Language of document : ECLI:EU:C:2010:117

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Marzu 2010 (*)

“Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Kunċett ta’ ‘jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali’– Kunċett ta’ ‘riunifikazzjoni tal-familja’ – Formazzjoni ta’ familja”

Fil-Kawża C-578/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2008, fil-proċedura

Rhimou Chakroun

vs

Minister van Buitenlandse Zaken,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal R. Chakroun, minn R. Veerkamp, bħala avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u Y. De Vries, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, G. Kanellopoulos u Z. Chatzipavlou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(d), kif ukoll tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224-230, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn R. Chakroun u l-minister van Buitenlandse Zaken (Ministru tal-Affarijiet Barranin, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) dwar ir-rifjut, kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jingħata permess provviżorju ta’ residenza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

4        Il-premessi 2, 4 u 6 tad-Direttiva huma fformulati b’dan il-mod:

“(2)      Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-[Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem ‘ECHR’)] u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 [ĠU C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-‘Karta’].

(4) Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.

[…]

(6) Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.”

5        L-Artikolu 2(a) sa (d), tad-Direttiva jipprovdu d-definizzjonijiet segwenti:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a) ‘ċittadin ta’ pajjiż terz’: tfisser kull persuna li mhux ċittadin ta’ l-Unjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

b) ‘refuġjat’: tfisser kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat li jgawdi status ta’ refuġjat fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Ginevra dwar l-istatus ta’ refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967;

ċ) ‘sponsor’: tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha;

d) ‘riunifikazzjoni tal-familja’: tfisser id-dħul ġewwa u residenza fi Stat Membru minn membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li joqogħdu legalment f’dak l-Istat Membru biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat qabel kemm wara d-dħul tar-resident.”

6        L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a) il-konjugi ta’ l-isponsor.”

7        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

a) akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja komparabbli fl-istess reġjun u li tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ saħħa u sigurta fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat;

b) assigurazzjoni kontra l-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu stess fl-Istat Membru kkonċernat għalih innifsu/għaliha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha;

ċ) riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarita tagħhom u jistgħu jqisu il-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u penjonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja.”

8        L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva jipprovdi:

“1. Dan il-Kapitolu għandu japplika għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati rrikonoxxuti mill-Istati Membri.

2. Stati Membri jistgħu jirrestrinġu l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għal refuġjati li r-relazzjonijiet familjali tagħhom jkunu bdew qabel id-dħul tagħhom.”

9        L-Artikolu 17 tad-Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

10      Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva, din id-direttiva kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri fid-dritt nazzjonali tagħhom mhux iktar tard mit-3 ta’ Ottubru 2005.

 Id-dritt nazzjonali

11      L-Artikolu 16(1)(c) tal-Liġi 2000 Liġi dwar il-Barranin (Vreemdelingenwet 2000) jipprovdi:

“applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal perijodu fiss […] tista’ tiġi miċħuda jekk:

[…]

c. il-persuna barranija ma jkollhiex, mezzi suffiċjenti ta’ għajxien indipendenti, li jservu u li jkunu suffiċjenti jew jekk il-persuna li magħha hija tkun tixtieq tgħix ma jkollhiex mezzi suffiċjenti ta’ għajxien indipendenti, li jservu u li jkunu suffiċjenti”.

12      Il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali jidhru fid-Digriet 2000 dwar il-Barranin (Vreemdelingenbesluit 2000, iktar ’il quddiem il-“Vb 2000”). Dan kien ġie emendat permezz tad-Digriet Irjali tad-29 ta’ Settembru 2004 (Staatsblad 2004, Nru 496), bil-għan tat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

13      L-Artikolu 1.1(r) tal-Vb 2000 jiddefinixxi l-formazzjoni ta’ familja bħala riunifikazzjoni tal-konjuġi […] sa fejn ir-relazzjoni konjugali tkun inħolqot fi żmien meta l-post ta’ residenza prinċipali tal-persuna prinċipali kien il-Pajjiżi l-Baxxi.

14      L-Artikolu 3.13(1) tal-Vb 2000 jipprovdi, għal dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali:

“Permess ta’ residenza għal perijodu fiss, għall-iskop ta’ formazzjoni jew riunifikazzjoni tal-familja, jista’ jingħata lill-membru tal-familja […] tal-persuna prinċipali […], jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3.16 sa 3.22 ikunu sodisfatti.”

15      L-Artikolu 3.22 tal-Vb 2000 jipprovdi li:

“1.      Il-permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 3.13 (1) jingħata biss jekk il-persuna prinċipali:

a. jkollha dħul nett permanenti u awtonomu kif iddefinit fl-Artikolu 3.74(a) [...]

