Language of document : ECLI:EU:C:2009:725

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

20 ta’ Novembru 2009 (*)

“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Qorti li ma għandhiex is-setgħa, fis-sens tal-Artikolu 68(1) KE, li tressaq talba għal-deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑278/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mit-Tribunal de grande instance de Paris (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

Olivier Martinez,

Robert Martinez

vs

MGN Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn C. Toader (Relatur), President tal-Awla, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn O. Martinez u R. Martinez, residenti fi Franza, kontra l-kumpannija MGN Ltd (iktar ’il quddiem “MGN”) stabbilita fir-Renju Unit, dwar l-għażla tal-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-proċeduri għad-danni li bdew kontra din tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 61 KE jipprovdi:

“Sabiex jistabbilixxi progressivament spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-Kunsill għandu jadotta:

[...]

ċ)      miżuri fil-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili kif previst fl-Artikolu 65 [KE];

[...]”

4        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“1.      Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

2.      Persuni li mhumiex ċittadini ta’ l-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għandhom jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta’ dak l-Istat.”

5        L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[...]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        Fit-28 ta’ Awwissu 2008, O. Martinez u R. Martinez ressqu lil MGN quddiem it-Tribunal de grande instance de Paris sabiex jiksbu l-kundanna ta’ din tal-aħħar għall-ħlas tad-danni. Fit-talba tagħhom huma jsostnu li sofrew ksur tad-drittijiet relatati mal-personalità wara li testi u ritratti tqiegħdu online fuq sit tal-Internet ippubblikat mill-imesmmija kumpannija.

7        MGN qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti billi invokat l-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Skont din il-kumpannija, meta l-fatt li jikkawża ħsara jkun ġej minn pubblikazzjoni tal-istampa, dan għandu jinftiehem li qed jiġi kkawżat f’kull post fejn din il-pubblikazzjoni tiġi ddistribwita. Konsegwentement, meta dan iseħħ fuq in-network tal-Internet, li minħabba l-karatteristiċi tekniċi tiegħu huwa aċċessibbli b’mod universali, u jista’ jiġi kkonsultat minn kull Stat Membru, fatt li jikkawża ħsara bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies li huwa kkawżat fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, ħlief jekk ikun hemm rabta suffiċjenti, sostanzjali u sinjifikattiva mal-imsemmi territorju. F’dan il-każ, ma teżisti ebda rabta suffiċjenti bejn it-tqegħid online inkwistjoni u d-dannu allegata fit-territorju Franċiż.

8        Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-rabta mat-territorju Franċiż tirriżulta mill-fatt li Olivier Martinez huwa Franċiż, li l-fatti kontenzjużi seħħew ġewwa Franza, li dawn jinteressaw neċessarjament lill-pubbliku Franċiż u jistgħu jkollhom riperkussjonijiet f’dan it-territorju. Huma jsostnu wkoll li għalkemm l-artiklu inkwistjoni, li d-distribuzzjoni tiegħu saret permezz tal-Internet, kien miktub bl-Ingliż, xorta jinftiehem faċilment mill-pubbliku Franċiż.

9        Peress li r-risposta għall-kwistjoni ta’ jekk il-qorti nazzjonali għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża li hija adita biha ma toħroġx ċara mill-kliem tal-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, it-Tribunal de grande instance de Paris iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu ġurisdizzjoni lil qorti ta’ Stat Membru sabiex tiddeċiedi dwar rikors li jirrigwarda ksur tad-drittijiet relatati mal-personalità li jista’ jitwettaq minħabba li informazzjoni u/jew ritratti jitqiegħdu online fuq sit Internet ippubblikat fi Stat Membru ieħor minn kumpannija rreġistrata f’dan it-tieni Stat – jew inkella fi Stat Membru ieħor, li fi kwalunwke każ huwa differenti mill-ewwel wieħed:

–        jew abbażi tal-kundizzjoni li dan is-sit Internet ikun jista’ jiġi kkonsultat minn ġewwa dan l-ewwel Stat,

–        jew unikament meta bejn il-fatt li jikkawża ħsara u t-territorju ta’ dan l-ewwel Stat teżisti rabta suffiċjenti, sostanzjali jew sinjifikattiva u, f’dan it-tieni każ, jekk din ir-rabta tistax tirriżulta:

–        min-numru ta’ konnessjonijiet għall-paġna inkwistjoni minn ġewwa dan l-ewwel Stat Membru, f’valur assolut jew relattiv għall-konnessjonijiet kollha għall-imsemmija paġna,

–        mir-residenza, jew anki min-nazzjonalità, tal-persuna li tilmenta minn ksur tad-drittijiet tagħha relatati mal-personalità jew, b’mod iktar ġenerali, tal-persuni kkonċernati,

–        mil-lingwa li fiha tixxandar l-informazzjoni inkwistjoni jew minn kull element ieħor li jista’ juri r-rieda tal-editur tas-sit li jindirizza speċifikament lill-pubbliku ta’ dan l-ewwel Stat,

–        mill-post fejn iseħħu l-fatti msemmija u/jew fejn ittieħdu r-ritratti li eventwalment tqiegħdu online,

–        minn kriterji oħrajn?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

10      Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta din tal-aħħar hija manifestament inkompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli, il-Qorti tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

11      Għandu jiġi rrilevat li t-Tribunal de grande instance de Paris jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex jagħmel it-talba għal deċiżjoni preliminari tiegħu. Sa fejn dan it-Trattat għadu ma huwiex fis-seħħ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, it-talba għandha titqies bħala ppreżentata abbażi tal-Artikoli 68 KE u 234 KE.

12      Madankollu, mill-Artikolu 68(1) KE jirriżulta li l-Artikolu 234 KE għandu japplika għat-Titolu IV tat-Trattat KE meta kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea bbażati fuq dan it-Titolu jitqajmu fil-każ li jkun pendenti quddiem qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru li kontra d-deċiżjoni tagħha ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali.

13      F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda r-Regolament Nru 44/2001, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, li jinsab fit-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjoni tagħha ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali li hija ġġustifikata titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dan.

14      F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni, li għandhom jittieħdu mit-Tibunal de grande instance de Paris fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju kontra tagħhom skont il-liġi nazzjonali.

15      Għaldaqstant, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex adita minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 68(1) KE, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

16      Konsegwentement, hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura u li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar id-domanda magħmula mit-Tribunal de grande instance de Paris.

 Fuq l-ispejjeż

17      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula mit-Tribunal de grande instance de Paris fil-kawża C‑278/09.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.