Language of document : ECLI:EU:C:2010:243

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Mejju 2010 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 71 – Konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri f’oqsma partikolari – Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq (CMR)”

Fil-Kawża C‑533/08,

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skont l-Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2008, fil-proċedura

TNT Express Nederland BV

vs

AXA Versicherung AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, P. Kūris, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur), J.‑J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal TNT Express Nederland BV, minn J. H. J. Teunissen, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud‑Joët u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, tad-19 ta’ Mejju 1956, kif emendata bil-protokoll iffirmat f’Genève fil-5 ta’ Lulju 1978 (iktar ’il quddiem is-“CMR”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn TNT Express Nederland BV (iktar ’il quddiem “TNT”) u AXA Versicherung AG (iktar ’il quddiem “AXA”), fir-rigward tal-eżekuzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ deċiżjonijiet ta’ qorti Ġermaniża li tikkundanna lil TNT għall-ħlas ta’ kumpens minħabba t-telf ta’ merkanzija waqt trasport internazzjonali bit-triq.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

“Il-Komunità poġġiet quddiemha l-għan li tmantni u tiżviluppa żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja, li fiha jiġi żgurat il-moviment ħieles ta’ persuni. Sabiex tiġi stabbilita ftit ftit din iż-żona, il-Komunità trid tadotta, fost affarijiet oħra, il-miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili meħtieġa għall-operat tajjeb tas-suq intern.”

4        Skont il-premessa 6 ta’ dan ir-regolament:

“Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.”

5        Il-premessi 11, 12 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jispeċifikaw:

“(11)Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa […].

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[…]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]”

6        Il-premessi 16 u 17 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(16) Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)      Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. […]”

7        Skont il-premessa 25 ta’ dan ir-regolament:

“Rispett għall-impennji internazzjonali li kienu daħlu għalihom l-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa konvenzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ materji speċifiċi li għalihom huma partijiet l-Istati Membri.”

8        Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

a)      l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali, drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni;

b)      falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi;

ċ)      sigurtà soċjali;

d)      arbitraġġ.”

9        L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 9 intitolata “Lis pendens - azzjonijiet relatati”, tal-Kapitolu II, intitolat “Ġurisdizzjoni”, ta’ dan ir-regolament, jipprovdi:

“1.      Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.      Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

10      L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 1, intitolata “Rikonoxximent”, tal-Kapitolu III intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni ”, ta’ dan ir-regolament, jipprovdi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1)      jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

[…]”

11      L-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-istess sezzjoni, huwa redatt kif ġej:

“1.      Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.      Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.      Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

12      Skont l-Artikolu 36 tal-istess regolament, li wkoll jinsab fl-istess Sezzjoni 1 tal-Kapitolu III tiegħu, “[s]entenza barranija taħt l-ebda ċirkostanzi ma’ tista’ tiġi reveduta fuq is-sustanza tagħha”.

13      L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 2, intitolat “Eżekuzzjoni”, tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, jipprovdi:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

14      L-Artikolu 43(1) ta’ dan ir-regolament iżid li “[i]d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun appellata minn kull parti.”

15      L-Artikolu 45 tal-istess regolament jispeċifika:

“1.      Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 […] għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35. […]

2.      Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha.”

16      L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fil-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Relazzjonijiet ma’ strumenti oħra”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni li dwar[ha] l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, jirregola ġurisdizzjoni jew r-Rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi.

2.      Bil-għan ta’ l-interpretazzjoni uniformi tiegħu, [il-]paragrafu 1 għandu jiġi applikat b’dan il-mod:

a)      dan ir-Regolament m’għandux ifixkel qorti ta’ Stat Membru, li jkun parti mill-konvenzjoni dwar materja partikolari, milli jassumi ġurisdizzjoni skond dik il-konvenzjoni, anki meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Membru ieħor li ma jkunx partu minn dik il-konvenzjoni. Il-qorti li jkun jisma’ l-azzjoni għandu, fi kwalunkwe każ, japplika l-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament;

b)      sentenzi mgħotija fi Stat Membru minn qorti fl-eżerċizju ta’ ġurisdizzjoni li hemm disposizzjoni dwarha f’konvenzjoni dwar materja partikolari għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwibbli fl-Istati Membru l-oħra skond dan ir-Regolament.

