Language of document : ECLI:EU:C:2011:151

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Marzu 2011 (*)

“Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Kuntratt ta’ xogħol – Għażla tal-partijiet – Dispożizzjonijiet obbligatorji tal-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla – Determinazzjoni ta’ din il-liġi – Kunċett ta’ pajjiż fejn il-ħaddiem ‘abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu’ – Ħaddiem li jwettaq xogħlu f’iktar minn Stat kontraenti wieħed”

Fil-Kawża C‑29/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Ewwel Protokoll, tad-19 ta’ Diċembru 1988, dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli fl-obbligi kuntrattwali, imressqa mill-cour d’appel tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu), permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Jannar 2010, fil-proċedura

Heiko Koelzsch

vs

L-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, P. Lindh u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal H. Koelzsch, minn P. Goergen, avukat,

–        għall-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn G. Neu u A. Corre, avukati,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou u K. Georgiadis, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.‑M. Rouchaud‑Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 2005, C 169, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), li tirrigwarda l-kuntratti individwali ta’ xogħol.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni mibdija minn H. Koelzsch kontra l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u bbażata fuq allegat ksur ta’ din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat. Dawn l-awtoritajiet kienu ġew imsejħa sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni għad-danni mibdija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra l-impriża internazzjonali tat-trasport Ove Ostergaard Luxembourg SA, li qabel kienet Gasa Spedition Luxembourg (iktar ’il quddiem “Gasa”), stabbilita fil-Lussemburgu, li magħha huwa kellu kuntratt ta’ xogħol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-regoli fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u dwar il-ġurisdizzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali

 Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

3        L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi:

“Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha tkun espressa jew murija b’ċertezza raġjonevoli mill-klawsoli tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ. Permezz tal-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jiftiehmu fuq il-liġi applikabbli għall-kuntratt kollu jew għal parti minnu.”

4        L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, bit-titolu “Kuntratt individwali ta’ impjieg”, jipprovdi:

“1.      Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3, fil-kuntratt ta’ impjieg, l-għażla ta’ liġi magħmula [applikabbli] mill-partijiet ma għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz mir-regoli mandatorji tal-liġi li għandha tkun applikabbli skond il-paragrafu 2 fin-nuqqas ta’ għażla.

2.      Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4, kuntratt ta’ impjieg għandu, fin-nuqqas ta’ għażla skond l-Artikolu 3, jkun regolat:

a)      bil-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ukoll jekk ikun temporanjament impjegat f’pajjiż ieħor; jew

b)      jekk l-impjegat mhux soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, skond il-liġi tal-pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab;

sakemm ma jkunx jidher miċ-ċirkostanzi kollha li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi ta’ dak il-pajjiż.”

5        L-Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli fl-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1998, C 27, p. 47. iktar ’il quddiem l-“Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma”) jipprovdi fl-Artikolu 2 tiegħu:

“Kull qorti msemmija hawn isfel tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti referenza preliminari fuq kwistjoni mqajma f’każ pendenti quddiemha u li tirrigwarda l-interpretazzjoni taddispożizzjonijiet li hemm fl-istrumenti msemmija fl-Artikolu 1 jekk dik il-Qorti tikkonsidra li tenħtieġ deċiżjoni fuq il-kwistjoni biex tkun tista’ tagħti s-sentenza:

[…]

b)      il-qrati ta’ l-Istati Kontraenti meta jaġixxu bħala qrati ta’ appell.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008

6        Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 593/2008, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6.) issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Ruma. Dan ir-regolament japplika għall-kuntratti milħuqa mis-17 ta’ Diċembru 2009.

7        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 593/2008, bit-titolu “Kuntratti individwali ta’ impjieg”, jistabbilixxi:

“1.      Kuntratt individwali ta’ impjieg għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3. Madankollu, tali għażla ma tistax twassal li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz ta’ dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ l-impjieg ma ntgħażlitx mill-partijiet, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-pajjiż li fih ix-xogħol abitwalment jitwettaq m’għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna tiġi impjegata temporanjament f’pajjiż ieħor.

