Language of document : ECLI:EU:F:2010:148

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

23 ta’ Novembru 2010 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet”

Fil-Kawża F‑50/08,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Gábor Bartha, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn P. Homoki, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall, V. Bottka u A. Sipos, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, H. Kreppel (Relatur) u H. Tagaras, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju 2008, Gábor Bartha jitlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/56/06 li informatu li ma kienx għadda mill-eżami tal-imsemmija kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu li huwa sostna minħabba din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “ir-Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“Il‑Bord ta’ l‑Għażla għandu jkun magħmul minn president innominat mill‑Awtorità tal‑Ħatra u minn membri nnominati mill‑Awtorità tal‑Ħatra u l‑Kumitat tal‑Persunal, kull wieħed jinnomina l‑istess numru.

Għall‑kompetizzjonijiet miftuħa komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar, il‑Bord ta’ l‑Għażla jkun magħmul minn president maħtur mill‑awtorità tal‑ħatra imsemmija l‑Artikolu 2(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal u mill‑membri maħtura mill‑awtorità tal‑ħatra imsemmija l‑Artikolu 2(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal fuq proposta mill‑istituzzjonijiet, kif ukoll mill‑membri maħtura bi ftehim bejn il‑Kumitati tal‑Persunal ta’ l‑istituzzjonijiet, b’tali mod li jiżguraw rappreżentanza ndaqs.

Għal ċerti eżamijiet, il‑Bord ta’ l‑Għażla jista’ jkun assistit minn eżaminatur wieħed jew aktar li jservi f’kapaċità ta’ konsulenza.

Il‑membri tal‑Bord ta’ l‑Għażla għandhom jintgħażlu mill‑uffiċjali li grupp tal‑funzjoni u l‑grad tagħhom huw mill‑anqas daqs dak tal‑posizzjoni li għandha timtela.

Jekk il‑bord ta’ l‑għażla jikkonsiti minn aktar minn erba’ membri, ikun magħmul minn mill‑anqas żewġ membri ta’ kull sess.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Fil-25 ta’ Lulju 2006, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal(EPSO) ippublika l-avviż ta’ Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/56/06 sabiex tinħoloq riżerva ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi fil-grad AD 5, b’ċittadinanza Ungeriża (ĠU C 172 A, p. 3, iktar ’il quddiem l-“avviż tal-kompetizzjoni”).

4        Din il-kompetizzjoni tinkludi erba’ oqsma: “Amministrazzjoni Pubblika Ewropea/Riżorsi Umani”, “Liġi”, “Ekonomija” u “Mikroekonomija/Business Administration”.

5        In-numru ta’ kandidati li setgħu jgħaddu għall-qasam tal-“Liġi” kien iffissat għal għaxra.

6        Ir-rikorrent applika għall-kompetizzjoni EPSO/AD/56/06 u fl-applikazzjoni tiegħu għażel il-qasam tal-“Liġi”.

7        Wara li għadda mit-testijiet tad-dħul organizzati bl-għan li sseħħ selezzjoni preliminari tal-kandidati, ir-rikorrent għamel it-tliet eżamijiet bil-miktub previsti fl-avviż tal-kompetizzjoni, imbagħad l-eżami orali riżervat għall-kandidati magħżula wara l-eżamijiet bil-miktub.

8        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 2007, il-President tal-Bord tal-Għażla informa lir-rikorrent li ismu ma setax jiġi mniżżel fil-lista ta’ riżerva, għax il-marka globali li hu ġab għall-eżamijiet kollha kienet inqas minn dik li ġabu l-għaxar kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni (li għażlu “Liġi”).

9        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrent talab eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni.

10      Billi ma rċieva la d-dokumenti u lanqas l-informazzjoni mitluba, ir-rikorrent reġa’ għamel it-talba tiegħu permezz ta’ posta elettronika indirizzata lill-EPSO fl-10 ta’ Diċembru 2007.

11      Fl-20 ta’ Diċembru 2007, l-EPSO bagħat lir-rikorrent kopja tal-eżamijiet bil-miktub (b) u (c) tiegħu u kif ukoll kopja tal-inkartamenti tal-evalwazzjoni li jikkorrispondu għalihom.

12      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrent, abbażi tad-dokumenti li hu rċieva mingħand l-EPSO, iffinalizza l-ilmenti li dehru inizjalment fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid.

13      Permezz ta’ deċizjoni tat-23 ta’Jannar 2008, il-president tal-Bord tal-Għażla ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid.

