Language of document : ECLI:EU:C:2011:401

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JULIANE KOKOTT

ippreżentati fis-16 ta’ Ġunju 2011 (1)

Kawża C-139/10

Prism Investments BV

vs

J. A. Van der Meer, bħala amministratur tal-falliment ta’ Arilco Holland BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il‑Pajjizi l-Baxxi))

“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji – Motivi għar-rifjut – Mezzi ta’ difiża fuq il-mertu li jikkonċernaw id‑dritt stabbilit minn titolu”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni f’din il-kawża tirrigwarda r‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2). Din tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-qrati tal-Istat li tkun saritlu t‑talba jistgħux, fil-kuntest ta’ rikors kontra dikjarazzjoni b’saħħa eżekuttiva, jeżaminaw motiv ta’ difiża invokat mid-debitur mill-fatt li huwa jkun issodisfa l‑obbligi imposti mid-deċiżjoni ta’ qorti barranija wara li tingħata din id-deċiżjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

2.        Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001 jirrigwarda r-regoli dwar ir‑rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi.

3.        L-Artikolu 38(1) jikkonċerna l-infurzar tas-sentenzi:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

4.        Skont l-Artikolu 41, is-sentenza għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli immedjatament mat-twettiq tal-formalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 53, mingħajr xi reviżjoni permezz tal-Artikoli 34 u 35. Il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l‑eżekuzzjoni ma għandhiex f’dan l-istadju tal-proċeduri tkun intitolata li tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni. L-Artikolu 43 jippermetti lil kull parti li tappella kontra s-sentenza dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà.

5.        L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001, li jirrigwarda l-proċedura tal-appell, jgħid:

“1. Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l‑Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il‑bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35. Din għandha tagħti d-deċiżjoni mingħajr dewmien.

2. Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ tiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is‑sustanza tagħha.”

6.        L-Artikolu 34 jgħid:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1)      jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija [l-ordni] pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

2)      meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut [notifikat] bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s‑sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk;

3)      jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

4)      jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”

7.        L-Artikolu 35 jgħid:

“1.      Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.      Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.      Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

III – Il-fatti u t-talba preliminari

8.        B’sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell (il‑Belġju) ikkundanant lil SA Prism Investments (iktar ’il quddiem “Prism”) biex tħallas lill-kumpannija Arilco Holland B.V. (iktar ’il quddiem “Arilco”) is-somma ta’ EUR 1 048 230.30.

9.        F’Awwissu 2007, Arilco ġiet iddikjarata falluta u mqiegħda taħt il-kontroll ta’ J. A. van der Meer, bħala amministratur tal-falliment. Fit-3 ta’ Settembru 2007, dan tal-aħħar talab lir-Rechtbank ’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex jiddikjara, abbażi tal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001, l-inforzabbiltà tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, sabiex tkun tista’ tiġi eżegwita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din it-talba ġiet milqugħa.

10.      Permezz ta’ appell abbażi tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001, Prism talbet l-annullament tad-dikjarazzjoni tal-eżekuzzjoni billi allegat li hija kienet diġà eżegwiet, permezz ta’ kumpens, il-kundanna stabbilita fis-sentenza ddikjarata eżekuttiva.

11.      B’sentenza tat-22 ta’ Lulju 2008, ir-Rechtbank ċaħdet l-appell minħabba li, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001, dikjarazzjoni dwar il-forza eżekuttiva tista’ tiġi revokata biss għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament. It-twettiq tal-obbligi inkwistjoni ma jifformax parti minn dawn ir-raġunijiet u ma jistax għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell kontra d-dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-forza eżekuttiva, iżda biss fl-istadju ulterjuri tal-eżekuzzjoni attwali.

12.      Prism irrispondiet għal din is-sentenza b’appell fil-kassazzjoni quddiem il‑Hoge Raad der Nederlanden, li hija l-Qorti tar-Rinviju. Din il-qorti ssospendiet il-kawża quddiemha u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprekludi lil qorti adita b’rikors previst fl-Artikolu 43 u 44 ta’ dan ir-regolament milli tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva minħabba motiv li huwa differenti minn dawk previsti fl-Artikoli 34 u 35 tar-Regolament, li huwa invokat kontra l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ddikjarata eżekuttiva u li ġie invokat wara li din id-deċiżjoni ngħatat, bħall-motiv li din id-deċiżjoni diġà ġiet eżegwita?”

13.      Kummenti bil-miktub ġew ippreżentati fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-amministratur tal-falliment ta’ Arilco, mill-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Isvezja u tar-Repubblika Ċeka, mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l‑Baxxi, tar-Repubblika Ċeka u tal-Ġermanja kif ukoll il-Kummissjoni, attendew il-proċedura orali tal-10 ta’ Frar 2011.

