE. B’din id-domanda s-Sozialgericht Nürnberg tirreferi għar-rilevanza tad-dispożizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema. Għalhekk, anki għalkemm l-Artikolu 12 KE jista’ jiġi eskluż fil-każ ta’ ħaddiema, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi t-tieni domanda u tillimita l-analiżi tagħha għall-kwistjoni tal-kompatibbiltà tad-dritt Ġermaniż mal-Artikolu 39 KE.

37.      Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il-proposta u tkun tal-fehma li r-rikorrenti ma humiex ħaddiema, ser nindirizza, bħala alternattiva u għall-kompletezza, il-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

VII – It-tieni domanda preliminari

38.      Is-Sozialgericht Nürnberg tagħmel l-analiżi tagħha tal-fatt li l-għajnuna soċjali ġiet irtirata abbażi tal-fatt li l-perijodu ta’ residenza massimu permess taħt id-Direttiva 2004/38 kien inqabeż. Fi kliem ieħor is-Sozialgericht Nürnberg ma hijiex ċerta dwar il-legalità ta’ miżura li ma tapplikax kompletament ir-regoli Komunitarji meta persuna li tkun eżerċitat id-dritt għal-libertà ta’ moviment ma tissodisfax iktar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Fil-każ preżenti, A. Vatsouras u J. Koupatantze kellhom l-istatus ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 39 KE, imma meta sfaw bla xogħol, tneħħew il-privileġġi tagħhom, inkluż id-dritt li jirċievu għajnuna soċjali.

39.      Biex tirrispondi din id-domanda, il-Kummissjoni, fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha, tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38, li tkopri b’mod ċar is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedimenti prinċipali. Meta ħaddiem li jkun eżerċita d-dritt ta’ libertà ta’ moviment għal perijodu ta’ inqas minn sena jispiċċa involontarjament bla xogħol, id-Direttiva 2004/38 tiggarantilu l-istatus tax-xogħol tiegħu u, għalhekk, id-dritt li jibqa’ fl-istat ospitanti sakemm jibqa’ “rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti”. Jekk iseħħu dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħaddiem iżomm id-drittijiet li jingħatawlu mill-ordinament Komunitarju għal perijodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur.

40.      Din id-dispożizzjoni tikkonferma l-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 39 KE fil-każ. Għalkemm ir-rikorrenti, peress li ħadmu u kienu residenti għal inqas minn sena, ma għandhomx in-ness meħtieġ mill-ġurisprudenza biex iċ-ċirkulazzjoni libera tal-persuni tikseb id-dimensjoni vera tagħha, id-Direttiva 2004/38 sebqet dik il-ħtieġa billi ssuġġettatha għal ċerti rekwiżiti biex jiġu evitati abbużi u tiġi ssalvagwardata l-istabbiltà ekonomika tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri ospitanti (26).

41.      Fid-digriet tas-Sozialgericht hemm spjegat li kemm A. Vatsouras kif ukoll J. Koupatantze spiċċaw involontarjment bla xogħol qabel ma għaddiet sena. Ma huwiex ċar jekk marrux jirreġistraw għax-xogħol fl-uffiċċju tal-impjiegi, imma f’dan il-każ huwa applikabbli l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha taċċerta ruħha minn dan l-aspett.

42.      Meta jiġu sodisfatti r-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, l-amministrazzjoni tax-xogħol Ġermaniża, meta ċaħdet lir-rikorrenti mill-għajnuna soċjali li kienu qed jirċievu, kisret id-dritt Komunitarju. Jekk il-kawża ta’ annullament (li fil-każ ta’ J. Koupatantze, ma ġietx indikata fid-digriet tar-rinviju) hija t-telfien tad-dritt ta’ residenza minħabba d-disimpjieg tiegħu, l-Istat Ġermaniż illimita ċ-ċirkulazzjoni libera tal-ħaddiema bi ksur tal-Artikolu 39 KE, kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (27). Billi r-rikorrenti huma ħaddiema, għandhom jirċievu trattament ugwali bħal dak ta’ kwalunkwe ħaddiem Ġermaniż ieħor, inklużi l-miżuri soċjali relatati max-xogħol. A. Vatsouras qed jitlob sussidju biex ikopri d-differenza bejn is-salarju tiegħu u l-ħlas minimu għall-għixien. Iżda J. Koupatantze qed jitlob il-benefiċċju tad-disimpjieg wara li ntemmet ir-relazzjoni tax-xogħol tiegħu. Għalkemm dawn huma benefiċċji differenti, huma marbutin mal-istatus ta’ ħaddiem li t-tnejn igawdu.