14      Permezz ta’ posta elettronika mibgħuta lill-EPSO fil-25 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrent ikkontesta l-kontenut tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008, il-president tal-Bord tal-Għażla kkonferma ċ-ċaħda għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikors ġie ppreżentat fid-19 ta’ Mejju 2008.

17      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2007;

–        jannulla d-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tad-dannu li jirriżulta mill-illegalità tad-deċiżjonijiet hawn fuq imsemmija;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

19      F’dokument intitolat “Modifikazzjoni tat-talba” li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li kien replika, ir-rikorrent talab ukoll lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallsu, bħala kumpens għad-danni materjali, kumpens ekwivalenti għal EUR 924 fix-xahar għall-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Marzu 2008 u l-għoti tas-sentenza preżenti;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallsu, bħala kumpens għad-danni morali, is-somma ta’ EUR 10 000;

–        jordna lill-EPSO tieħu deċiżjoni ġdida li tissostitwixxi lil dik tad-19 ta’ Novembru 2007.

20      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors tar-rikorrent;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

21      Skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, bil-kunsens tal-partijiet, li jaqta’ l-kawża mingħajr ma tinżamm seduta.

 Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet għal annullament

1.     Osservazzjonijiet preliminari dwar is-suġġett tat-talbiet għal annullament

22      Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta kandidat għal kompetizzjoni jitlob eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il-Kummissjoni, T‑173/05, Ġabra SP p. I-A-2-329 u II-A-2-1695, punt 19). Għaldaqstant, id-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008, adottata wara t-talba għal eżami mill-ġdid magħmula mir-rikorrent fit-22 ta’ Novembru 2007, issostitwixxiet id-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla tad-19 ta’ Novembru 2007 u għalhekk tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

23      Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, wara li rċieva d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent bagħat, fil-25 ta’ Jannar 2008, lill-EPSO — li, skont l-avviż tal-kompetizzjoni, kien id-destinatarju mhux biss tat-talbiet għal eżami mill-ġdid, iżda wkoll tal-ilmenti magħmula mill-kandidati fuq il-bażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal — posta elettronika li fiha huwa kkontesta l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u enfasizza, b’mod partikolari, li din id-deċiżjoni ttieħdet bi ksur ta’ ċerti regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet. Fid-dawl tal-għan ta’ din il-posta u meta jitqies il-fatt li l-għażla tal-EPSO li jgħaddiha lill-president tal-Bord tal-Għażla sabiex dan jirrispondi għaliha ma tistax taffettwa l-mod kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jikklassifika l-imsemmija posta, din il-posta għandha titqies bħala lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ġie miċħud b’mod espliċitu permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008. Issa, ġie deċiż li talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom, fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, l-effett li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit bl-att li fir-rigward tiegħu jkun sar l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; ara bl-istess mod is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-9 ta’ Lulju 2009, Hoppenbrouwers vs Il-Kummissjoni, F-104/07, ĠabraSP p. I-A-1-259 u II-A-1-1399, punt 31). F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi d-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008 kienet nieqsa minn kontenut awtonomu, lanqas ma hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

2.     Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

a)     Fuq l-ammissibbiltà

24      Il-Kummissjoni tesponi li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi kkontestata fi żmien tliet xhur u għaxart’ijiem dekorribbli min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri mhux iktar tard mit-3 ta’ Mejju 2008. Issa, ir-rikors preżenti ġie ppreżentat fid-19 ta’ Mejju 2008. Għaldaqstant dan għandu, skont il-Kummissjoni, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

25      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rimedju disponibbli fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni normalment jikkonsisti f’azzjoni diretta quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea. Madanakollu, jekk il-persuna kkonċernata tagħżel, bħalma għamel ir-rikorrent fil-kawża preżenti, li qabelxejn tindirizza lill-amministrazzjoni lment amministrattiv, l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat iktar tard ikun jiddependi mill-osservanza min-naħa tal-persuna kkonċernata tar-restrizzjonijiet proċedurali kollha marbuta mar-rimedju tal-ilment imressaq qabel (digriet tat-Tribunal tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Novembru 2005, Pérez-Díaz vs Il-Kummissjoni, T-41/04, ĠabraSP p. I-A-373 u II-1697, punt 32).