Meta konvenzjoni dwar materja parikolari li dwarha kemm l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru indirizzat ikunu partijiet ikunu qiegħdu kondizzjonijet għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw. Fi kwalunkwe każ, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-proċedura għal rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi jistgħu japplikaw.”

 Is-CMR

17      Skont l-Artikolu 1 tagħha, is-CMR għandha tapplika, “għal kull kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq bi ħlas permezz ta’ vetturi, meta l-post tal-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-merkanzija u l-post previst għall-kunsinna tagħha […] jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti, li tal-anqas wieħed minnhom huwa pajjiż kontraenti […] ikunu xi jkunu d-domiċilju u ċ-ċittadinanza tal-partijiet”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      Is-CMR ġiet innegozjata fil-kuntest tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. Iktar minn 50 Stat, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea aderew għas-CMR.

19      L-Artikolu 23 tas-CMR jipprovdi:

“1.      Meta, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, ir-responsabbiltà għal kumpens għal telf totali jew parzjali tal-merkanzija tiġi attribwita lit-trasportatur, dan il-kumpens huwa kkalkulat skont il-valur tal-merkanzija fil-post u fi żmien l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-merkanzija.

[…]

3.      Madankollu, il-kumpens ma jistax jeċċedi 8.33 unità ta’ għadd għal kull kilogramm ta’ piż gross li huwa nieqes.

4.      Barra minn hekk għandhom jiġu rimborsati l-prezz tat-trasport, id-dazji doganali u l-ispejjeż l-oħra sostnuti għat-trasport tal-merkanzija, b’rimbors totali fil-każ ta’ telf totali, u prorata fil-każ ta’ telf parzjali, danni oħrajn ma humiex dovuti.

[…]

7.      L-unità ta’ għadd imsemmija f’din il-Konvenzjoni hija d-Dritt speċjali ta’ ħruġ hekk kif iddefinit mill-Fond Monetarju Internazzjonali. L-ammont imsemmi fis-subparagrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa kkonvertit fil-munità nazzjonali tal-Istat tal-qorti li quddiemha qed tinstema’ l-kawża […]

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      Skont l-Artikolu 31(1) tas-CMR:

“1.      Għall-kawżi kollha li jirriżultaw mill-ġarr ta’ merkanzija suġġett għal din il-Konvenzjoni, ir-rikorrent jista’ jressaq kawża, minbarra fil-qrati tal-pajjiżi kontraenti indikati bi ftehim komuni mill-partijiet, fil-qrati tal-pajjiżi li, fit-territorju tagħhom:

a)      il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, is-sede prinċipali tan-negozju tiegħu jew il-fergħa jew l-aġenzija li, permezz tagħha, il-kuntratt ta’ trasport ġie konkluż, jew

b)      il-post fejn il-merkanzija għaddiet għand min ġarrha jew dak previst għall-kunsinna tagħha,

barra minn hekk, huwa jista’ biss iressaq kawża quddiem dawn il-qrati.

2.       Kemm-il darba kawża li tkun inbdiet abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tkun ġiet proposta quddiem il-qorti kompetenti skont l-istess paragrafu, jew kemm-il darba din il-qorti tkun iddeċidiet din il-kawża, ma tistax tinfetaħ kawża ġdida bejn l-istess partijiet u dwar l-istess mertu, sakemm is-sentenza tal-qorti li quddiemha tkun ġiet imressqa l-ewwel kawża ma tkunx tista’ tiġi eżegwita fl-Istat fejn tkun ġiet imressqa l-kawża l-ġdida.