IV – Evalwazzjoni

14.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni jekk l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ mezzi ta’ difiża fuq il-mertu invokati mid-debitur fi proċedura ta’ infurzar. Bil-kliem “mezz ta’ difiza fuq il-mertu”, għandhom jinftiehmu mezzi ta’ difiża li jidhru wara l‑istabbiliment tat-titolu u li jirrendu obsolet id-dritt rikonoxxut minn dan it-titolu. Dan jista’ jkun, pereżempju, ħlas jew kumpens. Huwa għalhekk li d-debitur fil-kawża prinċipali jsostni li l-obbligu fi flus impost mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell diġà ġie eżegwit fl-intervall permezz ta’ kumpens. F’dan l‑istadju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-argument ibbażat fuq il-kumpens huwiex ammissibbli fi proċedura ta’ appell kontra l-infurzar.

15.      Qabel ma’ tiġi ttrattata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi eżaminat argument tal-Gvern tar-Renju Unit dwar in‑natura eżegwibbli tas-sentenza inkwistjoni.

A –    In-natura eżegwibbli tas-sentenza fis-sens tal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001.

16.      Ir-Renju Unit jemmen li l-osservanza tad-dritt stabbilit fis-sentenza li għandha tiġi eżegwita ittellef lil din is-sentenza min-natura eżegwibbli tagħha fl-Istat tal-oriġini, u għalhekk jopponi d-dikjarazzjoni ta’ infurzar.

17.      Għandu jiġi konċess lir-Renju Unit li n-natura eżegwibbli tas-sentenza fl-Istat tal-oriġini tikkostitwixxi kundizzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fl-Istat Membru mitlub (3). Qabel kollox dan jirriżulta mill-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001, li jgħid li s-sentenzi deċiżi fi Stat Membru “u li huma eżegwibbli” jistgħu jiġu implementati fi Stat Membru ieħor (4). Barra minn hekk, huwa minnu li ma hemm ebda ħtieġa li jiġu assenjati lil sentenza, fl-eżekuzzjoni tagħha, konsegwenzi ġuridiċi li din ma jkollhiex fl-Istat Membru tal-oriġini tagħha (5).

18.      Madankollu, is-sempliċi fatt li pretensjoni tkun fondata fuq titolu bl-ebda mod ma’ jnaqqas min-natura eżegwibbli tas-sentenza u dan lanqas ma jwassal għar-rikonoxximent lilha, fl-eżekuzzjoni tagħha f’pajjiż barrani, ta’ konsegwenzi ġuridiċi li din ma għandhiex fl-Istat tal-oriġini.

19.      Fil-fatt, it-terminu “eżegwibbli” imsemmi fl-Artikolu 38 tar-regolament jirrigwarda biss in-natura eżegwibbli mill-aspett formali, tas-sentenzi barranin (6). Din il-karatteristika hija nieqsa, pereżempju, meta s-sentenza tiġi appellata jew meta tkun għadha tista’ tiġi appellata, jekk din ma tkunx ġiet iddikjarata provviżorjament eżegwibbli (7).

20.      Għalhekk, fil-kawża Apostolides, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑possibbiltajiet effettivi ta’ eżekuzzjoni fl-Istat tal-oriġini huma irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni tan-“natura eżegwibbli”. Il-fatt li r-rikorrenti setgħu jsibu xi diffikultajiet sabiex jeżegwixxu s-sentenzi inkwistjoni fiż-żona ta’ fuq ta’ Ċipru ma jistax ineħħi n-natura eżegwibbli tagħhom u, għaldaqstant, ma jipprekludix lill-qrati tal-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza milli jiddikjaraw lil dawn is-sentenzi eżekuttivi (8).

21.      Għall-istess raġuni, għandha titwarrab, għaliex irrilevanti għall-kwistjoni dwar l-eżistenza tan-natura eżegwibbli skont l-Artikolu 38 tar-regolament, il‑kwistjoni dwar jekk il-fatt li d-dejn huwa estint fl-Istat tal-oriġini jistax jipprekludi l-eżekuzzjoni attwali. In-natura eżegwibbli ma tispiċċax awtomatikament mill-fatt li l-obbligu impost mis-sentenza ġudizzjarja jkun ġie sodisfatt.

