Rikors ippreżentat fl-10 ta' Settembru 2010 - Colart et vs Il-Parlament

(Kawża F-76/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Philippe Colart (Bastogne, il-Belġju) et (rappreżentant: C. Mourato, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Suġġett

Annullament tal-istqarriji ta' regolarizzazzjoni tar-remunerazzjonijiet tar-rikorrenti għall-perijodu minn Lulju sa Diċembru 2009 u tal-istqarriji ta' remunerazzjoni stabbiliti mill-1 ta' Jannar 2010 fil-kuntest tal-aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009, tat-23 ta' Diċembru 2009.

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-istqarriji ta' remunerazzjoni tagħhom RG 2009 (arretrati ta' aġġustament minn Lulju sa Diċembru 2009), l-istqarriji ta' remunerazzjoni tagħhom minn Jannar 2010 u l-istqarriji ta' remunerazzjoni sussegwenti, inkwantu dawn l-istqarriji japplikaw rata ta' aġġustament ta' 1.85 % minflok 3.70 % abbażi tar-Regolament (UE, Euratom 1296/2009) tal-Kunsill, tat-23 ta' Diċembru 2009, filwaqt li jżommu fis-seħħ l-effetti ta' dawn l-istqarriji sal-aġġustament tal-istqarriji l-ġodda billi japplikaw b'mod korrett l-Artikoli 65 u 65a tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal (verżjoni 2010);

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

____________