3.       Kemm-il darba, f’kawża li tkun inbdiet abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, sentenza li tkun ingħatat minn qorti ta’ Stat kontraenti ssir eżekuttiva f’dak l-Istat, din tkun eżekuttiva bl-istess mod fl-Istati kontraenti l-oħra, hekk kif jiġu sodisfatti l-formalitajiet meħtieġa fl-Istat ikkonċernat. Tali formalitajiet ma jistgħux jinkludu eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża.

4.       Id-disposizzjonijiet tat-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu japplikaw għas-sentenzi mogħtija wara proċeduri kontradittorji, in kontumaċja u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji; iżda dawn ma japplikawx għal sentenzi li huma eżekuttivi biss provviżorjament, u lanqas għal sentenzi li jikkundannaw lill-attur, minbarra għall-ispejjeż, ukoll għal ħlas tad-danni wara li t-talbiet tiegħu jkunu ġew totalment jew parzjalment miċħuda.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      Matul ix-xahar ta’ April 2001, Siemens Nederland NV (iktar ’il quddiem “Siemens”) u TNT ikkonkludew kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq, minn Zoetermeer (il-Pajjiżi l-Baxxi) għal Unterschleissheim (il-Ġermanja). Il-valur u l-piż tal-merkanzija kkonċernata kienu, rispettivament, ta’ DM 103 540 (EUR 52 939) u b’piż ta’ 12 kg.

22      Madankollu din il-merkanzija ma ġietx ikkunsinnata fil-post ta’ destinazzjoni tagħha.

23      Matul ix-xahar ta’ Mejju 2002, TNT ressqet azzjoni dikjaratorja kontra AXA, il-kumpannija tal-assigurazzjoni ta’ Siemens, quddiem ir-Rechtbank te Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), intiża sabiex jingħad bi dritt li TNT ma kienet responsabbli għal ebda dannu fil-konfront ta’ AXA minħabba t-telf ta’ din il-merkanzija, ħlief fir-rigward ta’ ammont ta’ EUR 11.50 għal kull kg, jiġifieri total ta’ EUR 138, skont l-Artikolu 23 tas-CMR, liema dispożizzjoni tiffissa r-regoli applikabbli għall-ammont ta’ kumpens li jista’ jintalab. Ir-Rechtbank te Rotterdam ċaħdet din l-azzjoni permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Mejju 2005. TNT appellat kontra din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi).

24      Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2004, AXA ressqet azzjoni kontra TNT quddiem il-Landgericht München (il-Ġermanja) għall-ħlas tad-dannu subit minn Siemens minħabba t-telf tal-istess merkanzija. Peress li diġà kien hemm kawża pendenti fil-Pajjiżi l-Baxxi bejn l-istess partijiet fir-rigward tal-istess trasport, TNT sostniet li, b’applikazzjoni tar-regola ta’ lis pendens imsemmija fl-Artikolu 31(2) tas-CMR, il-Landgericht München ma setgħetx tieħu konjizzjoni tal-azzjoni ta’ AXA.

25      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-4 ta’ April u tas-7 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tal-Landgericht München”), il-Landgericht München ċaħdet l-argument ta’ TNT ibbażat fuq l-Artikolu 31(2) tas-CMR u ġegħlitha tħallas kumpens.

26      Fis-6 ta’ Marzu 2007, AXA talbet lir-Rechtbank te Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex tiddikjara li d-deċiżjonijet tal-Landgericht München kienu eżekuttivi fil-Pajjiżi l-Bazzi skont ir-Regolament Nru 44/20014. Wara li l-Imħallef għall-miżuri provviżorji tar-Rechtbank te Utrecht laqa’ din it-talba permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Marzu 2007, fl-4 ta’ Mejju 2007, TNT talbet lir-Rechtbank te Utrecht sabiex tannulla dan id-digriet u tiċħad l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, jew, minn tal-inqas, twaqqaf il-proċedimenti quddiemha fir-rigward tat-talba għal eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, sakemm il-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage tkun iddeċidiet fuq l-appell ippreżentat kontra s-sentenza tar-Rechtbank te Rotterdam tal-4 ta’ Mejju 2005.

