Language of document : ECLI:EU:C:2010:319

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

J. MAZÁK

ippreżentata fis-7 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawżi C‑188/10 u C‑189/10

Aziz Melki u Sélim Abdeli

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza)]

“Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Referenza preliminari obbligatorja lill-Conseil constitutionnel meta n-nuqqas ta’ konformità preżunta ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern mal-Kostituzzjoni tirriżulta mill-kuntrarjetà tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Nuqqas ta’ effett fuq il-faklutà jew l-obbligu ta’ rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali – Moviment liberu tal-persuni – Nuqqas ta’ kontroll tal-persuni fil-fruntieri interni – Artikoli 67 TFUE u 72 TFUE –Regolament (KE) Nru 562/2006– Artikoli 20 u 21”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 67 TFUE u 267 TFUE. L-ewwel domanda magħmula mill-Cour de cassation (Franza) hija dwar il-konformità, mal-Artikolu 267 TFUE, tal-Liġi organika Franċiża Nru 2009-1523, tal-10 ta’ Diċembru 2009, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 61‑1 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, li jistabbilixxi l-“kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità” skont l-imsemmi Artikolu 61‑1. Dan il-mekkaniżmu ġdid huwa r-riżultat ta’ riforma kostituzzjonali, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2010, li jistabbilixxi kontroll tal-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi a posteriori. Il-Cour de cassation titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk l-Artikolu 267 TFUE jipprekludix l-Artikoli 23‑2 u 23‑5 tad-Digriet Nru 58‑1067, tas-7 ta’ Novembru 1958, dwar il-Liġi organika dwar il-Conseil constitutionnel kif emendata mil-Liġi organika Franċiża Nru 2009-1523 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 58-1067”), li jimponu lill-qrati nazzjonali li jiddeċiedu bi prijorità dwar it-trażmissjoni, lill-Conseil constitutionnel, tal-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità li jkollhom quddiemhom, sa fejn din il-kwistjoni tkun dwar in-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża ta’ test tad-dritt intern, minħabba li hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

2.        It-tieni domanda magħmula hija dwar il-konformità tar-raba paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż, li jawtorizza l-kontroll tal-identità ta’ kwalunkwe persuna mill-awtoritajiet tal-pulizija indikati b’mod partikolari fiż-żoni li jinsabu bejn il-fruntiera terrestri ta’ Franza mal-Istati Kontraenti tal-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Unjoni Ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża, dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen, fid-19 ta’ Ġunju 1990, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990”), u linja mmarkata sa 20 kilometru lil hinn minn din il-fruntiera, mal-Artikolu 67 TFUE li jipprovdi għan-nuqqas ta’ kontroll tal-persuni fil-fruntieri interni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1):

“Fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.”

4.        L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament intitolat “Verifiki fit-territorju” jipprovdi:

“It-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

(a)      l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Fis-sens ta’ l-ewwel sentenza l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax, b’mod partikolari, ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

(i)      ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera,

(ii)      ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità trans-konfini,

(iii) huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni;

(iv)      huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji;

(b)      il-verifiki ta’ sigurtà fuq persuni mwettqa f’portijiet u ajruporti mill-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi ta’ kull Stat Membru, minn uffiċjali tal-port jew ajruport jew trasportaturi, basta li tali verifiki jitwettqu wkoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi Stat Membru;

(ċ)      il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti;

(d)      l-obbligu ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrapportaw il-preżenza tagħhom fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.”

5.        L-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Notifika ta’ informazzjoni mill-Istati Membri” jipprovdi:

“Sas- 26 ta’ Ottubru 2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-disposizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Artikolu 21(ċ) u (d), […].

L-informazzjoni nnotifikata mill-Istati Membri għandha tiġi pubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

6.        Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 562/2006, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat it-test segwenti dwar l-obbligu ta’ żamma u ta’ pussess ta’ titoli u ta’ dokumenti skont l-Artikolu 21(ċ) ta’ dan ir-regolament:

“Il-leġiżlazzjoni Franċiża tistabbilixxi dan l-obbligu fl-Artikolu L.611‑1 tal-Kodiċi tad-dħul u ta’ residenza ta’ barranin u tad-dritt ta’ ażil (Ceseda), li jistabbilixxi li barra minn kwalunkwe kontroll ta’ identità, il-persuni ta’ nazzjonalità barranija għandhom ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw id-dokumenti li permezz tagħhom huma awtorizzati jiċċirkolaw jew joqogħdu fi Franza fuq kull talba tal-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja u, fuq l-ordni u taħt ir-responsabbiltà ta’ dawn, tal-aġenti tal-ġulizija ġudizzjarja u tal-assistenti aġenti tal-pulizija ġudizzjarja” (2).

B –    Id-dritt nazzjonali

7.        L-Artikolu 61‑1 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża jipprovdi:

“Meta, matul l-iżvolġiment ta’ istanza quddiem qorti, jiġi sostnut li dispożizzjoni leġiżlattiva tippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni, jista’ jsir rinviju dwar din il-kwistjoni mill-Conseil d’État jew mill-Cour de cassation quddiem il-Conseil constitutionnel li jiddeċiedi f’terminu stabbilit.

Liġi organika għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ dan l-artikolu.”

8.        L-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża jipprovdi:

“Dispożizzjoni li tiġi ddikjarata inkostituzzjonali abbażi tal-Artikolu 61‑1 la tista’ tiġi promulgata u lanqas applikata.

Dispożizzjoni li tiġi ddikjarata inkostituzzjonali abbażi tal-Artikolu 61‑1 hija mħassra sa mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel jew sa minn data ulterjuri stabbilita minn din id-deċiżjoni. Il-Conseil constitutionnel għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-limiti li fihom l-effetti prodotti mid-dispożizzjoni jkunu jistgħu jiġu kkontestati.

Id-deċiżjonijiet tal-Conseil constitutionnel ma jistgħux jiġu appellati. Dawn japplikaw għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-awtoritajiet amministrattivi u ġuridiċi kollha.”

9.        L-Artikolu 88‑1 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża jistabbilixxi:

“Ir-Repubblika tipparteċipa fl-Unjoni Ewropea stabbilita minn Stati li għażlu b’mod ħieles li jeżerċitaw flimkien uħud mill-kompetenzi tagħhom skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hekk kif jirriżultaw mit-Trattat iffirmat f’Lisbona fit-13 ta’ Diċembru 2007.”

10.      L-Artikolu 1 tal-Liġi organika Nru 2009‑1523 jipprovdi:

“Wara l-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Digriet Nru 58‑1067 tas-7 ta’ Novembru 1958 dwar il-Liġi organika dwar il-Conseil constitutionnel, għandu jiddaħħal il-Kapitolu II ifformulat kif ġej:

Kapitolu II bis

Fuq il-kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet applikabbli quddiem il-qrati li jaqgħu taħt il-Conseil d’État jew il-Cour de cassation

Artikolu 23‑1. − Quddiem il-qrati li jaqgħu taħt il-Conseil d’État jew il-Cour de cassation, il-motiv ibbażat fuq il-fatt li dispożizzjoni leġiżlattiva tippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni għandu, fuq piena ta’ inammissibbiltà, jiġi ppreżentat f’att separat u mmotivat. Tali motiv jista’ jitqajjem għall-ewwel darba fl-istanza ta’ appell. Ma jistax jitqajjem ex officio. [...]

Artikolu 23‑2. − Il-qorti għandha tiddeċiedi mingħajr dewmien permezz ta’ deċiżjoni motivata dwar it-trażmissjoni tal-kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità lill-Conseil d’État jew lill-Cour de cassation. Din it-trażmissjoni għandha ssir jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet segwenti:

1      Id-dispożizzjoni kkontestata tapplika għall-kawża jew għall-proċeduri, jew tikkostitwixxi l-bażi tal-azzjonijiet;

2      Sakemm ma jkunx hemm bdil fiċ-ċirkustanzi, din ma tkunx għadha ġiet iddikjarata konformi mal-Kostituzzjoni fil-motivi u fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel;

3      Il-kwistjoni ma tkunx nieqsa minn natura serja.

Fi kwalunkwe każ, il-qorti għandha, meta tintalab tiddeċiedi dwar motivi li jikkontestaw il-konformità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, minn naħa, mad-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni u, min-naħa l-oħra, mal-impenji internazzjonali ta’ Franza, tiddeċiedi bi prijorità dwar it-trażmissjoni tal-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità lill-Conseil d’État jew lill-Cour de cassation.

Id-deċiżjoni li tiġi trażmessa l-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Conseil d’État jew lill-Cour de cassation fi tmint ijiem mid-data meta tingħata flimkien man-noti jew mat-talbiet tal-partijiet. Hija ma tistax tiġi appellata. Ir-rifjut li ssir it-trażmissjoni tal-kwistjoni jista’ jiġi kkontestat biss f’appell mid-deċiżjoni li tiddeċiedi l-kawża kollha jew parti minnha.

[…]

Taqsima 2

Dispożizzjonijiet applikabbli quddiem il-Conseil d’État u l-Cour de cassation

Artikolu 23‑4. − F’terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri min-notifika tat-trażmissjoni prevista fl-Artikolu 23‑2 jew fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 23‑1, il-Conseil d’État jew il-Cour de cassation għandha tiddeċiedi dwar ir-rinviju tal-kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità. Dan ir-rinviju għandu jsir hekk kif jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 23‑2 u meta l-kwistjoni tkun ġdida jew tkun ta’ natura serja.

Artikolu 23‑5. − Il-motiv ibbażat fuq il-fatt li dispożizzjoni leġiżlattiva tippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni jista’ jitqajjem, inkluż għall-ewwel darba fil-kassazzjoni, matul istanza quddiem il-Conseil d’État jew il-Cour de cassation. Il-motiv għandu jiġi ppreżentat, fuq piena ta’ inammissibbiltà, f’nota distinta u motivata. Ma jistax jitqajjem ex officio.

Fi kwalunkwe każ, il-Conseil d’État jew il-Cour de cassation għandhom, meta jitressqu quddiemhom motivi li jikkontestaw il-konformità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, minn naħa, mad-drittijiet u l-libertajiet garantiti mill-Kostituzzjoni u, min-naħa l-oħra, mal-impenji internazzjonali ta’ Franza, għandha tiddeċiedi bi prijorità dwar ir-rinviju tal-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità lill-Conseil constitutionnel.

