SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Mejju 2007

Kawża F-97/06

Adelaida López Teruel

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Uffiċjali – Invalidità – Ċaħda tat-talba sabiex jiġi kkostitwit Kumitat ta’ l-Invalidità”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih A. López Teruel titlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-UASI, tas-6 ta’ Ottubru 2005, li tiċħad it-talba tagħha sabiex jissejjaħ Kumitat ta’ l-Invalidità skond l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2005 li biha l-UASI ċaħad it-talba tar-rikorrenti sabiex jissejjaħ Kumitat ta’ l-Invalidità hija annullata. L-UASI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Invalidità – Ftuħ tal-proċedura ta’ invalidità – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 59(4) u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 78; Anness VIII, Artikolu 13)

2.      Uffiċjali – Invalidità – Ftuħ tal-proċedura ta’ invalidità – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 59(1) u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 78; Anness VIII, Artikolu 13)

1.      Id-dritt ta’ l-uffiċjal għal benefiċċju ta’ invalidità, iggarantit mid-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ l-Artikolu 13(1) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jista’ jiġi rikonoxxut biss meta tintemm il-proċedura ta’ invalidità, jikkostitwixxi, impliċitament iżda neċessarjament, id-dritt, għal dan l-uffiċjal, li jikseb il-ftuħ ta’ l-imsemmija proċedura jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet ipprovduti mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux setgħa diskrezzjonali lill-Awtorità tal-Ħatra, u, a fortiori, lanqas ma jagħtuha s-sempliċi għażla sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex tinbeda jew le l-proċedura ta’ invalidità, iżda jagħtuha kompetenza relatata, fis-sens li l-awtorità kompetenti hija marbuta tiftah il-proċedura ta’ invalidità meta tikkonstata li l-kundizzjonijiet ipprovduti minn dawn id-dispożizzjonijiet jiġu sodisfatti. F’kull ipoteżi, l-ammissjoni li l-fatt li l-każ jitressaq quddiem il-Kumitat ta’ l-Invalidità jikkostitwixxi biss sempliċi għażla għall-amministrazzjoni jmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta tali kundizzjonijiet sabiex il-każ jitressaq quddiem l-imsemmi Kumitat ta’ l-Invalidità jkollhom bħala effett li jċaħħdu l-effettività tad-dritt mogħti lill-uffiċjal. Għaldaqstant, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ biss tirrifjuta li tinbeda l-proċedura ta’ invalidità jekk ma tiġix sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa. Għaldaqstant, uffiċjal li m’għandhux l-obbligu li jissospendi l-funzjonijiet tiegħu minħabba l-istat ta’ invalidità tiegħu, jew minħabba li jkun diġà ngħata d-dritt li jirċievi pensjoni ta’ rtirar jew minħabba li preċedentement ikun irriżenja, m’għandhux id-dritt li jitlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ invalidità.

L-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tirreferi lill-Kumitat ta’ l-Invalidità bil-każ ta’ uffiċjal li l-leave tal-mard tiegħu jammonta għal aktar minn 12-il xahar f’perjodu ta’ tliet snin, fejn il-fatt li l-każ jitressaq quddiem il-Kumitat ta’ l-Invalidità jikkostitwixxi sempliċi għażla, ma japplikax fl-ipoteżi fejn uffiċjal jitlob lill-amministrazzjoni sabiex jiltaqa’ l-Kumitat ta’ l-Invalidità. Din id-dispożizzjoni hija speċifikament intiża għall-każ li fih hija l-amministrazzjoni li tieħu l-inizjattiva li tibda l-proċedura ta’ invalidità. Huwa wara kollox minħabba f’hekk li hija tawtorizza lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tinfetaħ il-proċedura ta’ invalidità ex officio biss meta assenzi akkumulati minħabba leave tal-mard ta’ uffiċjal jeċċedu ċertu żmien: din il-kundizzjoni ta’ żmien tiggarantixxi terminu raġonevoli lill-uffiċjal sabiex jerġa’ jiġi f’saħħtu u jintegra ruħu mill-ġdid fil-funzjonijiet tiegħu qabel ma tiġi imposta fuqu kundizzjoni ta’ invalidità. B’hekk, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tirrifjuta l-ftuħ ta’ proċedura ta’ invalidità fuq talba tal-persuna kkonċernata minħabba li l-ammont kumulattiv tal-leave tal-mard tiegħu ma laħaqx it-tnax-il xahar meħtieġa u minħabba li għaldaqstant ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni tat-terminu previst fl-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li din il-kundizzjoni ta’ terminu ma tistax tiġi invokata kontra talba ppreżentata skond l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 48 sa 53 u 56)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Mejju 1984, Bähr vs Il-Kummissjoni, 12/83, Ġabra p. 2155, punti 12 u 13; 13 ta’ Jannar 2005, Nardone vs Il‑Kummissjoni, C‑181/03 P, Ġabra p. I‑199, punt 39; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Ġunju 2000, C vs Il-Kunsill, T‑84/98, ĠabraSP p. I‑A‑113 u II‑497, punt 68; 21 ta’ Ottubru 2003, Birkhoff vs Il-Kummissjoni, T‑302/01, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑1185, punt 38; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Jannar 2007, Gesner vs UASI, F‑119/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal relatati mal-leave tal-mard, u ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 78 relatati mal-benefiċċju ta’ invalidità, jorganizzaw, proċeduri indipendenti għal għanijiet distinti. Għaldaqstant jirriżulta mill-kliem ċar ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiffissa, skond l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kundizzjonijiet li fihom uffiċjal għandu d-dritt għal benefiċċju ta’ invalidità, li huwa biss l-uffiċjal li għandu jissospendi l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu minħabba l-impossibbiltà li jinsab fiha milli jkompli b’dan l-eżerċizzju minħabba l-istat ta’ invalidità tiegħu li jista’ jkun suġġett għal proċedura ta’ invalidità. Minn dan jirriżulta li uffiċjal li jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fid-dawl ta’ l-istat tas-saħħa tiegħu ma jistax jippretendi li jirċievi benefiċċju ta’ invalidità.

Għalhekk, minkejja l-indipendenza tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 59(1) u mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni tista’ tibbaża ruħha fuq ir-riżultat ta’ proċedura ta’ arbitraġġ li tikkonkludi li l-uffiċjal jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu sabiex dan ta’ l-aħħar jiġi rrfijutat milli jiġi eżaminat minn Kumitat ta’ l-Invalidità jekk il-marda li l-uffiċjal ikollu l-intenzjoni li jippreżenta quddiem il-Kumitat ta’ l-Invalidità tkun l-istess bħal dik eżaminata mit-tabib innominat fl-arbitraġġ. Bl-istess mod, l-amministrazzjoni tista’ tibbaża rifjut milli ssejjaħ Kumitat ta’ l-Invalidità fuq dan ir-riżultat jekk it-talba ta’ l-uffiċjal tidher li tkun ta’ natura abbużiva, b’mod partikolari jekk dan l-uffiċjal ikollu biss l-intenzjoni li jikkontesta, fin-nuqqas ta’ kull prova ġdida, il-konklużjonijiet ta’ l-arbitraġġ mediku jew li jallega, mingħajr ġustifikazzjoni, l-eżistenza ta’ marda ġdida.

(ara l-punti 59 sa 61)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Lulju 1975, Vellozzi vs Il-Kummissjoni, 42/74 u 62/74, Ġabra p. 871, punti 25 sa 27; Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12; Nardone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39