Language of document : ECLI:EU:F:2011:29

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Marzu 2011 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2009 —Deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Rikors għal annullament — Rikors għad-danni”

Fil-Kawża F‑104/09,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

Diego Canga Fano, uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u K. Zieleśkiewicz, bħala aġenti,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

kompost minn S. Gervasoni, President, H. Kreppel u M. I. Rofes i Pujol (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Settembru 2010,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (iktar ’il quddiem it-“Tribunal”) fil-21 ta’ Diċembru 2009 permezz ta’ faks (bl-oriġinal ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru ta’ wara), D. Canga Fano ppreżenta r-rikors ineżami intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li ma jiġix promoss għall-grad AD 13 bħala parti mill-proċedura ta’ promozzjoni 2009 u għall-kundanna tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex iħallsu s-somma ta’ EUR 200 000 bħala kumpens għad-danni morali u professjonali li allegatament ġarrab.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“Il-promozzjoni tkun b’deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ħatra fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 6(2) [tar-Regolamenti tal-Persunal]. Tkun effettwata bil-ħatra ta’ l-uffiċjal għall-grad iktar għoli li jmis fil-grupp tal-funzjoni li miegħu jappartjeni. Il-promozzjoni għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perjodu minimu ta’ sentejn fil-grad tagħhom, wara konsiderazzjoni tal-merti komparabbli ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni. Meta tikkunsidra l-merti għall-paragun, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkunsidra partikolarment ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu tal-lingwi fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, għajr il-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ għarfien sew, skond l-Artikolu 28(f) [tar-Regolamenti tal-Persunal] u, fejn ikun il-każ, il-livell tar-responsabbiltajiet eserċitat minnhom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent daħal fis-servizz mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (iktar ’il quddiem is-“SĠK”) fl-1 ta’ Settembru 1991 bħala uffiċjali fil-grad A7. Huwa ġie promoss l-aħħar darba għall-grad A4 (li sar AD 12) fl-1 ta’ Ġunju 2001. Sa mill-1 ta’ April 1994, ir-rikorrent jinsab assenjat mas-servizz legali tal-Kunsill. Madankollu, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 1999 u t-30 ta’ Settembru 2003, huwa kien ikkollokat fl-interess tas-servizz lill-uffiċċju tas-Sinjura de Palacio, Membru tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Fi tmiem dan il-kollokament, ir-rikorrent reġa’ ngħaqad mas-servizz legali fil-grupp “Relazzjonijiet esterni”, u mbagħad, mill-1 ta’ Ottubru 2007, fil-grupp 1B “Coreper I”. Sa mill-1 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrent jinsab f’sitwazzjoni ta’ kollokament fl-interess tas-servizz mal-uffiċċju tas-Sur Tajani, Membru tal-Kummissjoni, fejn jokkupa l-pożizzjoni ta’ assistent kap tal-uffiċċju.

4        Permezz tal-Avviż lill-membri tal-persunal Nru 50/09 tal-5 ta’ Marzu 2009, is-SĠK informa lill-uffiċjali dwar l-elementi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-kumitati konsultattivi ta’ promozzjoni fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009, kif ukoll dwar il-miżuri adottati sabiex jiġu implementati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Anness 2 ta’ dan l-avviż kien jispeċifika, għal kull grad, in-numru ta’ promozzjonijiet possibbli fl-2009 u l-Anness 3 kien jinkludi l-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi. B’hekk, skont l-Anness 2, kien hemm 19-il pożizzjoni ta’ grad AD 13 li kellhom jimtlew minn amministraturi assenjati f’funzjonijiet ġenerali, filwaqt li 91 uffiċjal fil-grad AD 12 assenjati f’funzjonijiet ġenerali kienu inklużi fil-lista tal-Anness 3, fejn ir-rikorrent kien jokkupa l-20 pożizzjoni skont l-ordni ta’ anzjanità fil-grad.

5        Skont l-Avviż lill-membri tal-persunal Nru 50/09, il-kumitati konsultattivi ta’ promozzjoni kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ kull uffiċjal li seta’ jiġi promoss li kienu stabbiliti fir-rigward tiegħu sa mill-ħatra tiegħu fil-grad AD 12 sal-aħħar rapport disponibbli, jiġifieri dak li jikkonċerna l-proċedura bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007”).

6        Mal-Avviż lill-membri tal-persunal Nru 54/09 tal-10 ta’ Marzu 2009, is-SĠK annetta statistika dwar il-proċedura ta’ promozzjoni 2006-2007, u b’mod partikolari t-tabella 2.1, li kien fiha statistika stabbilita skont il-gradi tal-uffiċjali (iktar ’il quddiem it-“tabella 2.1”), u t-tabella 3.1, li tippreżenta statistika fir-rigward tad-Direttorat Ġenerali/Direttorat/Servizz Ġenerali (iktar ’il quddiem it-“tabella 3.1”). Mill-Avviż lill-membri tal-persunal Nru 54/09 jirriżulta li din l-istatistika kienet ikkomunikata wkoll lill-kumitati konsultattivi ta’ promozzjoni.

7        Fi tmiem il-ħidma tiegħu, il-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni għall-grupp ta’ funzjonijiet AD (uffiċjali assenjati f’pożizzjonijiet ta’ amministratur) ippreżenta lill-Awtorità tal-Ħatra lista — fir-rigward tal-amministraturi assenjati f’funzjonijiet ġenerali — li kienet tinkludi l-ismijiet tad-dsatax-il uffiċjal propost għal promozzjoni għall-grad AD 13 (iktar ’il quddiem il-“lista tal-uffiċjali promossi għall-grad AD 13”), inklużi għaxra li l-anzjanità fil-grad tagħhom kienet inferjuri għal dik tar-rikorrent. Dan tal-aħħar ma kienx inkluż f’din il-lista.

8        Permezz tal-Avviż lill-membri tal-persunal Nru 94/09 tas-27 ta’ April 2009, l-Awtorità tal-Ħatra informat lill-uffiċjali dwar id-deċiżjoni tagħha li ssegwi l-opinjoni mogħtija mill-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni u li tippromwovi għall-grad AD 13 id-19-il uffiċjal propost.

9        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrent, filwaqt li rrefera għall-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikkontesta d-deċiżjoni li ma jiġix promoss, kif toħroġ mill-Avviż lill-membri tal-persunal Nru 94/09.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2009, innotifikata lir-rikorrent l-għada, l-Awtorità tal-Ħatra kklassifikat l-ittra tas-27 ta’ Mejju 2009 bħala lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u ċaħdet dan l-ilment.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir‑rikorrent jitlob li t‑Tribunal jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors preżenti ammissibbli;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li r-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad AD 13, kif din id-deċiżjoni tirriżulta mill-Avviż lill-membri tal-persunal Nru 94/09;

–        jannulla, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad l-ilment tiegħu;

–        jikkundanna lill-Kunsill iħallas lir-rikorrent:

–        somma ddeterminata ex aequo et bono ta’ EUR 150 000, bħala kumpens għad-dannu morali tiegħu, miżjuda bl-interessi moratorji bir-rata legali mid-data li fiha din issir dovuta;

–        somma ddeterminata ex aequo et bono ta’ EUR 50 000, bħala kumpens għad-dannu professjonali tiegħu, miżjuda bl-interessi moratorji bir-rata legali mid-data li fiha din issir dovuta;

–        jikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

12      Il-Kunsill jitlob li t-Tribunal jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż kollha.

 Il-proċedura

13      Ir-rikorrent talab lit-Tribunal sabiex jistieden lill-Kunsill, bħala parti mill-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikoli 55 u 56 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipproduċi r-rapporti ta’ evalwazzjoni tad-19-il uffiċjal promoss għall-grad AD 13. It-Tribunal iddeċieda li jilqa’ parzjalment din it-talba.