43.      Għalhekk, regolamenti li jeskludu ħaddiema tal-Unjoni mill-aċċess għal benefiċċji soċjali meta jkunu qiegħda, ikunu rreġistrati f’uffiċċju tal-impjiegi, u jkunu ħadmu għal inqas minn sena, jiksru l-Artikolu 39 KE.

VIII – L-ewwel domanda preliminari

44.      Jekk il-Qorti ma taqbilx mal-argumenti fil-punti 23 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jeħtieġ li jiġu eżaminati d-domandi preliminari minn angolu ieħor. Fil-każ li A. Vatsouras u J. Koupatantze ma humiex “ħaddiema” skont l-Artikolu 39 KE, id-domanda dwar l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 issir sinjifikattiva ħafna billi d-dispożizzjoni tmur kontra l-interpretazzjoni fil-ġurisprudenza tal-Artikolu 12 KE moqri flimkien mal-Artikolu 39 KE, jekk tiġi applikata għall-persuni li qed ifittxu x-xogħol meta jeżerċitaw id-dritt għaċ-ċirkulazzjoni libera.

45.      Id-dubji tas-Sozialgericht Nürnberg huma kkonċentrati fuq in-nukleu essenzjali tad-Direttiva 2004/38. Kif sostnejt diġà, l-imsemmi Artikolu 24(2) fih żewġ sitwazzjonijiet ġuridiċi distinti. Minn naħa, dik ta’ persuni li jitolbu għajnuna għal manteniment, bħal boroż ta’ studju għall-istudenti jew self lil studenti, jiġifieri studenti fis-sistema taċ-ċirkulazzjoni libera. Min-naħa l-oħra, dik tal-individwi li jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ Stat Membru għal tliet xhur jew għal perijodu ta’ żmien meħtieġ biex ifittxu attivament impjieg. Tal-ewwel jistgħu jitolbu l-għajnuna ta’ dik in-natura biss meta jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti li d-Direttiva 2004/38 tagħti wara li jkunu għaddew ħames snin. Lil tat-tieni tingħata l-“għajnuna soċjali” meta jsibu xogħol.

46.      Is-sentenza Förster (28) iddikjarat li l-limitazzjoni imposta mid-Direttiva 2004/38 fuq l-istudenti hija kompatibbli mal-Artikolu 12 KE u 18 KE mingħajr ma ddeċidiet fuq il-validità tal-Artikolu 24(2) tagħha filwaqt li ddeċidiet fuq ir-regoli Olandiżi li ġew qabel id-dispożizzjoni Komunitarja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet indirettament favur il-legalità tar-restrizzjoni fuq l-istudenti imma għadu jrid jiġi ċċarat jekk id-Direttiva 2004/38 tikkonformax mat-Trattat KE meta tirregola sitwazzjoni ta’ min qed ifittex ix-xogħol mingħajr ma jirċievi għajnuna soċjali.

47.      L-Istati Membri kollha u l-istituzzjonijiet li ppreżentaw in-noti ta’ osservazzjonijiet f’dan il-proċediment għal deċiżjoni preliminari sostnew il-validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 u użaw argumenti sostanzjalment identiċi. Fost ir-raġunijiet invokati hemm waħda li fil-fehma tiegħi ġiet introdotta l-ewwel fis-sentenza Collins u hija riflessa fid-Direttiva 2004/38.

A –    L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 u r-relazzjoni tiegħu mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

48.      Collins kien qed jitlob benefiċċju għal persuna li qiegħda tfittex ix-xogħol (jobseeker’s allowance) fir-Renju Unit. Kellu passaport tal-Istati Uniti u, wara li temm l-edukazzjoni tiegħu hemmhekk, ħadem għal xi żmien fil-Gran Brittannja u kiseb iċ-ċittadinanza Irlandiża. Għex għal sbatax-il sena fl-Istati Uniti u fl-Afrika ta’ Isfel qabel ma mar lura fir-Renju Unit biex ifittex ix-xogħol fejn huwa applika għall-benefiċċju inkwistjoni.

