Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ottubru 2018 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-626/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(2)(a), l-Artikolu 1(2)(b) kif ukoll l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi 1 ;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2018/957/UE ma jistgħux jiġu dissoċjati mill-bqija tad-direttiva mingħajr ma tinbidel is-sustanza tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob l-annullament tad-Direttiva (UE) 2018/957 fit-totalità tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem il-motivi li ġejjin kontra d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2018/957/UE:

motiv ibbażat fuq restrizzjonijiet għall-moviment liberu tas-servizzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini tal-Istati Membri li huma proprjetarji ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak tad-destinatarju tas-servizzi, ipprojbiti skont l-Artikolu 56 TFUE, billi:

timponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu lill-ħaddiema kkollokati r-remunerazzjoni, inklużi r-rati miżjuda għas-sahra, stabbilita konformement mal-leġiżlazzjoni jew mal-prattiki tal-Istat li fih il-ħaddiema huma kkollokati (Artikolu 1(2)(a)),

timponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu lill-ħaddiema kkollokati, bħala prinċipju, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli kollha, stabbiliti konformement mal-leġiżlazzjoni jew mal-prattiki tal-Istati li fih il-ħaddiema huma kkollokati, meta t-tul effettiv tal-kollokament ta’ ħaddiem jew it-tul akkumulat tal-perijodi ta’ kollokament tal-ħaddiema li jissostitwixxu ħaddiema oħrajn għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-istess kompitu, huwa iktar minn tnax-il xahar,u – jekk il-fornitur ta’ servizzi jippreżenta notifika mmotivata – iktar minn tmintax-il xahar (Artikolu 1(2)(b)),

motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1) u tal-Artikolu 62 TFUE, billi d-Direttiva tinkludi, fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri li ma għandhomx bħala għan li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet iddikjarati awtonomi (li tiġi ffaċilitata l-provvista tas-servizzi transkonfinali) iżda miżuri kontra dan l-għan,

motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1) u tal-Artikolu 62 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 58(1) TFUE, billi d-Direttiva kkontestata tapplika għas-settur tat-trasport bit-triq (Artikolu 3(3)).

Ir-Repubblika tal-Polonja b’mod partikolari ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati dwar ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkollokati għandhom bħala għan prinċipali li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi jżidu l-piż tal-fornituri ta’ servizzi, b’mod li jiġi eliminat il-vantaġġ kompetittiv tagħhom li jirriżulta mir-rata ta’ remunerazzjoni iktar baxxa applikabbli fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Il-modifiki introdotti jwasslu għal diskriminazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi transkonfinali. Dawn it-tibdiliet ma humiex iġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari minn kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u ta’ lealtà tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk dawn jikkostitwixxu ksur tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità.

____________

1     ĠU 2018, 9.7.2018, p. 16.