14      B’hekk, inizjalment, il-Kunsill ġie mistieden, permezz ta’ ittra tar-Reġistru tat-Tribunal tal-15 ta’ Ġunju 2010, sabiex iwieġeb għal xi mistoqsijiet bil-miktub u sabiex jipproduċi r-rapporti ta’ evalwazzjoni anonimizzati tal-għaxar uffiċjali li kellhom anzjanità fil-grad inferjuri għal dik tar-rikorrent u li isimhom kien jidher fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad AD 13 (iktar ’il quddiem l-“għaxar uffiċjali kkonċernati”).

15      Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal fis-6 ta’ Lulju 2010 permezz ta’ faks (bl-oriġinal tasal fit-12 ta’ Lulju ta’ wara), il-Kunsill wieġeb għal dawn il-mistoqsijiet u pprovda r-rapporti ta’ evalwazzjoni anonimizzati tal-għaxar uffiċjali kkonċernati għall-perijodu bejn il-ħatra tagħhom fil-grad AD 12 u l-evalwazzjoni tagħhom għall-proċedura li tkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2007. Il-Kunsill bagħat ukoll lit-Tribunal tabella li tiġbor fil-qosor l-informazzjoni li toħroġ mill-aħħar żewġ rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent u ta’ kull wieħed mill-għaxar uffiċjali kkonċernati, identifikati bl-ittri A sa J. Din it-tabella tinkludi, għal kull wieħed minn dawn ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u/jew tal-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati, silta mill-evalwazzjonijiet ta’ natura ġenerali u l-medja tal-evalwazzjonijiet analitiċi. Din it-tabella tindika wkoll il-lingwi użati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet (iktar ’il quddiem it-“tabella rappreżentattiva”).

16      Sussegwentement, il-partijiet ġew mistiedna, fir-rapport preparatorju għas-seduta li ntbagħtilhom permezz ta’ ittra tar-Reġistru tat-Tribunal tat-23 ta’ Lulju 2010, sabiex jippreżentaw quddiem it-Tribunal, qabel is-seduta, osservazzjonijiet insostenn tal-pożizzjoni tagħhom fid-dawl tad-dokumenti prodotti mill-Kunsill b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Ir-rikorrent wieġeb għal din l-istedina permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal fil-31 ta’ Awwissu 2010 permezz ta’ faks (bl-oriġinal ippreżentata fit-2 ta’ Settembru ta’ wara), filwaqt li l-osservazzjonijiet tal-Kunsill waslu fir-Reġistru tat-Tribunal fl-1 ta’ Settembru 2010 permezz ta’ faks (bl-oriġinal ippreżentata fis-6 ta’ Settembru ta’ wara).

17      Fit-tweġiba tiegħu, ir-rikorrent ilmenta li r-riproduzzjonijiet ipprovduti tad-diversi rapporti ta’ evalwazzjoni ma jippermettux, fil-każijiet kollha, li ssir distinzjoni ċara bejn il-marka mogħtija għall-kriterji “Rendiment” u “Rapidità fl-eżekuzzjoni tal-kompiti”.

18      Qabel is-seduta, il-President tal-Ewwel Awla staqsa lir-rappreżentat tar-rikorrent jekk kienx qiegħed jaċċetta l-medji tal-evalwazzjonijiet analitiċi li jidhru fit-tabella rappreżentattiva, liema medji jinkludu l-marki — fir-rigward taż-żewġ kriterji msemmija fil-punt preċedenti — li kienu ngħataw lil kull wieħed mill-għaxar uffiċjali kkonċernati jew jekk, għall-kuntrarju, kienx qiegħed jitlob il-komunikazzjoni tar-riproduzzjonijiet imsemmija f’verżjoni li tista’ tinqara b’mod iktar faċli.

19      Ir-rappreżentat tar-rikorrent indika li kien qiegħed jaqbel li jikkunsidra l-medji msemmija bħala korretti u rrinunzja għal komunikazzjoni ġdida tal-paġni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li kien fihom informazzjoni li ma setgħetx tinqara sew.

 Fuq is-suġġett tar-rikors

20      Minbarra l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ma tinkludihx fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad AD 13, ir-rikorrent qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-24 ta’ Settembru 2009 li tiċħad il-pretensjonijiet magħmula fl-ittra tiegħu tas-27 ta’ Mejju 2009, li l-Awtorità tal-Ħatra qieset bħala lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2009”).

21      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li t-talbiet għal annullament indirizzati formalment kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jadixxu lit-Tribunal bl-att li kontra tiegħu jkun tressaq l-ilment meta, bħala tali, dawn it-talbiet ma jkollhomx kontenut awtonomu (sentenza tat-Tribunal tad-29 ta’ Settembru 2009, Kerstens vs Il-Kummissjoni, F-102/07, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, it-talbiet indirizzati kontra d-deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2009 huma, bħala tali, mingħajr kontenut awtonomu u għalhekk ir-rikors għandu jitqies li huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ma tinkludix lir-rikorrent fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad AD 13, kif din id-deċiżjoni tirriżulta mill-Avviż lill-membri tal-persunal Nru 94/09 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Fuq it-talbiet għal annullament

23      Ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn l-Awtorità tal-Ħatra allegatament wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrent isostni li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għamlet l-eżami komparattiv tar-rapporti ta’ evalwazzjoni. Sa fejn għaxra mid-dsatax-il uffiċjal promossi kellhom anzjanità fil-grad inferjuri għal tiegħu u sa fejn huwa biss b’mod sussidjarju li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-età tal-kandidati u l-anzjanità fil-grad jew fis-servizz tagħhom, bilfors li dawn l-għaxar uffiċjali, sabiex jiġu promossi, kien jistħoqqilhom iktar minnu. Issa, teżisti sensiela reali ta’ indizji li juru li ma tantx huwa probabbli li għaxar persuni b’anzjanità fil-grad inferjuri għal tiegħu jista’ jkollhom merti superjuri għal tiegħu.

25      Skont ir-rikorrent, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni li saru fir-rigward tiegħu mill-ħatra tiegħu fil-grad AD 12 sal-evalwazzjoni tiegħu għall-proċedura li tkopri l-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2007, huma partikolarment eloġjużi, bl-aħħar rapport jindika espliċitament li “jistħoqqlu promozzjoni għal grad superjuri”. Għalhekk, “manifestament ma huwiex normali” li ma ngħata ebda promozzjoni wara l-2001. Fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007, huwa rċieva marka medja ta’ 2 fl-evalwazzjonijiet analitiċi tiegħu, liema marka hija sinjifikattivament aħjar mill-marka medja tal-uffiċjali AD 12 tas-SĠK u minn dik tal-uffiċjali fis-servizz legali. Fl-aħħar nett, il-fatt li kien wettaq perfettament il-kompitu tiegħu ta’ president ta’ bord tal-għażla għall-kompetizzjonijiet EPSO/AD/46/06 u EPSO/AD/47/06 intiżi għar-reklutaġġ ta’ ġuristi AD 5 mir-Rumanija u mill-Bulgarija u l-fatt li jitkellem ħames lingwi għandhom juru l-portata tal-merti tiegħu.

