Language of document : ECLI:EU:C:2009:377

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 90/435/KEE – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tqassim ta’ dividendi – Taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma lil kumpanniji li mhumiex residenti u li mhumiex kumpanniji fis-sens tal-imsemmija direttiva – Eżenzjoni tad-dividendi mqassma lil kumpanniji residenti”

Fil-Kawża C‑303/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2007, fil-proċedura

Aberdeen Property Fininvest Alpha Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Aberdeen Property Fininvest Alpha Oy, minn J. Laaksonen, oikeustieteen kandidaatti, u M. Virolainen, kauppatieteiden maisteri,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Himmanen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn E Neofitou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE, 48 KE, 56 KE u 58 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema) mill-kumpannija taħt id-dritt Finlandiż Aberdeen Property Fininvest Alpha Oy (iktar ’il quddiem “Alpha”) dwar il-ġbir ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma lil Aberdeen Property Nordic Fund I SICAV (iktar ’il quddiem “Nordic Fund SICAV”), kumpannija ta’ investiment b’kapital azzjonarju varjabbli (SICAV) taħt id-dritt tal-Lussemburgu u stabbilita fil-Lussemburgu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/CE tat-22 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/435”), tipprovdi fl-Artikolu 2 tagħha:

“1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘kumpannija ta’ Stat Membru’ għandha tfisser kull kumpannija li:

a)      tieħu waħda mill-għamliet elenkati fil-lista fl-Anness ta’ ma’ hawn;

[…]

ċ)      barra minn hekk, tkun bla ħsara għal waħda mit-taxxi li ġejjin, mingħajr il-possibbilità tal-għażla jew li tiġi eżentata minnhom:

[…]

–        impôt sur le revenu des collectivités fil-Lussemburgu,

[…]

–        yhteisöjen tulovero/inkomstskatten för samfund fil-Finlandja,

[…]”

4        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 90/435 jipprovdi li, sabiex l-għanijiet ta’ din id-direttiva jiġu applikati, l-istatus tal-kumpannija parent għandu jiġi attribwit għall-inqas lil kull kumpannija ta’ Stat Membru li tissodisfa l-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 2 u li jkollha, fil-kapital ta’ kumpannija ta’ Stat Membru ieħor li tissodisfa l-istess kundizzjonijiet, sehem minimu ta’ 20 %. Skont it-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-istess Artikolu 3(1)(a), il-perċentwali minima tas-sehem għandha tkun ta’ 15 % mill-1 ta’ Jannar 2007 u ta’ 10 % mill-1 ta’ Jannar 2009.

5        Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, il-profitti mqassma minn sussidjarja lil kumpannija parent għandhom ikunu eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn.

6        L-Anness tad-Direttiva 90/435 fil-punti i) u m) jipprovdi s-segwenti:

“ i)      il-kumpanniji taħt il-liġijiet tal-Lussemburgu magħrufa bħala ‛société anonyme’, ‛société en commandite par actions’, ‛société à responsabilité limitée’, ‛société coopérative’, ‛société coopérative organisée comme une société anonyme’, ‛association d’assurances mutuelles’, ‛association d’épargne-pension’, ‛entreprise de nature commerciale, industrielle ou minière de l’Etat, des communes, des syndicats de communes, des établissements publics et des autres personnes morales de droit public’, u l-kumpanniji l-oħra kkostitwiti skond il-liġijiet tal-Lussemburgu bla ħsara għat-taxxa tal-Lussemburgu tal-korporazzjonijiet;

m) il-kumpanniji taħt il-liġijiet Finlandiżi magħrufa bħala ‘osakeyhtiö/aktiebolag’, ‘osuuskunta/andelslag’, ‘säästöpankki/sparbank’ u ‘vakuutusyhtiö/försäkringsbolag’”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, [Tuloverolaki (1535/1992)] tat-30 ta’ Diċembru 1992, “kumpannija” tfisser, b’mod partikolari, kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, kooperattiva, istituzzjoni ta’ kreditu, il-fondi ta’ investiment kif ukoll kull persuna ġuridika oħra jew patrimonju ta’ beni maħsub li jilħaq għan partikolari li jixbah lill-kumpanniji msemmija f’dan l-artikolu.

8        L-Artikolu 9(1) tal-imsemmi Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jipprovdi:

“Hija suġġetta għal taxxa fuq id-dħul:

[…]

2)      kull persuna fiżika li mhijiex residenti fil-Finlandja waqt dik is-sena finanzjarja u kull persuna ġuridika barranija għad-dħul riċevut fil-Finlandja (suġġett b’titolu parzjali)”.

9        Skont l-Artikolu 10(6) tal-imsemmi att, id-dividendi mqassma minn kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, kooperattiva jew kull kumpannija Finlandiża oħra jikkostitwixxu dħul riċevut fil-Finlandja.

