Language of document : ECLI:EU:F:2009:160

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

30 ta’ Novembru 2009

Kawża F-80/08

Fritz Harald Wenig

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Proċedura dixxiplinari – Sospensjoni ta’ uffiċjal – Tnaqqis mill-paga – Allegazzjoni ta’ nuqqas serju – Drittijiet tad-difiża – Kompetenza – Nuqqas li tiġi ppubblikata delega ta’ poteri – Nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Wenig jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Settembru 2008, meħuda abbażi tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, li tissospendih għal perijodu indefinit u li tordna tnaqqis ta’ EUR 1 000 fix-xahar mill-paga tiegħu għal perijodu massimu ta’ sitt xhur. Barra minn hekk, permezz ta’ rikors separat, ir-rikorrent talab għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2008 li permezz tagħha l-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, issospendiet lir-rikorrent għal perijodu indefinit u ordnat tnaqqis ta’ EUR 1 000 fix-xahar mill-paga tiegħu għal perijodu massimu ta’ sitt xhur hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż tal-istanza prinċipali. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha tal-istanza għal miżuri provviżorji.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Interess ġuridiku – Uffiċjal li jiġi rtirat

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 24(2))

2.      Uffiċjali – Miżuri dixxiplinari – Proċedura dixxiplinari

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

3.      Uffiċjali – Miżuri dixxiplinari – Sanzjoni – Sospensjoni

4.      Rikors għal annullament – Motivi – Motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur ta’ att li joħloq preġudizzju – Motiv ta’ ordni pubbliku

5.      Uffiċjali – Awtorità tal-Ħatra – Deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-imsemmija awtorità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 2)

1.      Meta deċiżjoni li tkun issospendiet lir-rikorrent għal-perijodu indefinit, u li tkun ordnat tnaqqis mill-paga tiegħu għal-perijodu massimu ta’ sitt xhur tkun ħolqot effetti mhux biss fuq is-sitwazzjoni materjali tiegħu, iżda anki fuq l-unur tiegħu, ma jneħħix l-iskop tar-rikors u lanqas ma jelimina l-interess tar-rikorrent li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni fl-intier tagħha l-fatt li din ġiet impliċitament iżda neċessarjament imħassra bl-irtirar obbligatorju tar-rikorrent u li, qabel il-preżentata stess tar-rikors, id-deċiżjoni msemmija, sa fejn din ordnat tnaqqis mill-paga, kienet saret preskritta, peress li dan it-tnaqqis, b’mod konformi mal-Artikolu 24(2) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, kien ġie limitat għal perijodu ta’ sitt xhur.

(ara l-punti 33 sa 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il‑Kummissjoni, C‑198/07 P, Ġabra p. I‑10701, punti 44 u 45

2.      Skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali mwaqqfa bil-liġi. Madankollu, proċedura ta’ sospensjoni u ta’ tnaqqis mill-paga mhijiex proċedura ġudizzjarja iżda amministrattiva, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni. Għaldaqstant, l-osservanza tal-obbligi li dan l-artikolu jimponi fuq “qorti” ma tistax tinħtieġ mingħand il-Kummissjoni meta din tipproċedi għas-sospensjoni ta’ uffiċjal u għal tnaqqis mill-paga tiegħu.

(ara l-punti 57 sa 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Lulju 1998, N vs Il‑Kummissjoni, C‑252/97 P, Ġabra p. I‑4871, punt 52

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Ottubru 1991, de Compte vs Il‑Parlament, T‑26/89, Ġabra p. II‑781, punt 94 ; 21 ta’ Novembru 2000, A vs Il‑Kummissjoni, T‑23/00, ĠabraSP p. I‑A‑263 u II‑1211, punt 24

3.      L-istħarriġ tal-Qorti Komunitarja fir-rigward tal-fondatezza ta’ miżura ta’ sospensjoni ta’ uffiċjal jista’ jkun biss ristrett ħafna, fid-dawl tan-natura provviżorja ta’ tali miżura. Għalhekk, il-Qorti għandha tillimita ruħha sabiex tistħarreġ jekk l-allegazzjonijiet ta’ nuqqas gravi għandhomx natura reali biżżejjed u jekk dawn humiex manifestament infondati.