26      Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ma kkunsidratx il-kompetenzi lingwistiċi tiegħu. Fil-fatt, ir-rikorrent isostni li minbarra l-minimu meħtieġ, jiġifieri l-Ingliż u l-Franċiż, huwa jitkellem bi tliet lingwi oħra. Dawn il-kwalitajiet addizzjonali kien imisshom ittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-merti tiegħu.

27      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jallega li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ieħor sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fost ir-responsabbiltajiet eżerċitati, il-fatt li huwa kien il-president tal-bord tal-għażla fil-kompetizzjonijiet EPSO/AD/46/06 u EPSO/AD/47/06 imsemmija iktar ’il fuq, li l-avviż tagħhom ġie ppubblikat f’Ġunju 2006 filwaqt li l-lista tal-kandidati magħżula ġiet ippubblikata f’Diċembru 2007. Ir-rikorrent isostni li l-presidenza ta’ dawn il-kompetizzjonijiet, li fihom ħadu sehem ħafna kandidati, li għalih kienet tfisser żieda fil-volum ta’ xogħol, flimkien mal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan is-servizz legali, kienet kompitu importanti, diffiċli u delikat li huwa kien kapaċi jwettaq u jikkonkludi. Ma kien hemm ebda impatt negattiv fuq il-kwalità tax-xogħol tiegħu fi ħdan is-servizz legali. Il-fatt li rnexxielu jwettaq dan il-kompitu, li ma huwiex ta’ importanza żgħira, jikkostitwixxi punt pożittiv sinjifikattiv li kien imissu kellu impatt sostanzjali fuq l-evalwazzjoni tal-merti tiegħu.

28      Il-Kunsill jikkunsidra li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

29      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti, b’mod partikolari, ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ta’ lingwi differenti mil-lingwa li fir-rigward tagħha wrew li għandhom konoxxenza approfondita u, jekk ikun il-każ, il-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi.

30      It-Tribunal iddeċieda li, f’qasam fejn l-amministrazzjoni teżerċita setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ir-referenza espliċita għal dawn il-kriterji fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal turi l-importanza partikolari mogħtija mil-leġiżlatur lit-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom (sentenza tat-Tribunal tal-31 ta’ Jannar 2008, Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, F-97/05, punt 62). Ir-referenza partikolari, fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għal-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati mill-uffiċjal tidher iktar u iktar importanti fid-dawl tal-fatt li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Lulju 2001, Schochaert vs Il-Kunsill (T-131/00, punt 43), iddeċidiet li kien kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(1), fil-verżjoni fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, li l-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi jittieħed inkunsiderazzjoni bħala kriterju determinanti (sentenza tat-Tribunal tal-5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il-Kunsill, F-53/08, punt 49).

31      Barra minn hekk, it-Tribunal iddeċieda, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, huma iktar ċari fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-promozzjoni mid-dispożizzjonijiet tal-artikolu msemmi fil-verżjoni tagħha qabel dik id-data, u dan minħabba li jirreferu, minbarra għar-rapporti ta’ evalwazzjoni, għall-użu ta’ lingwi differenti mil-lingwa li fir-rigward tagħha l-uffiċjali kkonċernati jkunu wrew li għandhom konoxxenza approfondita u, jekk ikun il-każ, għal-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal iddeċieda li, bħala prinċipju, huwa fid-dawl ta’ dawn it-tliet elementi li l-Awtorità tal-Ħatra issa hija meħtieġa twettaq l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, bil-kelma “meriti”, li tinsab fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, tgawdi b’hekk minn portata differenti u essenzjalment usa’ mill-istess kelma użata fil-verżjoni ta’ dan l-artikolu applikabbli qabel l-1 ta’ Mejju 2004 (sentenza tat-Tribunal tas-7 ta’ Novembru 2007, Hinderycks vs Il-Kunsill, F-57/06, punt 45). It-Tribunal iddeċieda wkoll li l-espressjoni fejn “ikun il-każ” tfisser sempliċement li għalkemm, bħala prinċipju, l-uffiċjali fl-istess grad jitqiesu li jokkupaw funzjonijiet b’responsabbiltajiet ekwivalenti, meta dan ma jkunx il-każ fir-realtà, dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ promozzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouillez et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

32      L-Awtorità tal-Ħatra tista’, sussidjarjament, fil-każ ta’ parità fil-merti bejn l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi fuq il-bażi tat-tliet elementi msemmija espliċitament fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, tieħu elementi oħra inkunsiderazzjoni, bħalma huma l-età tal-kandidati u l-anzjanità fil-grad jew fis-servizz tagħhom (sentenza Bouillez et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

33      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Awtorità tal-Ħatra għandha, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kandidati għal promozzjoni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tal-arranġamenti u tar-raġunijiet li setgħu wasslu l-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar aġixxietx fi ħdan limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Għalhekk, il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u tal-merti tal-kandidati magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra bl-evalwazzjoni tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T-132/03, punt 52).

34      Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta f’dan is-sens lill-amministrazzjoni hija limitata mill-ħtieġa li jsir eżami komparattiv tal-kandidaturi b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u inkonformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsiru fuq bażi ugwali u abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ta’ dettalji komparabbli (sentenzi Casini vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

35      Għalhekk, huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, it-Tribunal jippreċiża li, filwaqt li tiġi mħarsa l-effettività li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, żball ikun manifest meta jkun jista’ jiġi pperċepit b’mod faċli u jkun jista’ jiġi identifikat b’mod evidenti, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jissuġġetta d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-promozzjoni.

36      Mill-atti tal-proċess jirriżulta li s-sistema ta’ promozzjoni applikata mill-Kunsill tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Awtorità tal-Ħatra fl-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kandidati għal promozzjoni.

37      Fil-kawża ineżami, sabiex ikun jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu, li fuqha straħet l-Awtorità tal-Ħatra, il-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni għall-grupp ta’ funzjonijiet AD kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, b’mod partikolari, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti fir-rigward ta’ kull uffiċjali li seta’ jiġi promoss sa mill-ħatra tiegħu fil-grad AD 12 sal-evalwazzjoni tiegħu għall-proċedura li tkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2007, rendikonti storiċi tal-karriera, informazzjoni fil-qosor dwar leave minħabba mard jew inċidenti li tkopri l-aħħar tliet snin, kif ukoll it-tabelli 2.1 u 3.1.

38      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li r-rikorrent, fl-argumenti żviluppati insostenn ta’ dan l-ewwel motiv, jirreferi għad-dsatax-il uffiċjal promoss għall-grad AD 13 u li r-rikorrenti stieden lit-Tribunal sabiex jitlob il-komunikazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ dawn id-dsatax-il uffiċjal, mill-proċess jirriżulta li fil-fatt huwa qiegħed jikkontesta l-evalwazzjoni komparattiva magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra bejn il-merti tiegħu u dawk tal-għaxar uffiċjali kkonċernati.