[…]

2.       Fil-każ ta’ formazzjoni ta’ familja, il-permess ta’ residenza jingħata b’deroga mill-paragrafu 1, jekk il-persuna prinċipali jkollha, dħul nett permanenti u awtonomu, ta’ mhux inqas minn 120 % tal-paga minima statutorja, kif previst mill-Artikolu 8(1)(a), u fl-Artikolu 14 tal-Liġi fuq il-paġa minima u allowances għall-vaganzi minimi [Wet minimumloon en minimum vakantiebijslag], inkluża l-allowance għall-vaganzi, prevista fl-Artikolu 15 ta’ din il-liġi.”

16      L-Artikolu 3.74, fil-bidu u fil-paragrafi (a) u (d) tal-Vb 2000 jipprovdi:

“Il-mezzi ta’ għajxien […] ikunu suffiċjenti jekk id-dħul nett ikun ugwali għal:

a.      il-kriterji statutorji ta’ għajnuna, previsti fl-Artikolu 21 tal-Liġi tax-xogħol u għajnuna [Wet werk en bijstand, iktar ’il quddiem il-“Wwb”] għall-kategorija li tirrigwarda persuni mhux miżżewġin, ġenituri weħidhom jew koppji miżżewġin u familji, inkluż fosthom il-paga matul il-vaganzi […]

[…]

d.       fil-każ ta’ formazzjoni ta’ familja, 120 % tal-paga minima, prevista fl-Artikolu 8(1)(a) u fl-Artikolu 14 tal-Liġi fuq il-paġa minima u allowances għall-vaganzi minimi, inkluża l-allowance għall-vaganzi, previsti fl-Artikolu 15 ta’ din il-liġi”.

17      Mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fil-mument ikkunsidrat għall-finijiet tal-kawża prinċipali, l-istandard ta’ għajnuna stabbilita skont l-Artikolu 21(c) tal-Wwb għall-persuni kkonċernati ta’ età ta’ iktar minn 21 sena u ta’ inqas minn 65 sena, meta l-konjuġi t-tnejn ikollhom inqas minn 65 sena, huwa ta mhux inqas minn EUR 1 207.91 fix-xahar, filwaqt li, fil-każ ta’ formazzjoni ta’ familja, il-mezzi ta’ għajxien huma kkunsidrati suffiċjenti jekk id-dħul nett huwa ta’ mhux inqas minn EUR 1 441.44 fix-xahar, inkluża l-paga matul il-vaganzi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Is-Sur Chakroun, ta’ ċittadinanza Marokkina, twieled fl-1 ta’ Lulju 1944. Huwa residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-21 ta’ Diċembru 1970 u huwa għandu permess ta’ residenza ordinarju għal żmien indefinit. Sa mit-12 ta’ Lulju 2005 huwa rċieva benefiċċju tal-qgħad skont il-liġi tas-6 ta’ Novembru 1986 fuq l-Assigurazzjoni tal-ħaddiema kontra l-konsegwenzi finanzjarji tal-qgħad (Wet tot verzekering van werknemers tegen geldelijke gevolgen van werkloosheid) li, jekk iċ-ċirkustanzi jibqgħu l-istess, ikompli sat-12 ta’ Lulju 2010.

19      R. Chakroun, ukoll ta’ ċittadinanza Marokkina, twieldet fit-18 ta’ Lulju 1948 u hija miżżewġa mas-Sur Chakroun sa mill-31 ta’ Lulju 1972.

20      Fl-10 ta’ Marzu 2006, R. Chakroun ippreżentat talba, fl-ambaxxata tal-Pajjiżi l-Baxxi f’Rabat (il-Marokk), għal permess provviżorju ta’ residenza sabiex tkun tista’ tgħix ma’ żewġha.

21      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2006, il-Ministru rrifjuta din it-talba peress li s-Sur Chakroun ma kellux dħul suffiċjenti kif meħtieġ mill-Vb 2000. Fil-fatt, il-benefiċċji tal-qgħad li rċieva s-Sur Chakroun kienu jammontaw għal EUR 1 322.73 fix-xahar, inkluża l-paga matul il-vaganzi, jiġifieri ammont iktar baxx mid-dħul standard applikabbli fil-kas ta’ formazzjoni ta’ familja, jiġifieri EUR 1 441.44.

22      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2007, il-Ministru ddikjara infondat ir-rikors ippreżentat minn R. Chakroun kontra din id-deċiżjoni.