49.      Fil-konklużjonijiet għal dan il-każ jiena argumentajt favur interpretazzjoni moderata tal-ġurisprudenza fuq iċ-ċittadinanza biex tiġi rrikonċiljata l-projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni li hemm fl-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 39 KE, mar-riskju tat-“turiżmu għall-benefiċċji” (29). Għal dan l-iskop ipproponejt li t-talba ta’ Collins għandha tiġi miċħuda abbażi tal-fatt li n-ness mal-Istat Membru fejn talab l-għajnuna kienet dgħajfa wisq (30). Madankollu, aċċettajt li persuni li jistgħu juru xi konnessjoni mal-Istat Membru ospitanti huma protetti. Il-Qorti tal-Ġustizzja elaborat fuq dak il-punt wara li eżaminat, fil-punt 72, ir-rwol li għandu rekwiżit ta’ residenza fit-turija ta’ dan in-ness, u qalet li t-terminu “m’għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jissodisfaw lilhom infushom li l-persuna kkonċernata qed tfittex ix-xogħol ġenwinament fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti”. Fil-qosor, huwa l-pajjiż ospitanti li għandu juri li l-perijodu ta’ residenza huwa proporzjonat biex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju (31).

50.      B’differenza mill-każ tal-istudenti, li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jimponi fuqhom terminu minimu ta’ residenza ta’ ħames snin, il-pożizzjoni tal-persuni li qed ifittxu x-xogħol hija iktar ambigwa. Meta jiġi ffissat terminu li jista’ jikkostitwixxi ness, dik id-dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 14(4)(b) li tgħid li l-Istati Membri ma jistgħux ikeċċu ċittadini tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom jekk “daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hija permessa l-ebda restrizzjoni sakemm l-individwi kkonċernati jipprovdu evidenza li “qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh”.

51.      Fid-dawl ta’ dan il-kuntest leġiżlattiv, il-qorti tar-rinviju tara żewġ interpretazzjonijiet possibbli tad-dispożizzjoni kkontestata.

52.      Fl-ewwel lok, jista’ jingħad li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jawtorizza restrizzjoni bla limitu fiż-żmien sakemm iċ-ċittadin ikun qed ifittex post tax-xogħol. Jekk l-Artikolu 14 jipprojbixxi t-tkeċċija meta l-persuna kkonċernata qed tipprova tfittex xogħol imħallas, dan it-terminu meħud flimkien mal-kliem tal-imsemmi Artikolu 24(2) jkun ifisser li titwarrab is-sentenza Collins billi tkun tista’ ssir projbizzjoni fuq aċċess għall-għajnuna soċjali irrispettivament minn kwalunkwe ness mal-Istat Membru ospitanti.

53.      Fit-tieni lok, jista’ jiġi argumentat li l-Artikolu 24(2) jirreferi impliċitament għall-perijodu neċessarju biex tinkiseb ir-residenza permanenti, bħal fil-każ tal-istudenti. Għalhekk, ħames snin wara d-dħul fit-territorju tal-Istat Membru, persuna li baqgħet tfittex ix-xogħol tkun eliġibbli għall-għajnuna inkwistjoni.

54.      L-ebda waħda minn dawk iż-żewġ interpretazzjonijiet ma hija konvinċenti. L-ewwel waħda ma tikkonvinċix għaliex ovvjament tikkontradixxi s-sentenza Collins (32), billi terminu indefinit ma joffri l-ebda ċertezza legali u huwa inkonsistenti mal-għanijiet tad-Direttiva 2004/38, li trid l-istabbiltà f’qasam fl-ordinament li huwa marbut mill-qrib mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin Ewropew. It-tieni, għaliex ma hemmx sens għad-direttiva li tagħmel distinzjoni bejn l-istatus tal-istudenti u l-istatus ta’ persuni li jfittxu l-impjieg biex imbagħad jiġi pprovdut li għandhom effetti legali identiċi; jekk kien hemm differenza bħal din fl-istatus bejn dawk iż-żewġ gruppi ta’ persuni, ma jkunx hemm sens għad-dispożizzjoni li tagħti l-istess effetti liż-żewġ gruppi: interpretazzjoni bħal din ma tkunx konformi ma’ dak li kien intiż meta l-leġiżlazzjoni ġiet adottata u ma tkunx sostenibbli jekk tiġi analizzata b’mod rigoruż.

