Language of document : ECLI:EU:F:2008:39

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

3 ta’ April 2008

Kawża F-68/06

Reint J. Bakema

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni fi grad – Grupp ta’ funzjonijiet IV – Diploma – Esperjenza professjonali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu R. Bakema, membru tal-persunal tal-Kummissjoni bil-kuntratt, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ ingaġġ li tiċħad l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni li biha l-imsemmija awtorità ffissat l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grupp ta’ funzjonijiet IV, fil-grad 14, skala 1, skont kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt iffirmat fil-25 ta’ Ottubru 2005 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru ta’ wara, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tikklassifikah fil-grad 16 tal-grupp ta’ funzjonijiet IV u, min-naħa l-oħra, l-għotja ta’ ammont adegwat għad-danni u interessi.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni li biha l-awtorità responsabbli għall-konklużjoni tal-kuntratti ta’ ingaġġ ikklassifikat lir-rikorrent fil-grupp ta’ funzjonijiet IV, fil-grad 14, skala 1, skont il-kuntratt iffirmat fil-25 ta’ Ottubru 2005 li jorbtu mal-Kummissjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 5(3)(b); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 82(2))

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(d) u (3) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni dwar proċeduri li jirregolaw l-ingaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fil-Kummissjoni, li jipprevedu l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-membri tal-persunal skont it-tul taż-żmien tal-esperjenza professjonali relevanti kkalkolat mid-data li fiha l-interess jissodisfa l-kwalifiki minimu meħtieġa sabiex ikun ingaġġat, il-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma tinjora l-portata tal-Artikolu 82(2)(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li jgħid li l-ingaġġ bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fil-grupp ta’ funzjonijiet IV teħtieġ minn tà̀̀̀̀̀’ l-inqas livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kkompletati ta’ mill-inqas tliet snin iċċertifikat b’diploma, kif ikkjarifikata, minħabba l-identità tat-termini rispettivi tagħhom, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimponi l-istess rekwiżit għall-uffiċjali, tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni diploma mingħajr ma teżamina, minn qabel, il-kontenut tal-programm ta’ edukazzjoni ċċertifikat mill-imsemmija diploma u mingħajr ma tivverifika jekk din id-diploma tistax tiċċertifika kors komplet ta’ studji universitarji.

(ara l-punti 41 u 42)