Language of document : ECLI:EU:C:2010:12

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Jannar 2010 (*)

“Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixi bħala prinċipju l-prattiki kummerċjali li jissuġġettaw il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’logħob promozzjonali għax-xiri ta’ prodott jew ta’ servizz”

Fil-Kawża C‑304/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-9 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV

vs

Plus Warenhandelsgesellschaft mbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Ilešič u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV, minn C. von Gierke, Rechtsanwältin,

–        għal Plus Warenhandelsgesellschaft mbH, minn D. Mäder u C. Hunecke, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Hable, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz kif ukoll minn K. Zawisza u M. Laszuk, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. Mateus Calado kif ukoll minn A. Barros, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV (assoċjazzjoni Ġermaniża li tissielet kontra l‑kompetizzjoni żleali, iktar ’il quddiem “Wettbewerbszentrale”) u Plus Warenhandelsgesellschaft mbH, impriża Ġermaniża tal-bejgħ bl-imnut (iktar ’il quddiem “Plus”) fir-rigward ta’ prattika kummerċjali ta’ din tal-aħħar ikkunsidrata żleali minn Wettbewerbszentrale.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Il-premessi 6, 7 u 17 tad-Direttiva 2005/29 jistabbilixxu li:

“(6)      Din id-Direttiva [...] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-Direttiva tħares lill-konsumaturi mill-konsegwenzi ta’ prattiċi kummerċjali żleali bħal dawn fejn ikunu sostanzjali iżda tagħraf li f’ċerti każijiet l-impatt fuq il-konsumatur jista’ jkun negliġibbli. Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja […]

(7)      Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. Ma tindirizzax prattiċi kummerċjali mwettqa primarjament għal finijiet oħrajn, inkluża per eżempju l-komunikazzjoni kummerċjali mmirata lejn investituri, bħal rapporti annwali u letteratura promozzjonali ta’ korporazzjonijiet. Ma tindirizzax rekwiżiti legali konnessi ma’ gosti u deċenza li jvarjaw ħafna bejn Stati Membri. Prattiċi kummerċjali bħal, per eżempju, solleċitazzjoni kummerċjali fit-toroq, jistgħu ma jkunux mixtieqa fi Stati Membri għal raġunijiet kulturali. L-Istati Membri jkunu jistgħu għalhekk ikomplu jipprojbixxu prattiċi kummerċjali fit-territorju tagħhom, b’konformità mal-liġi Komunitarja, għal raġunijiet ta’ gosti u deċenza anki meta dawn il-prattiċi ma jillimitawx il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur. Għandu jittieħed kont sħiħ tal-kuntest tal-każ individwali konċernat fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari tal-klawsoli ġenerali tagħha.

[...]

(17)      Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/26 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi

[…]”

5        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

6        Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

3.      Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta’ reklamar ta’ stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li mhumiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment.

4.      B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

a)      jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)      jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.      Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

8        Fl-aħħar, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2005/29:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 12 ta’ Ġunju 2007. […]

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri sa 12 ta’ Diċembru 2007. […]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        Il-liġi kontra l-kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb, BGBl. 2004 I, p. 1414, iktar ’il quddiem l-“UWG”) għandha l-iskop, skont l‑Artikolu 1 tagħha, li tipproteġi mill-kompetizzjoni żleali, lill-konsumaturi u lill‑atturi l-oħra tas-suq. Hija tiddefendi, fl-istess ħin, l-interess ġenerali li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

10      L-Artikolu 3 tal-UWG huwa fformulat kif ġej:

“Huma illegali l-prattiki kummerċjali żleali li huma ta’ natura li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew tal-atturi l-oħra tas-suq.”