22.      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit, l‑eżekuzzjoni permezz ta’ kumpens ma hijiex ikkontestata f’dan il-każ. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-amministratur tal-falliment ta’ Arilco ċaħad dan bil-qawwa. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni legali tal-allegat kumpens tidher kumplessa ħafna. Il-kwistjoni jekk dan il-kumpens issodisfax l-obbligu għandha, qabel kollox, ukoll tiġi ċċarata b’mod jew ieħor minn qorti tal-Istat tal-oriġini. Għalhekk f’dan l-istadju għandu jitqies li dan il-kumpens ma jġibx fi tmiemhom awtomatikament, anki fl-Istat tal-oriġini, il-konsegwenzi ġuridiċi tas-sentenza li għandha tiġi eżegwita.

23.      Għalhekk, in-natura eżegwibbli formali tas-sentenza skont l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001 tibqa’, minkejja li jiġi sodisfatt l-obbligu invokat mid-debitur (9). Wara l-argument tar-Renju Unit, jinħass it-tħassib li d-debitur ma jkunx imġiegħel li jħallas id-dejn għat-tieni darba. Huwa għalhekk importanti li qabel kollox jiġi enfasizzat li l-inammissibbiltà, fil-proċeduri għall-infurzar, tal-argument ibbażat fuq it-twettiq tal-obbligu inkwistjoni ma tfissirx li tista’ tittieħed azzjoni diversi drabi fil-konfront tad-debitur, mingħajr ebda protezzjoni.

24.      Fil-fatt, il-kwistjoni ma hijiex jekk it-twettiq tal-obbligu jistax jipprekludi l‑eżekuzzjoni, iżda biss jekk dan jistax isir diġà fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-infurzar mill-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-appell fl-Istat mitlub.

B –    Il-portata tal-istħarrġ eżerċitat mill-qorti li qed tisma’ l-appell, l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001

25.      Skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz tal-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati fl-Artikoli 34 u 35.

26.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikoli 34 jew 35 tar-Regolament Nru 44/2001 ma hija rilevanti fil-kawża prinċipali. Id‑debitur huwa fil-fatt limitat li jinforza l-estinzjoni permezz tal-kumpens tad-dejn li għalih is-sentenza ġudizzjarja eżekuttiva tifforma titolu.

27.      Għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk dan l-argument jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti li qed tisma’ l-appell.

1.      Interpretazzjoni litterali

28.      Il-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jeskludi b’mod speċifiku t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ raġunijiet oħra għajr dawk indikati fl-Artikoli 34 u 35 tar-regolament. Fil-fatt, dan jipprovdi li l-qorti “għandu” jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni “biss”(10) għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikoli 34 u 35. Il-motiv tad-difiża bbażat fuq it‑twettiq tal-obbligu ma jidhirx f’dawn l-Artikoli.

29.      Il-portata limitattiva tal-Artikolu 45 hija msaħħa mill-Premessa 18, li tgħid li l-konvenut jista’ jappella jekk jikkunsidra li “wieħed mir-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni li jkunu preżenti” (11). Il-fatt li r-Regolament Nru 44/2001 ma jitkellimx dwar “raġuni ta’ non-eżekuzzjoni” juri li dan iqis li r-raġunijiet għal rifjut huma elenkati b’mod eżawrjenti fir-regolament u li ċ-ċaħda tista’ tkun ibbażata biss fuq waħda mir-raġunijiet stabbiliti.

2.      Is-sistema preċedenti, skont il-Konvenzjoni ta’ Brussell

30.      L-Istati Membri li f’dan il-każ jargumentaw favur it-teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunijiet tad-difiża bbażati fuq it-twettiq tal-obbligu jirreferu għaż-żewġ rapporti ta’ spjegazzjoni mehmuża mal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li ppreċeda lir-Regolament Nru 44/2001 f’dan il-qasam. Dawn ir‑rapporti jikkonfermaw – għalkemm mingħajr ma jippreċiżaw ir-raġunijiet għalfejn – li l-appell stabbilit fl-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jista’, fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar, ikun ibbażat fuq l-argument li d-dejn ikun diġà tħallas (12).

31.      Madankollu, ir-referenza għal din l-opinjoni legali dwar is-sistema preċedenti għar-Regolament Nru 44/2001 ma hijiex waħda konvinċenti. Fil-fatt, ir-rapporti ta’ spjegazzjoni mehmuża flimkien mal-Konvenzjoni ta’ Brussell jistgħu jiġu invokati insostenn tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 biss sa kemm it-test u t-tifsira tar-regolament imsemmi jkunu jaqblu ma’ dawk tal-konvenzjoni.