39      Fil-fatt, fil-punti 25, 32 u 33 tar-rikors, ir-rikorrent jinsisti fuq il-fatt li l-evalwazzjoni tal-merti tikkostitwixxi l-kriterju determinanti ta’ kull promozzjoni u li huwa biss b’mod sussidjarju, fil-każ ta’ parità fil-merti, li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-età tal-kandidati u l-anzjanità fil-grad jew fis-servizz tagħhom. Sa fejn għaxra mid-dsatax-il uffiċjal promoss kellhom anzjanità fil-grad AD 12 inferjuri għal tiegħu, fil-fehma tiegħu ma tantx huwa probabbli li dawn għandhom merti superjuri għal tiegħu.

40      Bl-istess mod, f’ebda mument tal-proċedura, la fl-osservazzjonijiet bil-miktub prodotti qabel is-seduta fid-dawl tar-risposta tal-Kunsill għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u lanqas matul is-seduta, ir-rikorrent ma lmenta dwar il-fatt li t-Tribunal kien illimita dawn il-miżuri għar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-għaxar uffiċjali kkonċernati u lanqas ma rrefera għad-disa’ uffiċjali b’anzjanità fil-grad AD 12 superjuri għal tiegħu, li fir-rigward tagħhom it-Tribunal ma talabx il-produzzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni.

41      Għaldaqstant, l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jinftiehem fis-sens li qiegħed jallega li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni fl-eżami komparattiv tal-merti tar-rikorrent ma’ dawk tal-għaxar uffiċjali kkonċernati.

42      Sabiex ir-rilevanza ta’ dan il-motiv tiġi eżaminata b’mod ġenerali, huwa meħtieġ li jiġu analizzati mhux biss ir-rapporti ta’ evalwazzjoni iżda wkoll elementi oħra li jinsabu fil-proċess u li jikkonċernaw l-użu tal-lingwi u l-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati.

–       Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni

43      Ir-rikorrent ipproduċa, b’mod partikolari, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti fir-rigward tiegħu sa mill-ħatra tiegħu fil-grad AD 12 sar-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007, ħlief għar-rapport li jkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2004. Meta ġie mistoqsi dwar dan il-punt matul is-seduta, ir-rikorrent esprima d-dubji tiegħu dwar l-eżistenza ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li jkopri dan il-perijodu u indika li dan jista’ jkun dovut għall-fatt li, fl-1 ta’ Ottubru 2003, meta reġa’ ngħaqad mas-servizz legali wara kollokament mal-Kummissjoni, il-proċedura ta’ evalwazzjoni fi ħdan il-Kunsill kienet diġà bdiet.

44      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet analitiċi, mill-osservazzjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Settembru 2010 jirriżulta li l-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni kien essenzjalment ħa inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet analitiċi li jikkorrispondu għar-rapport 2006-2007 tar-rikorrent u tal-għaxar uffiċjali kkonċernati. Dawn l-evalwazzjonijiet analitiċi huma maqsuma fi tlettax-il parti li għandhom jiġu mmarkati bl-indikazzjoni “eċċellenti”, “tajjeb ħafna”, “tajjeb”, “passabbli” u “jista’ jkun aħjar”.

45      Fl-Avviż lill-membri tal-persunal Nru 54/09, kien speċifikat li mal-indikazzjonijiet “eċċellenti”, “tajjeb ħafna”, “tajjeb”, “passabbli” u “jista’ jkun aħjar” kienu jikkorrispondu rispettivament il-marki “1”, “2”, “3”, “4” u “5”. Il-marki indikati servew għall-preparazzjoni ta’ statistika, b’mod partikolari t-tabelli 2.1 u 3.1, li jippreżentaw il-marki medji stabbiliti rispettivament skont il-gradi u skont id-direttorati ġenerali. Mit-tabella 2.1 jirriżulta li l-marka medja miksuba mill-uffiċjali fil-grad AD 12 kienet ta’ 2.28.

46      Issa, il-medja tal-evalwazzjonijiet analitiċi tar-rikorrent għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri 2, kienet nettament aħjar mill-marka medja indikata fil-punt preċedenti. Dan l-element jagħti indizju li juri l-kwalità tal-merti tar-rikorrent fir-rigward tal-aħħar perijodu ta’ evalwazzjoni kkunsidrat bħala parti mill-proċedura ta’ promozzjoni 2009.

47      Mill-atti fil-proċess jirriżulta li fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007 tagħhom, erbgħa mill-għaxar uffiċjali kkonċernati, jiġifieri A, E, I u J, kisbu medja fl-evalwazzjonijiet analitiċi tagħhom li hija inferjuri għal dik tar-rikorrent u għalhekk aħjar (1.77 għall-ewwel wieħed u 1.92 għat-tlieta l-oħra). Tlieta mill-għaxar uffiċjali kkonċernati, jiġifieri B, C u H, kellhom medja ta’ 2, l-istess bħar-rikorrent, filwaqt li l-medja tal-uffiċjali D, F u G kienet superjuri għal dik tar-rikorrent u għalhekk mhux tajba daqs tiegħu (2.15 għall-ewwel wieħed u 2.08 għat-tnejn l-oħra).

48      Madankollu, għandu jiġi osservat li d-differenza bejn il-medja tal-evalwazzjonijiet analitiċi tar-rikorrent u l-medja — mhux daqstant tajba — ta’ dawn it-tliet uffiċjali tal-aħħar hija differenza żgħira ħafna, b’tali mod li din id-differenza tista’ titqies, f’dan il-każ, bħala differenza negliġibbli.

49      Ir-rikorrent isostni li l-fatt li erbgħa mill-għaxar uffiċjali kkonċernati kienu kisbu medja, fl-evalwazzjonijiet analitiċi tagħhom, inferjuri għal tiegħu għandu jiġi relattivizzat sa fejn dawn jaħdmu f’direttorati ġenerali fejn, skont it-tabella 3.1, l-evalwazzjoni kienet inferjuri għall-marka medja tas-SĠK.

50      F’dan id-dawl għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mit-tabella msemmija, il-marka medja miksuba mill-uffiċjali tas-servizz legali, jiġifieri 2.35, hija viċina ħafna tal-marka medja ġenerali tas-SĠK, li hija ta’ 2.36. Mill-atti fil-proċess jirriżulta wkoll li l-erba’ uffiċjali promossi li kellhom evalwazzjonijiet analitiċi li l-medja tagħhom hija inferjuri għal dik tar-rikorrent jappartjenu lil direttorati ġenerali li l-marka medja tagħhom tinsab bejn 2.21 u 2.30, u għalhekk inferjuri għal dik tas-servizz legali. Skont din t-tabella, il-marki medji tad-diversi direttorati ġenerali jvarjaw bejn 2.05 (l-aħjar) u 2.63 (l-inqas tajba).

51      Għaldaqstant huwa minnu li l-erba’ uffiċjali msemmija iktar ’il fuq jappartjenu għal direttorati ġenerali fejn l-evalwaturi kienu iktar “ġenerużi” mal-membri tal-persunal kollha tagħhom mill-istess evalwaturi fis-servizz legali. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-iktar marka medja baxxa ta’ dawn id-direttorati ġenerali hija ta’ 2.21, jiġifieri 0.15 punti inqas mill-marka medja ġenerali tas-SĠK u 0.14 punti inqas mill-marka medja tas-servizz legali, filwaqt li l-marki medji tad-diversi direttorati ġenerali jvarjaw b’0.58 punti.

