Language of document : ECLI:EU:C:2011:113

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2011 (1)

Kawża C-439/09

Pierre Fabre Dermo-Cosmétique SAS

vs

Président de l’Autorité de la Concurrence

u

Ministre de l’Économie, de l’Industrie et de l’Emploi

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Paris (Franza)]

“Artikolu 81(1) KE – Kompetizzjoni – Distribuzzjoni selettiva – Projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ ta’ kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali lil utenti finali permezz tal-internet – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Regolament (KE) Nru 2790/1999 – Artikolu 4(ċ) – Restrizzjoni tal-bejgħ attiv u passiv – Restrizzjoni serja – Eżenzjoni individwali – Artikolu 81(3) KE”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-kuntest ta’ kawża mibdija minn Pierre Fabre Dermo-Cosmétique SAS (iktar ’il quddiem “PFDC”) għall-annullament u sussidjarjament l-emendar tad-Deċiżjoni tal-Conseil de la concurrence (Il-Bord tal-Kompetizzjoni Franċiż, iktar ’il quddiem il-“Bord”) Nru 08‑D‑25 tat-28 ta’ Ottubru 2008 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni kkonstatat li PFDC kienet kisret l-Artikolu L.420-1 tal-Code de Commerce (il-Kodiċi Kummerċjali) u l-Artikolu 81 KE (li llum sar l-Artikolu 101 TFUE) meta fil-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva imponiet projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ ta’ kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali min-naħa tad-distributuri (awtorizzati) magħżulin lill-utenti finali permezz tal-internet. Il-Bord ikkunsidra li l-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet ħarġet mir-rekwiżit li kien hemm fil-kuntratti tad-distribuzzjoni li l-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni kellu jsir f’ambjent fiżiku fil-preżenza ta’ spiżjar kwalifikat.

II – Il-kontestazzjoni fil-proċeduri prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

2.        Il-grupp Pierre Fabre jikkummerċjalizza numru ta’ sensiliet ta’ prodotti farmaċewtiċi, omeopatiċi u para-farmaċewtiċi. Il-PFDC tipproduċi u tikkumerċjalizza kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali u għandha diversi sussidjarji, inkluż il-laboratorji kożmetiċi: Avène, Klorane, Galénic u Ducray. Fl-2007, il-gruppi Pierre Fabre u Cosmétique Active France, li hija sussidjarja ta’ L’Oréal, kienu l-kumpanniji prinċipali, li kellhom sehem mis-suq ta’ 20 % u 18.6 % rispettivament, u li kienu stabbiliti sew u għandhom portafoll kbir ta’ marki kummerċjali.

3.        Il-kuntratti mogħtija minn PFDC għad-distribuzzjoni tal-kożmetiċi u l-prodotti għall-iġjene personali fir-rigward tal-marki Avène, Klorane, Galénic u Ducray jipprovdu li l-bejgħ tagħhom irid isir f’ambjent fiżiku li fih irid ikun hemm preżenti spiżjar (2). Il-qorti tar-rinviju tgħid li hemm qbil bejn il-partijiet li dawk ir-rekwiżiti jeskludu de facto kull tip ta’ bejgħ mill-internet.

4.        Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2006, il-Bord beda investigazzjoni ex officio dwar il-prattiċi fis-settur tad-distribuzzjoni tal-kożmetiċi u tal-prodotti għall-iġjene personali. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 07-D-07, tat-8 ta’ Marzu 2007, il-Bord approva u rrenda vinkolanti l-impenji proposti mill-impriżi li kienu qegħdin jiġu investigati, ħlief għall-grupp Pierre Fabre, biex jemendaw il-kuntratti għad-distribuzzjoni selettiva tagħhom sabiex il-membri tan-netwerks tagħhom ikunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom permezz tal-internet. Fit-30 ta’ Ottubru 2006, ir-Rapporteur General iddeċieda li l-prattiċi tal-grupp Pierre Fabre kienu ser jiġu eżaminati b’mod separat.

5.        Il-prodotti milquta mill-investigazzjoni huma kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali mqassma permezz tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva u li jinbiegħu fuq il-parir ta’ spiżjar. Dawn il-prodotti, li jaqgħu taħt is-settur iktar wiesa’ tal-kożmetiċi u tal-iġjene personali, huma suġġetti għal diversi rekwiżiti marbutin mal-kompożizzjoni u t-tikkettjar tagħhom. Madankollu, peress li ma humiex ikklassifikati bħala mediċini u, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt il-monopolju tal-ispiżjara, ma hemm xejn x’jipprekludi li dawn il-prodotti jiġu kkummerċjalizzati liberament barra min-netwerk tal-ispiżjara.

6.        Il-kompetizzjoni bejn il-produtturi fis-suq tal-kożmetiċi u tal-prodotti għall-iġjene personali hija qawwija, u dan minħabba, b’mod partikolari, in-natura tal-prodotti fejn l-innovazzjoni għandha rwol prinċipali. Ġeneralment, id-distribuzzjoni ssir permezz tal-ispiżeriji, “para-spiżeriji” indipendenti u mill-para-spiżeriji li jkunu jinsabu f’supermarkits kbar tal-ikel, u permezz tal-ħwienet tal-fwieħa. Madankollu, l-ispiżeriji għadhom id-distributuri prinċipali ta’ dawn il-prodotti b’iktar minn żewġ terzi tal-bejgħ tagħhom li jinvolvuhom, u dan minħabba l-monopolju li kellhom fuq id-distribuzzjoni sa tmiem it-tmeninijiet u minħabba t-tqassim ġeografiku u wkoll, minħabba l-immaġni pożittiva li tingħata meta jkun preżenti l-ispiżjar u l-viċinanza tal-bejgħ tal-mediċini li jeħtieġu riċetta. Fl-istess ħin, il-bejgħ mill-internet żdied sew għall-prodotti kollha. Skont il-Bord, għalkemm għadu kmieni wisq biex titkejjel it-tendenza tal-bejgħ online ta’ kożmetiċi u ta’ prodotti għall-iġjene personali, reċentement il-marki ta’ lussu prinċipali fl-oqsma tal-fwejjaħ, ġojjelli u aċċessorji żviluppaw is-siti għall-bejgħ online tagħhom fi Franza u f’pajjiżi oħra.

7.        Matul is-seduta quddiem ir-Rapporteur fil-11 ta’ Marzu 2008, ir-rappreżentanti ta’ inter alia PFDC, spjegaw ir-raġunijiet li kienu wasslu lill-grupp Pierre Fabre biex jipprojbixxi l-bejgħ tal-prodotti tagħhom permezz tal-internet: “Minħabba l-mod kif inhuma magħmula dawn il-prodotti jeħtieġ li jingħata parir minn spiżjar kwalifikat minħabba l-mod li bih jaħdmu dawn il-prodotti, peress li dawn ġew żviluppati bħala prodotti għall-kura tas-saħħa. [...] Il-prodotti tagħna huma tajbin għal problemi speċifiċi tal-ġilda, pereżempju, ġilda intolleranti meta jkun hemm ir-riskju ta’ reazzjoni allerġika. Għaldaqstant, inħossu li l-bejgħ mill-internet ma jkunx jilħaq l-aspettattivi li għandhom il-konsumaturi u l-professjonisti tas-saħħa fir-rigward tal-prodotti tagħna u konsegwentement ma jissodisfax ir-rekwiżiti li nistabbilixxu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tagħna. Dawn il-prodotti huma rakkomandati wkoll mill-professjoni medika [...]”.

8.        Il-Bord, minħabba li jista’ jkun hemm effett sostanzjali fuq il-kummerċ intrakomunitarju (3), eżamina l-prattiċi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.420-1 tal-Kodiċi Kummerċjali u tal-Artikolu 81 KE. Fid-Deċiżjoni, il-Bord ikkonstata li bil-fatt li tipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati milli jbiegħu prodotti fuq l-internet, il-PFDC tillimita l-libertà kummerċjali tad-distributuri billi teskludi mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-kożmetiċi u l-prodotti għall-iġjene personali. Il-PFDC tillimita wkoll l-għażla tal-konsumaturi li jkunu jixtiequ jixtru l-prodott online. Il-Bord innota wkoll li l-projbizzjoni fuq id-distributuri awtorizzati ċċaħħadhom mill-possibbiltà li javviċinaw klijenti billi jibagħtulhom messaġġi jew li jissodisfaw rikjesti mhux mitluba magħmula lis-sit tagħhom, u li, għaldaqstant, il-prattika inkwistjoni hija ekwivalenti għal restrizzjoni fuq il-bejgħ attiv jew passiv tad-distributuri.

9.        Il-Bord ikkonstata li l-projbizzjoni għandha neċessarjament l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni li jiżdied mal-limitazzjoni fuq il-kompetizzjoni li hija inerenti fl-għażla nfisha tal-produttur li jkollu sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li tillimita n-numru ta’ distributuri li jkunu awtorizzati biex iqassmu l-prodott u timpedixxi lid-distributuri milli jbiegħu l-prodotti lil distributuri mhux awtorizzati. Peress li s-sehem mis-suq tal-prodotti Pierre Fabre huwa inqas minn 30 %, il-Bord eżamina jekk il-prattika restrittiva hijiex koperta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (4) li jeżiġi li l-istess prattika restrittiva ma tistax tkun restrizzjoni serja. Il-Bord ikkonstata li għalkemm il-prattika tal-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet ma hijiex imsemmija espressament fir-Regolament tal-Kummissjoni, hija tammonta għal projbizzjoni fuq il-bejgħ attiv u passiv. Għaldaqstant, il-projbizzjoni li tiġi applikata f’netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tikkostitwixxi restrizzjoni serja taħt l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 li ma tistax tiġi eżentata b’mod awtomatiku taħt dak ir-regolament.