32.      Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 45(1). Fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-proċedura tal-appell kontra d-dikjarazzjoni ta’ infurzar kienet irregolata mill-Artikolu 36, li ma kienx jipprovdi, għall-portata tal-istħarriġ eżerċitat fil-kuntest tal-proċedura tal-appell, restrizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti mit-termini “għandu […] biss” użati fl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001. Diversament mir-Regolament, il-Konvenzjoni kienet tipprevedi, sa mill-ewwel stadju tal-proċedura ta’ infurzar, verifikazzjoni mill-qorti tar-raġunijiet għaċ-ċħid tal-infurzar. Din kienet l-unika restrizzjoni tal-portata tal-istħarriġ li hija paragunabbli mal-Artikolu 45 attwali (13). Min-naħa l‑oħra, għall-proċedura tal-appell, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, ma kienet tgħid xejn dwar l-iskop u l-portata tal-istħarriġ.

33.      Irrispettivament mill-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, huwa ċar li l‑proċedura tal-infurzar stabbilita fir-Regolament Nru 44/2001 hija differenti minn dik stabbilita mill-konvenzjoni. L-għan ċentrali tas-sistema l-ġdida stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001 huwa li titħaffef u tiġi fformalizzata l-proċedura tal-infurzar (14).

34.      Kemm il-proċedura tal-infurzar kif ukoll ir-raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ġew riveduti bir-reqqa (15). Il-bidla deċiżiva hija li matul l-ewwel fażi tad-dikjarazzjoni tal-infurzar, il-qorti ma tistħarriġx iktar ir‑raġunijiet għar-rifjut. Ir-Regolament Nru 44/2001 jippermetti biss li jiġu mistħarrġa r-raġunijiet għar-rifjut fil-kuntest tal-proċedura tal-appell. Dawn il‑bidliet li saru permezz tar-regolament ippermettew ir-razzjonalizzazzjoni u l‑aċċellerazzjoni fi grad sinjifikanti l-proċedura tal-infurzar.

35.      Għandu jiġi nnotat ukoll li, fil-kummentarju tiegħu tar-Regolament Nru 44/2001, l-awtur ta’ wieħed miż-żewġ rapporti ta’ spjegazzjoni fuq il‑Konvenzjoni ta’ Brussell telaq mill-perspettiva li huwa kien iddefenda dwar din il-Konvenzjoni sabiex jaqbel mat-teżi li r-raġunijiet ta’ difiża fuq il-mertu huma inammissibbli fi proċedura taħt l-Artikoli 43 u s-segwenti tar-regolament, filwaqt li l-protezzjoni legali tad-debitur tista’ b’mod kuntrarju tiġi żgurata wkoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni proprja (16).

36.      Id-differenzi msemmija iktar ’il fuq bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u r‑Regolament Nru 44/2001 huma diġà biżżejjed biex jiġi eskluż li wieħed jista’ jasal għal konklużjonijiet utli għal dan il-każ mis-sentenza Coursier (17), invokata b’mod partikolari mill-Gvern tar-Renju Unit.

37.      Din il-kawża kienet tikkonċerna l-kwistjoni jekk deċiżjoni mogħtija fi proċedura ta’ likwidazzjoni setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tal-infurzar ta’ deċiżjoni li tordna l-ħlas mogħtija fi Stat Membru ieħor. B’mod konkret, din kienet tirrigwarda l-eżekuzzjoni fil-Lussemburgu ta’ deċiżjoni li tordna l-ħlas adottata fi Franza. Wara din l-aħħar sentenza, sentenza oħra fi Franza kienet iddikjarat l-għeluq tal-likwidazzjoni ġudizzjarja tad-debitur minħabba insuffiċjenza fl-assi. Dan kellu l-konsegwenza fid-dritt Franċiż li d‑deċiżjoni li tordna l-ħlas ma setgħetx tiġi eżegwita iktar fi Franza.

38.      Għalhekk qamet il-kwistjoni jekk kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-Lussemburgu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar, l-impossibbiltà ta’ infurzar fi Franza wara deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ likwidazzjoni. F’dan ir-rigward, il‑Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din kienet tirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-effetti ta’ sentenza fi proċedura ta’ likwidazzjoni barranija, jiġifieri f’qasam espressament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Hija l-qorti tal-Istat mitlub, fil-kuntest ta’ appell ippreżentat b’mod konformi mal-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li għandha tiddetermina, skont il-liġi tagħha stess, inkluż ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat, liema huma l-effetti legali ta’ sentenza ġudizzjarja fl-Istat mitlub (18).