55.      Għall-kuntrarju, id-Direttiva 2004/38 ma tgħid xejn fuq din il-kwistjoni għaliex tieħu l-approċċ li persuni li jixtiequ jaħdmu huma suġġetti għal sistema speċjali li, wara li jkunu għaddew l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, ma jkunx meħtieġ li jiġu pprovati ħames snin ta’ residenza, bħal fil-każ tal-istudenti, u li ma tħallihomx f’inċertezza legali waqt li jkunu qegħdin iffitxu x-xogħol. Naqbel mal-Kunsill li din id-dispożizzjoni ma tipprovdix kriterju riġidu għad-determinazzjoni tal-eżistenza tan-ness meħtieġ fis-sentenza Collins. Billi taf li persuni li qed ifittxu x-xogħol qegħdin f’nofs triq bejn attività ekonomika u attività li ma hijiex, id-direttiva tħalli kull leġiżlatur nazzjonali liberu li jsib il-bilanċ xieraq (33). Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi jekk il-metodi nazzjonali jikkonformawx mat-Trattati u mad-Direttiva 2004/38; u dan il-metodu mhux biss jikkonferma l-validità tal-Artikolu 24(2) tad-direttiva imma jippermetti li d-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu interpretati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

56.      Ir-Renju Unit isostni li l-fatt li l-għajnuna inkwistjoni tieħu l-forma ta’ benefiċċji intiżi speċifikament biex jgħinu lill-benefiċjarju li jidħol fis-suq tax-xogħol ma jwarrabx dik il-konklużjoni. Huwa biżżejjed li l-benefiċċju għandu jassisti d-dħul fid-dinja tax-xogħol, iżda r-rikorrent għandu juri, kif trid is-sentenza Collins, ness mal-Istat Membru ospitanti (34). Fil-fatt fis-seduta, l-aġent tar-Renju Unit qabel li l-għajnuna inkwistjoni setgħet tiġi kkunsidrata, fid-dawl ta’ analiżi iktar ddettaljata, bħala mezz għall-promozzjoni tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

57.      Għalhekk l-għan tal-assistenza għandu jiġi analizzat skont ir-riżultati tagħha iktar milli l-istruttura formali tal-benefiċċju. Għaliex inkella tkun sempliċi kwistjoni li tiġi evitata r-regola stabbilita f’Collins: ikun biżżejjed li jitneħħew mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-benefiċċju r-riferimenti kollha għall-fatt li l-għan tiegħu huwa dak li jassisti fir-reintegrazzjoni, biex b’hekk jiġi miċħud dak il-benefiċċju liċ-ċittadini tal-Komunità li jeżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu biex ifittxu x-xogħol. Dan iwassalni għall-fehma li, minkejja s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni, jista’ jkun hemm miżuri ta’ “għajnuna soċjali”, kif maħsub fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, li jippromwuovi l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza Collins teżiġi li l-Artikolu 39 KE jiġi applikat u tingħata l-għajnuna soċjali lill-persuni li qed ifittxu l-impjieg ġewwa t-territorju tal-Unjoni.

58.      F’dan il-każ, huwa aċċettat li l-funzjonijiet tal-ARGE huma għar-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol, għaliex kienet twaqqfet għall-iskopijiet tas-Sozialgesetzbuches II (SGB II); l-isem sħiħ tal-aġenzija (Die Arbeitsgemeinschaft zur Arbeitsmarktintegration Nürnberg) jirrifletti r-rwol ta’ integrazzjoni li tiżvolġi (35).

59.      Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-għajnuna mitluba tissodisfax dan il-għan.

B –    Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 u l-applikazzjoni tiegħu f’dan il-każ

60.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-fehma f’dawn il-konklużjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata lis-Sozialgericht Nürnberg trid tiġi bbażata fuq il-ġurisprudenza iktar milli fuq id-dispożizzjoni li l-validità tagħha qed tiġi kkunsidrata. Jekk id-dritt nazzjonali jista’ jimponi rekwiżiti biex jiġi pprovat li hemm ness bejn l-Istat Membru ospitanti u l-persuna li qed tfittex ix-xogħol, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk dan ir-rekwiżit jissodisfax il-kriterji msemmija fil-punt 72 tas-sentenza Collins.