23      B’sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2007, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage ddikjarat infondat ir-rikors li R. Chakroun kienet ippreżentat kontra din id-deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2007. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mbagħad ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State.

24      R. Chakroun qajmet fl-ewwel lok quddiem din il-qorti l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva ġiex implementat b’mod korrett fl-Artikoli 3.74(d) u fl-Artikolu 3.22(2) tal-Vb 2000, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu, minn naħa ta’ sponsor, fil-każ ta’ formazzjoni ta’ familja, li jkollu riżorsi ta mhux inqas minn 120 % tas-salarju minimu.

25      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-paga minima hija riferiment essenzjali fil-Wwb, li l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi standard minimu lil kull ċittadin Olandiż residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll lil kull barrani li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jinstab jew għandu mnejn jinstab f’sitwazzjoni fejn ma jkollux il-mezzi neċessarji sabiex jgħix (Artikolu 11 tal-Wwb). L-applikazzjoni ta’ din il-liġi taqa’ fil-kompetenza tal-muniċipalitajiet.

26      Il-Wwb tipprovdi żewġ kategoriji ta’ għajnuna. L-ewwel nett teżisti l-għajnuna ġenerali, li permezz tagħha hija mifhuma għajnuna bil-għan li tkopri l-ispejjeż ġenerali neċessarji għall-għajxien (Artikolu 5(b) tal-Wwb). Il-liġi tipprovdi, it-tieni nett, għajnuna speċjali li tagħti dritt lill-parti kkonċernata sa fejn din ma għandhiex mezzi li jippermettulha tlaħħaq mal-ispejjeż neċessarji għal għajxien li jirriżultaw minn ċirkustanzi speċjali, u sa fejn, fl-opinjoni tal-awtorità lokali, dawn l-ispejjeż ma jistgħux ikunu koperti minn mezzi oħra disponibbli (Artikolu 35(1) tal-Wwb).

27      Il-paga minima ta’ persuna ta’ 23 sena hija użata mill-Wwb bħala punt ta’ riferiment sabiex jiġi stabbilit il-bżonn u l-ammont li għalih persuna għandha dritt fil-kuntest ta’ għajnuna ġenerali. L-ammont li jikkorrispondi għal 120 % tal-paga minima jkun, hekk kif sostna l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-ammont li bih, meta jinqabeż, resident ma jibbenefikax iktar mill-għajnuna ġenerali jew mill-għajnuna speċjali.

28      Ir-Raad van State tistaqsi jekk, fl-implementazzjoni tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħux jew għandhomx jikkunsidraw, u dan eventwalment b’rata fissa, is-servizzi soċjali fil-forma ta’ għajnuna speċjali. L-għajnuna speċjali tista’ tieħu forom differenti, fosthom ħlas lura tat-taxxa jekk ikun deċiż b’dan il-mod mill-awtorità lokali wara eżami tas-sitwazzjoni tal-applikant.

29      R. Chakroun fit-tieni lok tikkontesta d-distinzjoni li saret mil-leġiżlazzjoni Olandiża bejn ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-formazzjoni ta’ familja, skont jekk ir-rabta familjari seħħetx qabel jew wara d-dħul fis-seħħ tal-isponsor fit-territorju Olandiż, peress li distinzjoni bħal din ma tirriżultax mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva. Fil-fatt, jekk it-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet ikkunsidrata bħala talba ta’ riunifikazzjoni tal-familja fis-sens tal-leġiżlazzjoni Olandiża, huwa l-istandard ta’ għajnuna previst fl-Artikolu 21(c) tal-Wwb li kien ġie kkunsidrat, skont l-Artikolu 3.74(a) tal-Vb 2000, anki jekk ir-riżorsi tas-Sur Chakroun kienu ikbar mill-ammont meħtieġ.

30      Ir-Raad van State għandha dubji fuq il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jagħmlu distinzjoni bħal din bejn formazzjoni ta’ familja u riunifikazzjoni tal-familja, iżda tippreċiża li mhux eskluż li d-Direttiva ma tipprekludix leġiżlazzjoni li tagħmel distinzjoni fuq il-bażi ta’ jekk relazzjoni mal-familja kinitx teżisti qabel jew kinitx teżisti wara d-data tad-dħul tal-isponsor fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Din il-qorti ssostni li din l-aħħar distinzjoni hija prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva, applikabbli għar-refuġjati, kif ukoll fl-Artikolu 16(1) u (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU 2004, L 16, p. 44).

