Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Frar 2010 - Andres et vs BĊE

(Kawża F-15/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Carlos Andres et (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Vandenbussche u L. Levi, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Minn naħa, l-annullament tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju tar-rikorrenti ta' Ġunju 2009, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju sussegwenti u futuri, sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet jikkostitwixxu l-implementazzjoni tar-riforma tal-iskema ta' pensjoni deċiża fl-4 ta' Mejju 2009. Min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti.

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-dikjarazzjonijiet tas-salarju ta' Ġunju 2009 sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet jikkostitwixxu l-ewwel implementazzjoni, fir-rigward tar-rikorrenti, tar-riforma tal-iskema ta' pensjoni deċiża mill-Kunsill Governattiv fl-4 ta' Mejju 2009, kif ukoll tannulla, bl-istess mod, id- dikjarazzjonijiet tas-salarju kollha sussegwenti kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tas-salarju futuri;

sa fejn huwa neċessarju, tannulla d-deċiżjonijiet li jiċħdu t-talbiet għal eżami mill-ġdid ("administrative review") u l-ilmenti interni ("grievance procedure"), deċiżjonijiet tat-28 ta' Awwissu u tas-17 ta' Diċembru 2009 rispettivament;

għaldaqstant tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni u fil-pensjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni ċċitata iktar 'il fuq tal-Kunsill Governattiv tal-4 ta' Mejju 2009 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-iskema preċedenti ta' pensjoni; din id-differenza fir-remunerazzjoni u fil-pensjoni għandha tiġi miżjuda bl-interessi moratorji kurrenti li jibdew jiddekorru mill-15 ta' Ġunju 2009 u, imbagħad fil-15 ta' kull xahar, sal-ħlas kollu, liema interessi għandhom jiġu ffissati bir-rata tal-BĊE miżjuda bi 3 punti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tad-danni subiti minħabba t-telf tal-kapaċità ta' xiri, li għandu jiġi valutat ex aequo et bono, u temporanjament, bħala 1% tar-remunerazzjoni ta' kull xahar ta' kull rikorrent;

tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż.

____________