10.      Il-PFDC sostniet inter alia li hija kellha d-dritt li tipprojbixxi l-bejgħ mill-internet peress li l-organizzatur ta’ netwerk iżomm id-dritt li jipprojbixxi l-bejgħ ta’ distributur awtorizzat “minn post ta’ stabbiliment li m’huwiex awtorizzat”. Il-PFDC qalet li anki jekk il-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet tikkostitwixxi restrizzjoni serja, huwa l-obbligu tal-awtorità tal-kompetizzjoni li turi l-għan jew l-effett tal-prattika billi teżamina b’mod individwali dik il-prattika, ħaġa li r-Rapporteur ma għamilx f’dan il-każ. Il-PFDC sostniet ukoll li fid-dawl tal-kopertura eċċezzjonali u omoġenea min-naħa tal-ħwienet tad-distributuri, il-konsumaturi kollha għandhom aċċess għad-distributuri ta’ PFDC u għaldaqstant il-prattika ma għandhiex effett fuq il-kompetizzjoni bejn il-marki.

11.      Il-Bord ikkunsidra li s-sit tal-internet ma huwiex il-post fejn jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti iżda huwa mod alternattiv ta’ kif isir il-bejgħ. Il-Bord ikkonstata wkoll, inter alia, li l-prattiċi serji għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 2790/1999 huma r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem ir-“restrizzjonijiet minħabba l-għan”) u ma huwiex meħtieġ li jintwera f’iktar dettall b’liema mod dak l-għan jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew li jiġu analizzati l-effetti ta’ dawk il-prattiċi.

12.      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE [li llum sar l-Artikolu 101(3) TFUE] u l-Artikolu L.420‑4 tal-Kodiċi Kummerċjali, il-Bord ħa l-pożizzjoni li l-PFDC ma wrietx progress ekonomiku jew li dik ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kienet indispensabbli f’ċirkustanzi li jrenduha eliġibbli għal eżenzjoni individwali, u nnota b’mod partikolari li l-PFDC ma ġabitx prova li l-prattika inkwistjoni kkontribwixxiet biex ittejjeb id-distribuzzjoni tal-prodotti dermo-kożmetiċi filwaqt li tevita r-riskji tal-prodotti foloz u tal-parassitiżmu bejn l-ispiżeriji reġistrati, u lanqas ma ppruvat li l-istess prattika tiżgura l-benesseri tal-konsumatur billi teżiġi l-preżenza fiżika tal-ispiżjar fil-punt tal-bejgħ tal-prodott.

13.      Id-Deċiżjoni, b’żieda mal-konstatazzjoni li l-PFDC kienet kisret l-Artikolu L.420‑1 tal-Kodiċi Kummerċjali u l-Artikolu 81 KE, ordnat lil PFDC biex, fi żmien tliet xhur min-notifika tad-Deċiżjoni, hija tneħħi mill-kuntratti għad-distribuzzjoni selettiva t-termini kollha li jammontaw għal projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet tal-kożmetiċi u tal-prodotti għall-iġjene personali u biex tipprovdi espressament l-għażla lid-distributuri tagħha biex jużaw dak il-metodu ta’ distribuzzjoni. Il-PFDC ġiet ordnata wkoll biex fi żmien tliet xhur min-notifika tad-Deċiżjoni, hija tibgħat ittra lill-ħwienet tagħha kollha biex tinformahom bl-emendi għall-kuntratti tagħhom għad-distribuzzjoni selettiva u biex, jekk jidhrilha xieraq, tissorvelja l-ħolqien ta’ siti internet għan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha billi tistabbilixxi regoli dwar it-taqsim u l-konfigurazzjoni tas-siti internet, u biex tinforma b’dan lill-Bord fi żmien tliet xhur min-notifika tad-Deċiżjoni. Il-PFDC ngħatat multa ta’ EUR 17 000.

14.      Fl-24 ta’ Diċembru 2008, il-PFDC fetħet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju għall-annullament u sussidjarjament biex id-Deċiżjoni tiġi emendata. Insostenn tal-appell tagħha, il-PFDC issostni fl-ewwel lok, li d-Deċiżjoni ma hijiex motivata biżżejjed f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-għan antikompetittiv. Il-PFDC sostniet inter alia li l-Bord naqas milli janalizza l-kuntest legali u ekonomiku tal-prattika, eżerċizzju li huwa obbligatorju biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan. Fit-tieni lok, il-PFDC issostni li d-Deċiżjoni hija vvizzjata bi żball inkwantu tirreferi għal għan li huwa “neċessarjament” antikompetittiv. Il-PFDC tosserva, inter alia, li l-għan tal-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva ma huwiex li jirrestrinġu l-kompetizzjoni iżda, min-naħa l-oħra, li jiżguraw livell ta’ servizz sodisfaċenti għall-konsumatur. Il-ftehim huma intiżi sempliċiment li jippermettu lill-konsumatur jitlob u jikseb, fi kwalunkwe ħin, parir speċjalizzat fuq l-għażla ta’ prodotti Pierre Fabre li tkun l-iktar xierqa. Il-PFDC issostni li l-klassifikazzjoni tal-prattika kkontestata bħala ksur per se tikkuntrasta mat-tendenza ġenerali fid-dritt tal-kompetizzjoni. Skont il-PFDC, id-Deċiżjoni ċaħħditha mill-possibbiltà li turi li l-prattika antikompetittiva inkwistjoni kienet legali u dan billi tipprovdi ġustifikazzjonijiet oġġettivi. Fit-tielet lok, il-PFDC issostni li d-Deċiżjoni hija vvizzjata bi żball ta’ dritt u bi żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu ma tatx lill-prattika inkwistjoni l-benefiċċju tal-eżenzjoni ġenerali pprovduta mir-Regolament Nru 2790/1999. Fl-aħħar nett, il-PFDC issostni li d-Deċiżjoni hija vvizzjata bi żball ta’ dritt inkwantu teskludi l-prattika inkwistjoni mill-eżenzjoni individwali kif provdut fl-Artikolu 81(3) KE, minkejja li l-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet tiżgura l-benesseri tal-konsumatur minħabba l-fatt li jkun hemm preżenti spiżjar kwalifikat meta jinbiegħ il-prodott, u tevita wkoll ir-riskji tal-prodotti foloz u tal-parassitiżmu. Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ dik il-projbizzjoni ma twassalx għal iktar kompetizzjoni jew, b’mod partikolari, għal xi tnaqqis fil-prezzijiet.

15.      Permezz ta’ dokument datat 11 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Cour d’appel de Paris taħt l-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (5). Skont il-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni osservat li kull projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ online ta’ prodotti tal-kuntratt lill-utenti finali, li tiġi imposta minn produttur fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tikkostitwixxi restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, indipendentement mis-sehem mis-suq ta’ dak il-produttur. Il-Kummissjoni kkunsidrat li fil-każ ta’ distribuzzjoni selettiva huwa irrilevanti jekk il-bejgħ online jiġix ikklassifikat bħala attiv jew passiv, inkwantu kull restrizzjoni fuq il-bejgħ, kemm jekk ikun bejgħ attiv jew passiv, tikkostitwixxi restrizzjoni serja. Barra minn hekk, jekk id-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt ma tkunx regolata, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li tista’ tinġieb ġustifikazzjoni oġġettiva. Għal dak li jirrigwarda l-eżenzjoni ġenerali prevista fir-Regolament Nru 2790/1999, il-Kummissjoni kkunsidrat li ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jkun fih restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni, bħalma hija dik li tipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati milli jbiegħu l-prodotti online, ma huwiex kopert b’eżenzjoni ġenerali taħt dak ir-regolament u dan peress li dak l-użu tal-internet ma jistax jitqabbel ma’ produttur li jiftaħ ħanut f’post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat mill-produttur. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż dejjem li r-restrizzjoni tista’ tkun tissodisfa l-erba’ restrizzjonijiet kumulattivi relatati mal-eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE u, għaldaqstant, li tkun koperta b’dik l-eżenzjoni. Taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, l-oneru tal-prova li l-erba’ kundizzjonijiet huma sodisfatti jaqa’ fuq l-impriża li titlob dik l-eżenzjoni.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Paris iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2009 u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-projbizzjoni ġenerali u assoluta li jinbiegħu prodotti kuntrattwali fuq l-Internet lill-utenti finali, li hija imposta fuq id-distributuri awtorizzati fil-qafas ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tikkostitwixxi effettivament restrizzjoni serja bl-għan li tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE li mhijiex koperta mill-eżenzjoni ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 2790/1999, iżda li eventwalment tista’ tibbenefika minn eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE?”

III – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Il-PFDC, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża (iktar ’il quddiem l-“Awtorità”) (6) il-Gvern Franċiż, Pollakk u Taljan, il-Kummissjoni u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Saret seduta fil-11 ta’ Novembru 2010.

IV – Preliminari

18.      Jiena tal-opinjoni li, kif argumentaw l-Awtorità u l-Kummissjoni, id-domanda li saret mill-Cour d’appel de Paris tista’ tinqasam fi tliet domandi. Fl-ewwel lok, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta li jinbiegħu prodotti tal-kuntratt fuq l-internet lill-utenti finali, li hija imposta fuq id-distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE? Fit-tieni lok, tali restrizzjoni tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 2790/1999? Fit-tielet lok, fil-każ li r-restrizzjoni inkwistjoni ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali, tista’ hija tibbenefika minn eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) KE?

V –    Domanda I – L-għan antikompetittiv

19.      Il-PFDC issostni li restrizzjoni serja skont ir-Regolament Nru 2790/1999 ma tikkostitwixxix minnha nfisha ksur minħabba l-għan taħt l-Artikolu 81(1) KE u għaldaqstant ma tistax teżenta lill-awtorità jew qorti rilevanti milli tipprova, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ dak il-ksur. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom janalizzaw, b’mod individwali u in concreto, il-ftehim jew prattika fid-dawl tal-kuntest legali u ekonomiku. Il-PFDC issostni li fid-deċiżjoni ma saritx tali analiżi mentri d-deċiżjoni kkonstatat biss li restrizzjoni serja tikkostitwixxi ksur minħabba l-għan. Il-PFDC tindika wkoll li l-għan tal-ftehim kien favur il-kompetizzjoni u riedet tiżgura li l-konsumaturi jkollhom l-aħjar parir possibbli meta jixtru wieħed mill-prodotti tagħha. L-ispiżjar, sabiex jagħti l-aħjar parir possibbli, irid jara hu personalment il-ġilda, xahar u qurriegħa tal-klijent. Parir ta’ din il-kwalità ma jistax jingħata fil-bejgħ mill-internet. Barra minn hekk, il-PFDC issostni li, li kieku awtorizzat il-bejgħ mill-internet, ir-rekwiżit li spiżjar irid ikun preżenti f’ħanut fiżiku jista’ jitqies bħala diskriminatorju. Il-PFDC tinnota wkoll li l-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva ma għandhomx jiġu eżaminati biss abbażi tal-prezz imma wkoll fid-dawl tas-servizzi pprovduti lill-konsumaturi. Iktar minn hekk, fid-dawl tal-livell qawwi ta’ kompetizzjoni bejn il-marki li tirriżulta mit-23 000 ħanut fi Franza, l-eżami in concreto juri li l-għan tal-ftehim ma huwiex li tiġi limitata l-kompetizzjoni.