10      L-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Attività Ekonomika [Laki elinkeinotulon verottamisesta (360/1968)] tal-24 ta’ Ġunju 1968, li jirregola t-taxxa fuq id-dividendi riċevuti minn kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata stabbiliti fil-Finlandja, jipprovdi, fl-Artikolu 6a tiegħu, fil-verżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004:

“Id-dividendi riċevuti minn kumpannija ma jikkostitwixxux dħul taxxabbli. Bla ħsara għat-tieni subparagrafu, id-dividendi riċevuti minn kumpannija jkunu, madankollu, 75 % taxxabbli u 25 % eżenti mit-taxxa jekk:

1)      id-dividend ikun ġie riċevut abbażi ta’ azzjonijiet miżmuma f’assi, u l-kumpannija li tqassam dan id-dividend ma tkunx kumpannija barranija fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [90/435] fejn mhux inqas minn 10 % tal-kapital azzjonarju jkun miżmum direttament, fil-mument tat-tqassim tad-dividendi, mill-benefiċjarju tad-dividend;

2)      il-kumpannija li tqassam id-dividend la tkun kumpannija Finlandiża u lanqas kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, jew

3)      il-kumpannija li tqassam id-dividend tkun kumpannija kkwotata fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 33a tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, u l-benefiċjarja tad-dividend tkun kumpannija li mhijiex ikkwotata u li ma tkunx iżżomm direttament, fil-mument tat-tqassim tad-dividendi, inqas minn 10 % tal-kapital azzjonarju fil-kumpannija li tkun qassmet id-dividend.

Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja bejn l-Istat ta’ stabbiliment tal-kumpannija barranija li tqassam id-dividend kif ipprovdut fl-ewwel subparagrafu punt 2 u r-Repubblika tal-Finlandja, li jkun applikabbli fir-rigward ta’ dividend imqassam waqt is-sena finanzjarja kkonċernata, dan id-dividend jikkostitwixxi dħul totalment taxxabbli.

[…]”

11      Skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u l-Patrimonju Taxxabbli b’Titolu Parzjali, [Laki rajoitetusti verovelvollisen tulon verottamisesta (627/1978)] tal-11 ta’ Awwissu 1978, it-taxxa f’ras il-għajn tinġabar b’mod partikolari fuq id-dividendi. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att li huma applikabbli għad-dividendi japplikaw ukoll għas-sehem fil-profitti ta’ fondi ta’ investiment.

12      Skont l-Artikolu 3(5) tal-imsemmi att, fil-verżjoni tiegħu tat-30 ta’ Lulju 2004, it-taxxa f’ras il-għajn ma għandhiex tinġabar fuq id-dividendi mqassma lil kumpannija residenti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkollha direttament mhux inqas minn 20 % tal-kapital tal-kumpannija li tqassam id-dividend, bil-kundizzjoni li l-benefiċjarja tkun kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435.

13      Id-dividendi li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 3(5) huma suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, u t-taxxa hija kkalkolata skont il-ftehim tat-taxxa bejn l-Istat Membru tar-residenza tal-benefiċjarju u r-Repubblika tal-Finlandja, u, fin-nuqqas ta’ tali ftehim, ir-rata stabbilita hija 28 % tal-ammont gross tad-dividend.

 Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja

14      Il-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja fuq id-dħul u l-patrimonju bejn il-Lussemburgu u l-Finlandja, konkluż fl-1 ta’ Marzu 1982 (Mémorial A 1982, p. 1966), applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“ftehim tat-taxxa”), ma jipprovdix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kumpanniji ta’ tip “SICAV” taħt id-dritt Lussemburgiż, imma, skont il-ġurisprudenza tal-Korkein hallinto-oikeus, din il-kumpanija, għall-finijiet ta’ dan il-ftehim, hija meqjusa li hija persuna b’domiċilju fil-Lussemburgu.

15      Skont l-Artikolu 10 tal-ftehim tat-taxxa, id-dividendi li kumpannija residenti f’wieħed mill-Istati Membri kontraenti tħallas lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor kontraenti jistgħu jiġu ntaxxati f’dan l-aħħar Stat Membru. Id-dividendi jistgħu jiġu ntaxxati wkoll fl-Istat Membru kontraenti fejn il-kumpannija li tqassam id-dividend jkollha s-sede taħt id-dritt ta’ dan l-Istat. Madankollu, jekk il-benefiċjarju jkun il-possessur tal-vantaġġi marbuta mad-dividendi, it-taxxa ma tistax taqbeż 5 % tad-dividend totali fil-każ ta’ kumpannija li jkollha direttament jew indirettament mhux inqas minn 25 % tal-kapital tal-kumpannija li tqassam id-dividend.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      Alpha ressqet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Keskusverolautakunta (Kummissjoni ċentrali tat-taxxa) fir-rigward tat-taxxa fuq id-dividendi mqassma minn din il-kumpannija lil Nordic Fund SICAV, li tagħha hija kellha ssir, kif jirriżulta minn din it-talba, sussidjarja għal 100 %. Il-kumpannija Aberdeen Property Investors Luxemburg SA, membru tal-grupp Aberdeen Property Investors, kellha tkun responsabbli mit-tmexxija ta’ Nordic Fund SICAV.