52      F’tali kuntest, għandu jiġi osservat li d-differenza indikata fil-punt preċedenti bejn il-marka medja tal-evalwazzjoni fis-servizz legali u dik fid-direttorati ġenerali li taħthom jaqgħu l-erba’ uffiċjali promossi li l-evalwazzjonijiet analitiċi tagħhom huma, bħala medja, aħjar minn dawk tar-rikorrent ma tistax tkun determinanti fir-rigward tal-għoti ta’ promozzjoni.

53      Fil-fatt, minn naħa, il-marki medji stabbiliti għal kull direttorat ġenerali huma kkalkolati fir-rigward tan-numru ta’ uffiċjali ta’ kull wieħed minnhom, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn dawn l-uffiċjali skont il-grad tagħhom, il-grupp ta’ funzjonijiet li jaqgħu fih jew skont jekk humiex intitolati għal promozzjoni jew le matul il-proċedura inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-medja tal-evalwazzjonijiet analitiċi tikkostitwixxi biss parti mill-informazzjoni li l-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni meta jagħmel eżami komparattiv tal-merti.

54      Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li, fl-evalwazzjoni tal-merti tiegħu, ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa kien ħa ħsieb il-presidenza tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjonijiet EPSO/AD/46/06 u EPSO/AD/47/06. Matul is-seduta huwa enfasizza li dan il-kompitu kien wassal għal żieda kunsiderevoli fil-volum tax-xogħol tiegħu u li huwa kien wettaq dan il-kompitu bla ħsara għall-attività normali tiegħu fi ħdan is-servizz legali tal-Kunsill.

55      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007 tar-rikorrent isemmi espliċitament, fid-deskrizzjoni tal-kompiti mwettqa minnu, li “[m]atul parti kunsiderevoli mill-perijodu ta’ referenza [ir-rikorrent] ippresjeda l-bord tal-għażla għall-kompetizzjonijiet [EPSO/AD/46/06 u EPSO/AD/47/06] (ġuristi)”. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-evalwazzjoni analitika tal-kwalità tax-xogħol tar-rikorrent fl-istess rapport, ir-rikorrent kiseb “eċċellenti”, filwaqt li fir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u t-30 ta’ Ġunju 2006 huwa kien kiseb biss “tajjeb ħafna”.

56      Minn dan isegwi li kemm l-ewwel żewġ evalwaturi li intervjenew bħala l-“ewwel evalwatur” u li stabbilixxew ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent u kemm it-tieni evalwatur kienu jafu bl-isforz addizzjonali li għamel ir-rikorrent matul il-perijodu ta’ referenza. Barra minn hekk, it-titjib imsemmi iktar ’il fuq fl-evalwazzjoni analitika tal-kwalità tax-xogħol tar-rikorrent jidher li jindika li l-presidenza tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjonijiet imsemmija kienet effettivament ittieħdet inkunsiderazzjoni meta ġie stabbilit ir-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007.

57      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ġenerali, huwa minnu li l-evalwazzjonijiet ġenerali espressi fir-rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti fir-rigward tar-rikorrent sa mill-ħatra tiegħu fil-grad AD 12 huma partikolarment eloġjużi. B’hekk, fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007 tiegħu, l-ewwel evalwatur li evalwa lir-rikorrent għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u t-30 ta’ Settembru 2007 jippreċiża li r-rikorrent huwa “kollaboratur manjifiku” u “ġurista eċċellenti”. Barra minn hekk, l-ewwel evalwatur li evalwa lir-rikorrent għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru 2007 jindika li r-rikorrent għandu “konoxxenzi eċċezzjonali tad-dritt Komunitarju” u li “għandu kapaċitajiet ta’ komprensjoni u ta’ ġudizzju partikolarment żviluppati li jippermettulu jagħti opinjonijiet legali, kemm oralment u kemm bil-miktub, ta’ livell għoli ħafna”, u jżid li r-rikorrent “jistħoqqlu promozzjoni għall-grad superjuri”.

58      Madankollu, mill-proċess jirriżulta li l-evalwazzjonijiet ġenerali espressi fir-rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti fir-rigward tal-għaxar uffiċjali kkonċernati sa mill-ħatra tagħhom għall-grad AD 12 huma ekwivalenti għal dawk tar-rikorrent. It-Tribunal ma osserva ebda kumment li jista’ jnaqqas mill-merti tagħhom.

59      Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li espressjonijiet bħal “l-uffiċjal evalwat jistħoqqlu promozzjoni jew jistħoqqlu li jingħata iktar responsabbiltajiet” jidhru fir-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ diversi mill-għaxar uffiċjali kkonċernati li huma preċedenti għar-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007 tagħhom. Madankollu, tali evalwazzjonijiet min-naħa tal-ewwel evalwaturi ma jistgħux jorbtu lill-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-għoti ta’ promozzjoni lill-uffiċjal ikkonċernat, kif juri l-fatt li ebda wieħed mill-uffiċjali msemmija ma rċieva, minkejja tali evalwazzjonijiet, promozzjoni qabel il-proċedura 2009.

60      Fil-fatt, ir-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ evalwazzjoni ma jistabbilixxux li l-evalwaturi għandhom jiddeċiedu dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-uffiċjal evalwat jistħoqqlux promozzjoni. Meta l-evalwaturi jieħdu l-inizjattiva li jirrakkomandaw promozzjoni għal xi membru partikolari tal-unità tagħhom, huma jkunu qegħdin jesprimu l-opinjoni tagħhom li b’ebda mod ma tista’ torbot lill-Awtorità tal-Ħatra, u dan sa fejn il-promozzjoni tista’ tingħata biss wara eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kollha ta’ istituzzjoni li jistgħu jiġu promossi għall-istess grad. Għaldaqstant, minn naħa, tali evalwazzjonijiet ma jistax ikollhom l-istess piż bħal dawk li jirriżultaw mill-elementi li l-evalwatur huwa obbligat jevalwa. Min-naħa l-oħra, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tippromwovi uffiċjal meta tikkunsidra li dan ikun ġustifikat, u dan anki fin-nuqqas ta’ kummenti favur promozzjoni fir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu.

61      Għal finijiet ta’ kompletezza, il-kumment li r-rikorrent jistħoqqlu promozzjoni għandu jiġi relativizzat sa fejn sar mill-ewwel evalwatur li l-evalwazzjoni tiegħu kopriet biss tlieta mit-tmintax-il xahar tal-perijodu evalwat.

62      Fl-osservazzjonijiet tiegħu li waslu fir-Reġistru tat-Tribunal fil-31 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrent isostni wkoll li, f’wieħed mir-rapporti ta’ evalwazzjoni prodotti għall-finijiet tal-proċess mill-Kunsill, rapport li jgħid li l-uffiċjal evalwat jistħoqqlu promozzjoni, it-tieni evalwatur indika li kien jaqbel mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-ewwel evalwatur iżda li fil-fehma tiegħu l-evalwazzjonijiet analitiċi mogħtija ma kinux jaqblu mal-istruzzjonijiet mogħtija. Madankollu, sa fejn it-tieni evalwatur ma emendax l-evalwazzjonijiet analitiċi, it-Tribunal għandu jikkunsidrahom bħala approvati minn dan tal-aħħar.

