Language of document : ECLI:EU:F:2009:150

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

10 ta’ Novembru 2009

Kawża F-71/08

N

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Iffissar ta’ għanijiet – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Ammissibbiltà – Miżura li ma tikkawżax preġudizzju”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu N jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tas‑Segretarju Ġenerali tal-Parlament, tat-12 ta’ Settembru 2007, li tadotta r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2006 u tad‑deċiżjoni tal-President tal-Parlament, tat-22 ta’ Mejju 2008, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, tat-12 ta’ Settembru 2007, li tadotta r-rapport ta’ evalwazzjoni definittiv tar‑rikorrent għall-perijodu bejn is-16 ta’ Awwissu 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2006 hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Interess ġuridiku – Rikors għall-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni – Uffiċjal assenjat mill-ġdid lil istituzzjoni oħra – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi rapport minn din l-istituzzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Obbligu li l-uffiċjal ikkonċernat jiġi informat bid-dokument li jistabbilixxi l-għanijiet assenjati lid-dipartiment tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Indipendentement mill-utilità tiegħu fil-futur, ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal jikkostitwixxi prova bil-miktub u formali tal-kwalità tax-xogħol li dan ikun wettaq. Tali evalwazzjoni ma hijiex biss deskrittiva tal-ħidmiet imwettqa matul il-perijodu kkonċernat, iżda tinvolvi wkoll evalwazzjoni tal-kwalitajiet li l‑persuna evalwata tkun uriet fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha. Għalhekk, kull uffiċjal għandu dritt li x-xogħol tiegħu jiġi kkonfermat b’evalwazzjoni stabbilita b’mod ġust u ekwu. Konsegwentement, skont id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, uffiċjal għandu jkollu, fi kwalunkwe każ, id-dritt li jikkontesta rapport ta’ evalwazzjoni dwaru minħabba l-kontenut tiegħu jew minħabba li dan ma jkunx ġie stabbilit skont ir-regoli previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Għalhekk, it-trasferiment ta’ uffiċjal minn istituzzjoni għal istituzzjoni oħra, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mit-tieni istituzzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti mill-ewwel waħda, u promozzjoni tal-uffiċjal fi ħdan it‑tieni waħda ma humiex ta’ natura li jirrenduh mingħajr interess ġuridiku sabiex jaġixxi kontra rapport ta’ evalwazzjoni definittiv stabbilit mill-ewwel waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

(ara l-punti 33 u 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummissjoni, C‑198/07 P, Ġabra p. I‑10701, punti 44 u 45

2.      Mill-Artikoli 10 sa  12 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal‑Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Parlament jirriżulta li din l-istituzzjoni għandha tikkomunika, matul l-intervista tal-evalwazzjoni, lil kull wieħed mill-uffiċjali jew membri tal-persunal tagħha dokument li jispeċifika l‑għanijiet assenjati, għas-sena li jmiss, lill-amministrazzjoni, lid-diviżjoni jew lid‑dipartiment tiegħu. Dan id-dokument jikkostitwixxi element essenzjali għall‑evalwazzjoni tas-servizzi mogħtija mill-uffiċjal jew mill-membru tal‑persunal fis-sena ta’ wara u għar-redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, jekk l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal jitlob dan matul l-intervista tal-evalwazzjoni, l-amministrazzjoni għandha tistabbilixxi dokument li jipprovdi iktar dettalji speċifiċi dwar l-għanijiet stabbiliti għalih personalment.

Anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jirregolawx b’mod espliċitu s-sitwazzjoni tal-ewwel ħatra ta’ uffiċjal jew tat-trasferiment ta’ uffiċjal matul is-sena minn istituzzjoni oħra għall-Parlament, dawn ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l‑Parlament ma huwiex obbligat jinforma lil dan l-uffiċjal bid-dokument li jistabbilixxi l-għanijiet assenjati lid-dipartiment tiegħu li għalihom huwa għandu jikkontribwixxi. Fil-fatt, tali dokument, li jeżisti għal kull diviżjoni jew dipartiment indipendentement mill-proċedura tar-redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ kull uffiċjal jew membru tal-persunal, jikkostitwixxi element ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tas-servizzi mogħtija mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal u għall-istabbiliment tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Kull interpretazzjoni oħra ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali, inkwantu din ikollha l-effett li tittratta b’mod differenti lill‑uffiċjali jew lill-membri tal-persunal, fil-qasam tal-iffissar tal-għanijiet, skont id-data tad-dħul tagħhom fil-Parlament, differenza fit-trattament li hija sproporzjonata fid-dawl tad-differenza fis-sitwazzjoni li tirriżulta minn tali kriterju. Barra minn hekk, l-iffissar ta’ għanijiet huwa meħtieġ a fortiori fir‑rigward ta’ uffiċjal ġdid, mad-dħul tiegħu fid-diviżjoni jew fid-dipartiment fejn huwa għandu jintegra ruħu fl-iqsar żmien possibbli.

(ara l-punti 51, 52, 54 u 55)