17      L-azzjonijiet ta’ Nordic Fund SICAV kellhom jiġu offruti l-ewwel lil investituri istituzzjonali, kif inhuma l-kumpanniji ta’ assigurazzjoni u l-fondi ta’ pensjoni Germaniżi. Nordic Fund SICAV kellha bħala għan li tinvesti fis-settur immobiljari fil-Finlandja permezz ta’ Alpha, li kellha tixtri ishma f’kumpanniji immobiljari, u saħansitra, jekk ikun il-każ, li ssir direttament is-sid ta’ beni immobbli.

18      Alpha talbet lill-Keskusverolautakunta jekk hija kellhiex tiġbor it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma lil Nordic Fund SICAV, fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 56 KE u fid-dawl tal-fatt li dividend imqassam lil kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata simili għal kumpannija ta’ tip SICAV, li teżerċita attività ta’ investiment fl-immobbli, jew kumpannija oħra ta’ natura ekwivalenti, stabbilita fil-Finlandja, ma huwiex dħul taxxabli skont id-dritt Finlandiż u lanqas ma huwa taxxabbli f’ras il-għajn.

19      Il-Keskusverolautakunta, permezz tad-Deċiżjoni Preliminari Nru 2/2006, tal-25 ta’ Jannar 2006, dwar il-ġbir ta’ taxxa f’ras il-għajn għas-snin 2005 u 2006, iddeċidiet li Alpha kellha tiġbor it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li hija qassmet lil Nordic Fund SICAV.

20      Minn naħa, il-Keskusverolautakunta osservat li, peress li s-SICAV mhumiex imniżżla fil-lista tal-Anness tad-Direttiva 90/435 u ma jħallsux taxxa fuq id-dħul fl-Istat Membru fejn huma huma stabbiliti, Nordic Fund SICAV ma għandhiex titqies li hija kumpannija fis-sens ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, id-dividend imqassam lilha ma jistax jiġi eżentat mit-taxxa f’ras il-għajn.

21      Min-naħa l-oħra, il-Keskusverolautakunta indikat li, jekk Nordic Fund SICAV titqabbel ma’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata Finlandiża (“osakeyhtiö”), hemm bosta differenzi bejn dawn il-kumpanniji. Fil-fatt, l-ewwel nett, huma differenti għaliex il-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Finlandiża huwa miżmum u li matul il-perijodu ta’ attività tagħha, hija ma tistax tirrifondih lill-azzjonisti. It-tieni nett, dawn il-kumpanniji huma differenti minħabba l-fatt li kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Finlandiża hija ntaxxata fl-Istat ta’ stabbiliment u, it-tielet nett, għaliex hija kumpannija fis-sens tad-Direttiva 90/435. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ tipi ta’ kumpanniji mhumiex paragunabbli fis-sens tad-dritt Komunitarju.

22      Alpha appellat mid-deċiżjoni tal-Keskusverolautakunta quddiem il-qorti tar-rinviju. Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża li tagħha hija kellha tagħti teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 43 KE u 48 KE, kif ukoll l-Artikoli 56 KE u 58 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-libertaijiet fundamentali ggarantiti minnhom, kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata jew fondi ta’ investiment stabbiliti skont id-dritt Finlandiż u kumpannija [..] SICAV stabbilita skont id-dritt tal-Lussemburgu għandhom jitqiesu li huma paragunabbli minkejja li d-dritt Finlandiż ma jirrikonoxxix il-forma ta’ kumpannija li taqbel preċiżament ma’ kumpannija [..] SICAV u fid-dawl tal-fatt li [..] SICAV, kumpannija stabbilita skont id-dritt tal-Lussemburgu, mhijiex imniżżla fil-lista ta’ kumpanniji msemmija fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [90/435], li magħha hija konformi l-liġi Finlandiża dwar it-taxxa miżmuma f’ras il-għajn applikabbli f’din il-kawża, u fid-dawl tal-fatt li [..] SICAV hija eżenti mit-taxxa fuq id-dħul b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali interna tal-Lussemburgu? F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kontra l-artikoli ċċitati aktar ’il fuq tat-Trattat KE li kumpannija ta’ tip SICAV residenti fil-Lussemburgu, benefiċjarja ta’ dividend, ma tkunx eżenti mit-taxxa miżmuma f’ras il-għajn fil-Finlandja fuq id-dividend riċevut”?