61.      Mid-digriet tar-rinviju wieħed jifhem li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipprojbixxi l-għoti ta’ għajnuna lil persuni li jidħlu fit-territorju tagħha biex ifittxu x-xogħol (36). Il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija bbażata fuq il-perspettiva iktar ristretta tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva, li jiena kkritikajt iktar ’il fuq. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jippermettu l-ebda evalwazzjoni li tista’ tħalli lil A. Vatsouras u J. Koupatantze jsostnu li hemm ness mat-territorju Ġermaniż u, konsegwentement il-leġiżlazzjoni Ġermaniża għandha titqies li hija inkompatibbli mat-Trattat KE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Collins.

62.      F’dan ir-rigward naħseb li huwa importanti li nenfasizza d-differenza li hemm bejn il-każ preżenti u dak ta’ Collins, ċittadin Komunitarju li kien assenti għal sbatax-il sena u li tilef in-ness tiegħu mal-Istat Membru ospitanti, filwaqt li r-rikorrenti quddiem is-Sozialgericht Nürnberg kienu marru l-Ġermanja u malajr sabu xogħol hemmhekk. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun tal-fehma li x-xogħol kien “marġinali u anċillari” għalkemm l-impjieg – hu kemm hu modest – juri li l-persuna kapaċi jkollha relazzjoni tal-impjieg. Barra minn hekk, A. Vatsouras ħadem għal inqas minn sena, li jfisser li ma marx il-Ġermanja għat-turiżmu għall-benefiċċji. Fil-każ ta’ J. Koupatantze, għalkemm ma hemmx indikazzjoni tat-tip ta’ xogħol li wettaq jew xi tħallas, ma jidhirx li xogħlu kien fittizju, billi ntemm għal raġunijiet li ma kellux kontroll fuqhom. Barra minn hekk, iż-żewġt irġiel marru lura għax-xogħol wara li ntemmitilhom l-għajnuna tagħhom, li jindika li t-tnejn kienu ġenwinament u effettivament qed ifittxu xogħol għal perijodu raġonevoli.

63.      Dawn il-fatturi juru li r-rikorrenti kienu f’pożizzjoni aħjar biex jiksbu x-xogħol għaliex qabel kienu qed jaħdmu bi qligħ. Kull min jixtieq jidħol jaħdem għandu kwalifika aħjar jekk kellu responsabbltajiet li għalihom kien jaqla’ xi forma ta’ paga fil-passat. Barra minn hekk, jekk kien hemm xi skambju ta’ servizzi għal ħlas, hu kemm hu żgħir, iktar u iktar ikun importanti li jiġi applikat it-Trattat KE. Għaldaqstant, f’każ bħal dak ta’ A. Vatsouras u J. Koupatantze, fejn kien hemm attività ekonomika fl-ewwel ftit xhur tal-wasla fil-Ġermanja, diffiċli li jitqiesu li huma “persuni li qed ifittxu x-xogħol” ordinarji jekk wara baqgħu bla xogħol.

64.      Dak kollu li esponejt iktar ’il fuq iwassalni biex nara li hemm ness, fit-tifsira tas-sentenza Collins, meta l-persuna li qed tfittex ix-xogħol qabel kienet taħdem bi qligħ u għandha ċansijiet ikbar li ssib xogħol ġdid. Hija l-Qorti tar-rinviju li għandha taċċerta jekk ir-rikorrenti f’dawn il-proċedimenti kinux stabbilew ness ta’ din in-natura.

IX – Id-domandi preliminari li fadal

65.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx li A. Vatsouras u J. Koupatantze huma ħaddiema, l-interpretazzjoni proposta tiegħi tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 tirrispondi kemm għall-ewwel u għat-tieni domandi magħmula mis-Sozialgericht Nürnberg.

66.      Fir-rigward tat-tielet domanda, id-dritt Komunitarju ma jipprovdix regoli biex jiġu solvuti kwistjonijiet ta’ differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini Komunitarji u ċittadini ta’ pajjiżi mhux membri li huma suġġetti għal-liġi tal-Istat Membru ospitanti. L-Artikolu 12 KE jrid jelimina d-diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Komunità u ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti imma ma joffrix gwidi biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni li tilmenta dwarha l-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, ma hemmx għalfejn tiġi eżaminata t-tielet domanda.