31      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-frażi ‛jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali’ li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja li tirrifjuta r-riunifikazzjoni lil sponsor li jkun ipprova li għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu stess u dawk tal-membri tal-familja tiegħu, iżda li, minħabba l-livell tad-dħul tiegħu, jista’ xorta jitlob assistenza speċjali fil-każ ta’ spejjeż partikolari u stabbiliti b’mod individwali bħala neċessarji għall-għajxien tiegħu, tnaqqis mit-taxxa mogħtija minn awtoritajiet lokali skont id-dħul, jew miżuri ta’ appoġġ għad-dħul fil-kuntest tal-politika minima komunali (‘minimabeleid’)?

2)      Id-Direttiva [...], partikolarment l-Artikolu 2(d) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-dħul tal-ewwel sentenza tal-[Artikolu 7(1) u l-]Artikolu 7(1)(ċ), tagħmel distinzjoni skont jekk ir-rabtiet familjari kinux jeżistu qabel jew wara d-dħul fit-territorju tal-persuna li tirrisjedi fl-Istat Membru?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

32      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-frażi “jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali” li tidher fl-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tippermetti lil Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni dwar riunifikazzjoni tal-familja li tirrifjuta riunifikazzjoni tal-familja lil sponsor li għandu provi li jiddisponi minn riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti li jippermettulu jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u tal-membri tal-familja tiegħu, iżda li, fir-rigward tal-livell tad-dħul tiegħu, madankollu jkun jista’ jitlob għajnuna speċjali fil-każ ta’ spejjeż partikolari u stabbiliti individwalment bħala neċessarji għall-għajxien tiegħu, għal remissjoni tat-taxxa mogħtija minn awtoritajiet lokali skont id-dħul jew il-miżuri ta’ sostenn tad-dħul fil-kuntest tal-politika minima (“minimabeleid”) lokali.

 Osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet

33      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li s-“sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat”, prevista fl-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva tista’ tirreferi biss għal regoli fil-livell nazzjonali, filwaqt li ċerti regoli msemmija mir-Raad van State huma stabbiliti fil-livell lokali. Hija ssostni wkoll li r-riferiment, mill-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva, għal-livell ta’ remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet minimi nazzjonali jfisser li dan il-livell jammonta għal limitu ogħla.

34      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħal fil-każ tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, issostni li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-Direttiva ma għandux jippreġudika l-għanijiet u l-effettività ta’ din id-direttiva. Hija tispjega b’mod partikolari li l-kriterju ta’ 120 % tal-paga minima, hekk kif ġie stabbilit, għandu bħala għan li applikanti żgħar fil-prattika qatt ma jkunu jistgħu jissodisfaw il-kriterju tal-mezzi ta’ għajxien fuq il-bażi ta’ xogħol full-time. Fil-fatt, il-liġi tieħu bħala riferiment il-paga minima ta’ persuna ta’ età ta’ 23 sena. Issa, il-paga minima tal-persuni ta’ inqas minn 23 sena hija biss frazzjoni ta’ dik ta’ persuna ta’ 23 sena, jiġifieri, pereżempju, 72 % għal persuna ta’ 21 sena, anki jekk persuna ta’ 21 sena jkollha taqla 160 % tal-paga minima tal-kategorija ta’ età tagħha sabiex tissodisfa l-kriterju.

35      Fis-seduta, R. Chakroun iċċitat ir-rapport stabbilit mill-Wetenschappelijk Onderzoek- en Documentatiecentrum (Ċentru xjentifiku ta’ riċerka u ta’ dokumentazzjoni), tal-Ministeru tal-Ġustizzja Olandiż, li jevalwa l-effett, fuq il-migrazzjoni tal-konjuġi barranin fil-Pajjiżi l-Baxxi, taż-żieda tad-dħul meħtieġ għar-riunifikazzjoni tal-familja. Skont R. Chakroun, l-aspetti negattivi deskritti minn dan ir-rapport juru li l-leġiżlazzjoni Olandiża tmur kontra l-għan tad-Direttiva.

36      Il-Kummissjoni tesponi li l-element determinanti, skont id-Direttiva, huwa li jsir magħruf jekk il-parti kkonċernata stess tiddisponi minn riżorsi suffiċjenti sabiex tissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tagħha, u dan mingħajr ma tirrikorri għal għajnuna soċjali. Is-sistema prevista mid-Direttiva ma għandhiex tiġi interpretata li tippermetti lill-Istat Membru li jagħmel il-kont tal-benefiċċji soċjali kollha li l-parti kkonċernata tkun tista’ eventwalment titlob, sabiex konsegwentement jistabbilixxi l-limitu ta’ dħul meħtieġ.