11      L-Artikolu 4 tal-UWG jipprovdi:

“Tkun ħatja ta’ atti żleali fis-sens tal-Artikolu 3, kwalunkwe persuna

[…]

6.      li tissuġġetta l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew logħob bi premju għall-akkwist ta’ prodott jew servizz, sakemm il-kompetizzjoni jew logħob ma jkunux intrinsekament marbuta mal-imsemmi prodott jew servizz

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, mis-16 ta’ Settembru sat-13 ta’ Novembru 2004, Plus nidiet kampanja promozzjonali “Ihre Millionenchance” (“Iċ-ċans tiegħek li tirbaħ miljuni”) fejn il-pubbliku kien mistieden jixtri prodotti mibjugħin fil-ħwienet tagħha sabiex jiġbru l-punti. L-akkumulazzjoni ta’ 20 punt kienet tagħti l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni b’xejn fit-tlugħ tas-6 ta’ Novembru 2004 jew għal dak tas-27 ta’ Novembru 2004 tad-Deutscher Lottoblock (assoċjazzjoni nazzjonali ta’ 16-il kumpannija tal-lotterija).

13      Peress li kkunsidrat din il-prattika bħala żleali skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 3 u 4(6) tal-UWL, minħabba li kienet tissuġġetta l‑parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’logħba promozzjonali għax-xiri ta’ prodotti, Wettbewerbszentrale talbet lil-Landgericht Duisburg jordna lil Plus twaqqaf l‑imsemmija prattika.

14      Wara li kienet ikkundannata fl-ewwel u fit-tieni istanzi, Plus ippreżentat appell ta’ “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof.

15      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti tesprimi d-dubji tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali mad‑Direttiva 2005/29, sa fejn dawn jipprovdu għal projbizzjoni ġenerali ta’ kompetizzjonijiet u ta’ logħob promozzjonali b’obbligu ta’ xiri. Tali prattika ma hijiex inkluża fost dawk elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, fejn dawn biss jistgħu jkunu pprojbiti f’kull ċirkustanza indipendentement minn xi theddida konkreta għall-interessi tal-konsumaturi. Barra minn hekk, skont il-qorti tar‑rinviju, ma huwiex eskluż li, billi jaħdem b’dan il-mod, l-UWG jirrikonoxxi lill-konsumaturi protezzjoni iktar wiesgħa minn dik intiża mil-leġiżlatur Komunitarju, anki jekk l-imsemmija direttiva twassal għal armonizzazzjoni kompleta tal-qasam.

16      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Bundesgerichtshof tifformula wkoll ċerti osservazzjonijiet fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rinviju għal-deċiżjoni preliminari tagħha.

17      F’dan ir-rigward, huwa jippreċiża li, minkejja li d-Direttiva 2005/29 għadha ma ġietx trasposta fid-dritt Ġermaniż u li l-ebda modifika jew tħassir tad‑dispożizzjonijiet tal-UWG inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hi prevista f’dan il-kuntest, xorta jibqa’ l-fatt, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adelener et (C-212/04, Ġabra, p. I-6057), li d-dritt intern għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-Direttiva 2005/29 sa mit-12 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri d-data meta, skont l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, kellha tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

18      Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li l-pubbliċità kkontestata saret qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/29, jiġifieri t-12 ta’ Ġunju 2005, il‑qorti tar-rinviju tispjega li, fid-dawl tal-fatt li t-talba għal mandat ta’ inibizzjoni mressqa minn Wettbewerbszentrale hija intiża għal ksur futur, l-appell ta’ “Reviżjoni” jista’ jintlaqa’ biss jekk il-mandat ta’ inibizzjoni jista’ wkoll jintalab abbażi tad-dritt fis-seħħ fid-data meta tingħata s-sentenza fuqu.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29/KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha prattika kummerċjali li tagħmel il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew logħob bi premju suġġetta għax-xiri ta’ prodott jew ta’ servizz hija bħala prinċipju illeċita, indipendentement minn jekk l-inizjattiva ta’ reklamar taffettwax, fil-każ partikolari, l-interessi tal-konsumaturi?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id‑Direttiva 2005/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-UWG, li tipprovdi għall-projbizzjoni bħala prinċipju, mingħajr ma tikkunsidra ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, ta’ prattiki kummerċjali li jissuġġettaw il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew f’logħob promozzjonali għax-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizz.

