Language of document : ECLI:EU:F:2007:124

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

5 ta’ Lulju 2007

Kawża F-93/06

Bruno Dethomas

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Ex membru tal-persunal temporanju – Ħatra bħala uffiċjal – Emenda tar-Regolamenti tal-Persunal fl-1 ta’ Mejju 2004 – It-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal – Klassifikazzjoni fi skala”

Suġġett: Rikors, imressaq skond l-Artikolu 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu B. Dethomas jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Jannar 2006, li taħtru uffiċjal taħt prova u li tassenjah, bħala Kap tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni għar-Renju tal-Marokk, fid-Direttorat Ġenerali “Relazzjonijiet esterni”, safejn din id-deċiżjoni tikklassifikah fil-grad A*14, skala 2.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Jannar 2006, hija annullata safejn tikklassifika lir-rikorrent, bħala Kap tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni għar-Renju tal-Marokk, fil-grad A*14, skala 2. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fi skala – Anzjanità addizzjonali fl-iskala

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29(2) u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 32; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tranżitorja fir-Regolament Nru 723/2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal, li t-test ċar tiegħu ma jista’ jagħti lok għal ebda diskussjoni, jibqa’ kompletament applikabbli, wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi regolament, għall-klassifikazzjoni fi skala ta’ kull membru tal-persunal temporanju maħtur bħala uffiċjal fil-grad li kien qiegħed fih sa dak iż-żmien. Għaldaqstant, dan ta’ l-aħħar iżomm l-anzjanità fl-iskala li kien kiseb bħala membru tal-persunal temporanju.

F’dan ir-rigward, il-ħatra ta’ membru tal-persunal, f’pożizzjoni ta’ attività, għal impjieg ogħla skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tiġi kkunsidrata bħala reklutaġġ “estern” li jimpedixxi kull teħid in kunsiderazzjoni tas-snin ta’ servizz li l-uffiċjal li għadu kif ġie maħtur għaqqad bħala membru tal-persunal temporanju.

(ara l-punti 49, 58 u 62)

Referenzi:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2007, Da Silva vs Il‑Kummissjoni, F‑21/06, ĠabraSP p. I-A-1-0000 u II-A-1-0000, punt 75