37      Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li, hekk kif indikat fil-punt 4.3.3 tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2008 fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 [COM(2008) 610], l-ammont meħtieġ mill-awtoritajiet Olandiżi, skont l-evalwazzjoni tas-suffiċjenza tar-riżorsi, huwa l-iktar għoli mill-Istati Membri kollha tal-Komunità. Barra minn hekk hija ssostni li jekk, fil-kawża prinċipali, ir-relazzjoni mal-familja bejn il-konjuġi Chakroun kienet eżistiet minn qabel id-dħul tas-Sur Chakroun fit-territorju tal-Komunità, l-ammont tad-dħul ikkunsidrat, skont l-evalwazzjoni tas-suffiċjenza tar-riżorsi, kien iktar baxx minn dik applikat fl-imsemmija kawża skont l-Artikolu 3.74(d) tal-Vb 2000. Konsegwentement jista’ jiġi kkunsidrat li l-ammont meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fejn ir-relazzjoni mal-familja kienet teżisti qabel id-dħul tal-isponsor fit-territorju tal-Komunità jikkorrispondi mal-ammont li normalment ikun suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet l-iktar bażiċi fis-soċjetà Olandiża.

38      Fl-aħħar nett, kemm R. Chakroun kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom, fil-kawża prinċipali, jikkunsidraw iż-żmien twil ta’ residenza u taż-żwieġ u li, meta naqsu milli jagħmlu dan, ġiet ippreġudikata l-ħtieġa tal-eżami individwali tat-talba prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva.

39      Il-Gvern Olandiż jispjega li l-livell tad-dħul eżistenti, stabbilit għal 120 % tal-paga minima statutorja, huwa l-ammont tad-dħul ġeneralment ikkunsidrat mill-muniċipalitajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala wieħed mill-kriterji li jippermettu li jiġu stabbiliti l-benefiċċji potenzjali ta’ miżura ġenerali jew speċjali ta’ għajnuna soċjali. Ċerti muniċipalitajiet madankollu jagħżlu livelli ta’ dħul differenti, minn 110 % sa 130 % tal-paga minima statutorja. Peress li l-għajnuna soċjali hija mogħtija skont il-bżonnijiet, huwa biss a posteriori li jkun possibbli li ssir statistika li tippermetti li jiġi stabbilit il-limitu medju tad-dħul li għalih din l-għajnuna hija mogħtija.

40      L-imsemmi gvern b’hekk isostni li l-livell tad-dħul li jikkorrispondi ma’ 120 % tal-paga minima statutorja huwa konformi mal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ), tad-Direttiva, peress li huwa livell ta’ dħul li minnu mhux possibbli, bħala prinċipju, tintalab miżura ġenerali jew speċjali ta’ għajnuna soċjali. Fil-fatt, skont dan l-istess gvern, il-livell tal-paga minima fil-Pajjiżi l-Baxxi jippermetti biss li jkunu sodisfatti l-bżonnijiet vitali u jista’ jirriżulta insuffiċjenti sabiex jissodisfa l-ispejjeż partikolari individwali. Dawn l-elementi jiġġustifikaw li jiġi kkunsidrat livell ta’ dħul ekwivalenti għal 120 % tal-paga minima statutorja.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Huwa importanti jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, flimkien ma’ drittijiet individwali korrispettivi definiti b’mod ċar, għaliex jobbligahom, fil-każijiet stabbiliti mid-Direttiva, li jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I­-5769, punt 60).

42      Din id-dispożizzjoni madankollu hija applikabbli bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti, b’mod partikolari fil-Kapitolu IV tad-Direttiva. L-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ), ta’ din id-direttiva jifforma parti minn dawn il-kundizzjonijiet u jippermetti lill-Istati Membri jitolbu prova li l-isponsor għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat. L-istess dispożizzjoni tippreċiża li l-Istati Membri jevalwaw dawn ir-riżorsi skont in-natura tagħhom u r-regolarità tagħhom u jistgħu jikkunsidraw il-livell tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet minimi nazzjonali kif ukoll tan-numru ta’ membri li għandha l-familja.

43      Peress li l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola ġenerali, il- possibbiltà prevista fl-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett. Barra minn hekk, il-marġni ta’ mmanuvrar mogħti lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan tad-Direttiva, li huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja, u sabiex din tintlaħaq b’mod effettiv.