26      F’dan il-każ, peress li r-rikorrent kien għażel li jagħmel ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, huwa kien marbut skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li jressaq tali ilment fi żmien tliet xhur dekorribbli mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. Issa, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-persuna kkonċernata kkonformat ruħha għal din ir-regola, peress li l-ilment wasal għand l-EPSO fil-25 ta’ Jannar 2008, jew jumejn wara n-notifika li saritilha, fit-23 ta’ Jannar 2008, tad-deċiżjoni kkontestata.

27      Barra minn hekk, peress li skont l-Artikoli 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-appelli previsti f’dan l-artikolu għandhom isiru fi żmien tliet xhur li jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni mogħtija bi tweġiba għall-ilment, liema terminu jiżdied b’terminu ta’ għaxart’ijiem għal raġuni ta’ distanza skont l-Artikolu 100(3) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa paċifiku li r-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-19 ta’ Mejju 2008, jiġifieri fit-terminu ta’ tliet xhur u għaxart’ijiem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma għandhiex bażi sabiex issostni li r-rikors ġie ppreżentat tard.

b)     Fuq il-mertu

28      Insostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent invoka inizjalment sitt motivi, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, fit-tieni lok, fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ smigħ xieraq, fit-tielet lok, fuq il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni, fir-raba’ lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-ħames lok, fuq l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter u tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fis-sitt lok, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

29      Madanakollu, fir-replika tiegħu, ir-rikorrent informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa kien qed jirrinunzja li jinvoka l-motivi bbażati fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ smigħ xieraq, il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

30      Għandu jiġi eżaminat il-motiv dwar il-vjolazzjoni tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

 L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrent ifakkar li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, “Jekk il-bord ta’ l-għażla jikkonsiti minn aktar minn erba’ membri, ikun magħmul minn mill-anqas żewġ membri ta’ kull sess”. Issa, skont ir-rikorrent, tali dispożizzjoni ġiet injorata f’dan il-każ, peress li l-Bord tal-Għażla, li kien kompost minn iktar minn erba’ membri, kellu biss membru femminili wieħed waqt l-eżami orali.

32      Bħala difiża, il-Kummissjoni, wara li talbet l-inammissibiltà tal-motiv peress li dan ma tqajjimx fil-proċedura prekontenzjuża, tenfasizza għall-finijiet ta’ kompletezza li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx japplika għal dan il-każ, peress li l-Bord tal-Għażla kien ikkostiwit biss minn erba’ membri permanenti u erba’ membri sostitwenti. Fi kwalunkwe każ, anki kieku l-Bord tal-Għażla kien marbut li josserva din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn membri permanenti u membri sostitwenti, ġie osservat, peress li l-Bord tal-Għażla kien jinkludi żewġ membri tas-sess femminili.

33      Ir-rikorrent jirribatti, fir-rigward tal-innamissibiltà tal-motiv, li r-regola tal-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors ma tapplikax fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, fi kwalunkwe każ, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regola tal-parità fi ħdan il-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjoni huwa motiv ta’ ordni pubbliku, li jista’ jiġi invokat għall-ewwel darba quddiem il-qorti. Fil-mertu, ir-rikorrent isostni li, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżit tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u li l-għan tiegħu huwa dak li jostakola kull diskriminazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-membri permanenti, jew tal-inqas, dawk li kienu preżenti waqt l-eżami orali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

34      Kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda fis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament (F-45/07, punti 119 u 120), ir-regola tal-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors tinkiser biss jekk ir-rikors inkwistjoni jibdel is-suġġett tal-ilment jew il-kawża tiegħu, fejn dan l-aħħar kunċett tal-“kawża” għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’. Skont tali interpretazzjoni, u fir-rigward tat-talbiet għal annullament, bil-frażi “kawża tat-tilwima” wieħed għandu jifhem il-kontestazzjoni mir-rikorrent tal-legalità interna tal-att ikkontestat jew, alternattivament, il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tiegħu. Konsegwentement, u mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet ta’ illegalità u tal-motivi ta’ ordni pubbliku, ikun hemm bdil fil-kawża tat-tilwima u, għaldaqstant, ksur tar-regola tal-konkordanza jekk ir-rikorrent, li fl-ilment tiegħu jkun ikkritika biss il-validità formali tal-att li kkawżalu preġudizzju, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu, iqajjem fir-rikors motivi fil-mertu, jew fl-ipoteżi opposta fejn ir-rikorrent, wara li fl-ilment tiegħu jkun ikkontesta biss il-legalità fil-mertu tal-att li kkawżalu preġudizzju, jippreżenta rikors b’motivi marbuta mal-validità formali tiegħu.