Il-Conseil d’État jew il-Cour de cassation għandhom terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mill-preżentata tal-motiv sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha. Il-Conseil constitutionnel għandu jiddeċiedi dwar il-kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 23‑2 jiġu sodisfatti u l-kwistjoni tkun ġdida jew tkun ta’ natura serja.

Meta l-Conseil constitutionnel jintalab jiddeċiedi, il-Conseil d’État jew il-Cour de cassation għandhom jissospendu l-proċeduri quddiemhom sakemm il-Conseil constitutionnel jagħti d-deċiżjoni tiegħu.

[…]”

11.      L-Artikolu L.611‑1 ta’ Ceseda jipprovdi:

“Barra minn kwalunkwe kontroll ta’ identità, il-persuni ta’ nazzjonalità barranija għandhom ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw il-karti jew id-dokumenti li permezz tagħhom huma awtorizzati jiċċirkolaw jew joqogħdu fi Franza fuq kull talba tal-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja u, fuq l-ordni u taħt ir-responsabbiltà ta’ dawn, tal-aġenti tal-pulizija ġudizzjarja u tal-assistenti aġenti tal-pulizija ġudizzjarja msemmija fl-Artikoli 20 u 21(1) tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali.

Wara kontroll ta’ identità li jsir skont l-Artikoli 78‑1, 78‑2 u 78‑2‑1 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali, il-persuni ta’ nazzjonalità barranija jistgħu wkoll ikunu obbligati jippreżentaw il-karti u d-dokumenti msemmija fil-paragrafu preċedenti.”

12.      Skont l-Artikolu 78‑1 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali:

“L-applikazzjoni tar-regoli msemmija f’dan il-kapitolu hija suġġetta għall-kontroll tal-awtoritajiet ġudizzjarji msemmija fl-Artikoli 12 u 13.

Kwalunkwe persuna li tkun tinsab fuq it-territorju nazzjonali għanha taċċetta li jsirilha kontroll tal-identità fil-kundizzjonijiet u mill-awtoritajiet tal-pulizija msemmija fl-artikoli li ġejjin.”

13.      L-ewwel sat-tielet paragrafi tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali jipprovdi:

“L-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja u, fuq l-ordni u taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-aġenti tal-pulizija ġudizzjarja u l-assistenti aġenti tal-pulizija ġudizzjarja msemmija fl-Artikoli 20 u 21‑1 jistgħu jistiednu sabiex tiġġustifika, bi kwalunkwe mezz, mill-identità tagħha, kwalunkwe persuna li fil-konfront tagħha teżisti raġuni jew raġunijiet plawżibbli ta’ suspett li:

–        wettqet jew ipprovat twettaq ksur;

–        jew kienet qegħda tipprepara sabiex twettaq reat jew delitt;

–        jew hija suxxettibbli li tipprovdi informazzjoni utli għall-investigazzjoni f’każ ta’ reat jew delitt;

–        jew li kienet is-suġġett ta’ tiftix ordnat minn awtorità ġudizzjarja.

Fuq sottomissjonijiet bil-miktub tal-prokuratur tar-Repubblika għall-finijiet tar-riċerka u għall-investigazzjoni ta’ ksur li jippreċiża, l-identità ta’ kull persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont l-istess proċedura, fil-postijiet u għal perijodu ta’ żmien determinati minn dan il-membru tal-ġudikatura. Il-fatt li l-kontroll tal-identità juri ksur ieħor minbarra dak imsemmi fis-sottomissjonijiet tal-prokuratur tar-Repubblika ma huwiex każ ta’ nullità tal-proċeduri inċidentali.

L-identità ta’ kwalunkwe persuna, ikun xi jkun l-aġir tagħha, tista’ tiġi wkoll ikkontrollata, skont il-proċedura prevista fl-ewwel paragrafu, sabiex ikun hemm prevenzjoni ta’ attakk kontra l-ordni pubbliku, b’mod partikolari għas-sigurtà tal-persuni jew tal-proprjetà.”

14.      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali jipprovdi:

“F’żona inkluża bejn il-fruntiera terrestri ta’ Franza mal-Istati partijiet fil-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u linja mmarkata sa 20 kilometru lil hinn, kif ukoll fiż-żoni aċċessibbli għall-pubbliku tal-portijiet, ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija jew vendi tal-karozzi tal-linja, li huma miftuħa għat-traffiku internazzjonali u identifikati permezz ta’ digriet, l-identità ta’ kwalunkwe persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont il-proċedura pprovduta fil-paragrafu 1, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-obbligi ta’ detenzjoni, ta’ pussess u tal-preżentazzjoni tat-titoli u tad-dokumenti previsti mil-liġi. Fejn tali kontroll iseħħ fuq ferrovija b’rotta internazzjonali, dan jista’ jseħħ fuq il-parti tal-vjaġġ bejn il-fruntiera u l-ewwel stazzjon li jkun jinsab lil hinn minn 20 kilomteru mill-fruntiera. Madankollu, fuq ferroviji b’rotta internazzjonali u li għandhom karatteristiċi partikolari ta’ servizz, il-kontroll jista’ wkoll iseħħ bejn dan l-istazzjon u stazzjon li jkun jinsab fil-limitu ta’ ħamsin kilometru ’il bogħod. Dawn ir-rotot u dawn l-istazzjonijiet huma identifikati permezz ta’ digriet ministerjali. Meta jkun hemm sezzjoni ta’ awtostrada li tibda fiż-żona msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu u l-ewwel pedaġġ tal-awtostrada jinsab lil hinn mil-linja mmarkata ta’ 20 kilometru, il-kontroll jista’ jseħħ sa dan l-ewwel pedaġġ, f’żoni ta’ parkeġġ jew fis-sit tal-pedaġġ jew iż-żoni ta’ parkeġġ ħdejh. Il-pedaġġi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni huma identifikati permezz ta’ digriet. Il-fatt li l-kontroll ta’ identità juri ksur differenti minn dak tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi msemmija iktar ’il fuq ma huwiex kawża ta’ nullità tal-proċeduri inċidentali.”

III – Il-kuntest fattwali

15.      A. Melki u S. Abdeli, it-tnejn li huma ta’ nazzjonalità Alġerina, f’sitwazzjoni irregolari fi Franza, ġew ikkontrollati mill-pulizija skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali, f’żona inkluża bejn il-fruntiera terrestri ta’ Franza mal-Belġju u linja mmarkata sa 20 kilometru lil hinn minn din il-fruntiera. Fit-23 ta’ Marzu 2010, il-prefett tat-Tramuntana tar-Repubblika Franċiża, innotifika, rispettivament, lil A. Melki u S. Abdeli, deċiżjoni sabiex jittieħdu fil-fruntiera u deċiżjoni ta’ detenzjoni f’postijiet li ma jaqgħux taħt l-amministrazzjoni penitenzjarja.

16.      A. Melki u S. Abdeli ppreżentaw it-tnejn li huma quddiem il-qorti tal-libertà u tad-detenzjoni, mitluba tiddeċiedi mill-prefett dwar talba ta’ estensjoni ta’ din id-detenzjoni, nota dwar kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità. It-tnejn li huma sostnew li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż jippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet garantiti mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża. Permezz ta’ żewġ digrieti, tal-25 ta’ Marzu 2010, il-qorti tal-libertà u tad-detenzjoni ordnat it-trażmissjoni lill-Cour de cassation tad-domanda segwenti:

“[Ir-raba’] paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali jippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet garantiti mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża?”

17.      Il-qorti tal-libertajiet u tad-detenzjoni ordnat ukoll l-estensjoni tad-detenzjoni ta’ A. Melki u S. Abdeli għal terminu ta’ ħmistax‑il ġurnata.

18.      Skont il-qorti tar-rinviju, A. Melki u S. Abdeli, sabiex isostnu li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali huwa kuntrarju għall-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, jinvokaw l-Artikolu 88‑1 tagħha. Huma jsostnu li l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat ta’ Lisbona, fosthom dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-persuni, għandhom valur kostituzzjonali fir-rigward tal-Artikolu 88‑1 tal-imsemmija Kostituzzjoni u li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż li jawtorizza kontrolli fil-fruntiera ta’ Franza mal-Istati Membri huwa kuntrarju għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni stabbilit mill-Artikolu 67 TFUE li jipprovdi li l-Unjoni tiżgura li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni.

IV – Ir-rinviju preliminari

19.      Fid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tesponi, l-ewwel nett, li mill-Artikolu 23‑2 tad-Digriet Nru 58-1067 jirriżulta li l-qrati fil-mertu ma jistgħux jiddeċiedu dwar il-konvenzjonalità (3) ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva qabel ma jittrażmettu l-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, id-deċiżjonijiet tal-Conseil constitutionnel ma jistgħux jiġu appellati u japplikaw għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-awtoritajiet amministrattivi u ġuridiċi kollha. Skont il-Cour de cassation, minn dan isegwi li l-qrati fil-mertu huma mċaħda, minħabba l-Liġi organika Nru 2009‑1523, mill-possibbiltà li jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma jittrażmettu l-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità. Barra minn hekk, jekk il-Conseil constitutionnel jiddeċiedi li d-dispożizzjoni leġiżlattiva kkontestata tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, huma lanqas ma jistgħu, wara din id-deċiżjoni, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar domanda preliminari. Il-Cour de cassation tosserva wkoll li, skont l-Artikolu 23‑5 tad-Digriet Nru 58‑1067, il-Cour de cassation ma tistax, bl-istess mod, la tagħmel tali referenza minkejja, d-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-Artikolu 267 TFUE, u lanqas tiddeċiedi dwar il-konformità tat-test mad-dritt tal-Unjoni.