27      TNT kienet ibbażat ir-rikors tagħha quddiem ir-Rechtbank te Utrecht fuq il-motiv li r-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet tal-Landgericht München kienet manifestament kuntrarja għall-ordni pubbliku Olandiż. Hija tosserva li, skont ir-regola ta’ lis pendens prevista fl-Artikolu 31(2) tas-CMR, il-Landgericht München ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni ta’ AXA.

28      Min-naħa l-oħra, AXA qieset li, skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti Olandiża ma setgħetx tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti Ġermaniża, peress li l-kriterju tal-ordni pubbliku msemmi fl-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi applikat għar-regoli tal-kompetizzjoni.

29      Ir-Rechtbank te Utrecht ċaħdet ir-rikors ta’ TNT permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Lulju 2007. F’din id-data, il-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage kienet għadha ma ddeċidietx fuq l-appell ippreżentat quddiemha minn TNT.

30      Ir-Rechtbank te Utrecht ikkunsidrat li TNT ma setgħetx tinvoka l-motiv ta’ rifjut ta’ rikonoxximent imsemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti Ġermaniża, peress li r-regoli ta’ kompetizzjoni ma jikkonċernawx l-ordni pubbliku msemmi f’din id-dispożizzjoni, hekk kif jispeċifika l-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-regolament.

31      TNT ressqet appell fuq punt ta’ liġi kontra d-digriet tar-Rechtbank te Utrecht tat-18 ta’ Lulju 2007. Fil-fehma tagħha, din il-qorti għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-fatt li l-Artikolu 31 tas-CMR jidderoga, permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, mill-projbizzjoni li tiġi mistħarrġa l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini msemmija fl-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-regolament.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Għandhom il-parti introduttiva tal-Artikolu 71(2) u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu (b) tar-Regolament Nru 44/2001 ikunu interpretati fis-sens:

a)      li s-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 hija suġġetta għall-benefiċċju ta’ dik tal-Konvenzjoni partikolari biss jekk is-sistema tal-Konvenzjoni partikolari titlob l-esklużività, jew

b)      li, jekk il-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tal-Konvenzjoni partikolari u dawk tar-Regolament Nru 44/2001 japplikaw simultanjament, il-kundizzjonijiet tal-Konvenzjoni partikolari għandhom dejjem ikunu applikati u dawk tar-Regolament Nru 44/2001 ma għandhomx ikunu applikati anki jekk il-Konvenzjoni partikolari ma tirrikjedix l-esklużività meta mqabbla ma’ regoli oħra internazzjonali ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni?

2)      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, sabiex tipprevjeni deċiżjonijiet diverġenti rigward is-sitwazzjonijiet konkorrenti [tar-regoli] msemmija fl-ewwel domanda, sabiex tinterpreta – b’mod imperattiv għall-qrati tal-Istati Membri – [is-CMR], rigward il-qasam irregolat mill-Artikolu 31 ta’ din il-Konvenzjoni?

3)      Jekk ir-risposti għat-tieni domanda u għall-parti (a) tal-ewwel domanda jkunu fl-affermattiv, is-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 31(3) u (4) tal-Konvenzjoni CMR għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tirrikjediex l-esklużività u tippermetti l-applikazzjoni ta’ regoli oħra internazzjonali ta’ eżekuzzjoni, li jippermettu r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, bħar-Regolament Nru 44/2001?

Jekk ir-risposti għall-parti (b) tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda jkunu fl-affermattiv, il-Hoge Raad tagħmel ukoll it-tliet domandi li ġejjin […]:

4)      L-Artikolu 31(3) u (4) tal-Konvenzjoni CMR jippermetti li qorti ta’ Stat, li quddiema titressaq talba għal ħruġ ta’ dikjarazzjoni li deċiżjoni hija eżekuttiva, tistħarreġ jekk il-qorti tal-Istat tal-oriġini kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża?