39.      Jidher li huwa eskluz li din id-dikjarazzjoni tiġi trasposta tali kwali f’dan il‑każ. Ċertament, fil-kunsiderazzjonijiet introduttivi tas-sentenza tagħha Coursier, il-Qorti tal-Ġustizzja qajmet ukoll il-possibbiltà tal-ħlas tad-dejn fir-rigward tal-impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija (19). Madankollu, hekk kif rajna u hekk kif ġustament enfasizza l-Gvern Svediż, il-każ konkret kien jikkonċerna l‑qasam speċifiku li huwa d-dritt tal-likwidazzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, ma jistax jiġi preżunt li b’din ir-referenza inċidentali għal ħlas tad-dejn, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tiddeċiedi l-kwistjoni tal-motiv tad-difiża bbażat fuq is‑sodisfazzjoni tal-obbligu. B’hekk, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għall-kawża preżenti, b’mod partikolari minħabba d-differenzi msemmija iktar ’il fuq bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001.

3.      Interpretazzjoni teleoloġika

40.      Għaldaqstant, minbarra mit-termini tagħha, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 tista’ tiġi ddeterminata biss mis-sens u mill-għan tal-proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzar stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001.

41.      Ir-Regolament Nru 44/2001 irid jassigura l-moviment liberu tas-sentenzi adottati fl-Istati Membri fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali billi jissimplifika l‑formalitajiet għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tagħhom b’mod rapidu u sempliċi (20). Dan jirriżulta b’mod partikolari mit-tieni, mis-sitt, mis-sittax u mis-sbatax-il premessa tiegħu. Il-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni tiġġustifika li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu rikonoxxuti b’mod sħiħ, mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura partikolari, ħlief f’każijiet ta’ kontestazzjoni (21).

42.      Kif tenfasizza l-premessa sbatax tar-Regolament Nru 44/2001, din il‑fiduċja reċiproka tiġġustifika li l-proċedura intiża sabiex tingħata sentenza eżekuttiva tkun effettiva u rapida: għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni relattiva għas-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni għandha, fl-ewwel stadju tal-proċedura, tingħata b’mod kważi awtomatiku, wara sempliċi kontroll formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm il-possibbiltà li l-qorti tqajjem ex officio xi waħda mir-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni stabbiliti mir-regolament. Ir-raġunijiet għal rifjut jistgħu jiġu eżaminati biss fil-proċedura tal-appell.

43.      Ix-xewqa ta’ deċiżjoni rapida tirriżulta wkoll mit-tieni sentenza tal-Artikolu 45(1) li timponi fuq il-qorti li qed tisma’ l-appell l-obbligu li tiddeċiedi f’qasir żmien.

44.      F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni li sentenza li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tiġi miċħuda jew irrevokata abbażi tal-Artikolu 45 tikkostitwixxi eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (22).

45.      Min-naħa l-oħra, biex tasal għal rikonoxximent u eżekuzzjoni “rapidu u sempliċi” (23) tas-sentenzi, hemm bżonn żewġ elementi: min-naħa waħda, li l‑proċedura ta’ infurzar tiġi implementata b’mod rapidu u sempliċi u, min-naħa l‑oħra, li tkun uniformi fl-Unjoni kollha.

46.      Dawn il-prinċipji ma humiex kompatibbli mat-teħid inkunsiderazzjoni fi proċedura ta’ infurzar ta’ motiv ta’ difiża bbażat fuq it-twettiq tal-obbligu.

47.      Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ motivi ta’ difiża fuq il-mertu fil-kuntest tal-proċedura tal-infurzar tista’ biss tipperikola, tikkomplika u ttawwal il‑proċeduri. Din il-kawża tikkostitwixxi eżempju tajjeb. L-argument oppost mid-debitur kontra d-dikjarazzjoni tal-infurzar huwa bbażat fuq l-allegat regolament tad-dejn ikkontestat permezz ta’ kumpens. Madankollu, f’osservazzjonijiet bil-miktub, l-amministratur tal-falliment ikkontesta dan il-kumpens b’mod dettaljat. Għalhekk, ir-risposta għall-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-kumpens humiex sodisfatti ma hija la sempliċi u lanqas rapida u tista’ teħtieġ proċedura kbira ta’ kjarifika tal-fatti relattivi għall-ammont riċevibbli li kontrih sar il-kumpens. Min-naħa l-oħra, il-qorti Olandiża tista’ tkun ukoll kostretta li tirreferi għal opinjoni ta’ espert dwar il-kundizzjonijiet u l-konsegwenzi ta’ kumpens taħt il-liġi Belġjana.