20.      L-Awtorità ssostni li l-projbizzjoni, minħabba l-għan antikompetittiv tagħha, hija restrizzjoni serja skont l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 u hija pprojbita taħt l-Artikolu 81(1) KE. Il-projbizzjoni tillimita l-bejgħ attiv u passiv fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999. L-Awtorità tinnota li l-internet jirrappreżenta mezz ġdid ta’ distribuzzjoni u għodda importanti biex tiżdied il-kompetizzjoni li għandhom jiġu rikonċiljati mal-mezzi iktar tradizzjonali bħalma hija d-distribuzzjoni selettiva li allura jiġġustifika li jiġu imposti ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet u l-eliminazzjoni totali tal-vantaġġi ovvji ta’ dawn minn aspett ta’ kompetizzjoni hija sproporzjonata. Il-projbizzjoni hija ta’ detriment għall-kompetizzjoni u għall-konsumaturi u tostakola l-integrazzjoni tas-suq intern u għaldaqstant tmur kontra wieħed mill-iktar għanijiet essenzjali tat-trattat. Il-kuntest ekonomiku u legali tal-proċeduri prinċipali ma jaffettwax din il-konklużjoni. Filwaqt li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tkun permissibbli jekk tosserva l-ġurisprudenza li taffettwaha, tali sistema twassal għal tnaqqis fil-kompetizzjoni, u għaldaqstant il-bżonn li jibqa’ jkun hemm kompetizzjoni isir iktar rilevanti.

21.      Il-Gvern Franċiż isostni li f’dan il-każ jistgħu jingħataw żewġ interpretazzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE. Fl-ewwel lok, il-projbizzjoni tista’ titqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, liema restrizzjoni mhux biss għandha effett negattiv fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni minħabba li timponi effettivament restrizzjonijiet territorjali fuq id-distributuri, iżda tippreġudika wkoll l-interess tal-konsumaturi u ma hijiex oġġettivament ġustifikata. Fit-tieni lok, il-Gvern Franċiż isostni li fil-preżent ma hemmx biżżejjed esperjenza fuq jekk il-projbizzjoni inkwistjoni għandhiex, minnha nfisha, l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, hija indispensabbli li ssir evalwazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi tal-projbizzjoni inkwistjoni. Il-Gvern Franċiż jinnota li l-projbizzjoni tista’ tikkontribwixxi biex tittejjeb l-immaġni tat-trademark tal-prodott għall-benefiċċju tal-kompetizzjoni bejn il-marki. Il-Gvern Taljan u Pollakk isostnu li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

22.      Il-Kummissjoni ssostni li l-projbizzjoni tikkostitwixxi ksur minħabba l-għan peress li, min-natura tagħha stess, x’aktarx li tnaqqas kunsiderevolment il-possibbiltà għad-distributur li jbiegħ lil klijenti barra mit-territorju mogħti lilu bil-kuntratt jew iż-żona ta’ attività tiegħu. Dan japplika b’mod partikolari fil-kuntest tad-distribuzzjoni selettiva li twassal għar-riskju ta’ tqassim tas-suq. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li din l-interpretazzjoni ma taffettwax id-dritt tal-produttur li jagħżel id-distributuri tiegħu abbażi ta’ kriterji speċifiċi u li jimponi kundizzjonijiet kwalitattivi li jirrigwardaw ir-reklamar, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni. L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA ssostni li, fl-ewwel lok, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ ta’ prodotti tal-kuntratt lill-utenti finali permezz tal-internet, li ġiet imposta fuq id-distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tista’ titqies bħala proporzjonata biss skont il-ġurisprudenza li tirrigwarda s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettivi, u għaldaqstant titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE jekk ir-rekwiżiti leġittimi li fuqhom tkun ibbażata s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ma jkunux jistgħu jiġu sodisfatti fil-każ ta’ bejgħ mill-internet u fit-tieni lok, tammonta għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1)KE jekk, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u legali, hija tkun intiża li taqsam is-swieq nazzjonali jew li trendi iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali, b’mod partikolari billi tipprevjeni jew tirrestrinġi l-kummerċ parallel.

A –    Restrizzjoni serja/restrizzjoni minħabba l-għan

23.      Skont id-digriet tar-rinviju, id-deċiżjoni kkonstatat, inter alia, li r-rekwiżit fil-kuntratti ta’ distribuzzjoni ta’ PFDC biex il-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni jsir f’ambjent fiżiku fil-preżenza ta’ spiżjar kwalifikat kien jikkostitwixxi projbizzjoni de facto fuq il-bejgħ mill-internet, jammonta għal restrizzjoni fuq il-bejgħ attiv jew passiv tad-distibuturi awtorizzati u għandu neċessarjament l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ġie kkonstatat li l-projbizzjoni tillimita l-libertà kummerċjali tad-distributuri ta’ PFDC billi teskludi mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha li jirrestrinġi wkoll l-għażla tal-konsumaturi li jkunu jixtiequ jixtru online. Il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk fid-dawl tal-fatt li fir-Regolament Nru 2790/1999 ma tissemma ebda projbizzjoni fuq il-bejgħ online, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ ta’ prodotti tal-kuntratt lill-utenti finali permezz tal-internet, li hija imposta fuq distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tikkostitwixxix restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

24.      Jidhirli li fl-atti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hemm ċerta konfużjoni fir-rigward tal-kunċetti differenti tar-restrizzjoni minħabba l-għan u r-restrizzjoni serja. Fit-trattazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-PFDC irreferiet fit-tul għal din il-konfużjoni. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni lill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003, jidher (7) li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-projbizzjoni inkwistjoni “tikkostitwixxi restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(2) KE” (8). Madankollu, il-Kummissjoni fit-trattazzjoni tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-pożizzjoni tagħha fuq dan il-punt billi qalet li għalkemm jista’ jkun hemm xi rabtiet bejniethom, ir-restrizzjoni minħabba l-għan u r-restrizzjoni serja jikkostitwixxu żewġ kunċetti legali distinti.

25.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċar li l-ftehim vertikali jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, ikollhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (9). Kif indikat PFDC, il-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan joħroġ minn kliem l-Artikolu 81(1) KE (10). Meta l-għan antikompetittiv tal-ftehim jiġi ppruvat, ma jkunx meħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti fuq il-kompetizzjoni (11). Madankollu, għalkemm il-konstatazzjoni ta’ ksur minħabba l-għan ta’ ftehim ma teħtieġx prova tal-effetti antikompetittivi tiegħu sabiex tiġi ppruvata n-natura antikompetittiva tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, inter alia, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, l-għanijiet li huwa jkun irid jilħaq u l-kuntest legali u ekonomiku li minnu jkun jifforma parti (12).

26.      Għaldaqstant, l-għan antikompetittiv ta’ ftehim ma jistax jiġi ppruvat biss abbażi ta’ formola astratta.

27.      Għaldaqstant, għalkemm l-esperjenza tal-passat turi li ċerti tipi ta’ ftehim huma, prima facie, ksur minħabba l-għan, dan ma jeżentax lill-Kummissjoni jew lil xi awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (13) mill-obbligu li jagħmlu evalwazzjoni individwali tal-ftehim. Jidhirli li tali evalwazzjoni tista’ titwaqqaf f’ċerti każijiet, pereżempju meta jkun hemm provi ċari ta’ kartell orizzontali li jkun intiż li jikkontrolla l-provvista sabiex jinżammu l-prezzijiet, iżda ma tistax tiġi evitata għal kollox.

28.      Il-kunċett ta’ “restrizzjoni serja” ma joħroġx mit-Trattat KE u fil-fatt lanqas mil-leġiżlazzjoni Komunitarja iżda jissemma fil-Linji gwida fuq trażżin [restrizzjonijiet] vertikali (14) (iktar ’il quddiem “il-Linji Gwida”) li fil-paragrafu 46 jipprovdu li “[ir-Regolament Nru 2790/1999 [(15)] fl-Artikolu 4 fih lista ta’ restrizzjonijiet qawwija [serji] li jwasslu għall-esklużjoni tal-ftehim vertikali kollu mill-għan ta’ applikazzjoni ta[’ dan ir-Regolament]” (16). Għaldaqstant, l-imsemmija restrizzjonijiet serji jinkludu restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tax-xerrej biex jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ, restrizzjonijiet tat-territorju li fih, jew tal-konsumaturi li lilhom, ix-xerrej jista’ jbiegħ il-prodotti jew servizzi tal-kuntratt, ir-restrizzjoni tal-bejgħ attiv jew passiv (17) (18) lill-utenti finali minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u r-restrizzjoni fuq provvisti trażversali bejn distributuri f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Jiena tal-opinjoni li, filwaqt li l-inklużjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fi ftehim partikolari jwasslu għal dubji dwar il-konformità ta’ dak il-ftehim mal-Artikolu 81(1) KE (19) u fil-fatt, wara li jiġi eżaminat, inter alia, il-ftehim partikolari u l-kuntest ekonomiku u legali li minnu jifforma parti, tista’ twassal għal konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, ma hemm ebda preżunzjoni legali li l-ftehim jikser l-Artikolu 81(1) KE.