20.      It-tieni nett, il-Cour de cassation tistaqsi dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż mal-Artikolu 67 TFUE. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 67 TFUE ma jirriproduċix id-deroga mill-prinċipju tal-moviment liberu li tirriżulta mir-riżerva tal-ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali li tinsab fil-kovenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation għamlet, permezz ta’ żewġ talbiet tas-16 ta’ April 2010, lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-paragrafu 2 tal-Artikolu 23‑2 u mill-paragrafu 2 tal-Artikolu 23‑5 tad-Digriet Nru 58-1067 [...] sa fejn jimponu fuq il-qrati l-obbligu li jagħtu deċiżjoni bi prijorità dwar it-trażmissjoni, lill-Conseil constitutionnel, tal-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità mressqa quddiemhom, sa fejn din il-kwistjoni tirrigwarda n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni tad-dritt nazzjonali, minħabba li dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni?

2)      L-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-paragrafu 4 tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali li jipprovdi li “[f]’żona inkluża bejn il-fruntiera terrestri ta’ Franza mal-Istati partijiet fil-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u linja mmarkata sa 20 kilometru lil hinn, kif ukoll fiż-żoni aċċessibbli għall-pubbliku tal-portijiet, ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija jew vendi tal-karozzi tal-linja, li huma miftuħa għat-traffiku internazzjonali u identifikati permezz ta’ digriet, l-identità ta’ kwalunkwe persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont il-proċedura pprovduta fil-paragrafu 1, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-obbligi ta’ detenzjoni, ta’ pussess u tal-preżentazzjoni tat-titoli u tad-dokumenti previsti mil-liġi. Fejn tali kontroll iseħħ fuq ferrovija b’rotta internazzjonali, dan jista’ jseħħ fuq il-parti tal-vjaġġ bejn il-fruntiera u l-ewwel stazzjon li jkun jinsab lil hinn minn 20 kilomteru mill-fruntiera. Madankollu, fuq ferroviji b’rotta internazzjonali u li għandhom karatteristiċi partikolari ta’ servizz, il-kontroll jista’ wkoll iseħħ bejn dan l-istazzjon u stazzjon li jkun jinsab fil-limitu ta’ ħamsin kilometru ’il bogħod. Dawn ir-rotot u dawn l-istazzjonijiet huma identifikati permezz ta’ digriet ministerjali. Meta jkun hemm sezzjoni ta’ awtostrada li tibda fiż-żona msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu u l-ewwel pedaġġ tal-awtostrada jinsab lil hinn mil-linja mmarkata ta’ 20 kilometru, il-kontroll jista’ jseħħ sa dan l-ewwel pedaġġ, f’żoni ta’ parkeġġ jew fis-sit tal-pedaġġ jew iż-żoni ta’ parkeġġ ħdejh. Il-pedaġġi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni huma identifikati permezz ta’ digriet?”

22.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ April 2010, il-Kawżi C‑188/10 u C‑189/10 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

23.      Fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-Cour de cassation talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’urġenza.

24.      Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2010, ġie deċiż li dawn il-kawżi għandhom jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa msemmija fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar.

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn A. Melki u S. Abdeli, għall-Gvernijiet Franċiż, Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Grieg, Olandiż, Pollakk u dak Slovakk, kif ukoll għall-Kummissjoni. Kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Slovakk, ippreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2010.

V –    Fuq it-tieni domanda preliminari

26.      Nikkunsidra li jaqbel li neżamina qabel kollox it-tieni domanda li saret peress li nqis li r-risposta għall-ewwel domanda tista’ tinstab fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam, filwaqt li t-tieni domanda għandha ċerta novità.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari

27.      Il-Gvern Franċiż jikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-kawża fil-mertu, li fil-kuntest tagħha l-qorti tal-libertajiet u tad-detenzjoni ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż mad-dritt tal-Unjoni, hija bla skop (4). Għalhekk, l-unika istanza li għadha għaddejja hija dik li tirriżulta mit-trażmissjoni lill-Cour de cassation ta’ kwistjoni prijioritarja ta’ kostituzzjonalità, sabiex il-qorti tiddeċiedi dwar eventwali trażmissjoni tal-kwistjoni lill-Conseil constitutionnel. Issa, permezz tad-deċiżjoni tiegħu Nru 2010-605 DC, tat-12 ta’ Mejju 2010, il-Conseil constitutionnel ikkonferma l-ġurisprudenza tiegħu li permezz tagħha l-kontroll tal-osservanza tad-dritt internazzjonali jew tal-Unjoni ma jagħmilx parti mill-kontroll tal-kostituzzjonalità u għalhekk ma jaqax taħt il-komptenza tiegħu. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Gvern Franċiż josserva li l-kwistjoni dwar jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż huwiex kompatibbli mal-Artikolu 67 TFUE hija nieqsa minn kwalunkwe relevanza fil-kuntest tal-unika istanza li għadha għaddejja, li hija dik quddiem il-Cour de cassation. Għalhekk, ir-risposta li twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda tal-Cour de cassation hija inutli. Għaldaqstant, din id-domanda hija inammissibbli.

28.      Għandu jiġi osservat li l-oġġezzjoni ta’ ammissibbiltà li għamel il-Gvern Franċiż dwar it-tieni domanda hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tiegħu tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-kontroll tad-dritt tal-Unjoni ma jagħmilx parti mill-kontroll tal-kostituzzjonalità (5) u ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Conseil constitutionnel. F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż jibbaża ruħu b’mod partikolari fuq id-deċiżjoni Nru 2010-605 DC tat-12 ta’ Mejju 2010.

29.      Fid-dawl tar-referenzi fid-deċiżjoni tar-rinviju għall-Artikoli 23‑2 u 23‑5 tad-Digriet Nru 58‑1067 li jipprovdi mhux biss motivi li jikkontestaw il-konformità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva mad-drittijiet u mal-libertajiet garantiti mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, iżda wkoll motivi li jikkontestaw il-konformità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva mal-obbligi internazzjonali tar-Repubblika Franċiża u għaldaqstant tad-dritt tal-Unjoni, nikkunsidra li mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod ċar li t-tieni domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation mhijiex relevanti fil-kuntest tal-istanza quddiem l-imsemmija qorti dwar l-ammissibbiltà tal-kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità. Jidher li d-deċiżjoni Nru 2010‑605 DC tat-12 ta’ Mejju 2010 tikkostitwixxi strument interpretattiv dwar l-Artikoli 23‑2 u 23‑5 tad-Digriet Nru 58-1067 iżda li l-imsemmija deċiżjoni ma bidlitx il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

30.      Minn dan isegwi li nikkunsidra li t-tieni domanda hija ammissibbli.

B –    Fuq il-mertu

31.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li r-Regolament Nru 562/2006 ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-Istati terzi li jibbenefikaw mil-libertà li joħorġu u jidħlu mit-territorju tal-Unjoni. Huma josservaw li l-Artikoli 67 TFUE u 77 TFUE ma jipprevedu l-ebda tnaqqis u l-ebda eċċezzjoni għall-eżerċizzju tal-imsemmija libertà u li dawn tal-aħħar jipprovdu għal nuqqas pur u sempliċi ta’ kontroll fil-fruntieri interni mingħajr ma l-ebda ċirkustanza ta’ kwalunkwe tip ma tista’ terġa’ tistabbilixxi l-possibbiltà ta’ kontroll. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż jikser hu stess din il-libertà inkwantu l-verifiki għandhom isiru biss “sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-obbligi ta’ detenzjoni, ta’ pussess u tal-preżentazzjoni tat-titoli u tad-dokumenti previsti mil-liġi”. Huma jqisu li din id-dispożizzjoni tippermetti l-iżvilupp ta’ kontrolli ta’ identità sistematiċi fiż-żoni ta’ fruntiera ta’ Franza, u għalhekk fil-fruntieri interni fis-sens tal-Unjoni. Barra minn hekk, huwa wkoll f’dan is-sens li l-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali għandu jiġi applikat mill-qrati Franċiżi. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu wkoll li l-possibbiltà li jsiru kontrolli fil-fruntieri interni fl-ipoteżi eċċezzjonali ddefiniti b’mod ċar mill-Artikoli 23 sa 25 tar-Regolament Nru 562/2006 huma differenti minn dawk imsemmija fid-dispożizzjoni leġiżlattiva Franċiża.

32.      Il-Gvern Franċiż josserva li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma ġġustifikati, qabel xejn, mill-preżenza ta’ fluss ta’ popolazzjonijiet ta’ passaġġ sostanzjali. Sabiex tiġi żgurata, b’mod partikolari, ġlieda effettiva kontra l-immigrazzjoni illegali, l-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali għandhom għalhekk ikunu jistgħu jipproċedu fiż-żona inkwistjoni sabiex jagħmlu verifiki taż-żamma tad-dokumenti previsti mil-liġi. Fil-fatt, skont l-Artikolu L.611‑1 ta’ Cedesa, il-persuni ta’ nazzjonalità barranija għandhom ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw id-dokumenti li permezz tagħhom huma awtorizzati jiċċirkolaw jew joqogħdu fi Franza. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma ġġustifikati min-neċessità tal-ġlieda kontra tip ta’ delinkwenza speċifika fiż-żoni ta’ passaġġ u fit-truf tal-fruntieri. Skont il-Gvern Franċiż, il-kontrolli tal-pulizija li jsiru abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż f’żona ta’ 20 kilometru lil hinn mill-fruntiera jiddistingwu ruħhom b’mod ċar mill-kontrolli fil-fruntiera. L-ewwel nett, dawn il-kontrolli huma intiżi sabiex tiġi vverifikata l-identità ta’ persuna, sabiex jew ikun hemm prevenzjoni tat-twettieq ta’ ksur jew problemi ta’ ordni pubbliku, jew li jinstabu l-awturi tal-ksur. It-tieni nett, huma bbażati fuq informazzjoni ġenerali u l-esperjenza tas-servizzi tal-pulizija li wrew l-utilità partikolari tal-kontrolli ta’ din iż-żona. It-tielet nett, huma maħluqa u eżegwiti b’mod kjarament distint mill-verifiki sistematiċi tal-persuni li jsiru fil-fruntieri esterni. Il-Gvern Franċiż iqis li, fil-fatt, il-kontrolli ma għandhom l-ebda karatteristika ta’ kontroll fil-fruntieri, li, kif jindika l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 562/2006, għandu jkun fiss, permanenti u sistematiku.