44      F’dan ir-rigward, mill-premessa 2 tad-Direttiva jirriżulta li l-miżuri li jirrigwardaw ir-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u tar-rispett tal-ħajja tal-familja li hija protetta f’numru ta’ strumenti tad-dritt internazzjonali. Fil-fatt, id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Artikolu 8 tal-ECHR u mill-Karta. B’hekk jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tagħha, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali u, b’mod iktar partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, protett kemm mill-ECHR kif ukoll mill-Karta. Għandu jingħad ukoll li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fil-Karta, kif adottati fi Strasbourg fit-12 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 303, p. 1), li għandha l-istess valur legali bħat-trattati.

45      Hekk kif sostniet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-seduta, il-kunċett tas-“sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li ma jistax jiġi ddefinit b’riferiment għal kunċetti tad-dritt nazzjonali. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-għajnuna soċjali, dan il-kunċett għandu jiġi interpetat bħala li jirreferi għal għajnuna soċjali mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk huma f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

46      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva topponi, minn naħa, il-kunċett tar-“riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu” u, min-naħa l-oħra, dik ta’ “għajnuna soċjali”. Minn din l-oppożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “għajnuna soċjali”, li jidher fid-Direttiva, għandu bħala għan l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk tkun fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għaliha l-individwu, fil-każ preżenti l-isponsor, li ma għandux riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li, minħabba dan il-fatt, hemm periklu li jsir, waqt li jkun qed jirrisjedi fil-pajjiż, piż fuq l-għajnuna soċjali tal-Istat Membru li jospitah (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind, C‑291/05, Ġabra p. I‑10719, punt 29).

47      L-Artikolu 7(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jikkunsidraw, fl-evalwazzjoni tagħhom tar-riżorsi tal-isponsor, il-livell tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet minimi nazzjonali. Hekk kif ġie espost fil-punt 43 tas-sentenza preżenti, din il-possibbiltà għandha tiġi eżerċitata billi jiġi evitat li jiġi ppreġudikat l-għan tad-Direttiva, li huwa li jiffavorixxi r-riunifikazzjoni tal-familja, u l-effettività li dan l-għan jinkiseb.

48      Peress li l-portata tal-bżonnijiet tista’ tvarja ħafna skont l-individwi, din l-awtorizzazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jindikaw ċerta somma bħala l-ammont ta’ riferiment, iżda mhux fis-sens li huma jistgħu jimponu ammont ta’ dħul minimu,fejn ammont li jkun inqas minnu jwassal sabiex kull riunifikazzjoni tal-familja tiġi rrifjutata, u dan indipendentement minn eżami konkret tas-sitwazzjoni ta’ kull applikant. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 17 tad-Direttiva, li timponi eżami individwali tat-talbiet għal riunifikazzjoni.

49      Li jintuża bħala ammont ta’ riferiment, livell ta’ dħul ekwivalenti għal 120 % tad-dħul minimu ta’ ħaddiem ta’ età ta’ 23 sena, ammont li minnu kull talba għal għajnuna speċjali tkun bħala prinċipju eskluża, ma jidhirx li jwieġeb għall-għan li jikkonsisti f’li jiddetermina jekk individwu jiddisponix minn riżorsi regolari sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “għajnuna soċjali”, li jidher fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva, għandu jiġi interpretat li għandu l-għan li jagħmel tajjeb għal nuqqas ta’ riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti u mhux bħala għajnuna li tippermetti li tissodisfa l-bżonnijiet straordinarji jew imprevisti.

50      Barra minn hekk, iċ-ċifra ta’ 120 %, użata sabiex tistabbilixxi l-ammont impost mill-Vb 2000, hija biss ċifra medja, stabbilita meta tiġi stabbilita l-istatistika dwar l-għajnuna speċjali mogħtija mill-muniċipalitajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u għall-kriterji tad-dħul ikkunsidrati minn dawn il-muniċipalitajiet. Hekk kif ġie espost fis-seduta, ċerti muniċipalitajiet jużaw bħala ammont ta’ riferiment dħul ta’ ammont iktar baxx minn dak korrispondenti għal 120 % tad-dħul minimu, li jikkontradixxi t-teżi li dħul korrispondenti għal 120 % tad-dħul minimu jkun indispensabbli.

51      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni tiġġudika jekk id-dħul minimu previst mil-liġi Olandiża huwiex suffiċjenti sabiex jippermetti lill-ħaddiema ta’ dan l-Istat ikopru l-bżonnijiet ordinarji tagħhom. Madankollu huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, li jekk, fil-kawża prinċipali, ir-relazzjoni mal-familja bejn il-konjuġi Chakroun kienet eżistiet qabel id-dħul tas-Sur Chakroun fit-territorju tal-Komunità, l-ammont tad-dħul ikkunsidrat fl-eżami tat-talba ta’ R. Chakroun kien id-dħul minimu u mhux 120 % tad-dħul minimu. Għandu jiġi konkluż li d-dħul minimu huwa kkunsidrat mill-awtoritajiet Olandiżi stess bħala li jikkorrispondi mar-riżorsi suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva.