29.      F’dan ir-rigward, fis-sentenza reċenti Pedro IV Servicios (20), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet semmiet il-mod ta’ kif japplikaw il-paragrafi separati tal-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant “meta ftehim ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha previsti minn regolament ta’ eżenzjoni, huwa jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE, ħlief jekk għandu bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni u jekk huwa ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan l-aħħar każ, u fin-nuqqas ta’ eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) KE, dan il-ftehim huwa null għal kollox skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-istess artikolu”. Jiena tal-opinjoni li, din is-silta tindika li ftehim li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha previsti minn xi regolament ta’ eżenzjoni (21) ma jkollux a fortiori l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

30.      Għaldaqstant, għandu jsir eżami individwali biex jiġi evalwat jekk il-ftehim għandux għan antikompetittiv anki meta jkun fih restrizzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999, li trendi għaldaqstant il-klawżola restrittiva ineliġibbli għall-eżenzjoni taħt ir-regolament imsemmi.

B –    Ġustifikazzjoni oġġettiva

31.      Il-PFDC issostni li l-projbizzjoni inkwistjoni hija oġġettivament ġustifikata minħabba n-natura tal-prodotti inkwistjoni u l-użu tagħhom. Hija ssostni li l-użu skorrett tal-prodotti tagħha jista’ jaffettwa ħażin lill-konsumaturi u għaldaqstant tiġġustifika l-bżonn ta’ servizz li jipprovdi parir ta’ kwalità għolja. Hija biss il-preżenza ta’ spiżjar li tista’ tiggarantixxi l-aqwa livell ta’ parir lill-konsumaturi. B’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Awtorità, il-PFDC issostni li l-kunċett ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva jmur lil hinn mill-kwistjonijiet ta’ sigurtà u saħħa pubblika. Il-PFDC issostni li l-approċċ restrittiv tal-Awtorità u tal-Kummissjoni jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fir-rigward ta’ oqsma oħra tad-dritt, irrikonoxxiet li l-validità ta’ ċerti prattiċi għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ raġunijiet imperattivi li ma humiex is-sigurtà u s-saħħa pubblika. Il-PFDC iċċitat f’dan ir-rigward il-punt 37 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Copad (22) li jipprovdi li “proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn din tal-aħħar kontra detentur tal-liċenzja li jikser klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi, għal raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas [...] sakemm jiġi stabbilit li dan il-ksur [...] iwassal għal ħsara lill-attrazzjoni u r-reputazzjoni ta’ prestiġju li jagħtu lill-imsemmija prodotti sensazzjoni ta’ lussu”.

32.      Il-PFDC tgħid li, fi kwalunkwe każ, il-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet hija ġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà u saħħa pubblika. Waqt is-seduta, wara mistoqsija magħmula lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-PFDC qalet li l-projbizzjoni inkwistjoni hija intiża li tiżgura l-użu korrett tal-prodotti tagħha mill-konsumaturi individwali.

33.      L-Awtorità ssostni li l-kunċett ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għandu jiġi interpretat b’mod strett u japplika biss f’żewġ każijiet. Fl-ewwel lok, meta l-prattika toħroġ direttament mid-dritt nazzjonali jew Komunitarju li jkun intiż li jipproteġi lill-pubbliku. Fit-tieni lok, meta l-prattika tkun oġġettivament meħtieġa biex ikun jeżisti dak it-tip ta’ ftehim. Għaldaqstant, jistgħu jiġu invokati biss ġustifikazzjonijiet oġġettivi li ma għandhomx x’jaqsmu mal-impriża kkonċernata u l-għażliet kummerċjali tagħha. Iż-żewġ każijiet imsemmijin hawn fuq ma japplikawx fir-rigward tal-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ PFDC. Il-Kummissjoni tgħid li kif jinsab indikat fil-paragrafu 51 tal-Linji Gwida, ir-restrizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet ma tkunx milquta mill-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE jekk tkun oġġettivament ġustifikata. F’każijiet eċċezzjonali, ir-restrizzjoni ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni jekk tkun oġġettivament meħtieġa għall-eżistenza ta’ ftehim ta’ dak it-tip. Il-Kummissjoni ssostni li peress li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni ma hijiex regolata, ma jistax ikun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għal restrizzjoni serja. Fil-prinċipju, l-impriżi ma jistgħux jissostitwixxu lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti fir-rigward tal-istabbiliment u nfurzar tar-rekwiżiti li jikkonċernaw is-sigurtà tal-prodotti u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li wara l-investigazzjoni tal-Bord, kien hemm impriżi oħra f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ PFDC li rnexxielhom jorganizzaw is-sistemi tad-distribuzzjoni selettiva tagħhom mingħajr projbizzjoni assoluta tal-bejgħ mill-internet.

34.      Mill-atti li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ċar li l-prodotti inkwistjoni ma humiex prodotti mediċinali (23) u li ma jeżisti ebda rekwiżit regolatorju la fuq livell nazzjonali u lanqas fuq livell tal-Unjoni li jobbliga li l-bejgħ tagħhom isir f’ambjent fiżiku u fil-preżenza ta’ spiżjar kwalifikat (24) u li jiġġustifika għaldaqstant il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet inkwistjoni (25). Il-pretensjonijiet ta’ PFDC dwar is-sigurtà u s-saħħa pubblika jidhru għaldaqstant li huma oġġettivament infondati.

35.      Ma neskludix il-possibbiltà li, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, ċerti miżuri volontarji privati (26) li jillimitaw il-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi permezz tal-internet jistgħu jkunu oġġettivament ġustifikati, minħabba n-natura ta’ dawk il-prodotti jew servizzi jew il-konsumaturi li jinbiegħu lilhom. Għaldaqstant, jiena naqbel mad-dikjarazzjoni li għamel il-Gvern Pollakk fit-trattazzjoni tiegħu fejn qal li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet oħra fejn il-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet tkun oġġettivament ġustifikata anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew Komunitarji. Il-miżuri volontarji privati, meta jiġu inklużi fi ftehim, jistgħu ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE (27) jekk il-limitazzjonijiet imposti jkunu xierqa fid-dawl tal-għan leġittimu mfittex u ma jeċċedux dak li hu meħtieġ skont il-prinċipju tal-proporzjonalità. Jiena tal-opinjoni li, l-għan leġittimu jrid ikollu min-natura tad-dritt pubbliku (28) u għaldaqstant għandu jkun intiż li jipproteġi xi għan pubbliku u jmur lil hinn mis-sempliċi protezzjoni tal-immaġni tal-prodotti kkonċernati jew il-mod li bih l-impriża tkun tixtieq tikkumerċjalizza l-prodotti tagħha.

36.      Ir-restrizzjonijiet intiżi biex tkun protetta l-immaġni tal-prodotti jew il-mod li bih huma jiġu kkummerċjalizzati għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu eżaminati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-distribuzzjoni selettiva (29).

37.      Jiena nsostni għaldaqstant li l-pretensjonijiet ta’ PFDC fir-rigward tal-użu korrett tal-prodotti tagħha u l-ħtieġa li l-parir jingħata minn spiżjar ma jikkostitwixxux ġustifikazzjoni oġġettiva għall-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet.

38.      Il-PFDC issostni wkoll li l-projbizzjoni hija oġġettivament ġustifikata minħabba r-riskju kbir li jiżdiedu l-prodotti foloz minħabba l-bejgħ mill-internet, bil-perikli li jirriżultaw fir-rigward tas-saħħa tal-konsumatur (30), u r-riskju tal-parassitiżmu li jista’ jwassal biex jisparixxu s-servizzi u l-pariri pprovduti fi spiżeriji peress li s-sidien ta’ siti internet ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-parassitiżmu fuq l-investimenti ta’ distributuri li ma jkollhomx tali siti internet.

39.      Jiena tal-opinjoni li t-theddida ta’ iktar prodotti foloz u r-riskju tal-parassitiżmu huma ħsibijiet validi fil-kuntest tad-distribuzzjoni selettiva.

40.      Madankollu, għandi dubji kemm id-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ xi produttur permezz tal-internet, min-naħa ta’ distributur magħżul, tista’ minnha nfisha twassal għal żieda fil-prodotti foloz u kemm l-effetti negattivi li jirriżultaw minn tali bejgħ ma jistax isir ilqugħ għalihom permezz ta’ miżuri ta’ sigurtà adegwati. Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-parassitiżmu, peress li ma hemmx dubju li l-ħolqien u t-tħaddim ta’ sit internet ta’ standard għoli tinvolvi ċerta spejjeż, ma jistax jiġi preżunt li jeżisti, fil-fatt, il-parassitiżmu min-naħa tad-distributuri tal-internet li jaħdmu mingħajr ħanut fiżiku. Barra minn hekk, jidhirli li produttur jista’ jimponi kundizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq id-distributuri selettivi tiegħu li jbiegħu mill-internet u dan sabiex jilqa’ għal tali parassitiżmu, u b’hekk jiżgura li n-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-produttur jopera b’mod ibbilanċjat u “ġust”. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta hija eċċessiva u mhux proporzjonata għar-riskji inkwistjoni.

41.      Għaldaqstant, salv għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, jidher li l-pretensjonijiet ta’ PFDC li jirrigwardaw il-prodotti foloz u l-parassitiżmu huma infondati.

C –    Restrizzjoni fuq il-bejgħ attiv u passiv

42.      Id-Deċiżjoni tidher li hija bbażata fuq il-fatt li l-projbizzjoni de facto fuq il-bejgħ mill-internet (31) tammonta għal restrizzjoni fuq il-bejgħ attiv jew passiv tad-distributuri u, fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, tikser l-Artikolu 81(1) KE (32). Filwaqt li kif indikat tajjeb il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-prinċipju (33), il-ftehim intiżi li jipprojbixxu jew jillimitaw il-kummerċ parallel (34) għandhom bħala għan li jimpedixxu l-kompetizzjoni (35), fil-fehma tiegħi, is-sempliċi fatt li l-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jirrestrinġu l-kummerċ parallel (36), minnu nnifsu, ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-ftehim għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (37). Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva bilfors jaffettwaw il-kompetizzjoni (38) u dan peress li mhux biss jillimitaw il-kompetizzjoni fil-prezz (39) iżda jaffettwaw ukoll il-kummerċ parallel (40) minħabba li d-distributuri jkunu jistgħu jbiegħu biss lil distributuri awtorizzati oħra jew lill-utenti finali. Madankollu, minkejja tali restrizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’ċerti ċirkustanzi l-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva ma jkollhomx għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

43.      Barra minn hekk, għalkemm jidher li l-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet tirrestrinġi l-kummerċ parallel b’mod iktar estensiv mir-restrizzjonijiet inerenti għall-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva u għaldaqstant għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju, jiena tal-opinjoni li għandha ssir ukoll evalwazzjoni dwar jekk il-klawżoli fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, u dan fid-dawl tan-natura tal-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva u l-ġurisprudenza li tirrigwardaha li tifforma parti mill-kuntest ekonomiku u legali li fih ġew konklużi u jaħdmu l-ftehim.