48.      Barra minn hekk, l-investigazzjoni ta’ spiss meħtieġa biex ikun jista’ jiġi evalwat motiv ibbażat fuq it-twettiq tal-obbligu ma hijiex konsistenti mal-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 45 tar-regolament. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-qrati kompetenti skont ir-regolament huma bħala regola ġenerali qrati tal-appell (24), pereżempju l-Oberlandesgerichte għall-Ġermanja. Kieku xi motivi ta’ difiża fuq il-mertu kienu aċċettati fi proċedura ta’ infurzar, id‑deċiżjoni fuq dawn il-motivi kienet tittieħed fl-ewwel istanza minn dawn il‑qrati. Minbarra li din hija kuntrarja għas-sistema, din iċċaħħad lill-partijiet minn istanza quddiem il-qorti li tiddeċiedi dwar il-fatti.

49.      L-argument tal-ekonomija tal-proċedura, invokat b’mod partikolari mill-Gvern Ġermaniż, lanqas ma huwa adatt sabiex isostni din l-argumentazzjoni bbażata fuq l-effettività tal-proċedura ta’ infurzar.

50.      L-oġġezzjoni bbażata fuq l-ekonomija proċedurali essenzjalment tgħid li l‑partijiet ma għandhomx jagħmlu żewġ proċeduri jekk jitħallew jinvokaw motivi ta’ difiża fuq il-mertu fil-kuntest tad-dikjarazzjoni ta’ infurzar mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew l-istadju ta’ eżekuzzjoni nnifsu.

51.      Mal-ewwel daqqa t’għajn, dan l-argument jidher plawżibbli. Madankollu, eżami iktar mill-qrib juri li dan japplika biss fil-każ fejn id-debitur jinvoka fl-istess ħin, fil-proċedura tal-appell, wieħed mill-motivi ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent skont l-Artikoli 34 u 35 tar-Regolament Nru 44/2001, u motiv ta’ difiża fuq il-mertu. Huwa biss f’din l-ipoteżi li, f’każ ta’ ċaħda tal-possibbiltà li jiġi invokat il-motiv tad-difiża fuq il-mertu fil-proċedura ta’ infurzar, ikun neċessarju li l-ewwel titlesta l-proċedura tal-appell fuq id-dikjarazzjoni tal-infurzar, u wara titlesta proċedura fil-kuntest tal-eżekuzzjoni. Madankollu, ikun biss rarament li d-debitur jinvoka fl-istess ħin waħda mir-raġunijiet għal rifjut tal‑Artikoli 34 u 35 tar-regolament u l-motiv tad-difiża bbażat fuq it-twettiq tal-obbligu.

52.      Jekk id-debitur jinvoka biss il-motiv tad-difiża bbażat fuq it-twettiq tal-obbligu – bħal f’dan il-każ, fejn id-debitur ma ressaq l-ebda raġuni stabbilita fl-Artikoli 34 u 35 tar-regolament – u jekk dan il-motiv tad-difiża fuq il-mertu jiġi ddikjarat inammissibbli fil-proċedura tal-infurzar, ikun hemm biss proċedura waħda. Jekk il-motiv inkwistjoni jkun iddikjarat inammissibbli fil-proċedura tal-infurzar, id-debitur ma jkollux jappella, iżda jkollu jasserixxi l-oġġezzjonijiet tiegħu unikament u esklussivament fil-kuntest tal-eżekuzzjoni. Għalhekk ikun hemm biss proċedura waħda.

53.      L-affermazzjoni tan-natura eżawrjenti, ikkonfermata mill-kliem tat-test, tal-lista tar-raġunijiet għal rifjut tad-dikjarazzjoni tal-infurzar tippermetti barra minn hekk li tiġi żgurata l-uniformità tal-proċedura fl-Unjoni kollha. B’hekk jiġi evitat li motivi tad-difiża fil-mertu jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fi Stat Membru u mhux f’oħrajn. Tali differenza tmur kontra l-uniformità tal-proċedura tal-infurzar madwar l-Unjoni. Din l-uniformità hija aspett importanti tas-sempliċità u l-prevedibbiltà tal-infurzar ta’ sentenzi ġudizzjarji barra l-pajjiż.

54.      Hekk kif indikat il-Kummissjoni b’mod konklużiv, jekk ir-regolament irid jissimplifika u jirrazzjonalizza l-proċedura tal-infurzar, dan huwa preċiżament biex it-titoli barranin fl-Istat mitlub ikunu ttrattati mill-iktar fis possibbli bħat-titoli nazzjonali. Hemm bżonn li, wara proċedura ta’ infurzar imħaffa u formalizzata, it‑ titoli barranin u dawk nazzjonali jkunu fuq l-istess livell. Il-Gvern Belġjan ukoll enfasizza ġustament li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, it-titoli barranin għandhom sa fejn huwa possibbli jitqiegħdu fuq l-istess pjan bħat-titoli nazzjonali (25). B’hekk, kull diskriminazzjoni fil-konfront ta’ sitwazzjonijiet purament nazzjonali għandha tiġi eskluża. Barra minn hekk, f’sitwazzjonijiet ta’ fatt purament nazzjonali, id-debitur jintbagħat lura għall-proċedura tal-infurzar proprja sabiex jinvoka l-motiv ibbażat fuq it-twettiq tal-obbligu inkwistjoni.