33.      Il-Gvern Franċiż josserva li l-kontrolli tal-pulizija (mhux sistematiċi) fiż-żona tal-fruntiera jibqgħu possibbli fir-rispett tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006. Il-Gvern Grieg iqis li l-miżuri tal-pulizija previsti fl-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż ma humiex intiżi sabiex jikkontrollaw il-fruntieri u ma jwasslux għal rifjut ta’ dħul. Huwa jqis li l-unika għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jiġi vverifikat li l-persuna kkontrollata jkollha u tkun tista’ tippreżenta, kif għandha l-obbligu, l-awtorizzazzjonijiet u d-dokumenti previsti mil-liġi, sabiex tipprova l-identità tagħha. Skont il-Gvern Grieg, dawn il-kontrolli ma jsirux b’mod sistematiku, imma jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet ikkonċernati, li “jistgħu” jimponuhom, u ma humiex obbligati. Għalhekk, huwa jqis li dawn il-miżuri jikkonċernaw kontrolli li huma maħsuba u eżegwiti b’mod kjarament distint mill-verifiki sistematiċi tal-persuni li jsiru fil-fruntieri esterni. Fl-aħħar nett, l-imsemmija miżuri tal-pulizija huma ġġustifikati minn theddid eventwali għas-sigurtà pubblika u huma intiżi, preċiżament, sabiex jiġġieldu kontra l-kriminalità transkonfinali.

34.      Il-Gvern Slovakk josserva li, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà interna, l-Istati Membri għandhom id-dritt li fuq it-territorju tagħhom jagħmlu kontrolli tal-pulizija, sakemm dawn ma għandhomx bħala għan kontroll fil-fruntieri interni, u dan, pereżempju, bil-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità li jmur lil hinn mill-kuntest ta’ fruntiera jew ta’ terroriżmu. Huwa wkoll tal-opinjoni li s-setgħa sabiex isiru kontrolli ta’ identità fil-kuntest tal-fruntieri interni tal-Istat Membru, u għalhekk li tiġi garantita l-osservanza tal-obbligu li persuna jkollha fuqha viża u titolu jew li tkun fil-pussess ta’ wieħed, huwa wkoll konformi mal-Artikolu 21(ċ) tar-Regolament Nru 562/2006.

35.      Il-Gvern Olandiż josserva li l-kontroll Franċiż fiż-żona tal-fruntiera jiddistingwi ruħu, minħabba l-għan u l-kontenut tiegħu, mill-kontroll fil-fruntieri. Il-kontroll fil-fruntieri għandu l-għan li jiżgura li l-persuni, il-mezzi tat-trasport u l-oġġetti jkunu jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fuq it-territorju tal-Istati Membri li jaqgħu fl-ispazju Schengen jew li joħorġu minnu. Dan il-kontroll huwa bbażat fuq il-kundizzjonijiet ta’ dħul fi Stat Membru li jaqa’ taħt l-ispazju Schengen jew taħt il-kundizzjonijiet sabiex joħorġu minnu. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi kontroll jinkludi l-verifika tal-pussess ta’ dokument ta’ vjaġġ validu. Fil-każ ta’ dħul fuq it-territorju, l-għan ta’ residenza u l-mezzi ta’ eżistenza jistgħu jiġu kkontrollati wkoll. Skont il-Gvern Olandiż, jista’ wkoll jiġi vverifikat jekk id-dħul ta’ persuna, ta’ mezz ta’ trasport jew ta’ oġġett fuq it-territorju jistax jippreżenta riskju għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà. Dan huwa kontroll differenti mill-kontroll Franċiż fiż-żona tal-fruntiera. Dan tal-aħħar għandu l-għan li jivverifika l-osservanza tal-obbligi ta’ żamma, ta’ pussess u ta’ preżentazzjoni tat-titolu u tad-dokumenti previsti mil-liġi b’mod partikolari d-dokumenti ta’ identità jew it-titolu ta’ residenza. Il-kontroll ta’ pussess ta’ dawn id-dokumenti huwa, fir-rigward tal-kontenut tiegħu, kontroll ta’ natura differenti u b’għan differenti mill-kontroll fil-fruntieri. Barra minn hekk, il-kontroll Franċiż fiż-żona tal-fruntiera huwa wkoll differenti mill-kontroll fuq il-fruntiera, kif jifhmu l-Gvern Olandiż, minħabba l-mod kif isir. Skont il-Gvern Olandiż, il-kontroll fuq il-fruntieri jsir b’mod sistematiku u kontinwu u fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna li taqsam il-fruntiera. Skont il-Gvern Belġjan, l-Artikolu 67 TFUE għandu jiġi moqri fid-dawl tal-konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 li hija parti integrali mid-dritt tal-Unjoni u li ma tipprojbixxix lill-awtoritajiet nazzjonali milli jagħmlu kontroll ta’ identità. Konsegwentment, skont il-Gvern Belġjan, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż.

36.      Il-Gvern Ċek iqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 562/2006 jeskludu li l-organi tal-pulizija ta’ Stat Membru jkunu iktar severi waqt il-kontrolli ta’ identità fiż-żona tal-fruntiera (ġewwa l-fruntieri taż-żona Schengen) milli fuq il-bqija tat-territorju nazzjonali, li din l-attitudni tirriżulta mid-dispożizzjonijiet legali jew leġiżlattivi, minn direttivi interni jew sempliċement mill-prassi tal-organi kompetenti. Skont dan il-Gvern, l-istabbiliment ta’ setgħat jew ta’ proċeduri ta’ pulizija partikolari fid-dawl tal-kontroll marbut b’mod ġenerali ma’ territorju partikolari fejn il-fruntiera mingħajr raġuni konkreta tali li tittieħed inkunsiderazzjoni hija min-natura tagħha miżura ta’ kontroll fuq il-fruntieri interni. Din il-konklużjoni ma tibdel xejn għall-possibbiltà għal Stat Membru li jagħmel kontrolli tal-pulizija fuq it-territorju tiegħu abbażi ta’ norma ġenerali, jiġifieri mingħajr rabta mal-fruntieri interni u l-qsim tagħhom. Il-Kummissjoni, taħt riżerva ta’ verifiki li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali, tikkunsidra li l-unika kategorija ta’ persuni l-iktar suxxettibbli li jinkixfu minn kontrolli ta’ identità li jsiru viċin il-fruntiera hija magħmula preċiżament minn persuni li jaqsmu l-fruntiera b’mod illegali. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż ma jikkostitwixxux sempliċi verifika tal-osservanza tal-obbligu ta’ żamma tad-dokumenti ta’ identità. Min-naħa l-oħra, huma għandhom jiġu kwalifikati bħala kontrolli fuq il-fruntieri moħbija, ipprojbiti qabel kollox mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006 (6).

37.      Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju espressament invokat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67(2) TFUE li jipprovdi b’mod partikolari li l-Unjoni tiżgura li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni. Konsegwentement, nikkunsidra li t-tieni domanda preliminari tal-Cour de cassation titlaq mill-prinċipju li d-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż jistgħu jikkostitwixxu kontrolli tal-persuni fil-fruntieri interni.

38.      Fid-dawl tal-fatt li nikkunsidra li din id-domanda tirreferi biss għall-qsim tal-fruntieri interni mill-persuni, la ser neżamina r-regoli applikabbli għall-kontrolli tal-fruntieri esterni u lanqas il-korpus vast ta’ miżuri oħra implementati fi ħdan l-Unjoni sabiex jiġi kkumpensat n-nuqqas mfittex mill-Istati Membri ta’ kontrolli ta’ persuni fuq il-fruntieri interni (7).

39.      Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera mill-persuni, ġew implementati miżuri intiżi sabiex jiżguraw in-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll tal-persuni meta jaqsmu l-fruntieri interni u regoli li japplikaw għall-kontroll fil-fruntieri tal-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni (8). Skont il-premessa 20 tiegħu, ir-Regolament Nru 562/2006 jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

40.      Mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006 jirriżulta li l-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom. Filwaqt li jiġi żgurat in-nuqqas ta’ verfiki fuq persuni fuq il-fruntieri interni, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006 jipprojbixxi, bħala regola, dawn il-verfiki (9). Skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 562/2006, il-“verifiki fuq il-fruntiera” huma “l-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri jew jitilqu minnu”.

41.      Minn dan isegwi li l-verfiki fuq il-fruntieri huma orjentati lejn id-dritt ta’ dħul fuq it-territorju tal-Istati Membri jew li jitilqu minnu (10).

42.      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 21 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li t-tneħħija tal-kontroll fuq il-fruntieri interni ma tippreġudikax ċerti prerogattivi tal-Istati Membri. Għaldaqstant, inqis li t-termini użati sabiex jiġu stabbiliti dawn il-prerogattivi għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali tat-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntiera. Dawn il-prerogattivi għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ bona fides u skont l-għan u l-ispirtu tal-imsemmi prinċipju ġenerali.

43.      Għalhekk, nikkunsidra li dawn il-prerogattivi, li huma limitativament elenkati fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006, ma għandhomx jippreġudikaw it-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni. Barra minn hekk, dan jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 li jipprovdi li t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni ma għandhiex taffettwa b’mod partikolari l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat taħt il-liġi nazzjonali, sa fejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Din l-istess dispożizzjoni tistabbilixxi erba’ ċirkustanzi fejn l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-pulizija ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma ekwivalenti għall-eżerċizzju tal-verifiki fil-fruntieri, jiġifieri, l-ewwel nett, il-miżuri tal-pulizija ma jkollhomx bħala għan il-kontrolli fuq il-fruntiera, it-tieni nett, ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, sabiex jiġġieldu l-kriminalità transkonfini, it-tielet nett, huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni u, ir-raba’ nett, huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji.

44.      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 21(ċ) tar-Regolament Nru 562/2006 ma jirriżultax b’mod ċar jekk l-erba’ ċirkustanzi inkwistjoni humiex kumulattivi jew le. Barra minn hekk, nikkunsidra li hemm ċertu punti komuni bejn dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari, bejn it-tielet u r-raba’. Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-erba’ ċirkustanzi huma msemmija biss bħala eżempju (11) peress li l-kwistjoni prinċipali hija dik dwar jekk il-miżuri tal-pulizija għandhomx effett ekwivalenti għal dak tal-verfiki fuq il-fruntieri, kwistjoni li għandha tiġi eżaminata każ b’każ.