3.      Fejn il-liġi applikabbli ma tkunx tistà tiġi determinata skond il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn ikun jinsab in-negozju li fih ġie impjegat.

4.      Fejn mit-totalità taċ-ċirkostanzi jirriżulta li l-kuntratt ta’ impjieg ikun aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 2 jew 2a, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.”

 Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

8        Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil Konvenzjoni, tad-29 ta’ Novembru 1996, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), fl-Artikolu 5 tagħha tiddisponi:

“Il-konvenut domiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jiġi mħarrek fi Stat kontraenti ieħor,

1)      f’materji kuntrattwali, quddiem il-qorti tal-post fejn l-obbligu li jifforma l-bażi tat-talba ġie jew ser jiġi mwettaq; fil-kuntratti individwali ta’ impjieg, dan il-post huwa dak fejn l-impjegat iwettaq abitwalment ix-xogħol tiegħu; meta l-impjegat ma jwettaqx ix-xogħol tiegħu abitwalment f’pajjiż wieħed, min iħaddem jista’ wkoll jiġi mħarrek quddiem il-qorti tal-post fejn hemm jew kien jinsab in-negozju li impjega lill-impjegat

[...]”

 Ir-Regolament Nru 44/2001

9        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell.

10      L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jiddisponi:

“Wieħed li jimpjega domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi imfittex:

1)      fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat jew

2)      fi Stat Membru ieħor:

a)      fil-qrati tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati ta’ l-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

b)      jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun jinstab in-negozju li kien jimpiega lill-impjegat.”

 Id-dritt nazzjonali

11      Il-liġi Lussemburgiża tat-18 ta’ Mejju 1979 li tirriforma d-delegazzjonijiet tal-persunal (Mémorial A Nru 45, tal-1 ta’ Ġunju 1979, p. 948), fl-Artikolu 34(1) tagħha tipprovdi:

“Matul il-perijodu tal-mandat tagħhom il-membri u s-supplenti ta’ delegazzjonijiet differenti tal-persunal ma jistgħux jitkeċċew; it-tkeċċija ta’ delegat tal-persunal mill-persuna li timpjegah, għandha tkun ikkunsidrata bħala invalida u li ma seħħitx.”

12      Il-liġi Ġermaniża ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċijiet (Kündigungsschutzgesetz) tipprovdi fl-Artikolu 15(1) tagħha:

“It-tkeċċija ta’ membru ta’ kunsill ta’ impriża […] hija illegali, ħlief jekk ċerti fatti jippermettu lill-persuna li timpjega tipproċedi għat-tkeċċija fuq raġuni serja mingħajr l-osservanza tat-terminu tan-notifika u l-permess meħtieġ skont l-Artikolu 103 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni ta’ impriżi [Betriebsverfassungsgesetz] ikun ġie mogħti jew issostitwit b’deċiżjoni ġudizzjarja. Wara l-iskadenza tal-mandat, it-tkeċċija ta’ membru ta’ kunsill ta’ impriża, ta’ delegat […] hija illegali […] ħlief jekk ċerti fatti jippermettu lill-persuna li timpjega tipproċedi għat-tkeċċija fuq raġuni serja mingħajr ma josserva t-terminu tan-notifika; dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx meta t-terminazzjoni tas-sħubija tkun ibbażata fuq deċiżjoni ġudizzjarja.

Wara t-tmiem tal-mandat, it-tkeċċija hija pprojbita għal perijodu ta’ sena.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Ottubru 1998, H. Koelzsch, xufier ta’ trakk, li jgħix f’Osnabrück (il-Ġermanja), tqabbad bħala xufier internazzjonali minn Gasa. Dan il-kuntratt jinkludi klawżola li tirreferi għal-liġi Lussemburgiża tal-24 ta’ Mejju 1989 dwar kuntratt ta’ xogħol (Mémorial A 1989, Nru 35, p. 612) kif ukoll klawżola li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati ta’ dan l-Istat.