D –    Distribuzzjoni selettiva

44.      Mill-atti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-preżenza ta’ spiżjar fil-post tal-bejgħ ittejjeb l-immaġni tal-prodotti inkwistjoni (41). Fis-sentenza tagħha Copad (42), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-karatteristiċi tal-prodotti jirriżultaw mhux biss mill-karatteristiċi materjali tagħhom, iżda wkoll mis-sensazzjoni li toħroġ minnhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li l-karatteristiċi u l-metodi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva stess jistgħu, fihom infushom, jippreżervaw il-kwalità u jiżguraw l-użu xieraq ta’ tali prodotti (43), f’dak il-każ ta’ prodotti ta’ lussu (44).

45.      Fejn produttur ikun jixtieq jimponi kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-mod li bih jinbiegħu l-prodotti, bħalma huwa l-obbligu li d-distributuri u l-persunal tagħhom għandhom ikunu speċjalizzati fil-bejgħ ta’ dawk il-prodotti u għandhom jipprovdu parir xieraq lill-klijenti jew l-obbligi li jirrigwardaw il-preżentazzjoni ta’ dawk il-prodotti b’mod li jtejjeb l-immaġni tagħhom, il-prodottur jista’ jwaqqaf u jħaddem sistema ta’ distribuzzjoni selettiva sabiex jagħżel lid-distributuri tiegħu skont tali speċifikazzjonijiet.

46.      Fis-sentenza Metro I (45), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura u l-intensità tal-kompetizzjoni tista’ tvarja skont, inter alia, il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni. Il-produttur jista’, għaldaqstant, jadatta l-mod ta’ distribuzzjoni tiegħu sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-klijenti tiegħu u, f’dan ir-rigward, is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxu aspett tal-kompetizzjoni li ma jmurx kontra l-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, fis-sentenza AEG (46), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li jinżamm negozju speċjalizzat li huwa kapaċi li jipprovdi servizzi speċifiċi f’dak li jirrigwarda prodotti ta’ kwalità għolja u ta’ teknoloġija għolja (47) jista’ jiġġustifika tnaqqis fil-kompetizzjoni tal-prezz favur kompetizzjoni li tirrigwarda fatturi li ma humiex il-prezz. Madankollu, it-tnaqqis fil-kompetizzjoni tal-prezz jista’ jkun ġustifikat biss jekk tittejjeb il-kompetizzjoni f’fatturi oħra (48).

47.      Hija ġurisprudenza stabbilita li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva huma permissibbli jekk id-distributuri jintgħażlu abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva li jirrigwardaw il-kwalifiki tekniċi tad-distributur u tal-persunal tiegħu u l-adegwatezza tal-post minn fejn jopera u li tali kundizzjonijiet jiġu imposti b’mod uniformi għall-bejjiegħa potenzjali kollha u ma jiġux applikati b’mod diskriminatorju (49). Għaldaqstant, il-produttur ma jistax jirrifjuta milli japprova lid-distributuri li jissodisfaw il-kriterji kwalitattivi tas-sistema ta’ distribuzzjoni (50).

48.      Il-parti l-kbira mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ffukat fuq jekk id-distributuri ntgħażlux b’mod uniformi u b’mod mhux diskriminatorju. Il-kwistjoni tal-ammissjoni fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tal-grupp Pierre Fabre ma hijiex, minnha nfisha, ikkontestata fil-proċeduri prinċipali u dan peress li ma hemm ebda allegazzjoni li s-sistema selettiva tal-grupp taħdem b’mod diskriminatorju. Dik li hija kkontestata fil-fatt hija l-konformità tal-kriterji magħżula għas-selezzjoni, mal-Artikolu 81(1) KE. F’dan ir-rigward, ninnota li l-kriterji ta’ selezzjoni li ġew identifikati fid-Deċiżjoni bħala li jiksru l-Artikolu 81(1) KE jirrigwardaw, fil-fatt, il-kwalifiki tekniċi tad-distributuri magħżula tal-grupp Pierre Fabre u tal-persunal tagħhom (51) u l-fatt li l-prodotti jinbiegħu f’ambjent fiżiku.

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-prinċipju, meta d-dħul f’netwerk ta’ distribuzzjoni selettiv ikun suġġett għal kundizzjonijiet li jmorru lil hinn mis-sempliċi selezzjoni kwalitattiva oġġettiva, dawk il-kundizzjonijiet ikunu jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE, speċjalment meta jkunu bbażati fuq kriterji tal-għażla kwantitattivi (52) (53). F’dan ir-rigward, fil-ġurisprudenza ġiet stabbilita distinzjoni ċara bejn kriterji kwalitattivi u kwantitattivi.

50.      Madankollu, mhux kull kriterju kwalitattiv għall-għażla tad-distributuri huwa permissibbli taħt l-Artikolu 81(1) KE (54).

51.      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, produttur li jħaddem sistema ta’ distribuzzjoni selettiva għandu jimponi kriterji kwalitattivi li jeċċedu r-regoli nazzjonali jew tal-Unjoni li jirregolaw il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti (55), il-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni għandhom jinneċessitaw sistema ta’ distribuzzjoni selettiva sabiex jippreżervaw il-kwalità tagħhom u jiżguraw l-użu tajjeb tagħhom (56) u l-kriterji ma għandhomx jeċċedu dak li hu oġġettivament meħtieġ (57) sabiex iqassmu dawk il-prodotti b’mod xieraq, fid-dawl mhux biss tal-kwalitajiet materjali tagħhom imma wkoll tal-attrazzjoni jew immaġni tagħhom (58).

52.      Jiena tal-opinjoni li, l-kriterji kwalitattivi fi ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li josservaw il-kundizzjonijiet imsemmija iżda li jwasslu għal restrizzjoni tal-kummerċ parallel, li hija iktar estensiva mir-restrizzjoni inerenti għal xi ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva, ma għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

53.      Jidhirli li, salv għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, il-prodotti inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali huma adatti biex jitqassmu permezz ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Barra minn hekk, jidhirli li, salv għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżiti imposti mill-grupp Pierre Fabre fil-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva biex il-prodotti tiegħu jinbiegħu f’ambjent fiżiku fil-preżenza ta’ spiżjar ma humiex intiżi li jirrestrinġu l-kummerċ parallel, iżda pjuttost biex tiġi ppreżervata l-immaġni li l-prodotti tagħha akkwistaw minħabba s-servizzi partikolari disponibbli direttament u fil-pront għall-konsumaturi fil-post tal-bejgħ (59).

54.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju nnutat l-immaġni pożittiva li tingħata meta jkun preżenti spiżjar u minħabba l-viċinanza tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali li jeħtieġu riċetta, jiena tal-opinjoni li, dik il-qorti għandha teżamina jekk projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet hijiex proporzjonata. Wieħed jista’ jifhem li jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn il-bejgħ ta’ ċerti prodotti permezz tal-internet jista’ jippreġudika inter alia l-immaġni u għaldaqstant ukoll il-kwalità ta’ dawk il-prodotti b’mod li jiġġustifikaw projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet. Madankollu, peress li produttur jista’, fil-fehma tiegħi, jimponi kundizzjonijiet xierqa, raġonevoli u mhux diskriminatorji fuq il-bejgħ mill-internet (60) biex jipproteġi l-immaġni tal-prodott tiegħu, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet li tiġi imposta mill-produttur fuq distributur, fil-fehma tiegħi, hija proporzjonata f’ċirkustanzi verament eċċezzjonali biss.

55.      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, pereżempju, jekk l-informazzjoni u l-pariri individwalizzati fuq il-prodotti inkwistjoni jistgħux jingħataw b’mod adegwat lill-utenti mill-bogħod permezz tal-internet, bil-possibbiltà li l-utenti jressqu mistoqsijiet rilevanti fuq il-prodotti mingħajr il-bżonn li jmorru fi spiżerija (61). F’dawn il-każijiet, id-distributuri tal-grupp Pierre Fabre jistgħu jindikaw ukoll li l-parir individwali u dirett jista’ jingħata lill-utenti f’ċerti ħwienet.

56.      Barra minn hekk, għalkemm jirriżulta mill-atti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kompetizzjoni bejn il-marki hija diġà qawwija minħabba l-bejgħ tal-prodotti f’numru kbir ta’ ħwienet fi Franza, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet telimina mezz ta’ distribuzzjoni modern li jippermetti lill-konsumaturi jixtru dawk il-prodotti barra miż-żona li s-soltu tintlaħaq minn dawk il-ħwienet u għaldaqstant potenzjalment ittejjeb il-kompetizzjoni bejn il-marki. Il-bejgħ mill-internet jista’ jtejjeb ukoll il-kompetizzjoni bejn il-marki peress li dan il-bejgħ jista’ jżid it-trasparenza fil-prezzijiet u għaldaqstant jippermetti li jiġu pparagunati l-prezzijiet tal-prodotti inkwistjoni (62).

57.      Għaldaqstant, jidhirli li projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ tal-prodotti lil utenti finali permezz tal-internet, li tiġi imposta fuq distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva li timpedixxi jew tirrestrinġi l-kummerċ parallel b’mod iktar estensiv mir-restrizzjonijiet li huma inerenti għall-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva u li teċċedi dak li hu oġġettivament meħtieġ biex jitqassmu dawk il-prodotti b’mod xieraq, fid-dawl mhux biss tal-kwalitajiet materjali imma wkoll tal-attrazzjoni jew l-immaġni tagħhom, għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

VI – Domanda II – Ir-Regolament Nru 2790/1999

58.      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2790/1999, l-Artikolu 81(1) KE ma japplikax għal ċerti kategoriji ta’ ftehim vertikali u ftehim jew prattiċi miftiehma li jidħlu fihom żewġ impriżi jew aktar u li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi (63). Skont l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 tal-istess regolament ma għandhiex tapplika għal ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jirrestrinġu l-bejgħ attiv jew passiv lil utenti finali minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni li taħdem fil-livell ta’ kummerċ tal-bejgħ bl-imnut. Madankollu, din hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li membru tas-sistema jkun projbit milli jopera minn post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat.