45.      Għalhekk, iċ-ċirkustanzi inkwistjoni jikkostitwixxu fatturi jew indiċi li jistgħu jgħinu sabiex jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-pulizija ma għandux l-effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fuq il-fruntieri, imma l-eżistenza ta’ ċirkustanza waħda jew iżjed ma hijiex neċessarjament element deċiżiv f’dan ir-rigward. Konsegwentement, inqis li mill-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 jirriżulta li l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-pulizija jeskludi l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fuq il-fruntiera anki jekk f’każ konkret ikunu jissodisfaw ċirkustanza jew iktar minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 (12).

46.      L-Artikolu 21(ċ) tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdi li t-tneħħija tal-kontroll fuq il-fruntieri interni ma tippreġudikax il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi fid-dritt nazzjonali tiegħu l-obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti (13). Madankollu, nikkunsidra li l-kontrolli eventwali tal-osservanza tal-obbligu ta’ żamma u ta’ pussess tal-karti u tad-dokumenti jistgħu jikkostitwixxu, skont iċ-ċirkustanzi, ostakolu għall-prinċipju ġenerali tat-tneħħija tal-kontroll fil-fruntieri interni, b’mod partikolari, meta dawn il-kontrolli jsiru b’mod sistematiku, arbitrarju jew b’mod inutilment limitattiv (14).

47.      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-kontroll tal-puliżija li sar fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikoli 78-2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż sar fiż-żona inkluża bejn il-fruntiera terrestri ta’ Franza mal-Belġju u linja mmarkata ta’ 20 kilometru lil hinn mil-fruntiera. Jidher, taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti nazzjonali, li l-kontrolli inkwistjoni ma sarux f’punt ta’ passaġġ tal-fruntiera u lanqas wara l-fruntiera. Inqis, kif barra minn hekk sostniet il-Kummissjoni, li sabiex jiġi garantit l-effett utli tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006, u minkejja ċerta ambigwità fil-formulazzjoni tal-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-Regolament (15), verifiki fuq il-fruntiera ma għandhomx neċessarjmanet isiru fi spazju ġeografiku li jikkoinċidi ma’ fruntiera sabiex jiġu kkunsidrati bħala kontrolli tal-persuni fil-fruntieri interni. Fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi kkontrollat jekk verifiki jiksrux l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006, għandu jiġi eżaminat, b’mod partikolari, l-iskop tagħhom u/jew il-mod ta’ kif saru u/jew l-effetti tagħhom skont il-partikolaritajiet tal-każ inkwistjoni (16).

48.      Fil-fatt, in-nuqqas ta’ kontrolli tal-persuni fuq il-fruntieri interni huwa mhedded jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplementaw verifiki fuq il-fruntieri moħbija ġewwa t-territroji tagħhom, barra mill-fruntieri.

49.      Sabiex tiġi vverifikata l-portata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78-2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż u taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti nazzjonali, din id-dispożizzjoni għandha titqabbel b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi Artikolu 78-2 li jipprovdi l-kundizzjonijiet fejn l-awtoritajiet tal-pulizija Franċiżi jistgħu jagħmlu l-kontrolli tal-identità.

50.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78-2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż, l-awtoritajiet tal-pulizija Franċiżi jistgħu jitolbu lil kwalunkwe persuna li fir-rigward tagħha jeżistu raġuni jew raġunijiet possibbli ta’ suspett li tkun wettqet jew ipprovat twettaq ksur, li kienet qed tipprepara biex twettaq reat jew delitt, li tista’ tagħti informazzjoni utli għall-investigazzjoni f’każ ta’ reat jew delitt jew li tkun is-suġġett ta’ riċerki ordnati minn awtorità ġudizzjarja sabiex tiġġustifika l-identità tagħha. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż, l-identità ta’ kwalunkwe persuna tista’ tiġi kkontrollata, skont l-istess metodi fuq talbiet bil-miktub tal-prokuratur tar-Repubblika Franċiża għall-iskopijiet ta’ riċerka u tal-investigazzjoni ta’ ksur li tkun tispeċifika. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż, l-identità ta’ kwalunkwe persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont il-metodi previsti fl-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 78‑2, għall-prevenzjoni ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku (17).

51.      Jidher li l-portata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż tiddistingwi ruħha nettament mid-dispożizzjonijiet l-oħra msemmija f’dan l-artikolu. Minn naħa, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż japplika għal żona ġeografika speċifika tat-territorju nazzjonali Franċiż delimitat minn qabel mil-liġi u, min-naħa l-oħra, l-identità ta’ kwalunkwe persuna tista’ tiġi kkontrollata skont il-metodi previsti, sabiex jiġi vverifikat ir-rispett tal-obbligi ta’ żamma, ta’ pussess u ta’ preżentazzjoni tat-titoli u tad-dokumenti previsti mil-liġi. Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tapplika mingħajr ebda limitazzjoni għal kwalunkwe persuna li tkun tinsab fiż-żona mmirata (18).

52.      Minn dan isegwi li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż jelabora inkontestabbilment sistema stretta u iktar severa għall-kontrolli ta’ identità fiż-żoni tal-fruntiera milli fuq il-bqija tat-territorju Franċiż.

53.      Il-Gvern Franċiż spjega lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kontrolli li saru skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż huma intiżi sabiex jivverifikaw l-identità ta’ persuna, jew għall-prevenzjoni ta’ ksur jew ta’ problemi għall-ordni pubbliku, jew sabiex jiġu mfittxa l-awturi ta’ ksur. Madankollu, inqis li din l-osservazzjoni ma hijiex sostnuta mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, l-ewwel tliet paragrafi tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż isemmu speċifikament il-kontrolli ta’ identità għal dawn l-għanijiet (19). Min-naħa l-oħra, il-kontrolli ta’ identità li jsiru skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż ma jistgħux isiru biss fuq il-post ġeografiku tal-persuna inkwistjoni jiġifieri, b’mod partikolari, f’żona ta’ 20 kilometru lil hinn mill-fruntiera.

54.      Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-kontrolli ta’ identità inkwistjoni, tal-fatt li jistgħu jiġu applikati għal kull persuna li tinsab fiż-żona ġeografika indikata u fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni solida tal-għan intiż tagħhom, inqis li dawn jikkostitwixxu verifiki marbuta mal-qsim tal-fruntiera li ma humiex koperti mill-prerogattivi tal-Istati Membri skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006. Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi nqis li l-kontrolli ta’ identità inkwistjoni jikkostitwixxu verifiki moħbija fuq il-fruntieri li huma pprojbiti mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006 u li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet limitati previsti fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament.

55.      Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikolu 67 TFUE u l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż li jipprovdi li “[f’]żona inkluża bejn il-fruntiera terrestri ta’ Franza mal-Istati partijiet fil-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u linja mmarkata sa 20 kilometru lil hinn, kif ukoll fiż-żoni aċċessibbli għall-pubbliku tal-portijiet, ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija jew vendi tal-karozzi tal-linja, li huma miftuħa għat-traffiku internazzjonali u identifikati permezz ta’ digriet, l-identità ta’ kwalunkwe persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont il-proċedura pprovduta fil-paragrafu 1, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-obbligi ta’ detenzjoni, ta’ pussess u tal-preżentazzjoni tat-titoli u tad-dokumenti previsti mil-liġi. Fejn tali kontroll iseħħ fuq ferrovija b’rotta internazzjonali, dan jista’ jseħħ fuq il-parti tal-vjaġġ bejn il-fruntiera u l-ewwel stazzjon li jkun jinsab lil hinn minn 20 kilomteru mill-fruntiera. Madankollu, fuq ferroviji b’rotta internazzjonali u li għandhom karatteristiċi partikolari ta’ servizz, il-kontroll jista’ wkoll iseħħ bejn dan l-istazzjon u stazzjon li jkun jinsab fil-limitu ta’ ħamsin kilometru ’il bogħod. Dawn ir-rotot u dawn l-istazzjonijiet huma identifikati permezz ta’ digriet ministerjali. Meta jkun hemm sezzjoni ta’ awtostrada li tibda fiż-żona msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu u l-ewwel pedaġġ tal-awtostrada jinsab lil hinn mil-linja mmarkata ta’ 20 kilometru, il-kontroll jista’ jseħħ sa dan l-ewwel pedaġġ, f’żoni ta’ parkeġġ jew fis-sit tal-pedaġġ jew iż-żoni ta’ parkeġġ ħdejh. Il-pedaġġi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni huma identifikati permezz ta’ digriet.”

VI – Fuq l-ewwel domanda preliminari

56.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, il-Cour de cassation titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta minn Liġi organika dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 61‑1 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża sa fejn din il-leġiżlazzjoni timponi lill-qrati li jiddeċiedu bi prijorità dwar it-trażmissjoni lill-Conseil constitutionnel, tal-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità li ssirilhom, sa fejn din il-kwistjoni tkun dwar in-nuqqas ta’ konformità ma’ din il-Kostituzzjoni ta’ test tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Cour de cassation tistaqsi lilha nnifisha jekk ir-regoli proċedurali mressqa, l-ewwel nett, permezz tal-Artikolu 23‑2 tad-Digriet Nru 58‑1067 u li jeħtieġ li qorti, meta tkun mitluba tiddeċiedi dwar motivi li jikkontestaw il-konformità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, minn naħa, mad-drittijiet u mal-libertajiet garantiti mill-imsemmija Kostituzzjoni u, min-naħa l-oħra, mal-obbligi internazzjonali tar-Repubblika Franċiża, tiddeċiedi bi prijorità fuq it-trażmissjoni tal-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità lill-Conseil d’État jew lill-Cour de cassation li huma responsabbli sabiex jiddeċiedu jekk jitolbux lill-Conseil constitutionnel jiddeċiedi u, it-tieni nett, permezz tal-Artikolu 23‑5 ta’ dan id-Digriet li jeħtieġ li l-Conseil d’État jew il-Cour de cassation, meta jkun mitlub jiddeċiedi dwar tali motivi, jiddeċiedi bi prijorità dwar ir-rinviju tal-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità lill-Conseil constitutionnel tippreġudika l-libertà tal-qrati Franċiżi li jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja garantita mill-Artikolu 267 TFUE. F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża li tirreferi għalih il-Cour de cassation fid-domandi tagħha għal deċiżjoni preliminari u li jipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-Conseil constitutionnel ma jistgħux jiġu appellati għandu wkoll jiġi eżaminat fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari.