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artkoli 43 KE, 48 KE, 56 KE u 58 KE jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta mit-taxxa f’ras il-għajn id-dividendi mqassma minn sussidjarja residenti fl-imsemmi Stat Membru lill-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata jew lill-fondi ta’ investiment stabbiliti fl-istess Stat, iżda li tissuġġetta d-dividendi simili mqassma lil kumpannija parent ta’ tip SICAV residenti fi Stat Membru ieħor li għandha għamla ġuridika li mhijiex magħrufa fid-dritt tal-ewwel Stat Membru u li mhijiex imniżżla fil-lista tal-kumpanniji fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435 u li hija eżenti mit-taxxa fuq id-dħul skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru l-ieħor għal taxxa f’ras il-għajn.

24      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza fir-rispett tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 29; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 40; tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, Ġabra p. I-11673, punt 36, u tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C‑379/05, Ġabra p. I-9569, punt 16).

25      Għandu jiġi osservat ukoll li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ kif titqassam is-setgħa tagħhom ta’ tassazzjoni, b’mod partikolari, sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly, C-336/96, Ġabra p. I‑2793, punti 24 u 30; tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 57, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 44, u Amurta, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 17).

26      Huwa biss fil-każ ta’ tqassim ta’ dividendi li jidħlu fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 li l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-eżenzjoni tad-dividendi mqassma minn sussidjarja lil kumpannija parent tagħha mit-taxxa f’ras il-għajn.

27      Kif indikat il-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 sa fejn kumpannija ta’ tip SICAV ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) ta’ din id-direttiva.

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-azzjonijiet li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 90/435, huma effettivament l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu jekk, u sa fejn, għandha tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma u li jdaħħlu, għal dan il-għan, unilateralment jew permezz ta’ ftehim konkluż ma’ Stati Membri oħrajn proċeduri intiżi sabiex jipprevjenu jew inaqqsu din it-taxxa doppja ekonomika. Madankollu, dan il-fatt waħdieni ma jfissirx li l-Istati Membri jistgħu jimponu miżuri li jmorru kontra l-libertajiet tal-moviment iggarantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 54, u Amurta, punt 24).

29      Peress illi l-qorti tar-rinviju staqsiet id-domandi tagħha fir-rigward kemm tal-Artikoli 43 KE u 48 KE u kemm tal-Artikoli 56 KE u 58 KE, għandu jiġi preliminarjament iddeterminat jekk, u sa fejn, leġiżlazzjoni nazzjonali kif inhi dik fil-kawża prinċipali tistax taffettwa l-libertajiet iggarantiti permezz ta’ dawn l-artikoli.

 Fuq il-libertà applikabbli

30      Hemm lok li jiġi osservat li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiddisponi li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn lid-dividendi mqassma minn kumpannija residenti tiddependi, l-ewwel nett, mill-fatt jekk il-kumpannija benefiċjarja hijiex kumpannija residenti jew mhux residenti u, it-tieni nett, fir-rigward ta’ kumpanniji benefiċjarji li mhumiex residenti, mid-daqs tal-azzjonijiet miżmuma mill-kumpannija benefiċjarja fil-kumpannija distributriċi kif ukoll mill-fatt li l-kumpannija benefiċjarja titqies kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435, tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital.

31      Fil-fatt, ma jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn la l-kumpanniji li mhumiex residenti li jkollhom azzjonijiet fil-kumpannija distributriċi inqas mill-iskala stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienet tikkorrispondi, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, għal 20 % tal-kapital azzjonarju, u lanqas il-kumpanniji li, għalkemm l-azzjonijiet tagħhom ikunu ogħla minn din l-iskala, ma jkunux jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435.

32      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-kawża prinċipali, il-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi għandha 100 % tal-azzjonijiet tal-kumpannija distributriċi, iżda hija ma titqiesx li hija kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva.

33      Għandu jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali tirrigwarda esklużivament l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq is-sitwazzjoni ta’ kumpannija residenti li tkun qassmet id-dividendi lil azzjonisti li jkollhom parteċipazzjoni li tagħtihom influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u tippermettilhom jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha (ara, f’dan is-sens, sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 38, u tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C-284/06, Ġabra p. I-4571, punt 72).

34      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, meta kumpannija jkollha sehem, fi ħdan kumpannija oħra, li jagħtiha influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tagħha u jippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha, huma d-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment li għandhom japplikaw (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31; Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 27; tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 20, u Burda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

35      Jekk jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, tali effetti huma l-konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-libertà ta’ stabbiliment u, għaldaqstant, ma jiġġustifikawx eżami separat tal-imsemmija leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 56 KE (ara, f’dan is-sens, sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, punt 34 kif ukoll Oy AA, punt 24).