52      Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, għadha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-frażi “jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali” li tidher fl-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tippermettix li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja li tirrifjuta din ir-riunifikazzjoni lill-isponsor li jkollu l-prova li jiddisponi minn riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti li jippermettulu jissodisfaw il-bżonnijiet tiegħu u tal-membri tal-familja tiegħu, iżda li, minħabba l-livell tad-dħul tiegħu, madankollu jista’ jitlob għajnuna speċjali fil-każ ta’ spejjeż partikolari u individwali kkunsidrati neċessarji għall-għajxien tiegħu, għal ħlas lura tat-taxxa mogħtija minn awtoritajtiet lokali skont id-dħul, jew miżuri ta’ sostenn għad-dħul fil-kuntest tal-politika minima komunali (“minimabeleid”).

 Fuq it-tieni domanda

53      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(d) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-dħul tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva, tagħmel distinzjoni skont jekk ir-relazzjoni mal-familja kienet teżisti qabel jew wara d-dħul tal-isponsor fit-territorju tal-Istat Membru li jospitah.

 Osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet

54      R. Chakroun tispjega li żewġha , sa mill-wasla tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-sena 1970, ħadem għal perijodu ta’ sentejn f’dan l-Istat Membru sabiex jaqla l-flus neċessarji għaż-żwieġ tagħhom.

55      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, id-Direttiva ma toffri l-ebda bażi għal distinzjoni bejn il-manteniment tal-familja u l-formazzjoni tagħha. Madankollu, jirriżulta minn dokument tal-Presidenza tal-Kunsill (dokument tal-Kunsill 5682/01, tal-31 ta’ Jannar 2001, p. 3) li jeżisti ftehim ġenerali fuq il-fatt li r-riunifikazzjoni tal-familja kellha tkopri kemm il-formazzjoni kif ukoll il-preżervazzjoni tal-għaqda tal-familja. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 6 tad-Direttiva kif ukoll mill-Artikolu 2(d) tagħha. Fir-rigward tal-eċċezzjoni introdotta mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva, din hija dispożizzjoni speċifika għas-sitwazzjoni tar-refuġjati mġiegħla li jaħarbu minn pajjiżhom. R. Chakroun barra minn hekk tikkwota r-rapport tal-11 ta’ Marzu 2009, mill-Kummissarju għad-drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iż-żjara tiegħu li seħħet fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-21 sal-25 ta’ Settembru 2008, li fiha l-Kummissarju baqa’ sorpriż b’ċerti dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja.

56      Il-Kummissjoni barra minn hekk tistaqsi kif distinzjoni abbażi tal-mument meta r-relazzjoni mal-familja ġiet ikkreata jista’ ikollha l-inqas konnessjoni mal-fatt li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet materjali fil-qasam tal-bżonnijiet bażiċi.

57      Il-Gvern Olandiż jesponi li d-distinżjoni li saret mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bejn il-kreazzjoni tal-familja u r-riunifikazzjoni tal-familja mhix ipprojbita mid-Direttiva u huwa mod kif tiġi kkunsidrata n-natura u s-solidità tar-relazzjoni mal-familja, hekk kif impost mill-Artikolu 17 tad-Direttiva. Skont dan il-gvern, fil-fatt wieħed jista’ jimmaġina li l-interessi involuti jkunu iktar importanti meta r-relazzjoni mal-familja kienet teżisti diġà qabel mal-persuna prinċipali stabbilixxiet ruħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-każ tal-formazzjoni ta’ familja, iż-żewġt isħab jieħdu r-riskju li l-ħajja familjari tagħhom ma tistax temporanjament isseħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi. Ġeneralment, ir-relazzjoni mal-familja tkun konkretizzata b’inqas intensità f’dawn il-każijiet milli dawk li mbagħad iwasslu għal talbiet għal riunifikazzjoni tal-familja. Huwa preċiżament sabiex tiġi protetta l-familja li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi stabbilixxa, bħala livell ta’ dħul suffiċjenti, ammont iktar baxx mill-kriterju ġenerali ta’ 120 % tal-paga minima, fil-każijiet ta’ talbiet għal riunifikazzjoni tal-familja.

