Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundessozialgericht (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Jannar 2019 – ZP vs Bundesagentur für Arbeit

(Kawża C-29/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundessozialgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ZP

Konvenut: Bundesagentur für Arbeit

Domandi preliminari

L-Artikolu 62(1), moqri flimkien mal-Artikolu 62(2), tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ qgħad ta’ ħaddiem, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza għandha tibbaża l-kalkolu tal-benefiċċji fuq il-“paga” li l-persuna kkonċernata tkun “rċeviet” fir-rigward tal-aħħar attività tagħha eżerċitata fit-territorju tal-imsemmija istituzzjoni anki jekk, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-benefiċċji tal-qgħad applikabbli għall-istituzzjoni kompetenti, din il-paga ma tkunx tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minħabba li ż-żmien li matulu tkun ġiet irċevuta ma kienx twil biżżejjed, u sussidjarjament, ikun previst kalkolu tal-benefiċċji fittizju?

L-Artikolu 62(1), moqri flimkien mal-Artikolu 62(2), tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ qgħad ta’ ħaddiem, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza għandha tibbaża l-kalkolu tal-benefiċċji fuq il-“paga” li l-persuna kkonċernata tkun “rċeviet” fir-rigward tal-aħħar attività tagħha eżerċitata fit-territorju tal-imsemmija istituzzjoni anki jekk, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-benefiċċji tal-qgħad applikabbli għall-istituzzjoni kompetenti, din il-paga ma tkunx tista’ tiġi inkluża fil-kalkolu tal-benefiċċji għall-perijodu ta’ referenza peress li ma tkunx ġiet ikkontabbilizzata fil-ħin, u sussidjarjament, ikun previst kalkolu fittizju tal-benefiċċji?

____________

1 Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72)