(ara l-punt 67)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Frar 1999, Willeme vs Il‑Kummissjoni, T‑211/98 R, ĠabraSP p. I‑A‑15 u II 57, punt 30

4.      Il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur ta’ att li joħloq preġudizzju huwa motiv ta’ ordni pubbliku li għandu, f’kull każ, jiġi eżaminat ex officio mill-Qorti Komunitarja.

(ara l-punt 83)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C‑210/98 P, Ġabra p. I‑5843, punt 56

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Lulju 2006, Vounakis vs Il‑Kummissjoni, T‑165/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑155 u II‑A‑2‑735, punt 30

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni, F‑17/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑577, punt 51 ; 18 ta’ Settembru 2007, Botos vs Il‑Kummissjoni, F‑10/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 78

5.      Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw id-determinazzjoni tat-tqassim tal-poteri mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra jikkostitwixxu regoli ta’ organizzazzjoni interna tal-istituzzjoni. La d-dispożizzjonijiet tat-Trattat u lanqas dawk tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, ma jipprevedu li l-pubblikazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet hija kundizzjoni għad-dħul fis-seħħ tagħhom u, għalhekk, għal-invokazzjoni tagħhom.

Madankollu, l-osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jeħtieġ li att tal-awtoritajiet pubbliċi ma jkunx jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ individwu qabel ma l-istess individwu jkollu l-possibbiltà li jkun jaf bih, jeħtieġ ukoll, għalkemm l-ebda dispożizzjoni miktuba ma tipprevedi hekk espressament, li d-deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-Awtorità tal-kuntratti jkunu suġġetti għal miżura ta’ pubbliċità xierqa skont il-metodi u l-forom li għandhom jiġu stabbiliti mill-amministrazzjoni.

Il-Kummissjoni stess tinkariga ruħha, bħala prinċipju, sabiex tiżgura l-pubbliċità tad-deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-Awtorità tal-kuntratti, peress li dawn huma normalment ippubblikati fl-Informazzjoni Amministrattiva. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu b’ċertezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom, peress li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Fl-aħħar, il-ħtieġa li tiġi żgurata pubbliċità xierqa tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu t-tqassim tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg lill-Awtorità tal-kuntratti tirriżulta wkoll mir-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tat-tmexxija tal-persunal.

L-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura pubbliċità xierqa lid-deċiżjoni li tissospendi lil uffiċjal japplika b’rigorożità partikolari meta tali kompetenza tkun ġiet ittrasferita lil persuna unika, jiġifieri lill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-persunal, filwaqt li din kienet preċedentement ir-responsabbiltà tal-iktar awtorità għolja tal-Kummissjoni, f’dan il-każ il-Kulleġġ tal-Kummissarji. Issa, miżura adottata minn persuna waħda toffri lill-uffiċjal li huwa d-destinatarju tagħha grad ta’ protezzjoni inqas minn dak żgurat minn miżura adottata minn awtorità kulleġġjali, peress li l-awtorità kulleġġjali hija iktar inklinata, permezz tad-deliberazzjonijiet tal-membri tagħha, li tieħu inkunsiderazzjoni numru ikbar ta’ informazzjoni rilevanti.

(ara l-punti 87, 89 sa 91, 93, 94 u 96)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 30 ta’ Mejju 1973, De Greef vs Il‑Kummissjoni, 46/72, Ġabra p. 543, punt 18; 25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 15 ; 25 ta’ Jannar 1979, Weingut Decker, 99/78, Ġabra p. 101, punt 3 ; 21 ta’ Ġunju 2007, ROM-projecten, C‑158/06, Ġabra p. I‑5103, punt 25 ; 11 ta’ Diċembru 2007, Skoma‑Lux, C‑161/06, Ġabra p. I‑10841, punti  37 u 38

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Marzu 1999, Hamptaux vs Il‑Kummissjoni, T‑76/98, ĠabraSP p. I‑A‑59 u II‑303, punt 23

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku : 9 ta’ Lulju 2008, Kuchta vs BĊE, F‑89/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 62