59.      Jiena tal-opinjoni li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet tirrestrinġi kemm il-bejgħ attiv kif ukoll dak passiv (64) b’mod li trendi l-klawżoli inkwistjoni fil-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva, ineliġibbli għall-eżenzjoni prevista fir-Regolament Nru 2790/1999 sakemm il-bejgħ mill-internet ma jitqiesx bħala operar minn post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat.

60.      Il-PFDC issostni li l-bejgħ mill-internet ma jammontax għall-bejgħ minn post ta’ stabbiliment awtorizzat; għaldaqstant il-bejgħ imsemmi għandu jitqies bħala bejgħ minn stabbiliment (virtwali) ieħor. Anki n-natura stess ta’ dan il-bejgħ hija differenti u l-bejgħ fil-preżenza ta’ spiżjar ma jistax jitqabbel mal-bejgħ mill-internet. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 ma jirreferix għall-bejgħ mill-internet, u għaldaqstant jippermetti lill-produttur joġġezzjona għal distributur awtorizzat li jbiegħ il-prodotti tal-kuntratt minn post ta’ stabbiliment mhux awtorizzat, kemm jekk dak l-istabbiliment ikun ħanut fiżiku kif ukoll jekk ikun sit tal-internet.

61.      L-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 ma jagħmel ebda referenza għall-bejgħ mill-internet (65). Madankollu, jiena tal-opinjoni li l-internet ma jistax jitqies bħala stabbiliment (virtwali) iżda pjuttost bħala mezz modern ta’ komunikazzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u servizzi. Għaldaqstant, filwaqt li distributur awtorizzat jista’ jkun limitat taħt l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 milli jiċċaqlaq mill-ħanut/post tiegħu mingħajr il-kunsens minn qabel tal-produttur, u għaldaqstant jiġi żgurat li l-istess produttur ikun jista’ inter alia jikkontrolla l-kwalità u l-preżentazzjoni ta’ dak il-ħanut/post, jidhirli li projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet fi ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva tiddekadi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni taħt l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999. Kif diġà ntqal fil-punt 54 hawn fuq, produttur jista’ fil-fehma tiegħi, jimponi kundizzjonijiet xierqa, raġonevoli u mhux diskriminatorji li jirrigwardaw il-bejgħ mill-internet u b’hekk jiżgura l-kwalità tal-preżentazzjoni u tad-distribuzzjoni tal-prodotti u servizzi rreklamati u kkummerċjalizzati b’dak il-mod.

62.      Għaldaqstant, jidhirli li ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jkun fih projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali prevista fir-Regolament Nru 2790/1999, u dan peress li tali projbizzjoni taħdem bħala limitazzjoni fuq il-bejgħ attiv u passiv fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) ta’ dak ir-regolament. Il-bejgħ mill-internet ta’ prodotti tal-kuntratt minn negozjant awtorizzat ma jikkostitwixxix l-operar minn post ta’ stabbiliment mhux awtorizzat fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999.

VII – Domanda III – L-eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE

63.      Il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindika jekk, fil-każ li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali taħt ir-Regolament Nru 2790/1999, tistax hija tibbenefika minn eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE.

64.      Huwa biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-projbizzjoni inkwistjoni tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u ma tibbenefikax mill-eżenzjoni ġenerali taħt ir-Regolament Nru 2790/1999 li jkun meħtieġ li l-istess qorti tar-rinviju tagħmel analiżi b’referenza għall-Artikolu 81(3) KE. Barra minn hekk, kull ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jista’, fil-prinċipju, jibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE. Għaldaqstant, kif indikat sewwa l-Kummissjoni fit-trattazzjoni tagħha, anki meta l-ftehim jinsab li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(2) KE, dak il-ftehim ma jiġix awtomatikament eskluż mill-benefiċċju tal-Artikolu 81(3) KE.

65.      L-applikabbiltà tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE taqa’ taħt erba’ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fl-istess dispożizzjoni. Fl-ewwel lok jeħtieġ li l-ftehim ikkonċernat jikkontribwixxi sabiex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, jew sabiex jippromwovi l-progress tekniku jew ekonomiku; fit-tieni lok, li parti xierqa tal-profitt li jirriżulta jkun riżervat għal-konsumaturi; fit-tielet lok, li ma jimponi l-ebda restrizzjoni li ma hijiex indispensabbli għall-impriżi parteċipanti; u, fir-raba’ lok, li ma jagħtihomx il-possibbiltà li jelimina l-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni (66).

66.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 bit-titolu “L-oneru tal-Prova”, l-impriża li tapplika għall-benefiċċju tal-Artikolu 81(3) KE iġġorr l-oneru li tipprova li l-kundizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma sodisfatti. Madankollu, l-elementi fattwali invokati mill-imsemmija impriża jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, li fin-nuqqas tagħha jkun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova ġie sodisfatt. (67)

67.      Peress li ma hemmx biżżejjed provi fl-atti li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-materja, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-indikazzjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni speċifika tal-Artikolu 81(3) għall-fatti fil-kawża prinċipali.

68.      Għaldaqstant insostni li ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jkun fih projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet jista’ jibbenefika minn eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE, jekk l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti.

VIII – Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi magħmula mill-Cour d’appel de Paris:

1)      Projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ ta’ prodotti lil utenti finali permezz tal-internet, li tiġi imposta fuq distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, li timpedixxi jew tirrestrinġi l-kummerċ parallel b’mod iktar estensiv mir-restrizzjonijiet li huma inerenti għall-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva u li teċċedi dak li hu oġġettivament meħtieġ biex jitqassmu dawk il-prodotti b’mod xieraq, fid-dawl mhux biss tal-kwalitajiet materjali imma wkoll tal-attrazzjoni jew l-immaġni tagħhom, għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

2)      Ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jkun fih projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali prevista fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2790/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma, u dan peress li tali projbizzjoni taħdem bħala limitazzjoni fuq il-bejgħ attiv u passiv fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) ta’ dak ir-regolament. Il-bejgħ mill-internet ta’ prodotti tal-kuntratt minn negozjant awtorizzat ma jikkostitwixxix l-operar minn post ta’ stabbiliment mhux awtorizzat fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999.

3)      Ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jkun fih projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet jista’ jibbenefika minn eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE, jekk l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – L-Artikolu 1.1 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dawn il-kuntratti jeżiġi li kull distributur “iġib provi li f’kull ħin li fih ikun miftuħ il-ħanut ikun hemm preżenti tal-inqas persuna waħda li tkun imħarrġa b’mod speċjalizzat […] biex tagħti parir fil-post dwar il-bejgħ tal-prodott [ta’ PFDC] li jkun l-iktar xieraq għall-kwistjonijiet speċifiċi ta’ saħħa jew kura li jiġu diskussi miegħu jew magħha, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-ġilda, xahar u dwiefer. Biex tagħmel dan, il-persuna inkwistjoni għandu jkollha lawrja fil-farmaċija li tkun mogħtija jew rikonoxxuta fi Franza”. L-Artikolu 1.2 jipprovdi li l-prodotti kkonċernati jistgħu jinbiegħu biss “f’ħanut identifikat li jkun speċifikament allokat”.


3 – Mid-digriet tar-rinviju huwa ċar li l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju ma huwiex ikkontestat mill-partijiet u huwa meqjus mill-qorti tar-rinviju bħala li huwa pprovat.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 364.


5 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205).


6 – Jidher li l-Awtorità ħadet post il-Bord bis-saħħa tal-Liġi Nru 2008-776 tal-4 ta’ Awwissu 2008 fuq l-immodernizzar tal-ekonomija (JORF, Nru 181, tal-5 ta’ Awwissu 2008, p. 12471).


7 – Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju.


8 – Ara l-punti 11, 19 u 21 ta’ dawk l-osservazzjonijiet.


9 – Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, Société Technique Minière vs Maschinenbau Ulm (56/65, Ġabra p. 337), u tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429).


10 – Li jirreferi għall-ftehim li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Id-distinzjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba l-effetti” tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi, prinċipalment il-“ksur minħabba l-għan”, jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni. Ara Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C-209/07, Ġabra p. I‑8637, punt 17, ara wkoll il-punt 16).


11 – Fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni [Kawżi magħquda C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, Ġabra p. I‑9291 (“GSK”)], fil-punt 55, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim konkluż huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, imma alternattivi sabiex ikun evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. In-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat fl-ewwel lok l-għan stess tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li għandu jiġi applikat fih. Fil-każ madankollu fejn l-analiżi tal-kontenut tal-ftehim ma jurix grad biżżejjed ta’ ħsara fil-konfront tal-kompetizzjoni, għandu għalhekk isir eżami tal-effetti u, sabiex ikun ipprojbit, jeħtieġ li jiġu sodisfatti elementi li jistabbilixxu li kien hemm jew prevenzjoni, jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali.


12 – Ara s-sentenza GSK, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 58, u s-sentenza General Motors vs Il-Kummissjoni [C-551/03 P, Ġabra p. I‑3173 (“General Motors”), punt 66]. Ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 31), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-“kuntest speċifiku legali u ekonomiku”. Il-lista tal-fatturi indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx li hija eżawrjenti min-natura tagħha.


13 – Meta jiġi applikat l-Artikolu 81(1) KE.


14 – Avviż [Komunikazzjoni] tal-Kummissjoni – Linji gwida fuq trażżin [restrizzjonijiet] vertikali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 390).


15 –      Bħalma jindika t-titolu tiegħu, ir-Regolament Nru 2790/1999 jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE, iktar milli l-Artikolu 81(1) KE, u għandu bħala l-bażi legali r-Regolament Nru 19/65/KEE, tat-2 ta’ Marzu 1965, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [81(3) KE] għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 11 sa 13).