55.      F’dan il-kuntest, għandha tissemma wkoll ir-risposta tal-Gvern Ġermaniż għal domanda li tressqet waqt il-proċedura orali. Biex tkun infurzabbli skont il-liġi Ġermaniża, sentenza teħtieġ l-inklużjoni minn qabel ta’ “klawżola” li tiddikjara n‑natura eżegwibbli. Jekk irridu naraw f’din il-klawżola l-infurzar rikjest f’sitwazzjoni transkonfinali, irridu nistaqsu jekk dawn iż-żewġ każijiet humiex suġġetti għall-istess trattament. Il-Gvern Ġermaniż ikkonċeda li, f’dan ir-rigward, il-liġi Ġermaniża tista’ twassal għal trattament mhux ugwali f’sitwazzjonijiet transkonfinali meta mqabbla mas-sitwazzjonijiet nazzjonali. Fil-fatt, l-argument ibbażat fuq it-twettiq tal-obbligu ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-proċedura Ġermaniża ta’ inklużjoni tal-klawżola tal-infurzar: dan jista’ jiġi invokat biss fl-istadju tal-eżekuzzjoni forzata nnifisha. Min-naħa l-oħra, għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin, il-liġi Ġermaniża tippermetti li fil-kuntest tal-proċedura tal-infurzar jiġi invokat l-argument ibbażat fuq it-twettiq tal-obbligu.

56.      Kif intqal iktar ’il fuq, l-argument tal-ekonomija tal-proċedura ma jistax jiġġustifika din l-inugwaljanza fit-trattament. Għalhekk, il-prinċipju tat-trattament ugwali jirrikjedi li jkunu biss ir-raġunijiet għal rifjut espressament stabbiliti fir-regolament li jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċedura tal-infurzar, peress li l‑motivi ta’ difiża l-oħra huma, l-istess bħas-sentenzi nazzjonali, riżervati għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata nnifisha.

4.      Każ partikolari tal-motivi ta’ difiża mhux ikkontestati – Qrati kompetenti biex jiġu invokati motivi ta’ difiża fil-mertu.

57.      Fil-proċedura prinċipali, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk id-dejn li fuqu ngħatat is-sentenza barranija kienx estint permezz ta’ kumpens. Meta l‑eżekuzzjoni ma tiġix ikkontestata bejn il-partijiet, jew tiġi kkonstatata minn sentenza li saret finali, id-deroga mill-prinċipju tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni fil-proċeduri tal-infurzar tista’ tiġi ġġustifikata, peress li l-motiv ibbażat fuq it-twettiq tal-obbligu ma jista’ jikkawża ebda dewmien f’dawn il‑proċeduri jekk ma jiġix ikkontestat (26). Madankollu, ma hemmx għalfejn nikkummenta dwar dan is-suġġett, peress li din il-kwistjoni ma kinitx is-suġġett ta’ din il-proċedura.

58.      Il-kwistjoni dwar f’liema Stat Membru d-debitur għandu jinvoka l‑argument ibbażat fuq it-twettiq tal-obbligu lanqas ma tifforma parti minn din il‑proċedura. Għandi sempliċiment niddetermina jekk dan l-argument jistax jiġi invokat fil-proċedura tal-infurzar. Il-partijiet kollha li intervjenew fil-proċedura kkunsidraw li l-motiv ibbażat fuq it-twettiq tal-obbligu għandu jiġi invokat, jekk mhux fil-proċedura ta’ infurzar, f’kull każ fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni nnifisha fl-Istat mitlub. Madankollu, hemm ukoll parti mid-duttrina li rridu nirreferu għaliha f’dan ir-rigward, jekk il-ġurisdizzjoni għandhiex tkun riżervata biss għall-qrati tal-Istat tal-oriġini (27). Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tirriżulta mill-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprevedi kompetenza esklussiva tal-qrati tal-Istat mitlub fi “proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi”.

59.      Madankollu, f’dan il-każ ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni fuq din il‑kwistjoni, peress li l-qorti tar-rinviju ma qajmitx din il-problema u għalhekk din ma tifformax parti mill-iskop tal-proċedura. Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja xorta tixtieq teżamina din il-kwistjoni, ikun hemm bżonn, fil-fehma tiegħi, li terġa’ tinfetaħ il-proċedura orali biex tippermetti lill-partijiet interessati li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom.