5)      L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ kompetizzjoni bejn ir-regoli ta’ lis pendens stabbiliti mill-Konvenzjoni CMR u mir-Regolament Nru 44/2001, ir-regola ta’ lis pendens stabbilita fil-Konvenzjoni CMR ikollha preċedenza fuq dik tar-Regolament Nru 44/2001?

6)      Id-dikjarazzjoni mitluba f’dan il-każ mill-Pajjiżi l-Baxxi u d-danni mitluba mill-Ġermanja jirrigwardaw l-‘istess kawża’ fis-sens tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni CMR?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

33      Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-kawża bejn TNT u AXA taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-CMR kif ukoll taħt dak tar-Regolament Nru 44/2001.

34      Fil-fatt, minn naħa, din il-kawża tikkonċerna kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq, li jiffissa indirizz fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala l-post tal-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-merkanzija u indirizz fil-Ġermanja bħala l-post previst għall-kunsinna tagħha. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-CMR, imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, huma għalhekk sodisfatti.

35      Min-naħa l-oħra, il-kawżi marbutin mat-trasport ta’ merkanzija bit-triq bejn Stati Membri jaqgħu taħt il-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk, it-trasport ta’ merkanzija bit-triq ma jirriżultax fost l-oqsma elenkati b’mod eżawrjenti f’dan l-artikolu, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess regolament.

36      Qabel kollox ukoll, għandu jiġi mfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), hekk kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijeit ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi Komunitarji jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti (sentenzi tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger, C‑180/06, Ġabra p. I‑3961, punt 41, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid‑Chemie, C‑189/08, Ġabra p. I‑6917, punt 18).

37      L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba f’din il-kawża, jissostitwixxi l-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li kien jipprovdi fir-rigward tal-konvenzjonijiet relatati ma’ suġġetti partikolari (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjonijiet partikolari”):

“1.      Din il-Konvenzjoni ma għandhiex inċidenza fuq il-konvenzjonijiet li għalihom l-Istati kontraenti huma jew ser ikunu partijiet u li, f’oqsma partikolari, jirregolaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

2.      Sabiex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tagħha, is-subparagrafu 1 għandu japplika kif ġej:

a)      din il-Konvenzjoni ma għandhiex tipprekludi lil qorti ta’ Stat kontraenti li huwa parti għal konvenzjoni dwar qasam partikolari milli tkun tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq tali konvenzjoni, anki jekk il-konvenut ikun domiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti li ma huwiex parti għal din il-konvenzjoni […];

b)      id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat kontraenti minn qorti li tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq konvenzjoni relatata ma’ suġġett partikolari huma rikonoxxuti u eżegwiti fl-Istati Membri kontraenti l-oħra skont din il-konvenzjoni.

Jekk konvenzjoni relatata ma’ suġġett partikolari u li għaliha huma parti l-Istat ta’ oriġini u l-Istat indirizzat tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxxenza u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, issir applikazzjoni ta’ dawn il-kondizzjonijiet. […]

[…]”

38      Permezz tal-kliem “jew ser ikunu”, l-Artikolu 57(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ippreċiża li r-regoli li jinsabu f’din il-konvenzjoni ma kinux jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regoli differenti li għalihom kellhom jissottoskrivu ruħhom l-Istati kontraenti, fil-futur, permezz tal-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet speċjali. Dawn il-kliem ma ntużawx fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 44/2001. B’hekk, dan ma jagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jintroduċu, permezz tal-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet speċjali jew l-emenda ta’ konvenzjonijiet li huma diġà fis-seħħ, regoli li jkollhom supremazija fuq ir-Regolament Nru 44/2001. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li tgħid li, bl-istabbiliment ta’ regoli komuni, l-Istati Membri ma għandhomx iżjed dritt li jikkonkludu ftehim internazzjonali li jaffettwa dawn ir-regoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, imsejħa “AETR”, 22/70, Ġabra p. 263, punti 17 sa 19, u s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, imsejħa “sema miftuħ”, C‑467/98, Ġabra p. I‑9519, punt 77).