36      Għaldaqstant ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tirrigwarda l-Artikoli 43 KE u 48 KE biss.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

37      Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 43 KE jirrikonoxxi liċ-ċittadini Komunitarji u li jinkludi fir-rigward tagħhom id-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż tal-istabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skont l-Artikolu 48 KE, għall-kumpanniji stabbiliti skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom is-sede prinċipali, l-uffiċċju reġistrat jew it-tmexxija ċentrali ġewwa l-Komunità Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ intermedjarju, sussidjarja ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding, C-471/04, Ġabra p. I-2107, punt 29, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 20).

38      Fir-rigward ta’ kumpanniji, għandu jiġi osservat li l-uffiċċju reġistrat tagħhom skont l-Artikolu 48 KE jservi sabiex tiġi stabbilita, bħaċ-ċittadinanza ta’ persuni fiżiċi, ir-rabta tagħhom mas-sistema legali ta’ Stat Membru. Li kieku l-Istat Membru ta’ residenza jista’ liberament jadotta trattament differenti minħabba l-fatt biss li l-uffiċċju reġistrat ta’ kumpannija jinsab fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 43 KE jiġi pprivat minn kull sinjifikat. Il-libertà ta’ stabbiliment b’hekk hija intiża sabiex tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, billi tipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tal-uffiċċju reġistrat tal-kumpanniji (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 43; Denkavit Internationaal u Denkavit France, punt 22, u Burda, punt 77, kif ukoll sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center, C-282/07, Ġabra p. I-10767, punt 32).

39      Fil-kawża preżenti, mhux qed jiġi miċħud li kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata jew fondi ta’ investiment taħt id-dritt Finlandiż stabbiliti fil-Finlandja u li jirċievu dividendi minn kumpannija oħra li jkollha wkoll l-uffiċċju reġistrat tagħha f’dan l-Istat Membru huma, bħala regola, eżenti mit-taxxa fuq id-dividendi, filwaqt li d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil kumpannija mhux residenti, u li mhux meqjusa li hija kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435 minn kumpannija residenti, huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn.

40      Sa fejn id-dividendi mqassma minn kumpannija residenti huma ntaxxati f’idejha bħala profitti mwettqa, kumpannija benefiċjarja li mhux residenti u li mhux meqjusa li hija kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435 iġġarrab, minħabba t-taxxa f’ras il-għajn, sensiela ta’ taxxi fuq dawn id-dividendi, filwaqt li tali sensiela ta’ taxxi hija evitata għad-dividendi riċevuti minn kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata jew fondi ta’ investiment residenti.

41      Tali differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi bejn kumpanniji parent residenti skont il-post tal-uffiċċju reġistrat tagħhom tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li, bħala regola, hija pprojbita mill-Artikoli 43 KE u 48 KE peress li tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jkunu jistgħu, bħala konsegwenza ta’ hekk jirrinunzjaw għax-xiri, it-twaqqif jew iż-żamma ta’ kumpannija sussidjarja fl-Istat Membru li jadotta t-tali differenza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, sentenza, Denkavit Internationaal u Denkavit France, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30).

42      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-miżuri previsti minn Stat Membru sabiex jimpedixxi jew inaqqas l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi, jew it-taxxa doppja, fuq profitti mqassma minn kumpanniji residenti, l-azzjonisti residenti li jirċievu d-dividendi ma jinsabux neċessarjament f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ azzjonisti li jirċievu dividendi u li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Denkavit Internationaal u Denkavit France, punt 34, kif ukoll Amurta, punt 37).

43      Madankollu, mill-mument li Stat Membru, unilateralment jew permezz ta’ ftehim, jimponi t-taxxa fuq id-dħul mhux biss fuq l-azzjonisti residenti, iżda wkoll fuq azzjonisti mhux residenti, fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija azzjonisti mhux residenti toqrob għal dik tal-azzjonisti residenti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, punt 68; Denkavit Internationaal u Denkavit France, punt 35, kif ukoll Amurta, punt 38).

44      Għaldaqstant, meta Stat Membru jagħżel li ma jimponix sensiela ta’ taxxi fuq il-profitti mqassma minn kumpannija sussidjarja residenti lil kumpanniji parent residenti, huwa għandu jestendi din il-miżura lil kumpanniji parent mhux residenti li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli peress li tassazzjoni simili li tolqot lil dawn il-kumpanniji mhux residenti tirriżulta mill-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tiegħu fuq dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, sentenza Denkavit Internationaal u Denkavit France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

45      Madankollu, il-Gvern Finlandiż iqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li fil-Finlandja jinħolqu kumpanniji b’għamla ġuridika identika għal dik ta’ SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż u li din tal-aħħar tinsab, minħabba l-għamla ġuridika tagħha u t-trattament fiskali tagħha, f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn kumpanniji jew minn fondi ta’ investiment stabbiliti fil-Finlandja.