 Fuq l-ammissibbiltà

21      Il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li d-Direttiva 2005/29 ma hijiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

22      Skont dan il-gvern, peress li l-kawża hija bejn żewġ impriżi ta’ nazzjonalità Ġermaniża, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-fatt li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal Stat Membru wieħed b’mod li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 ma japplikawx għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld, C-97/98, Ġabra p. I‑7319, punt 45). Sussidjarjament, il-Gvern Spanjol isostni, essenzjalment, li d-Direttiva 2005/29 ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali sa fejn il-fatti li wasslu għaliha saru mhux biss qabel ma skada t-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva imma anki qabel l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevalwa l-konformità ta’ din il‑liġi Ġermaniża mad-Direttiva 2005/29. Fl-aħħar, dan il-gvern jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, din id-direttiva ma hijiex intiża sabiex tirregola l‑kompetizzjonijiet jew il-lotteriji marbuta mal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi intiżi għall-konsumatur, peress li din is-sistema kienet speċifikament is-suġġett ta’ proposta għal Regolament COM (2001) 546 finali fir-rigward tal-promozzjoni ta’ bejgħ li sussegwentement ġiet irtirata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-2006.

23      Għaldaqstant dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-ewwel li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif stabbilita fl-Artikolu 34 KE, huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom jitressqu l-kawżi u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tingħata li għandhom jikkunsidraw, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’konsegwenza ta’ dan, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38; tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, C‑18/01, Ġabra p. I‑5321, punt 19, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C‑295/05, Ġabra p. I‑2999, punt 30).

25      Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ titwarrab biss f’każijiet eċċezzjonali u, b’mod partikolari, meta jkun jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju msemmija f’dawn id-domandi ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal‑kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 61, kif ukoll tal-1 ta’ April 2008, Gvern tal-Komunità Franċiża u Gvern Vallon, C-212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 29).

26      Ma jidhirx li huwa hekk fil-każ inkwistjoni.

27      L-ewwel nett, fir-rigward tar-riferiment tal-Gvern Spanjol għas-sentenza Jägerskiöld, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex jiġi sostnut in-nuqqas ta’ dimensjoni Komunitarja tal-kawża li wasslet għal din id-domanda preliminari, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li, kif fakkret b’mod speċifiku l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 42 tal-imsemmija sentenza, ma humiex applikabbli għall-attivitajiet li l-elementi kollha tagħhom huma limitati għal ġewwa Stat Membru wieħed biss.

28      Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tat‑Trattat inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Jägerskiöld, iċċitata iktar ’il fuq, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 ma hijiex suġġetta għall-preżenza ta’ element barrani. Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, din hija, fil-fatt, applikabbli għal kull prattika kummerċjali żleali mwettqa minn impriża fil-konfront tal‑konsumaturi.

29      F’dak li jikkonċerna, imbagħad, l-argument li d-Direttiva 2005/29 ma tapplikax għall-kawża prinċipali minħabba li l-fatti li wasslu għaliha ma sarux qabel l‑adozzjoni ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa mid-data ta’ meta direttiva tidħol fis‑seħħ, il-qrati tal-Istati Membri għandhom sa fejn ikun possibbli jastjenu milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li jirriskja li jikkomprometti b’mod serju, wara li jkun skada t-terminu ta’ traspożizzjoni, it-twettieq tal-iskop intiż minn din id-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C-261/07 u C-299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-każ, tali obbligu ta’ astensjoni kien japplika, tal-anqas, fil-mument tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, jiġifieri fil-5 ta’ Ġunju 2008, data li fiha mhux biss id-Direttiva 2005/29 kienet daħlet fis-seħħ, imma wkoll it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, stabblit għat-12 ta’ Diċembru 2007, kien skada.

31      Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-riżultat tal-appell ta’ “Reviżjoni” ippreżentat minn Plus jiddependi mill-fatt jekk l-azzjoni ta’ inibizzjoni tistax ssir abbażi tal-liġi applikabbli fil-mument meta tingħata, wara li tingħata din is-sentenza, id-deċiżjoni li tiddeċiedi l-kawża prinċipali, sa fejn l‑imsemmija azzjoni tirrigwarda wkoll ksur futur.

