Language of document : ECLI:EU:F:2009:54

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

4 ta’ Ġunju 2009

Kawża F-52/08

Wolfgang Plasa

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Delegazzjoni tal-Kummissjoni fl-Alġerija – Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Assenjazzjoni mill-ġdid fi Brussell – Motivazzjoni – Interess tas-servizz”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu W. Plasa jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Relazzjonijiet esterni” tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Mejju 2008, li tordna l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu fis-sede ta’ Brussell (il-Belġju) fl-1 ta’ Awwissu 2008, kif ukoll l-għoti ta’ danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Articoli 7(1), 10a u Anness X)

L-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, f’dan ir-rigward, fejn huwa kkonċernat il-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u fl-osservanza tan-natura korrispondenti bejn l-impjieg u l-grad. L-assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz ma tirrikjedix il-kunsens tal-uffiċjal. Tali kundizzjoni jkollha bħala effett li tillimita b’mod intollerabbli l-libertà tal-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom u fl-adattament ta’ din l-organizzazzjoni għall-iżvilupp tal-bżonnijiet.

B’mod partikolari, l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-assenjazzjoni tal-uffiċjali fl-interess tas-servizz jibqa’ applikabbli għall-membri tal-persunal assenjati barra mill-Unjoni Europea. Fil-fatt, skont l-Artikolu 101a tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dispożizzjonijiet partikolari u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz, li jinsabu fl-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, fosthom l-Artikoli 2 u 3, dwar il-proċedura ta’ mobbiltà, li jirreferu għall-proċeduri ffissati mill-Awtorità tal-Ħatra, huma applikabbli bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 75 sa 77 u 111)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 24 ta’ Frar 1981, Carbognani u Coda Zabetta vs Il‑Kummissjoni, 161/80 u 162/80, Ġabra p. 543, punt 28 ; 23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il‑Kummissjoni, 19/87, Ġabra p. 1681, punt 6 ; 12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il‑Kummissjoni, C‑294/95 P, Ġabra p. I‑5863, punt 40

Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Ġunju 1997, Forcat Icardo vs Il‑Kummissjoni, T‑73/96, ĠabraSP p. I‑A‑159 u II‑485, punt 26 ; 22 ta’ Jannar 1998, Costacurta vs Il‑Kummissjoni, T‑98/96, ĠabraSP p. I‑A‑21 u II‑49, punti 33, 36 u 40.