46      L-imsemmi Gvern isostni li, b’differenza minn kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, SICAV mhijiex suġġett għal taxxa fuq id-dħul fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, sa fejn fil-Lussemburgu, tali kumpannija hija suġġett biss għal taxxa fuq il-kapital bir-rata ta’ 0.01 % fuq il-profitti u l-profitti mqassma minnha lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor ma jagħtu lok għal ebda taxxa f’ras il-għajn. Min-naħa l-oħra, id-dividendi riċevuti minn kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata mhumiex eżenti mit-taxxa ħlief biex tiġi evitata lilhom l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi waqt it-tqassim ta’ profitti bejn kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata, filwaqt li d-dħul l-ieħor tagħhom huwa suġġett għal taxxa.

47      Il-Gvern Taljan iżid jgħid li fir-rigward ta’ SICAV immobiljari, li mhijiex koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139) u li l-uniku għan tagħha huwa l-investiment kollettiv tal-fondi miġbura permezz ta’ bejgħ lill-pubbliku tal-azzjonijiet proprji tagħha, tikkostitwixxi entità fundamentalment trasparenti li hija intiża, permezz tat-tmexxija kollettiva, li ssaħħaħ il-kontribuzzjonijiet individwali ta’ kull membru u li mhijiex, fiha nnifisha, paragunabbli ma’ kumpannija ordinarja. In-natura partikolari ta’ tali kumpannija tiġġustifika li hija tiġi eżentata mit-taxxa fuq id-dħul fl-Istat ta’ stabbiliment għaliex l-uniku dħul li għandu jitqies huwa, fil-verità, dak ta’ kull membru. Għalhekk, il-problema tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi ma tqumx fil-livell ta’ SICAV, imma fil-livell tal-membri u għaldaqstant hija l-liġi tal-Istat Membru kkonċernat li għandha tipprovdi rimedji.

48      Fir-rigward tal-paragun bejn SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż u fondi ta’ investiment taħt id-dritt Finlandiż, il-Gvern Finlandiż jenfasizza li, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprojbixxi lil tali fondi, eżenti mit-taxxa, milli jidħlu f’investimenti immobiljari bħalma huma dawk invokati fit-talba għal deċiżjoni perliminari. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-profitti mqassma minn fondi ta’ investiment lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor, il-profitti mqassma minn SICAV ma jagħtux lok għal taxxa f’ras il-għajn fil-Lussemburgu, sa kemm dispożizzjoni fi ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja tipprovdi l-kontra.

49      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

50      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-fatt li ma teżistix, taħt id-dritt Finlandiż, tip ta’ kumpannija b’għamla ġuridika identika għal dik ta’ SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż mhuwiex, fih innifsu, ġustifikazzjoni għal trattament differenti, sa fejn, peress illi d-dritt tal-kumpanniji fl-Istati Membri mhuwiex totalment armonizzat fuq livell Komunitarju, dan jippriva l-libertà ta’ stabbiliment minn kull effett utli.

51      It-tieni nett, anki jekk iċ-ċirkustanza invokata mill-Gvern Finlandiż dwar in-nuqqas ta’ taxxa fuq id-dħul ta’ SICAV fil-Lussemburgu tiġi aċċettata, hija ma tistabbilixxix differenza bejnha u kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata residenti li tiġġustifika trattament differenti fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi riċevuti minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji.

52      Fil-fatt, minn naħa, skont il-Gvern Finlandiż, id-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil kumpannija oħra residenti mhumiex suġġetti għal taxxa la permezz tat-taxxa f’ras il-għajn u lanqas għaliex huma jagħmlu parti mid-dħul tal-kumpannija benefiċjarja. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ tassazzjoni fuq din il-kategorija ta’ dħul fil-Lussemburgu mhijiex tali li tiġġustifika l-intaxxar fuq id-dħul mill-Istat Finlandiż, mill-mument li dan tal-aħħar għażel li ma jeżerċitax il-kompetenza tiegħu li jimponi taxxa fuq dan id-dħul meta huwa jiġi riċevut minn kumpanniji stabbiliti fil-Finlandja.

53      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Finlandiż ma indikax f’hiex it-trattament fiskali tal-kategoriji l-oħra tad-dħul tal-kumpanniji residenti u tas-SICAV mhux residenti jista’ jkun rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kumparabbiltà bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ kumpanniji fir-rigward tal-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi riċevuti.