39      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 31 tas-CMR, li diġà kienu jorbtu lill-Istati Membri meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 44/2001, l-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament jirrifletti l-istess struttura tal-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u huwa redatt bi kliem kważi identiku. Għaldaqstant, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni li diġà ġiet ipprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

40      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari u fid-dawl tar-rabta li teżisti bejn id-domandi differenti magħmula, l-ewwel u l-ħames domandi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu eżaminati flimkien u qabel kollox. Id-domandi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tas-CMR għandhom jiġu ttrattati sussegwentement.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001

41      Permezz tal-ewwel u l-ħames domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, f’kawża bħal dik prinċipali, l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandhom japplikaw ir-regoli dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni previsti f’konvenzjoni speċjali, bħar-regola ta’ lis pendens imsemmija fl-Artikolu 31(2) tas-CMR u dik relatata mas-saħħa eżekuttiva msemmija fl-Artikolu 31(3).

42      Hekk kif ġie espost fid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda tirriżulta, minn naħa, minħabba l-fatt li r-regola ta’ lis pendens imsemmija mis-CMR u mir-Regolament Nru 44/2001, minkejja li hija fformulata bi kliem simili, jista’ jkollha portata differenti skont kif jiġu applikati din il-konvenzjoni u l-ġurisprudenza nazzjonali relatati jew inkella kif jiġu applikati dan ir-regolament u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċernah u, min-naħa l-oħra, minħabba n-neċessità, għall-qorti Olandiża li quddiemha tressqet it-talba ta’ AXA intiża sabiex id-deċiżjonijiet tal-Landgericht München jiġu ddikjarati eżekuttivi, li ssir taf jekk tistax teżerċita stħarriġ fir-rigward tal-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar biex tiddeċiedi fuq l-azzjoni għal kumpens ippreżentata quddiemha minn AXA.

43      Fir-rigward ta’ din l-aħħar osservazzjoni, TNT issostni li l-Artikolu 31(3) tas-CMR jippermetti tali stħarriġ, filwaqt li AXA tqis li stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-Landgericht München huwa eskluż mill-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Insostenn ta’ dan l-argument, AXA ssostni quddiem il-qrati Olandiżi li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq huma rregolati mir-Regolament 44/2001 u mhux mis-CMR.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2000, KVS International, C‑301/98, Ġabra p. I‑3583, punt 21, tas-16 ta’ Ottubru 2008, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C‑298/07, Ġabra p. I‑7841, punt 15, u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, Ġabra p. I‑00000, punt 33). Għaldaqstant sabiex tingħata risposta għall-ewwel u l-ħames domandi preliminari, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 u l-għan ta’ dan l-istess artikolu kif ukoll tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament.

45      Skont il-kliem tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, bħala prinċipju, meta l-kawża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ konvenzjoni speċjali, għandhom jiġu applikati r-regoli msemmija fiha u mhux dawk stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001.

46      Fil-fatt, hekk kif sostnew b’mod partikolari l-Gvern Olandiż u dak Ċek, mill-kliem tal-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-regolament, li jgħidu li dan “ma għandux jaffettwa” il-konvenzjonijiet speċjali, jirriżulta li l-leġiżlatur ipprovda għall-applikazzjoni ta’ dawn il-konvenzjonijiet fil-każ li jkun hemm kunflitt bejn iż-żewġ testi.

47      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bl-Artikolu 71(2) li jgħid li meta l-konvenzjoni speċjali li għaliha huma membri l-Istat Membru ta’ oriġini u l-Istat Membru indirizzat tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, ikun hemm lok li jiġu applikati dawn il-kundizzjonijiet. Dan il-paragrafu 2 jirreferi espressament għal sitwazzjonijiet li huma kompletament limitati għall-Unjoni. Minn dan jirriżulta li, minkejja l-ispjegazzjoni mogħtija fil-premessa 25 tar-Regolament Nru 44/2001 li tgħid li l-konvenzjonijiet speċjali ma humiex affettwati sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu josservaw l-impenji internazzjonali tagħhom lejn Stati terzi, il-leġiżlatur ried ukoll jimponi, bl-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament, l-applikazzjoni ta’ dawn il-konvenzjonijiet fi ħdan l-Unjoni nnifisha.