14      Gasa hija sussidjarja tal-kumpannija Daniża Gasa Odense Blomster amba. L-għan tagħha jikkonsisti fit-trasport tal-fjuri u ta’ pjanti oħra minn Odense (id-Danimarka), lejn destinazzjonijiet li jinsabu fil-biċċa ’l kbira fil-Ġermanja, iżda wkoll f’pajjiżi oħra Ewropej, permezz ta’ trakkijiet stazzjonati fil-Ġermanja, b’mod partikolari f’Kassel, f’Neukirchen/Vluyn u f’Osnabrück. F’dan l-Istat Membru, Gasa ma għandhiex sede u lanqas uffiċċju. It-trakkijiet huma rreġistrati fil-Lussemburgu u x-xufiera huma affiljati mas-sigurtà soċjali tal-Lussemburgu.

15      Wara t-tħabbir tar-ristrutturazzjoni ta’ Gasa u t-tnaqqis fl-attività tal-mezzi tat-trasport li jitilqu mill-Ġermanja, fit-13 ta’ Jannar 2001, il-ħaddiema ta’ din l-impriża ħolqu f’dan l-Istat delegazzjoni tal-persunal (“Betriebsrat”) li fiha H. Koelzsch ġie elett fil-5 ta’ Marzu 2001 bħala supplent.

16      Permezz ta’ ittra datata 13 ta’ Marzu 2001, id-direttur ta’ Gasa xolja l-kuntratt ta’ xogħol ta’ H. Koelzsch b’effett mill-15 ta’ Mejju 2001.

 L-azzjoni għal annullament kontra t-tkeċċija u l-azzjoni għad-danni kontra Gasa

17      L-ewwel nett, ir-rikorrent ikkontesta d-deċiżjoni tat-tkeċċija fil-Ġermanja, quddiem l-Arbeitsgericht Osnabrück li, permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Lulju 2001, iddikjarat lilha nnifisha inkompetenti ratione loci. H. Koelzsch appella kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landesarbeitsarbeitsgericht Osnabrück, iżda l-appell ġie miċħud.

18      Insegwitu, permezz tar-rikors tal-24 ta’ Lulju 2002, H. Koelzsch ħarrek lil Ove Ostergaard Luxembourg SA, bħala aventi kawża ta’ Gasa, quddiem il-qorti tax-xogħol tal-Lussemburgu sabiex tikseb il-kundanna ta’ din għall-ħlas kemm tad-danni għat-tkeċċija inġusta kif ukoll għal kumpens ta’ notifika u tal-arretrati tal-pagi. Huwa sostna li, minkejja l-għażla tal-Lussemburgu bħala lex contractus, id-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi Ġermaniża li tipproteġi membri tad-delegazzjoni tal-persunal (“Betriebsrat”) huma applikabbli għall-kawża fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, billi l-liġi Ġermaniża hija l-liġi tal-kuntratt fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet. Għalhekk, it-tkeċċija tiegħu hija illegali, billi l-Artikolu 15 tal-liġi Ġermaniża dwar il-protezzjoni kontra tkeċċija tipprojbixxi t-tkeċċija tal-membri ta’ dan il-“Betriebsrat” u, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol), din il-projbizzjoni testendi għall-membri supplenti.

19      Fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Marzu 2004, il-qorti tax-xogħol tal-Lussemburgu kkunsidrat li t-tilwima kienet suġġetta biss għal-liġi tal-Lussemburgu u għalhekk applikat il-liġi tat-18 ta’ Mejju 1979 li temenda d-delegazzjonijiet tal-persunal.