57.      Jiena nqis li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-Cour de cassation tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk id-dritt nazzjonali jistax jillimita l-libertà ta’ qorti nazzjonali li tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari

58.      Il-Gvern Franċiż jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li din id-domanda hija bbażata fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-dritt nazzjonali, b’mod li għandha natura purament ipotetika. Il-Kummissjoni, filwaqt li ma tikkontestax l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari, tesprimi dubji fir-rigward tal-kuntest ġuridiku nazzjonali ppreżentat fid-deċiżjonijiet tar-rinviju. B’mod partikolari, hija tqis li l-portata tal-kontroll tal-kostituzzjonalità magħmul mill-Conseil constitutionnel Franċiż ma tirriżultax b’mod ċar mill-indikazzjonijiet pprovduti mill-qorti tar-rinviju.

59.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari, ma għandhiex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas tiddeċiedi dwar jekk l-interpretazzjoni li tagħti l-qorti tar-rinviju lil dawn tal-aħħar hijiex korretta. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fit-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u legiżlattiv, kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju, li jagħmlu parti minnu d-domandi preliminari (20).

60.      Issa, mid-domandi preliminari jirriżulta li dawn huma bbażati fuq il-premessa li tgħid li d-dritt Franċiż, u b’mod partikolari l-Artikoli 23‑2 u 23‑5 tad-Digriet Nru 58‑1067 kif ukoll l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, jillimita l-libertà tal-qrati nazzjonali, inkluż dik tal-qorti tar-rinviju, li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE u li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, peress li l-kawżi prinċipali huma dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (21), l-ewwel domanda preliminari ma tidhirx manifestament nieqsa mir-relevanza għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali.

61.      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, l-ewwel domanda għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

B –    Fuq il-mertu

62.      Preliminarjament, ser nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar kawżi fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jillimitaw il-possibbiltà għal qorti nazzjonali li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE (22). Fis-sentenzi tagħha f’dan il-qasam, il-Qorti tal-Ġustizzja sistematikament iddeċidiet fis-sens tal-possibbiltà l-iktar wiesgħa għall-qrati nazzjonali li jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ser infakkar, fir-risposta għall-ewwel domanda, il-ġurisprudenza stabbilita u standard tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam. Barra minn hekk, mill-perspettiva tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda ma tistax tiġi influwenzata mill-fatt li l-għan tal-Liġi organika inkwistjoni jidher li jagħti protezzjoni proċedurali supplementari lill-individwi fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

63.      Skont l-Artikolu 19(3)(b) TUE u l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi, b’mod preliminari, dwar id-domanda tal-qrati nazzjonali, dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (23).

64.      L-għan essenzjali tal-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE huwa li jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat b’mod uniformi mill-qrati nazzjonali. Fil-fatt, dan il-għan huwa segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-qrati nazzjonali fi spirtu ta’ kollaborazzjoni (24) u abbażi ta’ fiduċja reċiproka u ta’ djalogu ġudizzjarju. Il-proċedura tar-rinviju preliminari stabbilita mill-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu TFUE hija strument proċedurali li huwa vitali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali kollha tas-sebgħa u għoxrin Stat Membru.

65.      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE stess jirriżulta b’mod ċar li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija wiesgħa sew u li din tal-aħħar, fi spirtu ta’ kooperazzjoni, bħala regola, ma tantx tiddikkjara inammissibbli d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali dwar l-interpretazzjoni tat-trattati jew dwar l-invalidità u l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

66.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ relevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex x’taqsam mar-realtà tal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex fid-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu sarulha (25). Barra minn hekk, mill-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk ikollhom kawża quddiemhom u jekk ikunu ntalbu jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġuridika (26). Huma l-qrati nazzjonali biss, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (27). Konsegwentement, peress li d-domandi mressqa mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (28).

67.      Il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jiġu appellati skont id-dritt intern huma, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ħielsa li jevalwaw il-bżonn eventwali li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda ta’ interpretazzjoni fuq titolu preliminari, meta tqum quddiemhom kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu appellati fid-dritt intern huma obbligati, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja (29).

68.      F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza Cilfit et (30) li l-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu appellati taħt id-dritt nazzjonali huma marbuta, meta tqum quddiemhom kwistjoni dwar id-dritt tal-Unjoni, li jwettqu l-obbligu tagħhom li jirreferu, sakemm ma jkunux ikkonstataw li l-kwistjoni mqajma mhijiex relevanti jew li d-dispożizzjoni Komunitarja inkwistjoni diġà kienet suġġett ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija manifesta b’tali mod li ma tħalli l-ebda possibbiltà ta’ dubju raġonevoli (31).

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fis-sentenza tagħha Rheinmühlen-Düsseldorf (32), li l-qrati nazzjonali għandhom il-fakultà l-iktar estiża li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tirrikjedi deċiżjoni min-naħa tagħhom (33). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fakultà tal-qorti nazzjonali li tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala regola ma tista titneħħa minn ebda regola tad-dritt nazzjonali li torbot lill-qorti bl-evalwazzjonijiet fil-liġi minn qorti superjuri (34). F’dan ir-rigward, fis-sentenza tagħha, ERG et (35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti li ma tiddeċidiex fl-ewwel istanza għandha tkun libera, b’mod partikolari jekk tikkunsidra li l-evalwazzjoni fil-liġi magħmula fi grad superjuri tista’ twassalha sabiex tagħti deċiżjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar kwistjonijiet li jħassbuha.

70.      Fis-sentenza Kücükdeveci (36), il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement enfasizzat in-natura fakultattiva tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u, fil-fehma tiegħi, is-setgħa diskrezzjonali li għandhom il-qrati tal-Istati Membri taħt din id-dispożizzjoni. Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-kwistjoni li qamet kienet dwar jekk qorti nazzjonali kellhiex tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni qabel ma tkun tista’ ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li kient tqis kuntrarja għal dan id-dritt meta, skont id-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju ma setgħetx ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali mingħajr ma din id-dispożizzjoni tkun ġiet iddikjarata inkostituzzjonali mill-Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hija l-qorti nazzjonali, li jkollha l-kawża bejn individwi quddiemha li għandha tiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, indipendentement mill-eżerċizzju tal-fakultà li għandha fil-każijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (37).

71.      Barra minn hekk, fis-sentenza Mecanarte (38), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-effett utli tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE kien jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jkollhom il-fakultà l-iktar wiesgħa li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’din is-sentenza, kawża li barra minn hekk nikkunsidra li hija pjuttost komparabbli ma’ din il-kawża, li qorti nazzjonali li jkollha quddiemha kawża li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni u li tikkonstata l-inkostituzzjonalità ta’ dispożizzjoni nazzjonali mhijiex imċaħda mill-fakulta jew meħlusa mill-obbligu, previsti fl-Artikolu 267 TFUE, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li din il-konstatazzjoni hija suġġetta għal appell obbligatorju quddiem il-qorti kostituzzjonali (39). Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk qorti nazzjonali tistax ma tagħmilx ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, sa fejn is-sistema legali nazzjonali tipprovdi l-mezzi għal rimedju tal-vizzji ta’ dispożizzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li s-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE testendi wkoll għall-kwistjoni dwar f’liema stadju tal-proċedura kien hemm lok li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li l-fatt li ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi rrimedjat fil-kuntest tas-sistema tad-dritt nazzjonali ma tidderoga bl-ebda mod mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-qorti nazzjonali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

72.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni huwa mhedded jekk ir-rikors obbligatorju quddiem qorti kostituzzjonali jista’ jillimita jew jiddiferixxi l-kompetenza awtonoma mogħtija lill-qrati nazzjonali kollha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni f’kawżi pendenti quddiemhom.

73.      Barra minn hekk, meta d-dritt nazzjonali jillimita jew jiddiferixxi s-setgħa diskrezzjonali tal-qrati nazzjonali li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, nikkunsidra li għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ supremazija, li huwa l-bażi tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju ġie mfakkar reċentement fid-dikjarazzjonijiet annessi mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona ffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 (40).

74.      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir tagħha minn qabel permezz ta’ leġiżlazzjoni jew bi kwalunkwe proċedura kostituzzjonali (41).

75.      Inqis li l-Artikolu 267 TFUE jikkostitwixxi parti integranti mis-sistema legali tal-Istati Membri fejn jiġi qabel ir-regoli tad-dritt nazzjonali sa fejn huma inkompatibbli miegħu. Kull qorti tista’ u għandha tapplika integralment l-Artikolu 267 TFUE u, f’każ ta’ kunflitt bejn dan l-artikolu u dispożizzjoni tad-dritt intern, billi jekk ikun il-każ ma tapplikax l-imsemmija dispożizzjoni fuq awtorità tagħha stess f’kawża pendenti quddiemha.

76.      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, minbarra l-fatt li l-qrati nazzjonali għandhom taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE fil-kawżi pendenti quddiemhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u li din is-setgħa ma tistax tiġi limitata jew differita minn miżuri nazzjonali, sentenza mogħtija f’deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja torbot lil dawn il-qrati għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (42). Fis-sentenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effett utli tal-proċedura tar-rinviju jitnaqqas jekk il-qorti nazzjonali tkun imċaħħda milli tapplika, immedjatament, id-dritt tal-Unjoni f’konformità mad-deċiżjoni jew mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, inqis li, f’każ ta’ kunflitt bejn deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja wara rinviju preliminari u deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, inkluż ta’ qorti kostituzzjonali, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni timponi lill-qorti nazzjonali li tapplika d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u li ma tapplikax id-deċiżjoni kuntrarja tal-qorti nazzjonali (43).