48      B’hekk jirriżulta li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż sabiex iħares li r-regoli deċiżi billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ qasam partikolari jiġu osservati (ara, fir-rigward tal-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry, C‑406/92, Ġabra p. I‑5439, punt 24, u tat-28 ta’ Ottubru 2004, Nürnberger Allgemeine Versicherung, C‑148/03, Ġabra p. I‑10327, punt 14). Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli msemmija f’konvenzjonijiet speċjali kellhom bħala effett li jeskludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li jikkonċernaw l-istess kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

49      Għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi, fil-materji rregolati minn konvenzjonijiet speċjali, għall-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li din l-applikazzjoni ma tistax tippreġudika l-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni, bħall-prinċipji, imsemmija fil-premessi 6, 11, 12 u 15 sa 17 tar-Regolament Nru 44/2001, tal-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ta’ prevedibbiltà tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u, għaldaqstant, ta’ ċertezza legali għall-individwi, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ proċedimenti simultanji, kif ukoll ta’ fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni.

50      L-osservanza ta’ kull wieħed minn dawn il-prinċipji hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-ratio ta’ dan tal-aħħar.

51      L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax ikollu portata kunfliġġenti mal-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata l-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti. Għalhekk, dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, f’qasam kopert minn dan ir-regolament, bħat-trasport ta’ merkanzija bit-triq, konvenzjoni speċjali, bħas-CMR, tista’ twassal għal riżultati li huma inqas favorevoli għat-twettiq tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern minn dawk li għalihom iwasslu d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

52      Din il-konstatazzjoni hija konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-konvenzjonijiet konklużi minn Stati Membri ma’ Stati terzi ma jistgħux, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, jiġu applikati b’detriment għall-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Deserbais, 286/86, Ġabra p. 4907, punt 18; tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743, punt 84, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi, C‑301/08, Ġabra p. I‑10185, punt 19).

53      B’hekk ir-regoli dwar ġurisdizzjoni, inklużi r-regoli ta’ lis pendens, imsemmija fil-konvenzjonijiet speċjali li għalihom issir referenza fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, jistgħu jiġu applikati fi ħdan l-Unjoni biss sa fejn, skont il-premessi 11, 12 u 15 ta’ dan ir-regolament, dawn jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbiltà, jiffaċilitaw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jippermettu li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ proċedimenti simultanji.

54      Fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, il-prinċipji rilevanti huma dawk, imsemmija fil-premessi 6, 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001, tal-moviment liberu tas-sentenzi u ta’ fiduċja reċiproka fil-ġustizzja (favor executionis) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċrmbru 2006, ASML, C‑283/05, Ġabra p. I‑12041, punt 23, tal-10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali, C‑185/07, Ġabra p. I‑663, punt 24, kif ukoll tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, Ġabra p. I‑3571, punt 73). Fi ħdan l-Unjoni, jistgħu jiġu applikati regoli ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni previsti mill-konvenzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 biss sa fejn dawn il-prinċipji jiġu osservati.

55      Fid-dawl tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka msemmi iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qorti tal-Istat indirizzat f’ebda każ ma hi f’pożizzjoni aqwa mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini biex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, ir-Regolament Nru 44/2001 ma jawtorizzax, ħlief għal xi eċċezzjonijiet limitati, l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru minn qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-Artikolu 31(3) tas-CMR jista’ jiġi applikat fi ħdan l-Unjoni biss jekk jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet tal-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll tal-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni f’kundizzjonijiet mill-inqas daqstant favorevoli bħal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għall-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża bħal dik prinċipali, ir-regoli dwar ġurisdizzjoni, rikonoxxenza u eżekuzzjoni previsti minn konvenzjoni li tikkonċerna qasam partikolari, bħar-regola ta’ lis pendens imsemmija fl-Artikolu 31(2) tas-CMR u dik relatata mas-saħħa eżekuttiva msemmija fl-Artikolu 31(3) ta’ din il-konvenzjoni, japplikaw bil-kundizzjoni li jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbiltà, jiffaċilitaw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jippermettu li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ proċedimenti simultanji, u bil-kundizzjoni li jiżguraw, taħt kundizzjonijiet minn tal-inqas daqstant favorevoli bħal dawk previsti minn dan ir-regolament, il-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali u l-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni (favor executionis).