63      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li mill-eżami komparattiv tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ma jirriżultax b’mod manifest li l-uffiċjali l-oħra ma kienx jistħoqqilhom promozzjoni iktar mir-rikorrent.

–       L-użu tal-lingwi

64      Fir-rigward tal-użu tal-lingwi, ir-rikorrent isostni li huwa jitkellem ħames lingwi u jikkritika lill-Awtorità tal-Ħatra talli ma tatx importanza suffiċjenti lill-kompetenzi lingwistiċi tiegħu.

65      Fir-rigward ta’ dawn il-kompetenzi lingwistiċi, il-Kunsill jindika, fir-risposta tiegħu, li l-kriterju tal-użu tal-lingwi “huwa pjuttost kriterju sussidjarju li permezz tiegħu tista’ ssir distinzjoni bejn il-kandidati li r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom ikunu ekwivalenti”.

66      Madankollu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jidher b’mod ċar li l-kriterju dwar l-użu mill-uffiċjali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ta’ lingwi differenti mil-lingwa li jkunu wrew li għandhom konoxxenza approfondita ma huwiex kriterju sussidjarju, fis-sens li dan il-kriterju jista’ jikkostitwixxi fattur deċiżiv fl-għażla tal-Awtorità tal-Ħatra fil-każ biss li jkun hemm parità bejn il-merti tal-uffiċjali li jkunu jistgħu jiġu promossi.

67      Fir-risposta tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2010 għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill ippreċiża li “il-piż relattiv ta’ kull wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni ma huwiex iddeterminat b’mod preċiż” u li l-għażla tal-Awtorità tal-Ħatra kienet ibbażata fuq evalwazzjoni globali tal-merti tal-uffiċjali, evalwazzjoni li fi ħdanha r-rapporti ta’ evalwazzjoni kkunsidrati flimkien u l-livell tar-responsabbiltajiet kellhom l-iktar importanza, bil-kriterju tal-użu tal-lingwi meħud inkunsiderazzjoni b’importanza “pjuttost inferjuri” għaż-żewġ elementi msemmija. Matul is-seduta, il-Kunsill ikkonferma li l-użu tal-lingwi huwa wieħed mill-ewwel kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-merti iżda li dan il-kriterju għandu inqas importanza mit-tnejn l-oħra. Bl-istess mod, il-konvenut insista fuq il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ma għamlitx paragun ta’ kull wieħed mill-kriterji b’mod iżolat iżda għamlet, għal kull kandidat, evalwazzjoni globali u mwieżna ta’ dawn il-kriterji.

68      F’dan ir-rigward, it-Tribunal josserva li huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha ċertu marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-importanza rispettiva li hija tagħti lil kull wieħed mit-tliet kriterji previsti fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma jeskludux il-possibbiltà li dawn il-kriterji jingħataw piż differenti.

69      Fir-rigward tal-lingwi użati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet, it-Tribunal josserva li r-rikorrent ma jispeċifikax jekk huwa użax il-ħames lingwi msemmija iktar ’il fuq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu matul il-perijodu eżaminat, jiġifieri bejn l-1 ta’ Ġunju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2007.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007 tar-rikorrent isemmi, fit-Taqsima III, intitolata “Lingwi”, tal-ewwel parti:

“[Ir-rikorrent], li l-lingwa tiegħu hija dik Spanjola, jaħdem b’mod regolari bil-Franċiż u bl-Ingliż, kemm oralment u kemm bil-miktub. Xi drabi huwa jaħdem ukoll bil-Ġermaniż (oralment).”

71      Matul is-seduta, ir-rikorrent ippreċiża li, matul il-perijodu eżaminat għall-finijiet tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009, huwa kien juża l-Ġermaniż, it-Taljan u l-Portugiż oralment biss, u dan matul laqgħat jew fil-kuntest tagħhom.

72      Fir-rigward tal-kunċett tal-lingwi użati, it-Tribunal josserva li, skont in-nota ta’ informazzjoni dwar il-konoxxenzi lingwistiċi, li tinkludi t-titoli “komprensjoni”, “[lingwa] mitkellma” u “[lingwa] miktuba”, mehmuża mar-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007 u mimlija mir-rikorrent fid-29 ta’ Jannar 2007, dan tal-aħħar iddikjara li għandu konoxxenza tajba ħafna tal-Franċiż u tal-Ingliż, iżda, fir-rigward tal-Ġermaniż, iddikjara li għandu biss kapaċitajiet tajba ta’ komprensjoni, livell tajjeb tal-lingwa mitkellma u livell passabbli tal-lingwa miktuba, u, fir-rigward tat-Taljan, huwa ddikjara li għandu biss kapaċitajiet tajba ta’ komprensjoni u livell passabbli tal-lingwa mitkellma u miktuba. Fl-aħħar nett, dejjem skont din in-nota ta’ informazzjoni, il-konoxxenza tal-Portugiż tar-rikorrent hija limitata għal livell passabbli ta’ komprensjoni.

73      Fl-ittra tiegħu tas-27 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrent jindika li huwa kiseb konoxxenza tajba tat-Taljan peress li din il-lingwa hija waħda mil-lingwi ta’ ħidma li huwa juża l-iktar minħabba l-pożizzjoni tiegħu ta’ assistent kap tal-uffiċċju tas-Sur Tajani, Membru tal-Kummissjoni, li huwa ilu jokkupa sa mill-1 ta’ Ġunju 2008.

74      Issa, kif josserva ġustament il-Kunsill fid-deċiżjoni tiegħu tal-24 ta’ Settembru 2009, il-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni ma setax jieħu inkunsiderazzjoni elementi li jikkonċernaw perijodu sussegwenti għall-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi, jiġifieri dak li jkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2007. Barra minn hekk, l-uniċi elementi dwar il-lingwi li kellu l-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni kienu r-rapporti ta’ evalwazzjoni stabbiliti fir-rigward ta’ kull uffiċjal li seta’ jiġi promoss, sa mill-ħatra tiegħu fil-grad AD 12 sar-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007. Għalhekk, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, la dan il-kumitat u lanqas l-Awtorità tal-Ħatra ma setgħu jippermettu lill-uffiċjali li ma ġewx promossi jinvokaw elementi li l-uffiċjali li setgħu jiġu promossi l-oħra ma setgħux jirreferu għalihom.

75      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjonijiet tar-rikorrent matul is-seduta fir-rigward tal-konoxxenzi tiegħu fil-lingwa mitkellma Taljana u Portugiża ma jaqblux mal-informazzjoni dwar il-konoxxenzi lingwistiċi li jinsabu fin-nota mehmuża mar-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007. Fil-fatt, skont din in-nota, ir-rikorrent jiddikjara li għandu konoxxenza passabbli tat-Taljan bħala lingwa mitkellma filwaqt li, fir-rigward tal-konoxxenzi tiegħu tal-Portugiż, bħala lingwa mitkellma, huma ma kien indika xejn.