77.      Fid-dawl tal-preżentazzjoni li saret mill-qorti tar-rinviju tal-kuntest ġuridiku nazzjonali u, b’mod partikolari, tar-regoli dwar il-kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità, nikkunsidra li l-Artikolu 267 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23‑2 u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23‑5 tad-Digriet Nru 58‑1067, inkwantu jimponu lill-qrati li jiddeċiedu bi prijorità dwar it-trażmissjoni lill-Conseil constitutionnel il-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità li jkollhom quddiemhom, sa fejn din il-kwistjoni tkun dwar il-konformità mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża ta’ test tad-dritt intern, minħabba l-kuntrarjetà tagħhom għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

VII – Konklużjoni

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari magħmulin mil-Cour de cassation skont kif ġej:

1)         “L-Artikolu 67 TFUE u l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78-2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż, li jipprovdi li “f’żona inkluża bejn il-fruntiera terrestri ta’ Franza mal-Istati partijiet fil-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u linja mmarkata sa 20 kilometru lil hinn, kif ukoll fiż-żoni aċċessibbli għall-pubbliku tal-portijiet, ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija jew vendi tal-karozzi tal-linja, li huma miftuħa għat-traffiku internazzjonali u identifikati permezz ta’ digriet, l-identità ta’ kwalunkwe persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont il-proċedura pprovduta fil-paragrafu 1, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-obbligi ta’ detenzjoni, ta’ pussess u tal-preżentazzjoni tat-titoli u tad-dokumenti previsti mil-liġi. Fejn tali kontroll iseħħ fuq ferrovija b’rotta internazzjonali, dan jista’ jseħħ fuq il-parti tal-vjaġġ bejn il-fruntiera u l-ewwel stazzjon li jkun jinsab lil hinn minn 20 kilomteru mill-fruntiera. Madankollu, fuq ferroviji b’rotta internazzjonali u li għandhom karatteristiċi partikolari ta’ servizz, il-kontroll jista’ wkoll iseħħ bejn dan l-istazzjon u stazzjon li jkun jinsab fil-limitu ta’ ħamsin kilometru ’il bogħod. Dawn ir-rotot u dawn l-istazzjonijiet huma identifikati permezz ta’ digriet ministerjali. Meta jkun hemm sezzjoni ta’ awtostrada li tibda fiż-żona msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu u l-ewwel pedaġġ tal-awtostrada jinsab lil hinn mil-linja mmarkata ta’ 20 kilometru, il-kontroll jista’ jseħħ sa dan l-ewwel pedaġġ, f’żoni ta’ parkeġġ jew fis-sit tal-pedaġġ jew iż-żoni ta’ parkeġġ ħdejh. Il-pedaġġi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni huma identifikati permezz ta’ digriet.”

2)         Fid-dawl tal-preżentazzjoni li saret mill-qorti tar-rinviju tal-kuntest ġuridiku nazzjonali u, b’mod partikolari, tar-regoli dwar il-kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità, l-Artikolu 267 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23‑2 u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23‑5 tad-Digriet Nru 58‑1067 tas-7 ta’ Novembru 1958 dwar il-Liġi organika dwar il-Conseil constitutionnel, għandu jiddaħħal il-Kapitolu II fformulat kif ġej, inkwantu jimponu lill-qrati li jiddeċiedu bi prijorità dwar it-trażmissjoni lill-Conseil constitutionnel il-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità li jkollhom quddiemhom, sa fejn din il-kwistjoni tkun dwar il-konformità mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża ta’ test tad-dritt intern, minħabba l-kuntrarjetà tagħhom għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Notifiki meħtieġa skont l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 562/2006 – Possibilità għal Stat Membru li jipprovdi fid-dritt nazzjonali tiegħu l-obbligu ta’ żamma u ta’ pussess tad-dokumenti skont l-Artikolu 21(ċ) (2008/C 18/03) (ĠU 2008, C 18, p. 15).


3 –      Jiġifieri dwar il-konformità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ma’ konvenzjoni internazzjonali.


4 –      Skont il-Gvern Franċiż, il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-interessi mill-awtoritajiet Alġerini, neċessarja għall-implementazzjoni ta’ tneħħija, ma setgħetx tiġi implementata qabel ma jiskadi t-terminu ta’ ħmistax‑il ġurnata ta’ detenzjoni amministrattiva. Għalhekk, fid-9 ta’ April 2010, il-prefett tar-Reġjun Nord-Pas-de-Calais, préfet du Nord, iddeċieda li jillibera lil A. Melki u S. Abdeli. Minn dan jirriżulta li, sa minn din id-data, A. Melki u S. Abdeli ma ġew suġġetti għall-ebda miżura privattiva mil-libertà u ż-żewġ digrieti tal-qorti tal-libertà u tad-detenzjoni, li ma ġewx ikkontestati minn dawn tal-aħħar, waqfu wkoll milli jħallu kwalunkwe effett u saru definittivi.


5 –      Skont il-Gvern Franċiż, huma l-qrati ordinarji li għandhom ir-responsabbiltà tal-kontroll tal-konvenzjonalità, jiġifieri l-konformità ta’ liġi ma’ konvenzjoni internazzjonali.


6 –      Il-Gvern Pollakk ma ressaqx osservazzjonijiet dwar it-tieni domanda.


7 – Ara, f’dan is-sens, fost l-oħrajn, Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI, tat-23 ta’ Ġunju 2008, dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, p. 12), Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004, tas-26 ta’ Ottubru 2004, li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 155M, p. 136), Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-6 ta’ April 2009, dwar il-ħolqien tal-Uffiċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, p. 37), kif ukoll Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, p. 4).


8 – Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza tagħha, tat-22 ta’ Ottubru 2009, Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, Ġabra p. I-10143, punt 43), li l-Artikolu 62(1) u (2)(a) KE [ara attwalment l-Artikolu 77(2)(e) TFUE] jikkostitwixxi l-bażi legali tal-azzjoni tal-Kunsill intiża sabiex jiġu adottati kemm miżuri li jiżguraw n-nuqqas ta’ kull kontroll tal-persuni meta dawn jaqsmu l-fruntieri interni, kif ukoll miżuri relatati mal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri, u, bħala tali, la għandu l-għan jew l-effett li jagħti drittijiet liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u lanqas li jimponi obbligi fuq l-Istati Membri.


9 –      F’każ ta’ theddida gravi għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà tagħhom, l-Istati Membri għandhom, eċċezzjonalment u taħt riżerva li jirrispettaw ċerti kundizzjonijiet stretti, il-possibbiltà li jerġgħu jdaħlu b’mod temporanju l-kontroll fuq il-fruntieri interni tagħhom. Il-portata u d-dewmien tal-kontroll fuq il-fruntieri ma jridux jaqbżu dak li huwa neċessarju sabiex tiġi indirizzata din it-theddidda. Ara l-Artikoli 23 sa 31 tar-Regolament Nru 562/2006.


10 – Għandu jiġi osservat li skont il-premessa 6 tar-Regolament Nru 562/2006 “[i]l-kontrolli fuq il-fruntieri huma fl-interess mhux biss ta’ l-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda ta’ l-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Il-kontroll fuq il-fruntiera għandu jgħin fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex tkun prevenuta xi theddida għas-sigurtà interna, l-politika pubblika, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri”.


11 –      Nikkunsidra li mit-terminu “b’mod partikolari” jirriżulta li l-lista msemmija fl-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 hija eżemplattiva u mhux limitattiva.


12 –      Pereżempju, fir-rigward tat-tielet u tar-raba’ ċirkustanza inkwistjoni, fil-fehma tiegħi, l-intensità effettiva tal-verifiki tikkostitwixxi biss fattur indikattiv. Fil-fatt, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-verifiki moħbija fuq il-fruntieri jsiru b’mod inqas intens minn dawk awtorizzati mid-dritt tal-Unjoni.


13 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, Ġabra, p. I‑1215, punt 34). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “id-Dritt Komunitarju ma jipprekludix il-fatt li Stat Membru jwettaq kontrolli fir-rigward tar-rispett tal-obbligu li wieħed jkun dejjem jista’ jippreżenta dokument tal-identità, iżda bil-kundizzjoni li jimponi l-istess obbligu fuq iċ-ċittadini tiegħu f’dak li jikkonċerna l-karta tal-identità tagħhom”


14 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ April 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (321/87, Ġabra, p. 997, punt 15).


15 – Ara, wkoll, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 562/2006 li jiddefinixxi l-“kontroll fuq il-fruntiera” bħala “l-attività mwettqa fuq fruntiera, skond u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera”


16 – Ara f’dan is-sens, ukoll, l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006.


17 – Fil-fehma tiegħi d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-ħames u s-sitt paragrafi tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż dwar il-Gwadelup, Guyane, Mayotte, Saint-Martin u Saint-Barthélemy ma humiex relevanti f’dan il-każ peress li d-dipartimenti, kollettivitajiet u territorji barranin huma esklużi miż-żona ta’ moviment liberu ta’ Schengen.


18 – Il-Gvern Franċiż invoka wkoll l-Artikolu L.611‑1 ta’ Cedesa fl-osservazzjonijiet tiegħu. Għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni ma hijiex relevanti f’dan il-każ, peress li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew suġġetti għal kontrolli skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż. Fi kwalunkwe każ, jidher ukoll, taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti nazzjonali, li normalment il-kontrolli tat-titolu ta’ residenza skont l-Artikolu L.611‑1 ta’ Ceseda japplikaw fuq il-territorju Franċiż kollu u għandhom ikunu bbażati fuq kriterji stretti ħafna fir-rigward tal-kwalità tal-persuna partikolari bħala persuna ta’ nazzjonalità barranija. Madankollu, peress li l-Artikolu L.611‑1 ta’ Cedesa jipprovdi li l-persuni ta’ nazzjonalità barranija jistgħu wkoll ikunu obbligati jippreżentaw karti jew dokumenti li permezz tagħhom ikunu ġew awtorizzati jiċċirkolaw u jirrisjedu fi Franza, wara kontroll ta’ identità li jsir skont l-Artikolu 78‑1, 78‑2 u 78‑2‑1 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż, jidher, taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti nazzjonali, li l-imsemmi Artikolu L.611‑1 jista’ fil-fatt japplika b’mod iktar rigoruż fiż-żona ġeografika relevanti fid-dawl tar-rabta tiegħu mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż. Barra minn hekk, l-Artikolu 78‑2‑1 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż li jipprovdi li l-awtoritajiet tal-pulizija jistgħu, fuq talbiet tal-prokuratur tar-Repubblika, jidħlu f’postijiet għal użu professjonali ma huwiex relevanti f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ jidher li din id-dispożizzjoni hija applikata fuq it-territorju Franċiż kollu.