20      Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fuq il-mertu mis-sentenza tal-qorti tal-appell tal-Lussemburgu tas-26 ta’ Mejju 2005, li kkunsidrat it-talba ta’ H. Koelzsch li tiġi applikata l-liġi Ġermaniża għat-talbiet kollha tiegħu bħala talba ġdida, u għalhekk inammissibbli. Il-qorti tal-kassazzjoni tal-Lussemburgu wkoll ċaħdet l-appell kontra din id-deċiżjoni permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006.

 L-azzjoni għad-danni kontra l-Istat għal ksur tal-Konvenzjoni ta’ Ruma mill-awtoritajiet ġudizzjarji

21      Billi l-ewwel proċedura quddiem il-qrati Lussemburgiżi kienet magħluqa, fl-1 ta’ Marzu 2007 H. Koelzsch ippreżenta azzjoni għad-danni kontra l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(1) tal-liġi tal-1 ta’ Settembru 1988 dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-Istat u tal-awtoritajiet pubbliċi (Mémorial A 1988, Nru 51, p. 1000) billi invoka l-funzjonament ħażin tas-servizzi ġudizzjarji ta’ din.

22      H. Koelzsch, b’mod partikolari sostna li dawn id-deċiżjonijiet kienu kisru l-Artikolu 6(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, billi ddikjaraw mhux applikabbli għal kuntratt ta’ xogħol id-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi Ġermaniża ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċijiet u billi ċaħdu t-talba tiegħu li jsir rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għal domanda preliminari sabiex jiġi ppreċiżat, minħabba fil-fatti tal-kawża, il-kriterju tal-post fejn abitwalment iwettaq ix-xogħol.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2007, il-qorti distrettwali tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu) iddikjarat l-azzjoni ammissibbli, iżda infondata. B’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, din il-qorti nnotat li l-qrati li tressqet quddiemhom il-kawża bejn H. Koelzsch u l-persuna li kienet timpjegah, ġustament ikkunsidraw li l-partijiet għall-kuntratt ta’ xogħol kienu għażlu l-liġi Lussemburgiża bħala d-dritt applikabbli, b’mod li l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni. Barra minn dan, huwa rrileva li l-istituzzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal huma rregolati bid-dispożizzjonijiet mandatorji tal-pajjiż fejn il-persuna li timpjega għandha s-sede.

24      Fis-17 ta’ Ġunju 2008, H. Koelzsch appella kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

25      Il-qorti tal-appell tal-Lussemburgu kkunsidrat li l-kritika tal-appellant dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma mill-qrati Lussemburgiżi ma tidhirx li hija għal kollox infondata, għaliex dawn ma kinux iddeterminaw il-liġi applikabbli, fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

26      Hija tinnota li jekk id-dritt Lussemburgiż huwa kkunsidrat bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet, ma huwiex neċessarju li tagħmel tqabbil bejn din il-liġi u d-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża invokati mir-rikorrenti biex jistabbilixxu liema hija l-iktar favorevoli għall-ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Għall-kuntrarju, jekk din l-aħħar liġi hija meqjusa bħala l-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet, in-natura mandatorja tar-regoli stabbiliti mill-liġi Lussemburgiża dwar it-tkeċċija qatt ma għandhom jostakolaw l-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniża dwar il-protezzjoni speċjali ta’ membri tad-delegazzjoni tal-persunal kontra t-tkeċċija.

27      F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, il-kriterji ta’ konnessjoni previsti taħt l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, b’mod partikolari dak tal-pajjiż fejn abitwalment iwettaq ix-xogħol, ma jippermettux kuntrarjament għas-soluzzjoni miżmuma mill-qorti distrettwali tal-Lussemburgu ta’ din id-deċiżjoni, li mill-bidu nett tiġi eskluża l-liġi Ġermaniża bħala lex contractus.

28      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-koerenza twassal sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “liġi tal-pajjiż fejn il-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, li jinsab fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, fid-dawl ta’ dik stabbilita fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u fil-kuntest tal-kliem użat fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 593/2008, li jirreferu mhux biss għall-pajjiż fejn jitwettaq ix-xogħol, iżda wkoll dak li minnu l-ħaddiem jopera.