X –    Konklużjoni

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lid-domandi preliminari tal-Gerichtshof billi tiddikjara li:

1.      L-Artikolu 39 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, huwa inkompatibbli mal-miżuri nazzjonali li jeskludu l-ħaddiema tal-Unjoni mill-aċċess għall-benefiċċji soċjali, jekk ikunu qiegħda, ikunu regolarment irreġistrati fl-uffiċċju tal-impjiegi u jkunu ħadmu għal inqas minn sena.

2.      Eżami tad-domanda preliminari ma indika l-ebda fattur li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004.

3.      Ikun hemm ness bejn il-persuna li qed tfittex ix-xogħol u l-Istat Membru ospitanti meta dik il-persuna qabel kienet taħdem bi qligħ, b’hekk jiżdiedu l-possibbiltajiet li jinstab xogħol ġdid. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura jekk ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali stabbilewx ness ta’ din in-natura.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u rettifika fil-ĠU L 229, p. 35).


3 – Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C-138/02, Ġabra p. I-2703).


4 – Għalkemm is-Sozialgericht Nürnberg issemmi diversi drabi n-natura okkażjonali tax-xogħol u l-paga baxxa rċevuta, it-tieni domanda tirreferi għall-Artikolu 39 KE, li huwa riferiment ċar għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema.


5 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1964, Unger (75/63, Ġabra p. 177).


6 – Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum (66/85, Ġabra p. 2121), punti 16 u 17; tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C-3/90, Ġabra p. I-1071), punt 14; u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, Ġabra p. I-7573), punt 15.


7 – C. Barnard, EC Employment Law, it-Tielet ed., Oxford University Press, Oxford, 2006, paġni 172 u 173.


8 – Sentenza tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin (53/81, Ġabra p. 1035).


9 – Ibid., punt 17.


10 – Sentenza Lawrie-Blum, iċċitata.


11 – Ibid., punt 19.


12 – Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann (C-109/04, Ġabra p. I-2421).


13 – Ibid., punt 17.


14 – Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Ninni-Orasche (C-413/01, Ġabra p. I-13187).


15 – Fil-punt 31 tas-sentenza din l-idea tiġi espressa bl-ikbar ċarezza: “Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument li l-qorti nazzjonali hija taħt l-obbligu li teżamina, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk l-appellanti fil-proċediment prinċipali riditx abbużivament toħloq sitwazzjoni biex tippermettilha titlob l-istatus ta’ ħaddiem taħt l-Artikolu 48 tat-Trattat bil-għan li jinkisbu vantaġġi marbuta ma’ dak l-istatus, biżżejjed jingħad li użu abbużiv tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament Komunitarju taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ moviment għal ħaddiema jippreżupponi li l-persuna kkonċernata taqa’ taħt il-kuntest tar-rationae persona ta’ dak it-Trattat għaliex tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni bħala ‘ħaddiem’ fit-tifsira ta’ dan l-artikolu. Isegwi li l-kwistjoni tal-abbuż tad-drittijiet jista’ ma jkollux rilevanza fuq l-ewwel domanda”.


16 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 1992, Raulin (C-357/89, Ġabra p. I-1027).


17 – Ibid., punt 14.


18 – Ibid.


19 – Il-ġurisprudenza tgħid l-istess ħaġa fl-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE–Turkija f’ċerti sentenzi li applikaw l-istess duttrina għall-ħaddiema Torok li jeżerċitaw id-dritt ta’ ċirkulazzjoni libera. Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 39 KE hija riflessa fis-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1998, Birden (C-1/97, Ġabra p. I-7747), punt 25; tad-19 ta’ Novembru 2002 Kurz (C-188/00, Ġabra p. I-10691), punti 33 u 34; tal-24 ta’ Jannar 2008, Payir et (C-294/06, Ġabra p. I-203) punt 31.


20 – Ma tiġix indikata d-data preċiża ta’ meta beda x-xogħol imma wieħed jifhem li peress li huwa bbenefika mill-għajnuna soċjali fl-10 ta’ Lulju 2006 huwa beda jaħdem ftit wara li wasal il-Ġermanja.


21 – Id-dispożizzjoni ċċitata tissuġġetta d-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorji ta’ Stat Membru, wara li jkun ħadem xi xogħol, għal-“limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika”, kif ukoll għar-rekwiżiti indikati fir-“regolamenti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni”.


