Language of document : ECLI:EU:F:2008:167

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-116/06

Anne Buckingham et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni msejħa tat-‘tieni filliera’ – Proċedura ta’ promozzjoni 2005 – Attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità – Dispożizzjonijiet tranżitorji – DĠI tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Trattament ugwali – Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Buckingham u tlettax-il uffiċjal ieħor tal-Kummissjoni essenzjalment jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni, li dehret fl-Informations administratives Nru 85‑2005, tat-23 ta’ Novembru 2005, li ma jingħatawx, fir-rigward tas-sena 2004, punti ta’ prijorità bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħhom fl-interess tal-istituzzjoni matul is-sena 2003.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Sistema ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni – Deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ punti ta’ promozzjoni – Att preparatorju – Deċiżjoni li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti attribwiti lill-uffiċjali – Deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Tranżizzjoni minn sistema għal oħra

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(1))

1.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni implementata mill-Kummissjoni, id‑deċiżjonijiet individwali ta’ għoti ta’ ċerti kategoriji ta’ punti ta’ promozzjoni, adottati qabel ma l-Awtorità tal-Ħatra tiffissa definittivament in-numru totali ta’ punti miksuba għal kull uffiċjal, jammontaw għal atti preparatorji, preliminari u neċessarji għad-deċiżjoni finali li tiffissa n-numru totali ta’ punti. Dan huwa hekk, b’mod partikolari, għall-għoti, mid-diretturi ġenerali, skont regoli interni tal-Kummissjoni, tal-punti ta’ prijorità disponibbli f’kull direttorat ġenerali jew għall-għoti, mill-Awtorità tal-Ħatra, fuq proposta tal-kumitati ta’ promozzjoni, tal-punti ta’ prijorità bħala rikonoxximent tax-xogħol imwettaq fl-interess tal-istituzzjoni, skont l-imsemmija regoli. Dawn id-deċiżjonijiet ma jiffissawx b’mod definittiv il‑pożizzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-uffiċjali kkonċernati.

B’hekk, id-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità tal-Ħatra li tiffissa n-numru totali ta’ punti miksuba minn kull uffiċjal, li tista’ tiġi vverifikata fil-fajl ta’ promozzjoni individwali, hija komposta minn serje ta’ deċiżjonijiet definittivi ta’ għoti ta’ kategoriji partikolari ta’ punti ta’ promozzjoni. B’mod ġenerali, dawn id-deċiżjonijiet jirriżultaw mit-tqassim tan-numru totali ta’ punti miksuba minn kull uffiċjal kif dan it-tqassim jidher fil-fajl ta’ promozzjoni individwali tal-uffiċjal. Jekk dawn id-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ ċerti kategoriji ta’ punti ta’ promozzjoni għandhom jiġu kkunsidrati, huma wkoll, bħala deċiżjonijiet preparatorji u li seħħew qabel id‑deċiżjoni li tiffissa n-numru totali ta’ punti u b’hekk ma jwasslux li jibda jiddekorri t-terminu ta’ ilment, jammontaw bl-istess mod għal deċiżjonijiet li jiffissaw b’mod definittiv is-sitwazzjoni tal-uffiċjal interessat għal dak li jirrigwarda l-kategorija ta’ punti inkwistjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, billi jiġi mitlub, fl-istadju finali tal-proċedura ta’ promozzjoni, l-annullament tal-lista tal-uffiċjali li attribwixxew punti ta’ prijorità li jirrikonoxxu x-xogħol tiegħu mwettaq fl-interess tal-istituzzjoni, l-uffiċjal definittivament kellu l-intenzjoni li jikkontesta n-numru totali ta’ punti li huwa kiseb u r-rikors tiegħu ma għandux jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba l-fatt biss li huwa ma ġiex formalment ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tiffissa n-numru totali ta’ punti.

(ara l-punti 50 sa 54)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punti 96 u 97

2.      Il-limitazzjonijiet inerenti għat-tranżizzjoni minn metodu ta’ ġestjoni għal ieħor, fir-rigward tal-karriera tal-uffiċjali, jistgħu jimponu fuq l-amministrazzjoni li ssir devjazzjoni temporanja, u f’ċerti limiti, mill-applikazzjoni stretta tar-regoli u l‑prinċipji ta’ valur permanenti li japplikaw normalment għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni. Madankollu, devjazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu ġustifikati minn ħtieġa imperattiva marbuta mal-bidla u ma jmorrux lil hinn, fl-applikabbiltà jew il-portata tagħhom, ta’ dak li huwa indispensabbli sabiex ikun hemm tranżizzjoni minn sistema għall-oħra.

Fil-kuntest tal-ewwel proċedura ta’ promozzjoni suġġetta għal sistema ġdida ta’ promozzjoni bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, implementata minn regoli interni tal-Kummissjoni li jipprovdu miżuri provviżorji li għandhom l-għan li jħarsu t-tranżizzjoni mis-sistema l-antika, meta huwa previst li jiġi attribwit lill-uffiċjali tal-grad A 12 tipi differenti ta’ punti ta’ prijorità, għas-sena qabel din il‑proċedura ta’ promozzjoni, iżda li l-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-għoti ta’ punti ta’ prijorità b’mod tranżitorju, limitazzjoni bħal din ma tistax tiġi meqjusa li teċċedi s-setgħa li għandha l-amministrazzjoni sabiex taġġusta, b’mod tranżitorju, it-tibdil tar-regoli dwar il-promozzjoni tal-uffiċjali. Hija fil-fatt tillimita ruħha li tiffissa limitu fil-kunsiderazzjoni tal-merti preċedentement rikonoxxuti.

Jekk huwa minnu li huwa teoretikament possibbli li tiġi prevista sistema differenti, l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-bidla tal-metodi fis-seħħ għall-promozzjoni tal-uffiċjali għandha, teoretikament, l-għan li tirrimedja għal ċerti inkonvenjenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli l‑antiki. B’hekk huwa inerenti għal proċess bħal dan ta’ riforma, fejn l‑amministrazzjoni tista’ tevalwa b’marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni n-neċessità, li tibda, minn data partikolari, l-evalwazzjoni tal-merti tal-uffiċjali fuq bażijiet ġodda.

(ara l-punti 81 sa 83)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Lulju 1976, De Wind vs Il‑Kummissjoni, 62/75, Ġabra p. 1167, punt 17; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑557/93, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑603, punt 20; 11 ta’ Frar 2003, Leonhardt vs Il‑Parlament, T‑30/02, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑265, punti 51 u 55; 3 ta’ Mejju 2006, Klaas vs Il‑Parlament, T‑393/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑103 u II‑A‑2‑465, punt 56; Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 213 u 220