76      Għalkemm huwa minnu li din in-nota mtliet fid-29 ta’ Jannar 2007 u għalhekk ma tistax tirreferi għall-konoxxenzi lingwistiċi tar-rikorrent fil-31 ta’ Diċembru 2007, it-Tribunal josserva li r-rikorrent stess jinsisti fuq il-fatt li l-kompetenzi fit-Taljan tiegħu llum il-ġurnata huma tal-istess livell bħal dawk fil-Franċiż u fl-Ingliż. B’mod impliċitu għalhekk ir-rikorrent qiegħed jammetti li, fil-31 ta’ Diċembru 2007, il-kompetenzi fit-Taljan tiegħu kienu inqas milli fil-preżent. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent ma pproduċa ebda prova sabiex juri li, fil-31 ta’ Diċembru 2007, il-konoxxenzi tiegħu fil-lingwa mitkellma Taljana u Portugiża kienu tjiebu wara Jannar 2007. Għalhekk, it-Tribunal jista’ raġonevolment jikkunsidra li, f’dik id-data, il-kompetenzi tar-rikorrent fil-lingwa mitkellma Taljana u Portugiża ma kinux għolja biżżejjed sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-paragun tal-merti lingwistiċi.

77      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fi tmiem il-perijodu eżaminat mill-kumitat konsultattiv ta’ promozzjoni, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrent kellu konoxxenza tajba ħafna, minbarra tal-Ispanjol bħala l-lingwa materna, tal-Franċiż u tal-Ingliż. Huwa kien jaf tajjeb ukoll il-Ġermaniż, għalkemm il-konoxxenzi tiegħu tal-lingwa miktuba Ġermaniża kienu limitati, u kien jifhem tajjeb it-Taljan. Fir-rigward tal-użu ta’ dawn il-lingwi, għalkemm huwa minnu li r-rikorrent kien jitkellem okkażjonalment il-Ġermaniż, jibqa’ l-fatt li huwa kien juża biss żewġ lingwi b’mod regolari fix-xogħol tiegħu, jiġifieri l-Ingliż u l-Franċiż.

78      F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fost l-għaxar uffiċjali kkonċernati, kollha kienu jużaw l-Ingliż u l-Franċiż fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, mhux dawn l-uffiċjali kollha kellhom konoxxenza perfetta ta’ dawn iż-żewġ lingwi u fost dawk li kellhom l-Ingliż jew il-Franċiż bħala l-lingwa materna, mhux kollha kellhom konoxxenza tajba ħafna ta’ minn tal-inqas tliet lingwi. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li dawk kollha li ma kellhomx konoxxenza tajba ħafna jew perfetta tal-lingwi kkonċernati kellhom minn tal-inqas konoxxenza tajba tagħhom.

79      Għaldaqstant, jidher li essenzjalment il-kompetenzi lingwistiċi tar-rikorrent huma ekwivalenti għal dawk tal-għaxar uffiċjali kkonċernati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

–       Il-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati

80      Fir-rigward tal-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati, mill-proċess jirriżulta li l-għaxar uffiċjali kkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni tal-uffiċjal B, kienu jeżerċitaw funzjonijiet maniġerjali matul il-proċedura li tkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2007. Dawn id-disa’ uffiċjali kienu jeżerċitaw funzjonijiet ta’ kap ta’ unità jew kienu jikkoordinaw de facto il-ħidma ta’ grupp f’oqsma sensittivi. Ir-rikorrent u l-uffiċjal B, min-naħa tagħhom, kienu jaħdmu, matul dan il-perijodu, bħala ġuristi fi ħdan is-servizz legali tal-Kunsill.

81      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li disgħa mill-għaxar uffiċjali kkonċernati kienu jeżerċitaw funzjonijiet li jimplikaw, f’termini ta’ maniġment, livell ta’ responsabbiltajiet superjuri għal dak tar-rikorrent, filwaqt li l-funzjonijiet tal-għaxar uffiċjal, l-uffiċjal B, kienu fl-istess livell.

82      F’dan il-kuntest, ir-rikorrent jikkunsidra li l-kompiti addizzjonali eventwalment fdati lill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi għandhom jiġu eżaminati bħala parti mir-responsabbiltajiet assunti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. B’hekk, huwa jinsisti fuq il-fatt li, matul il-perijodu bejn Ġunju 2006 u Diċembru 2007, jiġifieri matul il-parti l-kbira tal-perijodu eżaminat fir-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007, huwa kien il-president tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjonijiet EPSO/AD/46/06 u EPSO/AD/47/06, kompitu dan li kien ifisser żieda fil-volum tax-xogħol tiegħu minbarra l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan is-servizz legali. Issa, prattikament ebda wieħed mill-għaxar uffiċjali kkonċernati ma kien assuma kompiti addizzjonali ekwivalenti. Għaldaqstant, ir-rikorrent isostni li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, fl-evalwazzjoni tal-merti tar-rikorrent, il-fatt li huwa, minbarra l-kompiti abitwali tiegħu, kien ippresjeda l-bord tal-għażla tal-imsemmija kompetizzjonijiet.

83      Għaldaqstant, it-Tribunal għandu jivverifika jekk, fid-dawl tal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ maniġment u ta’ responsabbiltajiet għolja minn disgħa mill-għaxar uffiċjali kkonċernati, il-merti ta’ dawn tal-aħħar jidhrux li huma superjuri għal dawk tar-rikorrent, u dan filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrent assuma l-kompitu addizzjonali msemmi iktar ’il fuq.

84      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-kompitu ta’ president tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjonijiet EPSO/AD/46/06 u EPSO/AD/47/06 ma jimplikax biss volum ta’ xogħol addizzjonali, li jiżdied mal-funzjonijiet li r-rikorrent kien meħtieġ iwettaq fi ħdan is-servizz legali, iżda jimplika wkoll livell ta’ responsabbiltajiet għoli, kif barra minn hekk jammetti l-Kunsill. Madankollu, kif isostni dan tal-aħħar, il-fatt li wieħed iservi bħala president ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni huwa kompitu temporanju. Għalkemm huwa minnu li dan il-kompitu twettaq fuq perijodu twil ta’ żmien, f’dan il-każ sena u nofs, jibqa’ l-fatt li, skont l-atti li jinsabu fil-proċess, id-disa’ uffiċjali promossi kienu jwettqu funzjonijiet maniġerjali b’mod permanenti u għal żmien itwal. B’hekk, sitta minnhom kienu ilhom jeżerċitaw funzjonijiet maniġerjali mill-inqas sa mill-1 ta’ Lulju 2003, filwaqt li tnejn kienu ilhom jeżerċitaw tali funzjonijiet mill-inqas sa mill-1 ta’ Jannar 2005. Fl-aħħar nett, uffiċjal kien ikkollokat mar-rappreżentant speċjali tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Great Lakes (l-Afrika tal-Lvant) sa mill-1 ta’ Frar 2004 u, kif jindika l-Kunsill, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu kien jassumi responsabbiltajiet għolja ħafna.

85      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-Tribunal iqis li l-kompitu addizzjonali mwettaq mir-rikorrent, għalkemm jistħoqqlu mertu, ma jiħux preċedenza, fil-bilanċ globali tal-merti, fuq il-funzjonijiet maniġerjali eżerċitati b’mod permanenti u għal żmien itwal.

86      It-Tribunal għandu jivverifika wkoll jekk il-Kunsill wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għamel il-paragun globali tal-merti tar-rikorrent, u b’mod partikolari tal-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati, ma’ dawk tal-uffiċjal B.