29      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-cour d’appel tal-Lussemburgu ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola fuq il-kunflitt iddefinita fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tad-19 ta’ Ġunju 1980, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, li tiddikjara li l-kuntratt ta’ xogħol huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn l-impjegat, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li fil-każ fejn il-ħaddiem iwettaq ix-xogħol f’diversi pajjiżi, iżda li b’mod sistematiku jirritorna f’wieħed minnhom, dan il-pajjiż għandu jiġi kkunsidrat bħala dak li fih il-ħaddiem issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu?”

 Fuq id-domanda preliminari

30      Peress li d-domanda saret minn qorti tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Ewwel Protokoll dwar il-Konvenzjoni ta’ Ruma, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004.

31      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, huwa neċessarju li tiġi interpretata r-regola stabbilita fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, b’mod partikolari l-kriterju tal-pajjiż fejn il-ħaddiem “abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”.

32      F’dan ir-rigward, għandu jingħad, hekk kif ġustament ġie osservat mill-Kummissjoni, li dan il-kriterju għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, fis-sens li l-kontenut u l-portata ta’ din ir-regola tar-rinviju ma tistax tkun iddeterminata fuq il-bażi tad-dritt tal-qorti li tressqet il-kawża quddiemha, iżda għandha tiġi stabbilita b’mod uniformi u awtonomu sabiex jiżguraw l-effettività sħiħa tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fid-dawl tal-għanijiet tagħha (ara, b’analoġija, sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993 Mulox IBC, C‑125/92, Ġabra p. I‑4075, punti 10 u 16).

33      Barra minn dan, tali interpretazzjoni ma għandhiex tinjora dik dwar il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell billi jiffissaw ir-regoli għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni għall-istess oqsma u jistabbilixxu kunċetti simili. Fil-fatt, jirriżulta mill-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Ruma li din ġiet konkluża sabiex jitkompla, fil-qafas tad-dritt internazzjonali privat, ix-xogħol ta’ armonizzazzjoni ġuridika mibdi permezz tal-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, ICF, C‑133/08, Ġabra p. I‑9687, punt 22).

34      Fir-rigward tal-kontenut tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandu jiġi mfakkar li jistabbilixxi regoli speċjali ta’ kunflitt relatati mal-kuntratti individwali ta’ xogħol. Dawn ir-regoli jvarjaw minn dawk ta’ natura ġenerali previsti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din il-konvenzjoni, li jirrigwardaw rispettivament il-libertà fl-għażla tal-liġi applikabbli u l-kriterji ta’ determinazzjoni ta’ din fin-nuqqas ta’ tali għażla.

35      L-Artikolu 6(1) ta’ din il-konvenzjoni jillimita l-libertà tal-għażla tal-liġi applikabbli. Huwa jipprovdi li l-partijiet kontraenti ma jistgħux, bi ftehim bejniethom, jeskludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mandatorji tad-dritt li jirregolaw il-kuntratt fin-nuqqas ta’ tali għażla.

36      L-Artikolu 6(2) tal-istess konvenzjoni jistabbilixxi kriterji speċifiċi ta’ konnessjoni li huma jew dak tal-pajjiż fejn il-ħaddiem “abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” [Artikolu 6(2)(a)] jew, fin-nuqqas ta’ tali post, dak tas-sede “tan-negozju li minnu jkun tqabbad” [Artikolu 6(2)(b)]. Barra minn dan, dan il-paragrafu jipprovdi li dawn iż-żewġ kriterji ta’ konnessjoni ma humiex applikabbli meta jidher miċ-ċirkustanzi kollha li l-kuntratt ta’ xogħol għandu rabtiet iktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ il-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor huwa applikabbli.