35      Fil-każ ineżami, minkejja li huwa minnu li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirriżultax, lanqas b’mod impliċitu, fl-ilment, ir-rikorrent xorta waħda kkontesta, f’tali lment, il-legalità esterna tad-deċiżjoni kkontestata, meta sostna, b’mod partikolari, li l-eżami bil-miktub (c) tiegħu ma ġiex ikkoreġut minn eżaminatur ta’ lingwa Ungeriża li, mill-perspettiva tiegħu, ivvizzja l-proċedura kollha, u li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx immotivata biżżejjed fir-rigward tal-osservazzjonijiet redatti fl-ittri tat-22 ta’ Novembru 2007 u tas-7 ta’ Jannar 2008. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv hawn fuq imsemmi, li joħroġ mill-istess kawża ġuridika li minnha joħorġu ċerti motivi msemmija fl-ilment, huwa ammissibbli.

–       Fuq il-fondatezza tal-motiv

36      L-ewwel nett, għandu jiġi mistħarreġ jekk il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li eżamina l-prestazzjonijiet tar-rikorrent kienx kompost “minn aktar minn erba’ membri” skont id-dispożizzjonijiet tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-Bord tal-Għażla kienx marbut li jirrispetta l-imsemmija dispożizzjonijiet.

37      F’dan ir-rigward, il-frażi “membri [tal-Bord tal-Għażla]” li tidher fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tinftiehem, meta tikkunsidra n-natura ġenerali tagħha, bħala li tinkludi l-membri kollha tal-Bord tal-Għażla, inkluż il-president, u mhux biss il-membri tal-imsemmi Bord tal-Għażla li ma għandhomx il-funzjoni ta’ president. Minn dan isegwi li l-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet li jkunu komposti, bħal f’dan il-każ, minn tal-inqas ħames membri, inkluż il-president, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija.

38      It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni issodisfax ir-regola stabbilita fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri li jinkludi “mill-anqas żewġ membri ta’ kull sess”, li jinvolvi li jiġi ddeterminat, qabelxejn, jekk l-osservanza tar-regola għandhiex tiġi vverifikata waqt il-kostituzzjoni tal-Bord tal-Għażla, kif jidher fil-lista ppubblikata mill-istituzzjoni organizzatriċi jew l-istituzzjonijiet organizzaturi tal-kompetizzjoni jew waqt li jkunu qed isiru l-eżamijiet, imbagħad, jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-membri permanenti tal-Bord tal-Għażla jew inkella l-membri sostitwenti wkoll.

39      Dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-osservanza tar-regola msemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għandhiex tiġi vverifikata waqt il-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri tal-Bord tal-Għażla jew waqt li jkunu qed isiru l-eżamijiet orali, it-Tribunal jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija għandhom jiġu interpretati bħala li qed jirreferu għall-membri tal-Bord tal-Għażla li jidhru fuq il-lista ppubblikata. Fil-fatt, jekk ir-regola hawn fuq imsemmija kellha tiġi osservata waqt li jkunu qed isiru l-eżamijiet, ikun hemm diffikultajiet prattiċi konsiderevoli għall-amministrazzjoni inkarigata bl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, fid-dawl tal-fatt li interpretazzjoni opposta timponi fuq l-istess amministrazzjoni restrizzjoni wisq kbira fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal, u dan filwaqt li l-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet għandhom ukoll, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-istess Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, ikunu komposti minn membri maħtura mill-Awtorità tal-Ħatra u minn membri maħtura mill-kumitat jew mill-kumitati tal-persunal.

40      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk għandhomx, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, jittieħdu inkunsiderażżjoni biss il-membri permanenti tal-Bord tal-Għażla jew jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-membri sostitwenti wkoll, għandu jiġi mfakkar, b’mod preliminari, li l-ġurisprudenza taċċetta li amministrazzjoni li tkun qed tifforma Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni tista’ b’mod legali, anki jekk din il-possibbiltà ma tidhirx espressament fir-Regolamenti tal-Persunal, taħtar mhux biss membri permanenti iżda wkoll membri sostitwenti. Fil-fatt, l-iskop li jiġu maħtura membri sostitwenti f’Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni huwa dak li, f’każ li xi membri permanenti jkunu indisposti, dawn ikunu jistgħu jiġu ssostitwiti, sabiex il-Bord tal-Għażla jkun jista’ jwettaq xogħlu fi żmien raġonevoli, filwaqt li tinżamm kompożizzjoni stabbli matul l-eżamijiet orali kollha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T-100/04, ĠabraSP p. I-A-2-9 u II-A-2-37, punt 207).

