Language of document : ECLI:EU:F:2009:42

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

30 ta’ April 2009

Kawża F-30/07

Lidia Noworyta

vs

Il-Parlament Ewropew

“Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l‑Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Noworyta qiegħda titlob l‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑Parlament, tat‑28 ta’ April 2006, li tiċħad il‑proposta tas‑superjur ġerarkiku tagħha, tal‑20 ta’ Ottubru 2005, u li tiċħad li tagħti lir‑rikorrenti l‑allowance b’rata fissa għal sahra, fis‑sens tal‑Artikolu 3 tal‑Anness VI tar‑Regolamenti tal‑Persunal; bħala alternattiva għall‑ħlas ta’ din l‑allowance, ir‑rikorrenti qiegħda titlob il‑ħlas ta’ kull kumpens ieħor, jew taħt l‑Artikolu 56a jew taħt l‑Artikolu 56b tar‑Regolamenti tal‑Persunal.

Deċiżjoni: Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża F-30/07, Noworyta vs Il-Parlament, li għandha tiġi mħassra mir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

Proċedura – Rikorrent li t-talba tiegħu ntlaqgħet wara l-preżentata tar-rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 75)

Il-qorti Komunitarja tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax iċ-ċaħda fuq il‑mertu ta’ rikors għal annullament, jew, b’analoġija, il‑konstatazzjoni li rikors tilef l‑iskop tiegħu u li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il‑fondatezza tiegħu mingħajr ma tkun iddeċidiet minn qabel dwar l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill‑konvenut.

Dan japplika meta t‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, f’kawża preċedenti, ikun diġà ddeċieda dwar il‑mertu, favur ir‑rikorrent fil‑kawża li jkollu quddiemu u meta, matul is‑seduta u bi tweġiba għal mistoqsija tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku fil‑kuntest ta’ din it‑tieni kawża, il‑partijiet ikunu ddikjaraw li, jekk ir‑rikors fl‑ewwel kawża jiġi ddikjarat ammissibbli u t‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku jiddeċiedi dwar il‑mertu, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni fit‑tieni kawża.

(ara l‑punti 5 sa 8)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 51 u 52; 23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑233/02, Ġabra p. I‑2759, punt 26;

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 155;

It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku 8 ta’ April 2008, Bordini vs Il‑Kummissjoni, F‑134/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 56; 28 ta’ April 2009, Balieu‑Steinmetz u Noworyta vs Il‑Parlament, F‑115/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000