37      Fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, il-qorti tal-appell tal-Lussemburgu, essenzjalment tistaqsi, liema mill-ewwel żewġ kriterji huwa applikabbli għall-kuntratt tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38      Skont l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma li l-ipoteżi msemmija fid-domanda preliminari, li tirrigwarda x-xogħol fis-settur tat-trasport, hija dik li tirreferi għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(2)(b). Li tiġi ammessa l-applikazzjoni lil tali kuntratt tar-regola ta’ konnessjoni prevista fl-Artikolu 6(2)(a) itellef mis-sens tal-Artikolu 6(2)(b), li jirreferi preċiżament għall-każ fejn il-ħaddiem ma jwettaqx normalment ix-xogħol tiegħu fl-istess pajjiż.

39      Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li l-interpretazzjoni sistematika tal-kriterju tal-post fejn il-ħaddiem “abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” wasslet biex tippermetti l-applikazzjoni ta’ din ir-regola wkoll f’sitwazzjonijiet fejn il-kuntratt ta’ xogħol huwa mwettaq f’numru ta’ Stati Membri. B’mod partikolari, huma josservaw li, għall-identifikazzjoni konkreta ta’ dan il-post, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-post minn fejn il-ħaddiem iwettaq prinċipalment l-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjega (sentenza Mulox IBC, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 sa 23) jew fil-post fejn huwa stabbilixxa ċ-ċentru effettiv tal-attivitajiet professjonali tiegħu (sentenza tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten, C‑383/95, Ġabra p. I‑57, punt 23), jew, fin-nuqqas ta’ uffiċċju fil-post fejn il-ħaddiem iwettaq il‑biċċa l-kbira mix-xogħol tiegħu (sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Weber, C‑37/00, Ġabra p. I‑2013, punt 42).

40      F’dan ir-rigward, jirriżulta mir-rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, ta’ M. Giuliano u P. Lagarde (ĠU 1980, C 282, p. 1), li l-Artikolu 6 ta’ din ġie maħsub biex “tingħata leġiżlazzjoni iktar xierqa fl-oqsma fejn l-interessi ta’ wieħed mill-kontraenti ma jkunux fuq l-istess livell bħal dawk tal-parti l-oħra u sabiex [hekk] tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-parti li hija kkunsidrata, mill-punt soċjo-ekonomiku, bħala l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni kuntrattwali”.

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja ispirat ruħha wkoll minn dawn il-prinċipji fl-interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni dwar dawn il-kuntratti li huma ffissati mill-Konvenzjoni ta’ Brussell. Hija fil-fatt iddeċidiet li, f’każ fejn, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, il-ħaddiem iwettaq l-attivitajiet professjonali tiegħu f’iktar minn Stat kontraenti wieħed, huwa importanti li jittieħed kont tal-interess li tiġi żgurata protezzjoni adegwata għall-ħaddiem bħala l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rutten, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, u tal-10 ta’ April 2003, Pugliese, C‑437/00, Ġabra p. I‑3573, punt 18).

42      Minn dan isegwi li, sa fejn l-għan tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma huwa li jiżgura protezzjoni adegwata għall-ħaddiema, din id-dispożizzjoni għandha tinqara bħala li tiggarantixxi l-applikabbiltà tal-liġi tal-Istat li fih iwettaq l-attivitajiet professjonali tiegħu iktar milli dak tal-Istat tas-sede tal-persuna li timpjega. Fil-fatt, huwa f’dan l-ewwel Stat li l-ħaddiem iwettaq l-funzjoni ekonomika u soċjali tiegħu u, hekk kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-ambjent professjonali u politiku jinfluwenza l-attività tax-xogħol. Għalhekk, ir-rispett tar-regoli ta’ protezzjoni tax-xogħol previsti mid-dritt ta’ dan il-pajjiż għandhom, fejn possibbli, ikunu ggarantiti.

43      Għalhekk, minħabba l-għan imfittex mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju tal-pajjiż fejn il-ħaddiem “abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, stabbilit fl-Artikolu 6(2)(a), għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, waqt li l-kriterju tas-sede “tan-negozju li minnu jkun tqabbad” previst fl-Artikolu 6(2)(b), għandu japplika meta l-qorti ma hijiex kapaċi tiddetermina l-pajjiż ta’ eżekuzzjoni abitwali tax-xogħol.

