Language of document : ECLI:EU:F:2007:231

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-108/06

Tamara Diomede Basili

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2004 – Rikors għal annullament – Rappreżentanti tal-persunal – Opinjoni tal-grupp ad hoc”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 Euratom, li permezz tiegħu Tamara Diomede Basili titlob l-annullament tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tagħha għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2004.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Redazzjoni – Uffiċjali li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-membri tal-persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, is-sitt paragrafu ta’ l-Artikolu 1)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Redazzjoni

1.      Għalkemm, skond l-Artikolu 6(3)(c) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, l-evalwaturi u l-validaturi huma obbligati jikkonsultaw il-grupp ad hoc u li jieħdu in kunsiderazzjoni l-opinjoni tiegħu għall-finijiet tar-redazzjoni tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera ta’ uffiċjal li jeżerċita attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-membri tal-persunal, huma mhumiex obbligati li jsegwu din l-opinjoni. Jekk ma jsegwuhiex, huma għandhom jispjegaw ir-raġunijiet li wassluhom sabiex jinjorawha.

Barra minn hekk, minn ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ma jirriżulta li l-obbligu tal-evalwatur u tal-validatur li jieħdu in kunsiderazzjoni l-opinjoni tal-grupp ad hoc jorbothom li jagħtu lil uffiċjal punti partikolari minbarra dawk intiżi sabiex jiġu evalwati l-attivitajiet tiegħu eżerċitati fil-kuntest ta’ l-impjieg tiegħu.

Tali obbligu lanqas ma jirriżulta b’mod impliċitu mill-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi li uffiċjal ma jistax jiġi ppreġudikat minħabba li jeżerċita funzjonijiet ta’ rappreżentenza tal-membri tal-persunal.

(ara l-punti 37, 38 u 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il‑Kummissjoni, T‑43/04, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1465, punt 87; 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il-Kummissjoni, T‑95/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 84

2.      Ir-regoli tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, dwar it-tqassim tal-kompetenzi fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet rispettivi ta’ evalwatur, ta’ validatur u ta’ validatur fl-appel fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal, jikkostitwixxu regoli ta’ organizzazzjoni interna għall-istituzzjoni. Deroga minn dawn ir-regoli ma tistax twassal għan-nullità ta’ att imwettaq mill-amministrazzjoni ħlief jekk tali deroga tista’ tippreġudika waħda mill-garanziji mogħtija lill-uffiċjali mir-Regolamenti tal-Persunal jew ir-regoli ta’ amministrazzjoni tabja fejn tidħol it-tmexxija tal-membri tal-persunal.

(ara l-punt 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 30 ta’ Mejju 1973, De Greef vs Il-Kummissjoni, 46/72, Ġabra p. 543, punt 18; Drescig vs Il-Kummissjoni, 49/72, Ġabra p. 565, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il-Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, ĠabraSP p. I-A-2-0000 u II-A-2-0000, punti 67 u 68