58      Sussidjarjament, il-Gvern Olandiż isostni li, anki fil-każ fejn ir-relazzjoni mal-familja kienet teżisti wara l-wasla tal-persuna prinċipali fil-Pajjiżi l-Baxxi u fejn ir-rekwiżit tad-dħul ma jkunx osservat, ir-residenza tal-membri tal-familja tkun awtorizzata jekk meħtieġ mill-Artikolu 8 tal-ECHR.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

59      L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva jiddefinixxi r-riunifikazzjoni tal-familja mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont il-mument taż-żwieġ tal-konjuġi, peress li jippreċiża li din ir-riunifikazzjoni għandha tiġi interpretata bħala l-każ tad-dħul jew tar-residenza fit-territorju tal-Istat Membru li jospita membru tal-familja biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, “kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat qabel kemm wara d-dħul tar-resident”.

60      L-Artikolu 9(2) biss tad-Direttiva, applikabbli għar-refuġjati, jipprovdi li “Stati Membri jistgħu jirrestrinġu l-applikazzjoni [tad-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu V tad-Direttiva] għal refuġjati li r-relazzjonijiet familjali tagħhom jkunu bdew qabel id-dħul tagħhom”. Din id-dispożizzjoni hija spjegata mit-trattament l-iktar favorevoli mogħti lir-refuġjati fil-wasla tagħhom fit-territorju.

61      B’hekk jirriżulta li r-regoli tad-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9(2) tagħha, huma applikabbli kemm għal dak li l-leġiżlazzjoni Olandiża tikklassifika bħala riunifikazzjoni tal-familja kif ukoll għal dak li hija tiddefinixxi bħala formazzjoni ta’ familja.

62      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 6 tad-Direttiva li għandha bħala għan li tiġi “protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja”. Din hija kkonfermata wkoll mix-xogħol preparatorju ċċitat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li minnu jirriżulta li kien intlaħaq ftehim ġenerali fuq il-fatt li r-riunifikazzjoni tal-familja kellha tkopri kemm il-formazzjoni ta’ familja kif ukoll il-preżervazzjoni tal-għaqda tal-familja.

63      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-Artikolu 8 tal-ECHR u l-Artikolu 7 tal-Karta, li ma jistabbilixxu l-ebda distinzjoni skont iċ-ċirkustanzi u l-mument li fih tiġi kkreata l-familja.

64      Fid-dawl ta’ din in-nuqqas ta’ distinzjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħmel, skont il-mument li fih tiġi kkreata l-familja, u hekk kif jirriżulta minn neċessità li ma jiġux interpretati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva b’mod restrittiv kif ukoll li ma titneħħilhomx l-effettività tagħhom, l-Istati Membri ma jiddisponux minn marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jerġħu jintroduċu din id-distinzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punt 93). B’hekk, il-kapaċità ta’ sponsor li jiddisponi minn riżorsi regolari u suffiċjenti li jippermettulu jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u tal-membri tal-familja tiegħu fis-sens tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva bl-ebda mod ma tista’ tiddependi fuq il-mument li fih stabbilixxa l-familja tiegħu.

65      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Olandiż, li jgħid li awtorizzazzjoni għandha tingħata jekk l-Artikolu 8 tal-ECHR jeżiġi dan, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, hekk kif irriżulta mis-seduta, R. Chakroun qatt ma ġiet awtorizzata tingħaqad ma’ żewġha li ilha miżżewġa miegħu 37 sena.

66      Għalhekk għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li saret li d-Direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(d) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-dħul imposti fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva, tagħmel distinzjoni skont jekk ir-relazzjoni mal-familja bdietx qabel jew wara d-dħul tar-resident fit-territorju tal-Istat Membru li jospitah.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-frażi “jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali” li tidher fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tippermettix li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja li tirrifjuta din ir-riunifikazzjoni lill-isponsor li jkollu l-prova li jiddisponi minn riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti li jippermettulu jissodisfaw il-bżonnijiet tiegħu u tal-membri tal-familja tiegħu, iżda li, minħabba l-livell tad-dħul tiegħu, madankollu jista’ jitlob għajnuna speċjali fil-każ ta’ spejjeż partikolari u individwali kkunsidrati neċessarji għall-għajxien tiegħu, għal ħlas lura tat-taxxa mogħtija minn awtoritajtiet lokali skont id-dħul, jew miżuri ta’ sostenn għad-dħul fil-kuntest tal-politika minima komunali (“minimabeleid”).

2)      Id-Direttiva 2003/86, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(d) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-dħul imposti fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva, tagħmel distinzjoni skont jekk ir-relazzjoni mal-familja bdietx qabel jew wara d-dħul tar-resident fit-territorju tal-Istat Membru li jospitah.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.