44      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-kriterju fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jista’ jiġi applikat ukoll f’każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ħaddiem iwettaq l-attivitajiet tiegħu f’iktar minn Stat kontraenti wieħed, meta huwa possibbli għall-qorti li tiddetermina l-Istat li miegħu x-xogħol għandu rabta sinjikattiva.

45      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li tibqa’ rilevanti fl-analiżi tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, meta s-servizz ta’ xogħol jitwettaq f’iktar minn Stat Membru wieħed, il-kriterju tal-pajjiż li fih abitwalment jitwettaq ix-xogħol għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesa’ u għandu jiġi mifhum li jirreferi għall-post li fih jew li minnu l-ħaddiem effettivament iwettaq l-attivitajiet professjonali tiegħu u, li fin-nuqqas ta’ ċentru ta’ kummerċ, fil-post fejn dan iwettaq il‑biċċa l-kbira mill-attivitajiet tiegħu.

46      Barra minn dan, din l-interpretazzjoni hija konsistenti wkoll mal-kliem tad-dispożizzjoni l-ġdida dwar ir-regoli ta’ kunflitt dwar il-kuntratti individwali ta’ xogħol, introdotti bir-Regolament Nru 593/2008, li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ ratione temporis. Din il-liġi tibqa’ wkoll applikabbli meta l-ħaddiem iwettaq servizzi temporanji fi Stat ieħor. Barra minn dan, hekk kif indikat mill-premessa 23 ta’ dan ir-regolament, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija ggwidata mill-prinċipji favor laboratoris billi l-partijiet l-iktar dgħajfa fil-kuntratt għandhom ikunu protetti “permezz ta’ regoli ta’ konflitt li huma aktar favorevoli”.

47      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-qorti tar-rinviju għandha tinterpreta b’mod wiesa’ il-kriterju ta’ konnessjoni stabbilit fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma sabiex tiddetermina jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali wettaqx abitwalment ix-xogħol tiegħu f’wieħed mill-Istati kontraenti u sabiex jiddeċiedi f’liema wieħed minnhom.

48      Għal dan il-għan, fid-dawl tan-natura tax-xogħol fis-settur tat-trasport internazzjonali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju, kif kien issuġġerit mill-Avukat Ġenerali fil-punti 93 sa 96 tal-konklużjonijiet tagħha, għandha tikkunsidra l-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-attività tal-ħaddiem.

49      B’mod partikolari, din għandha tiddetermina f’liema Stat jinsab il-post minn fejn il-ħaddiem iwettaq it-trasport, jirċievi struzzjonijiet dwar il-missjoni tiegħu u jorganizza xogħlu, kif ukoll il-post fejn jinsab l-għodda tax-xogħol. Hija għandha wkoll tivverifika liema huma l-postijiet fejn it-trasport isir prinċipalment, il‑postijiet tal-ħatt tal-merkanzija kif ukoll il-post fejn il-ħaddiem jirritorna insegwitu għall-missjonijiet tiegħu.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula huwa li l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jiġi interpretat fis‑sens li, fil-każ fejn il-ħaddiem jeżerċita l-attività tiegħu f’iktar minn Stat kontraenti wieħed, il-pajjiż fejn il-ħaddiem, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment jaħdem fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa dak fejn jew li minnu, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw din l-attività, il-ħaddiem iwettaq il‑biċċa l-kbira mill-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-ħaddiem jeżerċita l-attività tiegħu f’iktar minn Stat kontraenti wieħed, il-pajjiż fejn il-ħaddiem, fl-eżekuzzjoni tal‑kuntratt, abitwalment jaħdem fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa dak fejn jew li minnu, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw din l‑attività, il-ħaddiem iwettaq il-biċċa l-kbira mill-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.