19 – Dan ma jfissirx li l-kontrolli ta’ identità li jsiru skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78‑2 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż ma jistgħux, f’każi konkreti, jikxfu jew jipprevjenu ksur, imma jidher, taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti nazzjonali, li hemm dispożizzjonijiet oħrajn tal-imsemmi kodiċi li jittrattaw speċifikament dwar dawn il-kwistjonijiet.


20 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008 (C‑244/06, Ġabra, p. I‑505, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ara l-punt 18 iktar ’il fuq.


22 – Li qabel kienu l-Artikolu 234 KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE.


23 – Peress li l-validità ta’ att tal-istituzzjonijiet mhuwiex inkwistjoni f’dan il-każ, ser nikkonċentra r-riflessjonijiet tiegħi f’din il-pożizzjoni fuq il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt l-Artikolu 267 TFUE.


24 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Kattner Stahlbau (C‑350/07, Ġabra, p. I‑1513, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, Ġabra, p. I‑10807, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Ara d-Digrieti tat-18 ta’ Ġunju 1980 Borker (138/80, Ġabra, p. 1975, punt 4); tal-5 ta’ Marzu 1986, Greis Unterweger (318/85, Ġabra, p. 955, punt 4); is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Job Centre (C‑111/94, Ġabra p. I‑3361, punt 9), u tal-14 ta’ Ġunju 2001, Salzmann (C‑178/99, Ġabra, p. I‑4421, punt 14).


27 – Sentenza tat-28 ta’ April 1983, It-tifel ta’ Henri Ramel (170/82, Ġabra, p. 1319, punt 8).


28 – Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra, p. I‑2099, punt 38), u tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, Ġabra p. I-635, punt 25).


29 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports (C‑495/03, Ġabra, p. I‑8151, punti 31 u 33).


30 – Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982 (283/81, Ġabra, p. 3415, punt 21).


31 – Madankollu, mis-sentenza Cilfit et, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta wkoll li l-possibbiltà mogħtija lil qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati fid-dritt intern li ma tagħmilx lill-Qorti tal-Ġustizzja kwalunkwe domanda ta’ interpretazzjoni dwar id-dritt tal-Unjoni li tqum quddiemha għandha tiġi evalwata abbażi, fost l-oħrajn, ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni. Peress li bħal issa hemm tlieta u għoxrin lingwa ta’ ħidma uffiċjali fi ħdan l-Unjoni u li kull verżjoni lingwistika hija awtentika, jidher li ma tantx huwa probabbli li qorti nazzjonali tista’ tirreferi għal din il-possibbiltà (estremament limitata).


32 – Sentenza tas-16 ta’ Jannar 1974 (166/73, Ġabra, p. 33, punt 3).


33 – Ara, wkoll, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, Ġabra, p. I‑9641, punt 88).


34 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll fis-sentenza tagħha Rheinmühlen-Düsseldorf, iċċitata iktar ’il fuq, li hija ħaġa oħra jekk id-domandi li jsiru minn qorti nazzjonali jkunu identiċi għal domandi magħmula mill-qorti fl-aħħar istanza. Għandu jiġi osservat li fis-sentenza tat-12 ta’ Frar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf (146/73, Ġabra, p. 139, punt 3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li fir-rigward ta’ qorti li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jiġu appellati skont il-liġi nazzjonali, l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix id-deċiżjonijiet ta’ tali qorti li jirrinvijaw domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja milli jibqgħu suġġetti għal rimedju normali pprovdut mil-liġi nazzjonali (ara wkoll, is-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89). Minn dan isegwi li l-kwistjoni tqum u sa fejn possibbiltajiet ta’ appell nazzjonali jistgħu jillimitaw is-setgħa ta’ qorti nazzjonali li tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Frar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, iċċitata iktar ’il fuq, enfasizzat li minkejja l-eżistenza ta’ mezzi oħra ta’ appell taħt id-dritt nazzjonali, meta kawża tkun pendenti quddiem qorti nazzjonali, id-dritt nazzjonali ma jistax jillimita l-kompetenza awtonoma ta’ din il-qorti li tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domanda għal deċiżjoni preliminari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mad-deċiżjoni tar-rinviju preliminari, li għandha tibqa’ tipproduċi l-effetti tagħha sakemm dik id-deċiżjoni ma tkunx ġiet imħassra jew emendata mill-qorti li tkun ħaditha, peress li din l-aħħar qorti biss tista’ tiddeċiedi dwar tali tħassir jew emenda. Għal kawża fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat il-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi, peress li l-kawża ma kinitx għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ara d-Digriet tal-24 ta’ Marzu 2009, Nationale Loterij (C‑525/06, Ġabra, p. I‑2197, punti 8 sa 11). Għandu jiġi osservat li f’din l-aħħar kawża l-qorti tar-rinviju ma rtiratx it-talba għal deċiżjoni preliminari.


35 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010 (C‑379/08 u C‑380/08, Ġabra p. I-2007, punt 26).


36 – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010 (C‑555/07, Ġabra p. I-365).


37 – Fil-fatt, fil-punt 55 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li [i]n-natura diskrezzjonali ta’ dan ir-rinviju hija indipendenti mill-metodi li għandha l-qorti nazzjonali, fis-sistema legali interna, sabiex tippermetti li ma tiġix applikata dispożizzjoni nazzjonali li hija tqis li tmur kontra l-Kostituzzjoni”.


38 – Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991 (C‑348/89, Ġabra, p. I‑3277, punt 44).


39 – Ara l-punti 45 sa 49 tal-imsemmija sentenza. Fil-kawża li waslet għal din is-sentenza, it-Tribunal Fiscal Aduaneiro do Porto (il-Portugall) jistaqsi l-ewwel nett, jekk għandux kompetenza sabiex jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari, sa fejn josserva l-inkostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, peress li l-konstatazzjoni tal-inkostituzzjonalità ta’ regola tad-dritt intern hija suġġetta, skont l-Artikolu 280(3) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża, għal appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Portugiża u li, konsegwentement, hija biss din tal-aħħar li hija kompetenti sabiex tagħmel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’tali kawżi u, it-tieni nett, jekk ir-rinviju preliminari ma jkunx superfluwu, inkwantu jista’ jirrimedja, fis-sistema legali nazzjonali, għall-vizzji ta’ dispożizzjoni nazzjonali. Ara wkoll, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C‑261/95, Ġabra, p. I‑4025, punti 16 sa 21).


40 – Dikjarazzjoni 17 dwar il-primat tipprovdi:


      “Il-Konferenza tfakkar li, skond każistika stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, it-Trattati u l-liġijiet adottati mill-Unjoni abbażi tat-Trattati għandhom il-primat fuq il-liġi ta’ l-Istati Membri, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-każistika msemmija.


      Barra minn hekk, il-Konferenza ddeċidiet li tehmeż ma’ dan l-Att Finali bħala anness, l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kunsill dwar il-primat kif tidher fid-dokument 11197/07 (JUR 260)


      ‛Opinjoni tas-Servizzi Legali tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2007:


      Jirriżulta mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-primat tal-liġi tal-KE huwa prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja. Skond il-Qorti, dan il-prinċipju huwa inerenti għan-natura speċifika tal-Komunità Ewropea. Fiż-żmien ta’ l-ewwel sentenza ta’ din il-każistika stabbilita (Costa/ENEL, il-15 ta’ Lulju 1964, Każ 6/64 1 il-primat ma kienx jissemma fit-trattat. L-istess għadu llum. Il-fatt li l-prinċipju tal-primat ma jkunx inkluż fit-Trattat futur bl-ebda mod mhu ser ibiddel l-eżistenza tal-prinċipju jew il-każistika eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.


      (1) ‘Jirriżulta (…) li l-liġi li toħroġ mit-trattat, sors awtonomu ta’ liġi, ma tistax, minħabba n-natura speċjali u oriġinali tagħha, tingħeleb minn dispożizzjonijiet legali interni jkunu xi jkunu mingħajr ma din titlef il-karattru tagħha ta’ liġi Komunitarja u mingħajr ma titpoġġa f’dubbju l-bażi legali nnifisha tal-Komunità.’”


41 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra, p. 629, punt 24); tal-4 ta’ Ġunju 1992, Debus (C‑13/91 u C‑113/91, Ġabra, p. I‑3617, punt 32); tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, Ġabra, p. I‑6199, punt 61), kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C‑115/08, Ġabra p. I-10265, punt 138). Ara wkoll, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C‑314/08, Ġabra p. I-11049, punt 84), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-differiment minn qorti kostituzzjonali (f’dan il-każ t-Trybunał Konstytucyjny, il-qorti kostituzzjonali Pollakka) tad-data li fiha d-dispożizzjonijiet ikkontestati jitilfu l-effett vinkolanti tagħhom ma jipprekludix lill-qorti tar-rinviju, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, milli tapplika dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha jekk hija tqishom kuntrarji għad-dritt Komunitarju.


42 – Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1977, Benedetti (52/76, Ġabra, p. 163, punt 26), u tal-14 ta’ Diċembru 2000, Fazenda Pública (C‑446/98. Ġabra, p. I‑11435, punt 49), kif ukoll id-Digriet tal-5 ta’ Marzu 1986, Wünsche (69/85, Ġabra, p. 947, punt 13). Ara wkoll, punt 64 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, Ġabra, p. I‑10497). Fil-konklużjonijiet tiegħu għall-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin Interntional (C‑42/07, Ġabra p. I-7633), l-Avukat Ġenerali Bot iddikkjara li l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi żgurata biss jekk is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jkollhom natura vinkolanti għall-qrati nazzjonali. Din in-natura vinkolanti tikkostitwixxi wkoll il-konsegwenza tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni (punti 204 u 205).


43 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Filipiak, iċċitata iktar ’il fuq.