87      Mill-proċess jirriżulta li l-uffiċjal B okkupa l-grad AD 12 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004 u li, matul il-perijodu bejn dik id-data u l-31 ta’ Diċembru 2007, kien membru tas-servizz legali tal-Kunsill. Minn dan isegwi li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2003, id-data li fiha r-rikorrent reġa’ ngħaqad ma’ dan is-servizz legali wara l-kollokament tiegħu, u l-31 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrent u l-uffiċjal B kienu assenjati mal-istess servizz u kienu jeżerċitaw funzjonijiet b’livell ta’ responsabbiltà simili.

88      Mill-proċess jirriżulta, u dan ġie enfasizzat mill-Kunsill matul is-seduta, li, matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq, l-uffiċjal B, kif ukoll ir-rikorrent, kellhom kompiti addizzjonali. Fil-fatt, matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2004, l-uffiċjal B kien eżaminatur għal ċerti eżamijiet ta’ kompetizzjoni EPSO u pparteċipa fis-segretarjat tal-konferenza intergovernamentali, b’mod partikolari fl-aġġornament tal-abbozz tat-trattat li jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Unjoni Ewropea. Skont il-Kunsill, dan il-kompitu tal-aħħar kien jinvolvi xogħol ta’ portata u ta’ volum komparabbli għall-presidenza ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni EPSO. Matul is-seduta, il-Kunsill enfasizza wkoll li l-uffiċjal B huwa ġurista estremament kapaċi, straordinarjament affidabbli u b’kapaċità ta’ analiżi rimarkabbli.

89      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk l-Awtorità tal-Ħatra aġixxietx fi ħdan limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

90      Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx b’mod faċilment perċepibbli li, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni globali tal-kriterji previsti fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-merti tal-uffiċjal B ma kinux superjuri għal dawk tar-rikorrent. Għalhekk, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-bilanċ kellu manifestament ixaqleb favur ir-rikorrent.

91      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura

 L-argumenti tal-partijiet

92      Ir-rikorrent isostni li huwa jista’ jipprovdi indizji suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konkordanti li juru li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet sabiex tissanzjona bil-moħbi, bi ksur tal-Artikoli 37 u 38 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-fatt li huwa ilu sa mill-1 ta’ Ġunju 2008 f’sitwazzjoni ta’ kollokament, fl-interess tas-servizz, mal-Kummissjoni. Ir-rikorrent jinsisti fuq il-fatt li l-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu għas-servizz ta’ uffiċċju ta’ membru tal-Kummissjoni huwa mertu u xi ħaġa pożittiva, u dan kien imissu ttieħed inkunsiderazzjoni meta sar l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi. Billi rrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni dan il-mertu kif ukoll l-inċertezza marbuta mal-kollokament tiegħu, il-Kunsill issanzjonah darbtejn u b’hekk wettaq użu ħażin ta’ poter, bl-użu ħażin ta’ proċedura jkun biss forma tal-użu ħażin ta’ poter.

93      Il-Kunsill jirribatti li r-rikorrent ma pprovda ebda indizju insostenn tal-argumenti tiegħu u li għalhekk huwa ma jistax iwieġeb għal dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

94      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-kollokament tar-rikorrent mal-Kummissjoni seħħ f’Ġunju 2008, data sussegwenti għall-perijodu kopert mill-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009, jiġifieri r-rapport ta’ evalwazzjoni 2006-2007. Sa fejn il-kumitati konsultattivi ta’ promozzjoni setgħu jeżaminaw biss il-merti li l-uffiċjali li setgħu jiġu promossi kienu wrew sal-31 ta’ Diċembru 2007, dan il-kollokament ma setax ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009.

95      Barra minn hekk, ġie deċiż diversi drabi li att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed esklużivament, jew minn tal-inqas b’mod determinanti, għal finijiet differenti minn dawk iddikjarati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura speċifikament prevista mit-Trattat (sentenza tat-Tribunal tal-11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il-Parlament, F-105/05, punt 119, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      F’dan il-każ, kif josserva ġustament il-Kunsill, ir-rikorrent ma tax prova u lanqas ma allega l-eżistenza ta’ tali indizji. Fil-fatt, huwa sempliċement isostni li jistħoqqlu iktar mill-għaxar uffiċjali kkonċernati. Issa, dan l-argument ma huwiex ta’ natura li juri li d-deċiżjoni kkontestata ġiet stabbilita biss bil-għan li ssirlu ħsara.

97      Għal finijiet ta’ kompletezza, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent ġie promoss għall-grad A 4 (li sar AD 12) fl-2001, meta kien ikkollokat fl-interess tas-servizz mal-Kummissjoni, u għall-grad AD 13 fl-2010, matul il-kollokament tiegħu fl-interess tas-servizz mal-uffiċċju tas-Sur Tajani. Dan il-fatt tal-aħħar jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni hawnhekk, minkejja li huwa sussegwenti għad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li jipprovdi indizji dwar il-kundizzjonijiet li fihom ittieħdet din id-deċiżjoni. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jistax isostni b’mod validu li l-kollokamenti tiegħu fl-interess tas-servizz kienu implikawlu sanzjonijiet moħbija billi pprekluduh milli jiġi promoss.

98      Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata għal finijiet li ma humiex relatati mal-għan tal-proċedura ta’ promozzjoni u li hija vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter.

99      Minn dan li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat.

100    Minn dan isegwi li t-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

 L-argumenti tal-partijiet

101    Ir-rikorrent isostni li n-nuqqas ta’ promozzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009 kkawżalu dannu serju kemm professjonali u kemm morali. Fil-fatt, huwa mhux biss tilef sena (li għandha tiġi kapitalizzata fuq l-iżvolġiment tal-karriera tiegħu u tal-promozzjonijiet futuri tiegħu), iżda jinsab ukoll imxekkel fir-rigward tal-possibiltajiet tiegħu li jkollu aċċess għal pożizzjonijiet li jeħtieġu l-grad AD 13. Ir-rikorrent jistma dan id-dannu professjonali għal EUR 50 000. Barra minn hekk, dan in-nuqqas ta’ promozzjoni kkawżalu stress kunsiderevoli li wassal sabiex jaggrava s-saħħa tiegħu, li kienet diġà delikata minħabba marda gravi. Dan id-dannu morali jammonta, skont ir-rikorrent, għal EUR 150 000.

102    Il-Kunsill jitlob li din it-talba għall-kumpens tad-danni professjonali u morali tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

103    Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tas-servizz pubbliku, it-talbiet intiżi għall-kumpens tad-dannu għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li jkunu ġew miċħuda bħala infondati (sentenza tat-Tribunal tat-12 ta’ Marzu 2009, Arpaillange et vs Il-Kummissjoni, F-104/06, punt 137, u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    F’dan il-każ, it-talbiet għal annullament ġew miċħuda bħala infondati. Minn dan isegwi li t-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda.

105    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it-Tribunal jista’ jiddeċiedi li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

107    Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent tilef. Barra minn hekk, il-Kunsill, fit-talbiet tiegħu, espressament talab li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm għalhekk lok li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      D. Canga Fano għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Gervasoni

Kreppel

Rofes i Pujol

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Marzu 2011.

Reġistratur

 

       President

W. Hakenberg

 

       S. Gervasoni

It-testi ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fis-sit internet www.curia.europa.eu u, bħala prinċipju, jkunu ppubblikati, f’ordni kronoloġiku, fil-Ġabra tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jew fil-Ġabra ta’ ġurisprudenza — Servizz pubbliku, skont il-każ.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.