54      It-tielet nett, lanqas huwa rilevanti l-argument tal-Gvern Taljan li jipprovdi li, minħabba l-fatt li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jintaxxax id-dħul ta’ SICAV, l-intaxxar ta’ sensiela ta’ taxxi ma seħħx f’dan il-livell imma fil-livell tal-azzjonisti tiegħu u għandu jiġi evitat mill-Istat Membru li fih dawn tal-aħħar huma residenti. Fil-fatt, hija r-Repubblika tal-Finlandja, billi ssuġġettat id-dħul li diġà ġie impost fil-livell tal-kumpannija distributriċi għal taxxa f’ras il-għajn, li ħolqot sensiela ta’ taxxi, liema taxxa dan l-Istat Membru għażel li ma jimponiex fir-rigward tad-dividendi mqassma lil kumpanniji residenti.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-differenzi eżistenti bejn SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż u kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata taħt id-dritt Finlandiż, invokati mill-Gvernijiet Finlandiż u Taljan, ma humiex biżżejjed sabiex joħolqu distinzjoni oġġettiva fir-rigward tal-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi riċevuti. Għaldaqstant, ma għadx hemm lok li jiġi eżaminat sa fejn id-differenzi bejn SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż u fondi ta’ investiment Finlandiż, allegati mill-imsemmija Gvernijiet, huwa rilevanti sabiex tinħoloq tali differenza għal sitwazzjoni oġġettiva.

56      Isegwi li d-differenza ta’ trattament bejn is-SICAV li mhumiex residenti u kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata residenti fir-rigward tal-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li rċevew mill-kumpanniji residenti tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ipprojbita, bħala regola, mill-Artikoli 43 KE u 48 KE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni għal restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

57      Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija tista’ tiġi ġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li din tkun adatta sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium, C-414/06, Ġabra p. I-3601, punt 27, u tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, C-157/07, Ġabra p. I-8061, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan ir-rigward, il-Gvern Finlandiż isostni li s-sistema nazzjonali hija intiża sabiex tipprevjeni l-evażjoni fiskali sa fejn l-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika tal-Finlandja, liema kumpannija ma tħallasx hija stess it-taxxa fuq dan id-dħul u li t-tqassim tal-profitti ma jagħtix lok għal taxxa f’ras il-għajn, twassal għar-riskju li jiġu ddikjarati ammonti artifiċjali ddestinati sabiex jevitaw kull forma ta’ taxxa fuq id-dħul.

59      Barra minn hekk, is-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tipprevjeni l-aġir ta’ natura li jtellef id-dritt tar-Repubblika tal-Finlandja milli teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imwettqa fit-territorju tagħha. B’hekk l-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn hija ġġustifikata mill-bżonn li jitħares it-tqassim bilanċjat tas-setgħa tat-tassazzjoni miftiehma bejn dan l-Istat Membru u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-ftehim tat-taxxa u li jipprovdi li l-Istat ta’ oriġini tad-dħul iżomm id-dritt li jiġbor 5 % f’ras il-għajn ta’ dan id-dħul.

60      Il-Gvern Taljan iżid jgħid illi l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tinkoraġġixxi lill-gruppi ta’ kumpanniji sabiex jistabbilixxu lill-kumpanniji parent tagħhom fl-Istati fejn it-taxxa hija l-iktar baxxa, jew saħansitra ineżistenti, u b’hekk tagħti b’mod definittiv lill-gruppi ta’ kumpanniji s-setgħa li jagħżlu fejn u b’liema daqs id-dividendi maħluqa fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jiġu ntaxxati, biex b’hekk lill-Istati Membri titneħħilhom il-kompetenza fiskali fuq dawn id-dividendi. Skont dan il-Gvern ukoll, il-ħtieġa tal-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali u l-ħarsien tat-tqassim bilanċjat tas-setgħa tat-tassazzjoni jiġġustifikaw l-applikazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn.

61      Fl-aħħar nett, skont il-Gvern Finlandiż, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali Finlandiża, imwaqqfa fuq il-prinċipju li l-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi riċevuti minn kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u l-fondi ta’ investiment residenti huwa kkumpensati mit-taxxa fuq id-dħul fil-livell tal-persuna fiżika benefiċjarja, meta l-azzjonist tal-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata iħallas it-taxxa fuq dawn id-dividendi u li l-profitt imqassam mill-fondi ta’ investiment jitqies fil-Finlandja li huwa dħul minn kapital, liema dħul huwa ntaxxat bir-rata ta’ 28 %.

62      Il-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Gvern Finlandiż u Taljan ma jistgħux jintlaqgħu.

63      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument dwar il-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata meta hija intiża speċifikament għal skemi purament artifiċjali li jkollhom l-għan li jaħarbu l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 26; kif ukoll sentenzi ċċitati Marks & Spencer, punt 57; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, punt 51, u Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, punt 72).

64      Sabiex restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tkun tista’ tiġi ġġustifikata b’motivi ta’ ġlieda kontra prattiki abbużivi, l-għan speċifiku ta’ tali restrizzjoni għandu jkun li jostakola aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, bl-għan li tiġi evaża t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati minn attivitajiet imwettqa fit-territorju nazzjonali (ara s-sentenzi ċċitati Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, punt 55, kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, punt 74).