22 – Sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C-292/89, Ġabra p. I-745); tas-26 ta’ Mejju 1993, Tsiotras (C-171/91, Ġabra p. I-2925), punt 8; tal-20 ta’ Frar 1997, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (C-344/95, Ġabra p. I-1035), punt 15; u Collins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26.


23 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


24 – Ibid., punti 27 sa 32.


25 – Fil-paragrafu III tad-digriet tar-rinviju fil-proċediment C-22/08, is-Sozialgericht tafferma li “l-impjieg qasir u minuri tar-rikorrent, li ma kienx jagħtih mezz ta’ għixien, ma kellu l-ebda effett sussegwenti fuq id-dritt ta’ residenza, bir-riżultat li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu japplika fil-konfront tiegħu”. Imma din id-dispożizzjoni ma tgħoddx għall-ħaddiema protetti bl-Artikolu 39 KE, għalkemm tapplika għal min ikun qed ifittex xogħol. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tisħaqx fuq il-fatt li r-rikorrenti xtaqu jsibu xogħol, imma fuq il-qosor u fuq il-ħlas li kien hemm għall-impjieg ta’ qabel.


26 – Fil-proposta għad-Direttiva 2004/38 il-Kummissjoni ġġustifikat l-Artikolu 7 billi affermat li “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza. Għalkemm hemm bżonn li dan id-dritt jiġi ffaċilitat, il-fatt li bħalissa l-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali ma jidħlux fid-dritt Komunitarju u ġeneralment mhumiex ‘esportabbli’ ma jippermettix li jingħata trattament ugwali sħiħ fir-rigward tal-benefiċċji soċjali, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji tad-dritt tar-residenza, b’mod partikolari dawk li ma jwettqu l-ebda xogħol, isiru piż inġustifikat fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali.].


27 – Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).


28 – Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster (C-158/07, Ġabra p. I-0000).


29 – Punti 64 u 65 tal-konklużjonijiet.


30 – Punt 75.


31 – Fl-istess sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C-456/02, Ġabra p. I‑7573), punti 42 sa 45 u tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis (C-285/04, Ġabra p. I-8275), punt 29. Fuq iż-żewġ deċiżjonijiet u fuq il-ħtieġa li jiġi aċċertat in-ness, E. Muir, “Statut et droits du demandeur d’emploi-travailleur-citoyen: confusion ou rationalisation?, Revue du Droit de l’Union Européenne”, 2, 2004, paġni 270 sa 272; u S. O’Leary, “Developing an Ever Closer Union between the Peoples of Europe? A Reappraisal of the Case Law of the Court of Justice on the Free Movement of Persons and EU Citizenship”, Yearbook of European Law, Cambridge, 2008, paġni 185 u 186.


32 – Jista’ jiġi argumentat li d-Direttiva 2004/38 ma ssegwix il-metodu fis-sentenza Collins għaliex il-leġiżlazzjoni kienet ġiet adottata (fid-29 ta’ April 2004) ftit tal-jiem biss wara li ngħatat is-sentenza (fit-23 ta’ Marzu 2004). Madankollu, jiena ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fl-10 ta’ Lulju 2003, meta l-proposta għal direttiva kienet fil-proċess li tiġi nnegozjata. Naħseb li huwa improbabbli li meta l-istituzzjonijiet adottaw il-leġiżlazzjoni ma kinux jafu bl-implikazzjonijiet tas-sentenza Collins.


33 – O. Golynker “Jobseeker’ rights in the European Union: challenges of changing the paradigm of social solidarity”, European Law Review, 30, 2005, paġni 118 sa 120; C. Barnard, The Substantive Law of the EU, it-Tieni ed., Oxford University Press, Oxford, 2007, p. 301; u E. Spaventa, Free Movement of Persons in the European Union, Ed. Kluwer, Den Haag, 2007, p. 5.


34 – Sentenza Collins, iċċitata, punt 68.


35 – Aġenzija tas-servizzi soċjali għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ Nuremberg (http://www.nuernberg.de/schluessel/aemter_info/ref5/sha/arge.html).


36 – Artikolu 7(1) tal-Ktieb II u Artikolu 23(3) tal-Ktieb XII tas-Sozialgesetzbuch.