41      Madankollu, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-regola msemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom, bħala regola ġenerali, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-membri permanenti tal-Bord tal-Għażla, peress li huma dawn li normalment jipparteċipaw waqt li jkunu fil-fatt qegħdin isiru l-eżamijiet.

42      Barra minnhekk, jekk il-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat bħala li jeżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għazla ta’ kompetizzjoni, il-membri kollha tal-membri tal-Bord tal-Għażla, sewwa jekk huma permanenti u anki jekk huma sostitwenti, tali interpretazzjoni twassal sabiex ittellef parti kbira mill-iskop ta’ din id-dispożizzjoni. Infatti, ir-rekwiżit li Bord tal-Għażla li jkun magħmul minn iktar minn erba’ membri għandu jinkludi żewġ membri minn kull sess ġie inkluż mil-leġiżlatur sabiex il-kompożizzjoni tal-Bordijiet tal-Għażla tkun kemm jista’ jkun rappreżentazzjoni bbilanċjata taż-żewġ sessi. Issa, tali għan ma jistax jintlaħaq jekk ikun biżżejjed li, f’Bord tal-Għażla magħmul minn tal-inqas tmien membri, inklużi s-sostitwenti, wieħed mis-sessi jkun irrappreżentat biss minn żewġ membri sostitwenti.

43      Minn dan jirriżulta li Bord tal-Għażla li jkun magħmul, mal-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri tiegħu, minn iktar minn erba’ membri permanenti, jista’ biss jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal kemm-il darba, fost dawn il-membri permanenti, ikun hemm minn tal-inqas żewġ membri ta’ kull sess.

44      Madankollu, ir-rekwiżit li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-membri permanenti tal-Bord tal-Għażla fl-istadju tal-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri tiegħu, jista’ jiġi attenwat fil-każ partikolari fejn, minkejja li kostituzzjoni tal-Bord tal-Għażla ma tkunx tissodisfa, f’dan l-istadju, ir-regola msemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretata fil-punt preċedenti, il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, waqt li jkunu għaddejjin l-eżamijiet, tkun madankollu konformi ma’ din ir-regola. Fil-fatt, f’tali każ, l-għan tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri li jiġi żgurat li l-prestazzjonijiet tal-kandidati ta’ kompetizzjoni jiġu evalwati minn Bord tal-Għażla li fih tiġi żgurata rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel, ikun totalment sodisfatt.

45      F’dan il-każ, filwaqt li l-EPSO, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Awwissu 2006, stieden lill-istituzzjonijiet u kif ukoll lill-kumitati tal-persunal sabiex jipproponu l-ismijiet tal-persuni li jistgħu jiffurmaw parti mill-Bord tal-Għażla u fakkrithom b’mod partikolari li Bord tal-Għażla li jkollu iktar minn erba’ membri għandu jkollu tal-inqas żewġ persuni minn kull sess, mill-atti tal-proċess jirriżulta stabbilit li, ftit qabel ma nbdew l-eżamijiet orali, l-EPSO ppubblika fuq is-sit tal-internet tiegħu l-lista tal-membri — permanenti u sostitwenti — tal-Bord tal-Għażla għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/56/06, lista li minnha jirriżulta li l-Bord tal-Għażla għandu president permanenti ta’ sess maskili, u erba’ membri permanenti li huma wkoll ta’ sess maskili, iżda ebda persuna ta’ sess femminili, u dan b’nuqqas ta’ osservanza tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

46      Huwa minnu li, fil-lista ppubblikata mill-EPSO, jidhru wkoll president u membru sostitwenti ta’ sess femminili u li, b’mod partikolari, din il-membru sostitwenti kienet preżenti waqt l-eżami orali tar-rikorrent.

47      Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tistabbilixxix li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni issodisfa dak li huwa msemmi fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li la huwa ppruvat u lanqas allegat li l-president sostitwenti ta’ sess femminili, flimkien mal-membru sostitwenti ta’ sess femminili, għamlu fil-fatt parti mill-kompożizzjoni stabbli tal-Bord tal-Għażla li, waqt li kienu għaddejjin l-eżamijiet, eżamina l-ħiliet tal-kandidati.