16 – Ninnota li l-Artikolu 4 stess tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni Ġenerali ma jużax il-kliem “restrizzjoni serja”.


17 – Il-kliem “bejgħ attiv” u “bejgħ passiv” ma humiex definiti fir-Regolament Nru 2790/1999. Madankollu, il-Linji Gwida, li ma humiex vinkolanti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-paragrafu 4 tal-Linji Gwida), jipprovdu fil-paragrafu 50 li “Bejgħ ‘attiv’ ifisser li tersaq b’mod attiv lejn klijent individwali fit-territorju esklussiv ta’ distributur ieħor jew grupp ta’ klijenti esklussiv permezz per eżempju ta’ posta diretta jew żjajjar; jew tersaq attivament lejn grupp speċifiku ta’ klijenti f’territorju speċifiku allokat esklussivament lil distributur ieħor permezz ta’ reklamar fil-medja jew promozzjonijiet oħra speċifikament immirati lejn dak il-grupp ta’ klijenti jew immirati lejn klijenti f’dak it-territorju; jew li jistabbilixxi maħżen jew post għad-distribuzzjoni f’territorju esklussiv ta’ distributur ieħor. Bejgħ ‘passiv’ ifisser li tirrispondi għal talbiet mhux soliċitati minn klijenti individwali li jinkludu tqassim ta’ oġġetti jew servizzi lil klijenti bħal dawn. Reklamar ġenerali jew promozzjoni fil-medja jew fuq l-Internet li jilħaq klijenti f’territorji esklussivi ta’ distributuri oħra jew gruppi ta’ klijenti imma li jkun b’mod raġonevoli sabiex tilħaq klijenti ’l barra minn dawk it-territorji jew gruppi ta’ klijenti, per eżempju sabiex tilħaq klijenti f’territorji mhux esklussivi jew f’territtorju ta’ l-istess persuna, jkun bejgħ passiv”.


18 – Nikkunsidra li, effettivament, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet tirrestrinġi kemm il-bejgħ attiv u kif ukoll dak passiv peress li hija tillimita l-possibbiltajiet ta’ distributur awtorizzat biex ibiegħ lill-utenti finali fi Stati Membri oħra. Il-projbizzjoni inkwistjoni trendi iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali u għaldaqstant tikkostitwixxi restrizzjoni skont l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 u tipprekludi, għaldaqstant, li tiġi applikata l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 2 ta’ dak ir-regolament. Il-fatt li fl-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 imkien ma jissemma l-bejgħ mill-internet ma jipprekludix tali konstatazzjoni.


19 – Sakemm huwa jkun jista’ jkollu effett apprezzabbli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.


20 – Sentenza tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios, C-260/07, Ġabra p. I‑2437, punt 68.


21 – Bħalma huwa r-Regolament Nru 2790/1999.


22 – Sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad, C‑59/08, Ġabra p. I‑3421.


23 – Il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat in-natura partikolari ħafna tal-prodotti mediċinali, peress li l-effetti terapewtiċi tagħhom jiddistingwuhom sostanzjalment minn prodotti oħra. Dawn l-effetti terapewtiċi għandhom il-konsegwenza li, jekk il-prodotti mediċinali jittieħdu mingħajr bżonn jew b’mod mhux korrett, huma jistgħu jkunu ta’ periklu kbir għas-saħħa, mingħajr ma l-pazjent ikun konxju minn dan meta jikkunsmahom. Ara s-sentenzi Apothekerkammer des Saarlandes et (Ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C-171/07 u Helga Neumann-Seiwert, C-172/07, Ġabra p. I‑4171, punti 31 u 32).


24 – Ara l-punt 5 iktar ’il fuq.


25 – Fid-dawl tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra I‑14887), nikkunsidra li tali projbizzjoni ġenerali u assoluta imposta mid-dritt nazzjonali fuq il-bejgħ mill-internet tkun tikser ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-prodotti. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li projbizzjoni nazzjonali fuq il-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali fejn il-bejgħ huwa riżervat esklużivament għall-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat tikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva. Madankollu, l-Artikolu 30 KE jista’ jiġi invokat biex jiġġustifika projbizzjoni nazzjonali fuq il-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali sa fejn il-projbizzjoni tkopri prodotti mediċinali suġġetti għal riċetta minn tabib. Iżda l-Artikolu 30 KE ma jistax jiġi invokat biex jiġġustifika projbizzjoni assoluta ta’ bejgħ bil-korrispondenza tal-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal riċetta minn tabib fl-Istat Membru kkonċernat. B’analoġija ara wkoll is-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ker-Optika (C-108/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), fir-rigward tal-bejgħ ta’ lentijiet ta’ kuntatt permezz tal-internet.


26 – B’kuntrast ma’ limitazzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali u tal-Unjoni.


27 – Fil-fatt, ċerti prodotti jew servizzi jistgħu, minnhom infushom, ma jkunux xierqa biex jinbiegħu permezz tal-internet.


28 – Ara b’analoġija, is-sentenza Wouters et (C-309/99, Ġabra p. I‑1577).


29 – Ara l-punti 44 et seq iktar ’il quddiem.


30 –      Il-PFDC issostni fil-fatt li minħabba l-projbizzjoni, il-konsumaturi jkunu jafu li l-prodotti tal-marka ta’ PFDC li jinbiegħu fuq l-internet huma foloz.


31 – Id-Deċiżjoni hija bbażata inter alia fuq il-paragrafu 51 tal-Linji Gwida li jipprovdi li “[k]ull distributur irid ikun ħieles li juża l-internet biex jirreklamaw jew biex ibiegħu prodotti”. Madankollu, il-Kummissjoni taċċetta fl-istess paragrafu 51 li “il-fornitur jista’ jitlob livelli ta’ kwalità għall-użu tas-sit ta’ l-internet sabiex jerġa’ jbiegħ il-oġġetti tiegħu, l-istess bħal ma l-fornitur jista’ jitlob livelli ta’ kwalità għal ħanut jew għar-reklamar u promozzjoni in-ġenerali. Ta’ l-aħħar jista’ jkun relevanti partikolarment għal distribuzzjoni selettiva. Projbizzjoni minnufih [assoluta] fuq bejgħ mill-internet jew [mill-]katalgu [hija] possibbli [biss] jekk hemm ġustifikazzjoni oġġettiva”.


32 – Ara l-punti 8 u 9 iktar ’il fuq.


33 – Kien hemm drabi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċerti ftehim li jirrestrinġu, direttament jew indirettament, il-kummerċ parallel kienu kompatibbli mal-Artikolu 81(1) KE. Jiena tal-opinjoni li, il-każijiet inkwistjoni huma eċċezzjonali u x’aktarx huma limitati għall-fatti tal-każijiet inkwistjoni. Madankollu, huma biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-prinċipju li l-ftehim li jirrestrinġu, direttament jew indirettament, il-kummerċ parallel mhux dejjem għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, is-sempliċi evalwazzjoni tat-termini tal-ftehim mingħajr evalwazzjoni, pereżempju, tal-kuntest ekonomiku u legali li fihom ikun sar u li fihom ikun jaħdem fil-preżent, ma humiex biżżejjed. Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ April 1988, Erauw-Jacquery (27/87, Ġabra p. 1919, u s-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Javico (C-306/96, Ġabra p. I‑1983). Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ April 1982, Coditel et (262/81, Ġabra p. 3381) li trid, fl-opinjoni tiegħi, tinqara flimkien mas-sentenza Coditel I. Fir-rigward tas-sentenzi Coditel, ara madankollu l-konklużjonijiet reċenti tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża C-403/08, Football Association Premier League et, (li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra), punti 193 sa 202; ara wkoll il-punti 243 sa 251.


34 – Ninnota li d-Deċiżjoni, salv għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, ma tidhirx li tirreferi b’mod speċifiku għall-kliem “kummerċ parallel”. Madankollu, jiena tal-opinjoni li, ir-restrizzjoni fuq il-bejgħ attiv jew passiv għandha l-potenzjal li tirrestrinġi l-kummerċ parallel bejn l-Istati Membri.


35 – Ara s-sentenza GSK, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 59. Ftehim bejn il-produttur u d-distributur li jkun suxxettibbli li jerġa jdaħħal id-differenza nazzjonali fil-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jkun tali li jmur kontra l-għan tat-Trattat li jikseb l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali permezz tal-istabbiliment ta’ suq wieħed. Għaldaqstant, f’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ftehim intiżi li jqassmu s-swieq nazzjonali skont il-fruntieri nazzjonali jew li jrendu iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali, b’mod partikolari dawk intiżi li jipprekludu jew jirrestrinġu l-esportazzjonijiet paralleli, huma ftehim li għandhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-artikolu tat-trattat. Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et (Kawżi magħquda C-468/06 sa 478/06, Ġabra p. I‑7139, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fis-sentenza General Motors (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 67 li ftehim fil-qasam ta’ distribuzzjoni għandu għan restrittiv fis-sens tal-Artikolu 81 KE jekk huwa juri biċ-ċar ir-rieda li l-bejgħ għall-esportazzjoni jiġi trattat b’mod inqas favorevoli mill-bejgħ nazzjonali u b’hekk iwassal għal taqsim tas-suq inkwistjoni.


36 – Billi jillimitaw il-bejgħ attiv u passiv tal-prodotti permezz ta’ projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet.


37 – Dan ma jwassalx biex jingħad li l-kwistjoni tal-effetti fuq il-kummerċ parallel ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva jistgħu f’ċerti ċirkustanzi jiksru l-Artikoli 81(1) KE minħabba li jirrestrinġu l-kummerċ parallel. Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 1995, BMW (C-70/93, Ġabra p. I‑3439). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għoti ta’ protezzjoni territorjali assoluta lin-negozjanti tal-BMW kien projbit mill-Artikolu 81(1) KE. Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Frar 1984, Hasselblad vs Il-Kummissjoni (86/82, Ġabra p. 883).


38 – Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (‘AEG’, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 33).


