Language of document : ECLI:EU:F:2007:166

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Settembru 2007

Kawża F-129/06

Rocío Salvador Roldán

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Residenza abitwali – Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih R. Salvador Roldán titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Awwissu 2006, li tiċħad l-ilment tagħha, ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2006 kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ April 2006, li tirrifjuta li tagħtiha l-allowance ta’ espatrijazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas l-ammonti li jikkorrispondu għal dan l-imsemmija allowance, mill-1 ta’ April 2006, flimkien ma’ l-interessi.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għal għoti

[Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a)]

Ir-residenza abitwali li jirreferi għaliha l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ l-allowance ta’ espatrijazzjoni tikkorrispondi għall-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet, bl-intenzjoni li dan ikun ta’ natura stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali ta’ l-interessi tagħha, filwaqt li għall-finijiet li tiġi determinata r-residenza abitwali, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ fatt li jikkostitwixxu tali residenza u, b’mod partikolari, ir-residenza effettiva ta’ l-uffiċjal.

F’dan ir-rigward, il-post fejn tiġi eżerċitata l-attività professjonali ta’ persuna, indipendentement mill-portata tiegħu bħala kriterju awtonomu għall-applikazzjoni ta’ l-Artiklu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkostitwixxi indiżju importanti sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali.

Il-fatt li persuna seta’ kellha l-intenzjoni li tfittex impjieg xi mkien ieħor barra mill-pajjiż tar-residenza tagħha mhuwiex ta’ natura li jqiegħed in kwistjoni d-determinazzjoni tar-residenza abitwali, peress li huwa paċifiku li, matul il-perijodu ta’ referenza kollu, din il-persuna żammet iċ-ċentru ta’ l-interessi tagħha fil-post ta’ l-impjieg sussegwenti tagħha, fejn hija kellha r-residenza tagħha u fejn, matul il-parti l-kbira tal-perijodu ta’ referenza, hija eżerċitat l-attività professjonali tagħha. Għaldaqstant, tali rekwiżit ta’ l-intenzjoni li tagħti stabbiltà liċ-ċentru ta’ l-interessi tagħha m’għandux jiġi interpretat fis-sens li l-uffiċjal ikkonċernat kellu jeskludi li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew li jitlaq lejn pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea.

Rabtiet ta’ uffiċjal mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, bħall-pussess ta’ karozza, il-konsultazzjonijiet mediċi, il-proprjetà immobbli tal-ġenituri tiegħu f’dan il-pajjiż, il-fatt li jġedded hemmhekk id-dokumenti ta’ identità uffiċjali tiegħu, l-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili tiegħu, il-fatt li huwa residenti hemmhekk għal skopijiet fiskali, u li għandu hemmhekk interessi u assi finanzjarji, bħal kont bankarju, kif ukoll iż-żjarat li huwa jagħmel hemmhekk, huma biss rabtiet normali li l-persuni jżommu mal-pajjiż fejn jgħixu l-ġenituri tagħhom jew fejn huma għexu għal tul ta’ żmien, iżda li ma jippermettux li jiġi pprovat li r-residenza abitwali tinsab f’dan il-pajjiż.

(ara l-punti 48, 51, 56 u 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ April 1992, Costacurta Gelabert vs Il-Kummissjoni, T‑18/91, Ġabra p. II‑1655, punt 42; 28 ta’ Settembru 1993, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni, T‑90/92, Ġabra p. II‑971, punt 30; 13 ta’ April 2000, Reichert vs Il-Parlament, T‑18/98, ĠabraSP p. I‑A‑73 u II‑309, punt 25; 3 ta’ Mejju 2001, Liaskou vs Il-Kunsill, T‑60/00, ĠabraSP p. I‑A‑107 u II‑489, punti 53 u 64; 13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il-Kummissjoni, T‑283/03, ĠabraSP p. I‑A‑235 u II‑1075, punt 114; 25 ta’ Ottubru 2005, Salazar Brier vs Il-Kummissjoni, T‑83/03, ĠabraSP p. I‑A‑311 u II‑1407, punti 56 u 71, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑9/06 P; 27 ta’ Settembru 2006, Koistinen vs Il-Kummissjoni, T‑259/04, ĠabraSP p. I-A-2-177 u II-A-2-879, punt 34; 16 ta’ Mejju 2007, F vs Il-Kummissjoni, T‑324/04, ĠabraSP p. I-A-2-0000 u II-A-2-0000, punt 87