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tas-CMR

57      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 31 tas-CMR. Fl-ipoteżi fejn din id-domanda tagħti lok għal risposta fl-affermattiv, din il-qorti titlob, permezz tat-tielet, ir-raba’ u s-sitt domandi tagħha, interpretazzjonijiet konkreti ta’ dan l-artikolu.

 Fuq it-tieni domanda

58      Fid-dawl tal-fatt li s-CMR ma tinkludix klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ tipprovdi l-interpretazzjonijiet mitluba tal-Artikolu 31 tas-CMR biss jekk tali eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha jirriżulta mill-Artikolu 267 TFUE.

59      Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li s-setgħa li tagħti interpretazzjonijiet b’mod preliminari, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, tikkonċerna biss regoli li jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Giloy, C‑130/95, Ġabra p. I‑4291, punt 21; tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 63, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2006, innoventif, C‑453/04, Ġabra p. I‑4929, punt 29).

60      Fir-rigward tal-ftehim internazzjonali, huwa paċifiku li kull ftehim konkluż mill-Unjoni jagħmel parti sħiħa mis-sistema legali tal-Unjoni u jista’ għaldaqstant ikun suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punti 3 sa 6; tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 7, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos, C‑431/05, Ġabra p. I‑7001, punt 31).

61      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta, fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, ftehim internazzjonali konkluż bejn Stati Membri u Stati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1973, Vandeweghe et, 130/73, Ġabra p. 1329, punt 2; id-digriet tat-12 ta’ Novembru 1998, Hartmann, C‑162/98, Ġabra p. I‑7083, punt 9, kif ukoll is-sentenza Bogiatzi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

62      Huwa biss meta u sa fejn l-Unjoni assumiet il-kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali mhux konkluża mill-Unjoni u meta, għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jkollhom l-effett li jorbtu lill-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta tali konvenzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219, punt 18; tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, Ġabra p. I‑4057, punt 48, kif ukoll Bogiatzi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). Madankollu, f’dan il-każ ma jistax jiġi sostnut li r-regoli dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni previsti mis-CMR jorbtu lill-Unjoni. Bil-kontra, mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 ipprovduta f’din is-sentenza jirriżulta li fi ħdan l-Unjoni dawn ir-regoli previsti mis-CMR jistgħu jiġu applikati biss b’osservanza tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 31 tas-CMR.

 Fuq it-tielet, ir-raba’ u s-sitt domandi

64      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tielet, ir-raba’ u s-sitt domandi.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża bħal dik prinċipali, ir-regoli dwar ġurisdizzjoni, rikonoxxenza u eżekuzzjoni previsti minn konvenzjoni li tikkonċerna qasam partikolari, bħar-regola ta’ lis pendens imsemmija fl-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, iffirmata f’Genève fid-19 ta’ Mejju 1956, kif emendata bil-protokoll iffirmat f’Genève fil-5 ta’ Lulju 1978, u dik relatata mas-saħħa eżekuttiva msemmija fl-Artikolu 31(3) ta’ din il-konvenzjoni, japplikaw bil-kundizzjoni li jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbiltà, jiffaċilitaw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jippermettu li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ proċedimenti simultanji, u bil-kundizzjoni li jiżguraw, taħt kundizzjonijiet minn tal-inqas daqstant favorevoli bħal dawk previsti minn dan ir-regolament, il-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali u l-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni (favor executionis).

2)      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, kif emendata.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.