Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Latvja) fid-9 ta’ Lulju 2020 – SIA “Visma Enterprise” vs Konkurences padome

(Kawża C-306/20)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā apgabaltiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SIA “Visma Enterprise”

Konvenut: Konkurences padome

Domandi preliminari

1)    Skont interpretazzjoni korretta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża, bejn manifattur u diversi distributuri (li skontu d-distributur li rreġistra l-ewwel tranżazzjoni potenzjali jibbenefika minn prijorità għat-twettiq tal-proċess tal-bejgħ mal-utent finali kkonċernat matul 6 xhur b’effett minn din ir-reġistrazzjoni, sakemm dan ma jkunx ikkontestat mill-utent finali) jista’ jitqies bħala ftehim bejn impriżi li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) [TFUE]?

2)    Il-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża, bejn manifattur u diversi distributuri, interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jinkludi indikazzjonijiet li tali ftehim ma huwiex eżentat mill-projbizzjoni ġenerali tal-akkordji?

3)    Il-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża, bejn manifattur u diversi distributuri, interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi eċċezzjoni? L-eċċezzjoni li tippermetti l-konklużjoni ta’ ftehimiet vertikali li jirrestrinġu l-bejgħ attiv f’territorju jew lil klijentela li l-fornitur irriżerva esklużivament għalih jew li alloka esklużivament lil xerrej ieħor, meta din ir-restrizzjoni ma tkunx tillimita l-bejgħ imwettaq mill-klijenti tax-xerrej u meta s-sehem mis-suq tal-fornitur (tar-rikorrenti) ma jkunx jeċċedix 30 %, tapplika biss għas-sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva?

4)    Il-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża, bejn manifattur u diversi distributuri, interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi ksur biss abbażi tal-aġir illegali ta’ operatur ekonomiku uniku? Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, interpretati konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jippermettu li jiġi stabbilit li operatur uniku pparteċipa fl-akkordju?

5)    Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, interpretati konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jippermettu li tiġi stabbilita restrizzjoni (distorsjoni) tal-kompetizzjoni fi ħdan sistema ta’ distribuzzjoni, jew vantaġġ favur ir-rikorrenti, jew effett negattiv fuq il-kompetizzjoni?

6)    Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, interpretati konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk is-sehem mis-suq tan-network ta’ distribuzzjoni ma jkunx jeċċedi 30 % (ir-rikorrenti hija produttur, b’mod li s-sehem mis-suq tagħha jinkludi wkoll il-volum ta’ bejgħ tad-distributuri tagħha), jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fi ħdan sistema ta’ distribuzzjoni u/jew barra din is-sistema, u dan il-ftehim huwa suġġett għall-projbizzjoni tal-akkordji?

7)    Konformement mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 330/2010 1 tal-20 ta’ April 2010, flimkien mal-Artikolu 4(b) tiegħu,

–    l-eżenzjoni tapplika għal sistema ta’ distribuzzjoni fejn i) id-distributur (kummerċjant) jagħżel huwa stess il-klijent potenzjali li jikkollabora miegħu; ii) il-fornitur ma jkunx identifika minn qabel, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, magħrufa u verifikabbli b’mod ċar, grupp speċifiku ta’ klijenti li kull distributur jipprovdi s-servizzi tiegħu lilhom; iii) il-fornitur, fuq talba tad-distributur (kummerċjant), jirriżerva klijenti potenzjali għal dan id-distributur; iv) id-distributuri l-oħra ma jkollhomx għarfien jew ma jkunux informati minn qabel bir-riżerva tal-klijent potenzjali; fejn v) l-unika kriterju sabiex jiġi rriżervat klijent potenzjali u, għalhekk, sabiex tiġi ddetrminata s-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva favur distributur partikolari tkun talba min-naħa ta’ dan id-distributur u mhux deċiżjoni tal-fornitur; jew fejn iv) ir-riżerva tibqa’ fis-seħħ matul 6 xhur mir-reġistrazzjoni tat-tranżazzjoni potenzjali (fejn sussegwentement id-distribuzzjoni ma tibqax esklużiva)?

–    jista’ jiġi kkonstatat li l-bejgħ passiv ma jkunx limitat meta l-ftehim bejn il-fornitur u d-distributur ikun jinkludi klawżola li tipprovdi li x-xerrej (utent finali) jista’ jopponi r-riżerva tagħha, iżda li dan ix-xerrej ma jkunx ġie informat bil-klawżola inkwistjoni? L-aġir tax-xerrej (utent finali) jista’ jinfluwenza (jiġġustifika) it-termini tal-ftehim konkluż bejn il-fornitur u d-distributur?

____________

1     Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1).