65      Issa, huwa biżżejjed li jiġi osservat li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax speċifikament skemi purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika u maħluqa biss bl-għan li tiġi evaża t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati minn attivitajiet imwettqa fit-territorju nazzjonali, u għalhekk, is-sistema inkwistjoni mhijiex iġġustifikata abbażi tal-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali.

66      Sussegwentament, għandu jiġi mfakkar, fir-rigward tal-argument dwar it-tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni, illi tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprevjeni aġir li jista’ jippreġudika d-dritt tal-Istati Membri li jeżerċitaw is-setgħat tat-tassazzjoni tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet mwettqa fit-territorju tagħhom (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, iċċitata, C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 42, kif ukoll sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Oy AA, punt 54, u Amurta, punt 58).

67      Madankollu, meta Stat Membru jkun iddeċieda li ma jintaxxax il-kumpanniji benefiċjarji li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ dħul, ma tistax tiġi invokata l-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim bilanċjat bejn l-Istati Membri tas-setgħa tat-tassazzjoni bil-għan li tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tal-kumpanniji benefiċjarji fi Stat Membru ieħor (sentenza Amurta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

68      F’dan ir-rigward, il-fatt li ftehim tat-taxxa jagħti lir-Repubblika tal-Finlandja d-dritt li teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fuq id-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti f’dan l-Istat Membru lil benefiċjarji residenti l-Lussemburgu huwa irrilevanti.

69      Fil-fatt, Stat Membru ma jistax juża ftehim maħsub sabiex tinħeles it-taxxa doppja għal finijiet li jaħrab mill-obbligi tiegħu skont it-Trattat (ara sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Denkavit Internationaal u Denkavit France, punt 53, kif ukoll Amurta, punt 55).

70      Barra minn hekk, sa fejn id-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti huma suġġett għal taxxa f’idejn il-kumpanniji distributriċi bħala profitti mwettqa, l-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn fuq dawn id-dividendi ma jipprivax lir-Repubblika tal-Finlandja mid-dritt li timponi taxxa fuq id-dħul fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imwettqa fit-territorju tagħha.

71      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument dwar il-koerenza tas-sistema tat-taxxa, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li n-neċessità li tiġi ppreżervata din il-koerenza tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, punt 28; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-300/90, Ġabra p. I-305, punt 21; Keller Holding, iċċitata iktar’il fuq, punt 40, u, Amurta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell, C-293/06, Ġabra p. I-1129, punt 37).

72      Sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkollu suċċess, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi madankollu konnessjoni diretta bejn il-vantaġġ fiskali inkwistjoni u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1995, Svensson u Gustavsson, C-484/93, Ġabra p. I-3955, punt 18; ICI, iċċitati iktar ’il fuq, punt 29; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C‑319/02, Ġabra p. I-7477, punt 42), fejn in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Manninen, punt 43, u Deutsche Shell, punt 39, kif ukoll tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C-418/07, Ġabra p. I-8947).

73      Issa, fil-kuntest tas-sistema fiskali fil-kawża prinċipali, l-eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dividendi f’ras il-għajn mhijiex suġġetta għal kundizzjoni li d-dividendi riċevuti minn kumpannija pubblika ta’ responsabbilità limitata jerġgħu jitqassmu minnha u li l-intaxxar tagħha f’idejn l-azzjonisti tal-imsemmija kumpannija tippermetti t-tpaċija tal-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn.

74      Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 72 tas-sentenza preżenti, bejn l-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn u l-intaxxar tal-imsemmija dividendi bħala dħul tal-azzjonisti ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata.

75      Isegwi li r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment maħluqa permezz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata mill-bżonn li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali Finlandiża.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta t-taxxa f’ras il-għajn għad-dividendi mqassma minn sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru lil kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata stabbilita fl-istess Stat Membru, iżda li tissuġġetta din it-taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi simili mqassma lil kumpannija parent ta’ tip SICAV residenti fi Stat Membru ieħor, li għandha għamla ġuridika li mhijiex magħrufa taħt id-dritt tal-ewwel Stat Membru u li mhijiex imniżżla fil-lista tal-kumpanniji fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435, u li hija eżenti mit-taxxa fuq id-dħul skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru l-ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

77      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta t-taxxa f’ras il-għajn għad-dividendi mqassma minn sussidjarja residenti f’dan l-Istat Membru lil kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata stabbilita fl-istess Stat Membru, iżda li tissuġġetta din it-taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi simili mqassma lil kumpannija parent ta’ tip kumpannija ta’ investiment b’kapital azzjonarju varjabbli (SICAV) residenti fi Stat Membru ieħor, li għandha għamla ġuridika li mhijiex magħrufa taħt id-dritt tal-ewwel Stat Membru u li mhijiex imniżżla fil-lista tal-kumpanniji fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2003, u li hija eżenti mit-taxxa fuq id-dħul skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru l-ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.