48      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

49      Peress li ma huwiex stabbilit li, fin-nuqqas ta’ tali irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata kien ikollha l-istess kontenut, isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

B –  Fuq it-talbiet sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna lill-EPSO jieħu deċiżjoni ġdida minflok dik tad-19 ta’ Novembru 2007

50      Skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Unjoni li tindirizza ordnijiet lill-amministrazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tat-Tribunal tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il-Kummissjoni, T-14/03, ĠabraSP p. I-A-43 u II-167, punt 63). It-talbiet hawn fuq imsemmija għandhom, bħala konsegwenza, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

C –  Fuq it-talbiet għad-danni

1.     L-argumenti tal-partijiet

51      Ir-rikorrent jitlob kumpens kemm għad-dannu materjali u kif ukoll għad-dannu morali li allegatament huwa sofra mid-deċiżjoni kkontestata. Huwa jippreċiża li d-dannu materjali jirriżulta mid-differenza bejn il-paga ta’ uffiċjal fil-grad AD5, skala 2, u r-remunerazzjoni li huwa jirċievi attwalment, kif ukoll mit-tneħħija tad-dritt għas-sigurtà soċjali u għall-pensjoni tal-Unjoni Ewropea.

52      Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tat-talbiet hawn fuq imsemmija.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

53      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-imġiba allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 42, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C-348/06 P, Ġabra p. I-833, punt 52). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi. In-nuqqas ta’ waħda minnhom hija biżżejjed talbiet għad-danni jiġu miċħuda.

54      Fir-rigward tar-rabta kawżali, jeħtieġ, bħala regola ġenerali, li r-rikorrent iressaq il-prova ta’ relazzjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1999, Hautem vs BEI, T-140/97, ĠabraSP p. I-A-171 u II-897, punt 85.

55      Madankollu, il-livell ta’ ċertezza tar-rabta kawżali mitluba mill-ġurisprudenza tintlaħaq meta l-illegalità mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni tkun, b’mod ċert, ċaħħdet lil persuna mhux neċessarjament minn reklutaġġ, li għalih il-persuna kkonċernata ma tista’ qatt tagħti prova li kellha dritt, iżda minn ċans kbir li din tiġi rreklutata bħala uffiċjal jew aġent, bil-konsegwenza għall-persuna kkonċernata ta’ dannu materjali li jikkonsisti f’telf ta’ dħul (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni, T-45/01, Ġabra p. II-3315, punt 150; sentenza tat-Tribunal tat-22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F-46/07, ĠabraSP p. I-A-1-323 u II-A-1-1773, punt 218).

56      Fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu materjali li jirriżulta, minn naħa, mit-telf ta’ remunerazzjoni li ġarrab, li tirriżulta mid-differenza ta’ bejn paga ta’ uffiċjal fi grad AD5, skala 2, u l-paga li hu qiegħed jirċievi bħalissa, u min-naħa l-oħra, mit-tneħħija tad-dritt għas-sigurtà soċjali u għall-pensjoni marbuta mal-istatus ta’ uffiċjal. Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex stabbilit li, fin-nuqqas tal-illegalità mwettqa fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, ir-rikorrent kien jiġi rreklutat bħala uffiċjal jew, tal-inqas, kien ikollu ċans kbir li jiġi rreklutat. Bħala konsegwenza, il-kundizzjoni relattiva għall-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqas tal-amministrazzjoni u d-dannu invokat ma kinitx sodisfatta, u t-talbiet intiżi għall-kumpens tad-dannu materjali jistgħu biss jiġu miċħuda. Fi kwalunkwe każ, hija l-amministrazzjoni li wettqet l-att annullat li għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza preżenti u, b’mod partikolari, li tadotta, skont il-prinċipji tal-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli, kull att ta’ natura li jikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġ li rriżulta, għar-rikorrent, mill-att annullat (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T-132/03 , ĠabraSP p. I-A-253 u II-1169, punt 98).

57      Fir-rigward tad-danni morali, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jurix li sostna dannu morali distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li ma jistax jiġi kompletament irrimedjat permezz ta’ dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Novembru 2008, Michail vs Il-Kummissjoni, T-49/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑121 u II‑B‑1‑739, punt 88).

58      Minn dan isegwi li t-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

59      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu fuq l-ispejjeż, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi li l-parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

60      Mir-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija essenzjalment il-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008, li biha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/56/06 ċaħad it-talba ta’ G. Bartha għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-imsemmi Bord tal-Għażla li ċaħdet il-kandidatura tiegħu, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Gervasoni

Kreppel

Tagaras

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Novembru 2010.

W. Hakenberg

 

      S. Gervasoni

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fis-sit tal-internet www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.