39 – Fis-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1986, Metro vs Il-Kummissjoni (‘Metro II’, 75/84, Ġabra p. 3021), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’kull sistema ta’ distribuzzjoni selettiva hija inerenti ftit limitazzjoni tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet u dan minħabba n-nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn negozjanti speċjalizzati u dawk li ma humiex, iżda li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-prezzijiet kien ikkumpensat bil-kompetizzjoni fir-rigward il-kwalità tas-servizz mogħti lill-klijenti li normalment ma tkunx possibbli jekk ma jkunx hemm marġni ta’ profitt xeiraq li jkopru l-ispiża żejda li jinvolvu dawk is-servizzi. Fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro vs Il-Kummissjoni (‘Metro I’, 26/76, Ġabra p. 1875, punt 21), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li fis-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva l-kompetizzjoni fil-prezzijiet ma tiġix enfasizzata la bħala fattur esklużiv u lanqas bħala prinċipali. Għaldaqstant, filwaqt li l-kompetizzjoni fil-prezzijiet ma tistax tiġi eliminata, hija ma hijiex l-unika tip ta’ kompetizzjoni u lanqas dik li għandha tingħata prijorità assoluta f’kull ċirkustanza. Fis-sentenza AEG (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 42), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-bilanċ bejn kompetizzjoni fil-prezzijiet u dik li ma tirrigwardax il-prezzijiet.


40 – F’dan is-sens ara s-sentenza tal-13 ta’ Jannar 1994, Metro vs Cartier (‘Metro III’, C-376/92, Ġabra I‑15, punti 26 sa 29). L-effett de facto fuq il-kummerċ parallel jista’ jvarja skont, pereżempju, il-grad ta’ “impenetrabbiltà” ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Il-grad ta’ impenetrabbiltà f’dan il-kuntest jirrigwarda l-livell ta’ kemm il-prodotti suġġetti għall-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva jaslu għand il-konsumaturi permezz tan-negozjanti awtorizzati biss.


41 – Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.


42 – Din is-sentenza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22) tistabbilixxi, inter alia, li meta distributur awtorizzat ibiegħ prodotti suġġetti għal ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva lil distributur mhux awtorizzat, detentur ta’ trademark jista’ jiftaħ kawża fuq trademark – b’żieda mal-kawża bbażata fuq id-dritt tal-kuntratt – kontra d-distributur awtorizzat jekk il-bejgħ mid-distributur mhux awtorizzat jagħmel ħsara lill-attrazzjoni u r-reputazzjoni ta’ prestiġju li jagħtu lill-imsemmija prodotti sensazzjoni ta’ lussu. Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi t-trademark ma tistax tispiċċa.


43 – Mis-sentenza Copad (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22) huwa ċar li l-mod li bih jinbiegħu ċerti prodotti koperti minn trademark jista’ jaffettwa b’mod ħażin l-immaġni tagħhom u, għaldaqstant, il-kwalità tagħhom stess f’għajnejn il-konsumaturi. F’dak il-każ, fir-rigward tal-prodotti ta’ lussu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwalità tagħhom ma hijiex biss ir-riżultat tal-karatteristiċi materjali tagħhom, iżda wkoll tal-attrazzjoni u r-reputazzjoni ta’ prestiġju li jagħtu lill-imsemmija prodotti sensazzjoni ta’ lussu. Peress li l-prodotti ta’ lussu huma ta’ klassi għolja, is-sensazzjoni ta’ lussu li toħroġ minnhom hija essenzjali inkwantu tippermetti lill-konsumaturi jiddistingwuhom minn prodotti simili. Għaldaqstant, jekk issir ħsara lil dik is-sensazzjoni ta’ lussu, dik x’aktarx li taffettwa l-kwalità proprja tal-prodotti. Ara wkoll is-sentenza Leclerc vs Il-Kummissjoni (‘Leclerc’, T-88/92, Ġabra p. II‑1961, punt 109), fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kunċett tal-karatteristiċi ta’ kożmetiċi ta’ lussu ma jistax jiġi limitat għall-karatteristiċi materjali tagħhom iżda jinkludi wkoll is-sensazzjoni li l-konsumaturi għandhom, b’mod partikolari s-sensazzjoni ta’ lussu.


44 –      Filwaqt li l-każ huwa bbażat fuq prodotti koperti bi trademark, jidhirli li dan ir-ratio jista’ jiġi applikat ukoll, f’ċerti ċirkustanzi, għall-prodotti ta’ bla marka u servizzi fejn il-mod li bih il-prodotti u s-servizzi jiġu offruti jaffettwa s-sensazzjoni tal-konsumaturi dwar il-kwalità tagħhom. Huwa ċar, madankollu, li biex wieħed jinvoka d-drittijiet ta’ trademark, dik it-trademark trid tkun reġistrata fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 35 tas-sentenza Copad (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22) li filwaqt li hija ma eskludietx il-possibbiltà li s-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti milli jkunu koperti bil-kunċett ta’ “servizzi” fis-sens tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade mark (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 92 sa 98), kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), it-trademark kellha tkun reġistrata għal dawk is-servizzi.


45 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.


46 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.


47 – Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament fis-sentenza Leclerc (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 107), li dawn is-sistemi ta’ distribuzzjoni jistgħu jinħolqu f’setturi li ma humiex dawk li jkopru l-produzzjoni ta’ oġġetti li jservu, li huma ta’ kwalità għolja jew teknoloġikament avvanzati mingħajr ma jiksru l-Artikolu 81(1) KE.


48 – Ara l-punt 33.


49 – Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1980, Lancôme u Cosparfrance Nederland (99/79, Ġabra p. 2511, punt 20).


50 – Sentenza AEG, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 45.


51 – Ir-rekwiżit li l-prodotti inkwistjoni jinbiegħu fil-preżenza ta’ spiżjar kwalifikat.


52 – Pereżempju kriterji marbutin mad-dħul mill-bejgħ u obbligi li jirrigwardaw provvisti minimi u stokks.


53 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal (31/80, Ġabra p. 3775, punt 17).


54 – Ninnota l-użu tal-kliem “b’mod partikolari” użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 17 tas-sentenza Metro I (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39).


55 – Fis-sentenza L’Oréal (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li biex tiġi preżervata l-kwalità u l-użu tajjeb tal-prodott ma hijiex meħtieġa sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, meta dawk l-għanijiet ikunu sodisfatti diġà permezz ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw l-ammissjoni għall-kummerċ tal-bejgħ mill-ġdid jew il-kundizzjonijiet tal-bejgħ tal-prodott inkwistjoni.


56 – Sentenza L’Oréal (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 16). Fis-sentenza Metro II (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39), il-Qorti Ġenerali nnotat li l-karatteristiċi ta’ ċerti prodotti huma tali li inutli toffrihom lill-pubbliku mingħajr l-intervent ta’ distributuri speċjalizzati (punt 65).


57 – Ara b’analoġija, is-sentenza L’Oréal, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 16.


58 – Fis-sentenza Leclerc (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li huwa fl-interess tal-konsumaturi li jkunu jridu jixtru kożmetiċi ta’ lussu li dawk l-istess prodotti jiġu ppreżentati b’mod xieraq fil-ħwienet u li l-immaġni ta’ lussu tagħhom tiġi ppreżervata b’dak il-mod. Minn dan isegwi li, fis-settur tal-kożmetiċi ta’ lussu, u b’mod partikolari fis-settur tal-fwieħa ta’ lussu, il-kriterji kwalitattivi li bihom jintgħażlu l-bejjiegħa li ma jeċċedux dak li hu meħtieġ biex jiġi żgurat li dawk il-prodotti jiġu ppreżentati b’mod xieraq, fil-prinċipju, ma humiex koperti mill-Artikolu 81(1) KE, sakemm ikunu oġġettivi, stabbiliti b’mod uniformi għall-bejjiegħa potenzjali kollha u ma jiġux applikati b’mod diskriminatorju.


59 – L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA qalet li “ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jissuġġerixxi li l-projbizzjoni hija intiża għall-kummerċ parallel jew għal tipi oħra ta’ bejgħ li jaqsam il-fruntieri. Min-naħa l-oħra, jidher li l-projbizzjoni hija bbażata fuq in-natura tal-prodotti u l-mod li bih Pierre Fabre tixtieq tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha”.


60 – Possibbiltà li tinsab imsemmija fil-paragrafu 51 tal-Linji Gwida (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14). Ara wkoll il-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali tal-Kummissjoni (ĠU 2010 C 130, p. 1; iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Ġodda”). Għalkemm provviżorjament mhumiex rilevanti għall-fatti fil-kawża prinċipali u ma humiex vinkolanti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Linji Gwida Ġodda jipprovdu gwida fuq ċerti kundizzjonijiet fi ftehim ta’ distribuzzjoni li jirrigwarda l-bejgħ mill-internet, li l-Kummissjoni tqis li huma aċċettabbli. Ara pereżempju l-paragrafi 52(ċ) u 54 tal-Linji Ġwida Ġodda.


61 – Ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali mill-internet, is-sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 113, u l-bejgħ ta’ lentijiet ta’ kuntatt permezz tal-internet fis-sentenza Ker-Optika, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 73.


62 – U bejn il-prodotti inkwistjoni u marki oħra (kompetizzjoni bejn il-marki).


63 – Skont l-Artikolu 3(1), l-eżenzjoni li hemm ipprovdut għaliha f’dak ir-regolament għandha tapplika bil-kondizzjoni li s-sehem tas-suq miżmum mill-fornitur ma jkunx aktar minn 30 % tas-suq relevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju, fid-digriet tar-rinviju, qalet li l-grupp Pierre Fabre kellu sehem mis-suq ta’ 20 %.


64 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.


65 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq. Ara wkoll l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010, tal-20 ta’ April 2010, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 102, p. 1), li ma jagħmel ebda referenza għall-bejgħ mill-internet. Ir-Regolament Nru 330/2010 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010 u effettivament issostitwixxa r-Regolament Nru 2790/1999 li skada fil-31 ta’ Mejju 2010. Ara, madankollu, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 330/2010 fuq il-perijodu tranżitorju. Ir-Regolament Nru 330/2010 ma huwiex relevanti ratione temporis għall-proċeduri prinċipali.


66 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19).


67 – Ara GSK, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 83.