Language of document : ECLI:EU:F:2008:110

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

9 ta’ Settembru 2008

Kawża F-18/08

Luis Ritto

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament – Allowance tad-dar – Irregolarità evidenti tal-ħlas”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Ritto jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ Mejju 2007, li informatu li kien se jiġi mċaħħad, b’effett mill-1 ta’ Settembru 2001, mill-allowance tad-dar u li l-ammont li huwa kien irċieva taħt din l-allowance minn din id-data se jiġi rkuprat, skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, liema deċiżjoni kienet ittieħdet flimkien mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tal-1 u tal-21 ta’ Ġunju 2007, li stabbilixxew il-metodi ta’ dan l-irkupru, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Novembru 2007, li tiċħad l-ilment tiegħu indirizzat kontra d-deċiżjonijiet hawn fuq imsemmija.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85; Anness VII, Artikolu 1(3))

Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta li, sabiex somma li tħallset mingħajr ġustifikazzjoni tkun tista’ tiġi rkuprata, jeħtieġ li tiġi prodotta il-prova jew li l-benefiċjarju kien jaf b’mod effettiv bl-irregolarità tal-pagament, jew li l-irregolarità kienet tant evidenti li l-benefiċjarju ma setax ma jindunax biha. Fin-nuqqas ta’ prova li l-benefiċjarju kien jaf b’mod effettiv bl-irregolarità tal-ħlas, għandhom jiġu eżaminati l-fatti li fihom sar il-ħlas sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmija irregolarità kinitx evidenti.

L-espressjoni “tali [tant] evidenti”, li tikkaratterizza l-irregolarità tal-ħlas skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tfissirx li l-benefiċjaru tal-pagamenti mhux dovuti huwa meħlus minn kull obbligu li jirrifletti u jistħarreġ, iżda li dan l-irkupru huwa dovut minħabba li dan huwa żball li ma jaħrabx lil uffiċjal li huwa normalment diliġenti.

Sempliċi qari tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti li kull uffiċjal, anki jekk ma jkollux taħriġ legali, isir jaf dwar il-fatt li l-allowance tad-dar tingħata biss jekk id-dħul professjonali tal-konjuġi tiegħu ma jaqbiżx ċertu limitu. Barra minn hekk, uffiċjal fi grad għoli, li għandu ħafna anzjanità u esperjenza, bilfors jaf bil-konsegwenzi ta’ sitwazzjoni fejn jinqabeż il-limitu stipulat fl-Artikolu 1(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Il-fatt li kull sena kien bagħat kif suppost id-dokumenti li juru d-dħul professjonali tal-konjuġi tiegħu lill-amministrazzjoni ma jeħlisx lill-uffiċjal mill-obbligu li jikkonstata, b’inizjattiva tiegħu stess, li dan id-dħul jaqbeż il-limitu stipulat fl-Artikolu 1(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-amministrazzjoni kkommettiet żball jew negliġenza ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippresupponi preċiżament li l-amministrazzjoni tkun ikkommettiet żball billi pproċediet bi ħlas irregolari. Fil-fatt, din ma hijiex kwistjoni dwar jekk l-iżball kienx evidenti jew le għall-amministrazzjoni, iżda jekk kienx evidenti għall-persuna kkonċernata. Peress li r-rikorrent kellu, bħal kull uffiċjal, interess personali sabiex jivverifika l-pagamenti li jitħallsu lilu kull xahar, is-sitwazzjoni tiegħu ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ amministrazzjoni responsabbli sabiex tiżgura l-pagament ta’ eluf ta’ salarji u benefiċċji ta’ kull tip.

(ara l-punti 29 sa 31, 34, 36, 39 u 40)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 27 ta’ Ġunju 1973, Kuhl vs Il‑Kunsill, 71/72, Ġabra p. 705, punt 11; 11 ta’ Lulju 1979, Broe vs Il‑Kummissjoni, 252/78, Ġabra p. 2393, punti 11 u 13; 11 ta’ Ottubru 1979, Berghmans vs Il‑Kummissjoni, 142/78, Ġabra p. 3125, punt 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Lulju 1990, Scheiber vs Il‑Kunsill, T‑111/89, Ġabra p. II‑429, punt 43; 10 ta’ Frar 1994, White vs Il‑Kummissjoni, T‑107/92, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑143, punt 38; 24 ta’ Frar 1994, Stahlschmidt vs Il‑Parlament, T‑38/93, ĠabraSP p. I‑A‑65 u II‑227, punt 23; 5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il‑Kummissjoni, T‑205/01, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑1065, punti 47 sa 49; 15 ta’ Lulju 2004, Gouvras vs Il‑Kummissjoni, T‑180/02 u T-113/03, ĠabraSP p. I‑A‑225 u II‑987, punt 76