60.      Fil-qosor, intenni li t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-proċedura tal-appell stabbilita fl-Artikolu 43 et seq tar-Regolament Nru 44/2001, tal-motivi ta’ difiża fuq il-mertu li seħħew wara li tkun ġiet deċiża l-kawża li għandha tiġi eżegwita, u li jikkonċernaw id-dritt stess li għalih din il-kawża hija titolu, iwassal għal proċedura eċċessivament twila u perikoluża, mhumiex kompatibbli mal-mod ta’ kif ir-regolament jikkonċepixxi l-proċedura tal-infurzar. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali motivi ta’ difiża fuq il-mertu.

V –    Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari:

“L-Artikolu 45 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, jipprekludi li l-qorti li għandha appell quddiema skont l‑Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament teżamina motiv ta’ difiża – ikkontestat bejn il-partijiet – li jgħid li d-debitur wettaq l-obbligi imposti mis-sentenza barranija wara li din is-sentenza tkun ġiet deċiża.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


3 – Sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C-420/07, Ġabra p. I-3571, punt 66).


4 – Korsiv tiegħi.


5 – Sentenza Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 66).


6 – Ara, f’dan is-sens, għall-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il‑kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materja ċivili u kummerċjali, l-hekk imsejħa “Konvenzjoni ta’ Brussell”, is-sentenza tad-29 ta’ April 1999, Coursier (C-267/97, Ġabra p. I-2543, punt 29).


7 – Ara l-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-18 ta’ Diċembru 2008 fil-kawża Apostolides, iċċitata iktar ’il fuq.


8 – Sentenza Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 70).


9 – Ara, f’dan ir-rigward, għall-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza Coursier (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 24).


10 – Ara, b’mod partikolari, “only on one of the grounds” fil-verżjoni Ingliża, “nur aus einem der […] Gründe” fil-verżjoni Ġermaniża, “solo per uno dei motivi” fil-verżjoni Taljana u “slechts op een van de […] genoemde gronden” fil-verżjoni Olandiża.


11 – Korsiv tiegħi.


12 – Rapport Jenard dwar il-Konvenzjoni li tikkonċerna l-kompetenza ġudizzjarja u l‑implementazzjoni tas-sentenzi f’materja ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1, 51) u r‑rapport Schlosser dwar il-Konvenzjoni relattiva dwar is-sħubija tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1979, C 59, p. 71, 134).


13 – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 34, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.


14 – Ara t-tieni, is-sitt, is-sittax u s-sbatax-il premessa tar-regolament kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li ser niżviluppa fil-kuntest tal-interpretazzjoni teleoloġika.


15 – Ara Kohler, C., “Systemwechsel im Europäischen Anerkennungsrecht”, f’Baur u Mansel (ed.), Systemwechsel im europäischen Kollisionsrecht, München 2002, p. 147, 150.


16 – Peter F. Schlosser, UE-Zivilprozessrech”, it-tielet edizzjoni, München 2009, Artikolu 43, punt 14.


17 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, Ġabra p. 645).


18 – Sentenza Coursier (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 33).


19 – Ibidem, punt 24.


20 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML (C‑283/05, Ġabra p. I‑12041, punt 23).


21 – Ara l-premessa sittax tar-regolament.


22 – Dwar ir-rifjut tar-rikonoxximent minħabba ksur tal-ordni pubblika, ara s-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C‑7/98, Ġabra p. I‑1935); tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, Ġabra p. I‑2563), u Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).


23 – Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Ara l-Anness III tar-Regolament Nru 44/2001.


25 – Fir-rigward tal-proġetti ta’ riforma li jipprevedu t-tneħħija tal-proċedura tal-infurzar, ara r‑rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (KOM (2009) 174 finali), fejn fil-paġna 4 hemm is-segwenti: “skont il-mandat politiku mogħti mill-Kunsill Ewropew fil-programm ta’ Tampere (1999) u tal-Aja (2004), l-għan ewlieni tar-reviżjoni tar-regolament għandu jkun l-eliminazzjoni tal-proċedura tal-infurzar fl-oqsma kollha koperti mir-regolament.”


26 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Bundesgerichtshof tal-14 ta’ Marzu 2007, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht 2007, p. 445.


27 – Burkhard Hess, “Die Zulässigkeit materiellrechtlicher Einwendungen im Vollstreckbarerklärungsverfahren nach Art. 43 ff. EuGVO”, Praxis des Internationalen Privat- und Verfahtrensrechts, 2008, p. 25, 28.