32      F’dawn il-kundizzjonijiet, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 sa 57 tal‑konklużjonijiet tagħha, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29 invokata mill‑qorti tar-rinviju għandha tiġi kkunsidrata li tista’ tkun utli għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha.

33      Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument li l-prattiki ta’ promozzjoni ta’ bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex koperti mid-Direttiva 2005/29 minħabba li kienu speċifikament is-suġġett ta’ proposta għal regolament tal‑Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-fatt waħdu ma jistax jeskludi, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija proposta ġiet irtirata fl‑2006 u li għalhekk ma wasslitx għall-adozzjoni ta’ regolament, li dawn il‑prattiki jistgħu jikkostitwixxu, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, prattiki kummerċjali żleali fis-sens ta’ din id-direttiva u jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

34      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

35      Sabiex tingħata r-risposta għad-domanda magħmula, jaqbel, l-ewwel nett, li jiġi ddeterminat jekk il-prattiki li huma suġġetti għall-projbizzjoni fil-kawża prinċipali, li jikkombinaw ix-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi mal-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’logħba jew f’kompetizzjoni, jikkostitwixxux prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u humiex, għalhekk, suġġetti għal preskrizzjonijiet stabbiliti minn din tal-aħħar.

36      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi, billi juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ prattika kummerċjali bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

37      Issa, għandu jiġi kkonstatat li kampanji promozzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li jissuġġettaw il-parteċipazzjoni b’xejn tal-konsumatur f’lotterija għax-xiri ta’ ċerta kwantità ta’ prodotti jew ta’ servizzi, jaqgħu b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u huma direttament intiżi għall-promozzjoni u għaż-żieda fil-bejgħ ta’ dan. Minn dan isegwi li dawn jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad‑Direttiva 2005/29 u, għalhekk, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-offerti kkombinati, is-sentenza VTB-VAB u Galatea, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

38      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument, imressaq mill‑Gvern Ċek u dak Awstrijak, li d-dispożizzjonijiet tal-UWG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kuntrarjament għal dawk tad-Direttiva 2005/29, għandhom bħala skop prinċipali mhux il-protezzjoni tal-konsumaturi, imma dik tal-parteċipanti kontra prattiki kummerjċali żleali użati minn ċerti operaturi, b’mod li tali dispożizzjonijiet ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

39      Fil-fatt, kif diġa ġie enfasizzat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2005/29 tiddistingwi ruħha minħabba kamp ta’ applikazzjoni materjali partikolarment wiesa’ li jinkludi kull prattika kummerċjali li għandha rabta diretta mal‑promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista ta’ prodott lill-konsumaturi. Huma biss esklużi mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara “unikament” lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti.

40      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 u 66 tal-konklużjonijiet tagħha, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-Artikoli 1, 3 u 4 tal-UWG huma intiżi speċifikament għall‑protezzjoni tal-konsumaturi u mhux biss tal-kompetituri u ta’ atturi oħra fis‑suq.

41      Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu sussegwentement jitfakkar, li d‑Direttiva 2005/29 twassal għal armonizzazzjoni kompleta fuq livell Komunitarju tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfronti tal-konsumaturi. Għalhekk, kif jipprovdi b’mod speċifiku l-Artikolu 4 tagħha, l‑Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri iktar restrittivi minn dawk stabbiliti mill-imsemmija direttiva, anki għall-fini li jiġi żgurat livell iktar għoli tal‑protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza VTB-VAB u Galatea, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

42      Hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi għall-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali u jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata tali natura żleali.

43      Għalhekk, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, prattika kummerċjali hija żleali jekk hija kuntrarja għall-ħtiġijiet tad-diliġenza professjonali u tbiddel jew tista’ tbiddel b’mod sostanzjali l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju fil-konfronti tal‑prodott.

44      Fir-rigward tal-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, dan jiddefinixxi żewġ kategoriji preċiżi ta’ prattiki kummerċjali żleali, jiġifieri l-“prattiċi qarrieqa” u l-“prattiċi aggressivi” li jirrispondu għall-kriterji speċifiċi rispettivament tal-Artikoli 6 u 7 kif ukoll 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29. Bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tali prattiki huma b’mod partikolari pprojbiti peress li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom u tal-kuntest fattwali, huma jwasslu jew jistgħu jwasslu lill-konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni kummerjali li kieku ma kienx jieħu.

45      Fl-aħħar, id-Direttiva 2005/29 tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti tal-31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, huma kkunsidrati bħala żleali “f’kull ċirkustanza”. Konsegwentement, kif tippreċiża b’mod speċifiku l-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, huma biss dawn il-prattiki kummerċjali li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala żleali mingħajr ma jkunu suġġetti għal evalwazzjoni każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad‑Direttiva 2005/29.

46      Għalhekk, jaqbel li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tiġi eżaminata fid‑dawl tal-kontenut u tal-formulazzjoni ġenerali tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2005/29, imfakkra fil-punti preċedenti.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, billi stabilixxiet projbizzjoni bħala prinċipju tal-prattiki li jissuġġettaw il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’logħob jew f’kompetizzjoni għax-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mid‑Direttiva 2005/29.

48      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 4(6) tal-UWG jipprojbixxi kull tranżazzjoni kummerċjali li tikkombina x-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi mal-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew f’logħob promozzjonali, bl-unika eċċezzjoni ta’ dawk li huma relatati ma’ logħob jew kompetizzjoni intrinsekament marbuta mal-prodotti jew mas-servizz inkwistjoni. F’termini oħra, din it-tip ta’ prattika hija pprojbita b’mod ġenerali, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat, fir‑rigward tal-kuntest fattwali ta’ kull każ, jekk it-tranżazzjoni kummerċjali inkwistjoni għandhiex natura “żleali” fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 2005/29.

49      Huwa paċifiku li tali prattiki, li jassoċjaw ix-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi mal-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’logħob jew f’kompetizzjoni, ma humiex imsemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, li telenka, kif tfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, b’mod eżawrjenti biss il-prattiki li jistgħu jkunu pprojbiti mingħajr ma jkunu s-suġġett ta’ eżami każ b’każ.

50      Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-kontenut tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29 li espressament jipprojbixxi lill-Istati Membri li jżommu jew li jadottaw miżuri nazzjonali iktar restrittivi, anki jekk tali miżuri huma intiżi sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni iktar għoli tal‑konsumaturi.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2005/29 tipprekludi projbizzjoni tal-offerti kummerċjali li jikkombinaw ix-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi għall-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew f’logħba, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-Artikolu 4(6) tal-UWG jipprovdi għal eċċezzjoni favur prattiki li jirrigwardaw logħba jew kompetizzjoni intrinsekament marbuta mal-prodott jew mas-servizz inkwistjoni.

53      Fil-fatt, anki jekk tista’ tillimita l-portata tal-projbizzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, jibqa’ madankollu l-fatt li tali projbizzjoni ma tistax, minħabba n-natura limitata u prestabbilità tagħha, tissostitwixxi l-analiżi, li għandha neċessarjament ssir fir-rigward tal-kuntest fattwali ta’ kull każ, tan-natura “żleali” ta’ prattika kummerjċali fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad‑Direttiva 2005/29, peress li din hija, bħal fil-kawża prinċipali, prattika mhux msemmija fl-Anness I tagħha (ara s-sentenza VTB-VAB u Galatea, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 u 65).

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-projbizzjoni bħala prinċipju, mingħajr ma jittieħed kont taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, tal-prattiki kummerċali li jissuġġettaw il‑parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’kompetizzjoni jew f’logħob promozzjonali għax-xiri ta’ prodott jew ta’ servizz.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id‑Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-projbizzjoni bħala prinċipju, mingħajr ma jittieħed kont taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, tal-prattiki kummerċali li jissuġġettaw il-parteċipazzjoni tal‑konsumaturi f’kompetizzjoni jew f’logħob promozzjonali għax-xiri ta’ prodott jew ta’ servizz.

Firem


* Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.