KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2013 (1)

Kawża C‑157/12

Salzgitter Mannesmann Handel GmbH

vs

SC Laminorul SA

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2011 — Eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor — Motivi tar-rifjut — Deċiżjoni preċedenti mill-istess Stat Membru fi proċeduri li jirrigwardaw l-istess suġġett u kawża ta’ azzjoni, u bejn l-istess partijiet — Sentenzi irrikonċiljabbli”





1.        Tista’ qorti ta’ Stat Membru tirrifjuta li teżegwixxi sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor jekk din tkun tmur kontra deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija f’dan l-aħħar Stat Membru? Din id-domanda mhux tas-soltu tiġbor fiha, essenzjalment, id-dilemma li ssib ruħha fiha l-Bundesgerichtshof (Qorti Federali Suprema, il-Ġermanja).

I –    Il-kuntest ġuridiku

2.        Skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), qorti li tkun qed tisma’ appell kontra dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà fir-rigward ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor “għandha [t]iċħad jew [t]irrevoka” dik id-dikjarazzjoni biss għar-raġunijiet elenkati fl-Artikoli 34 u 35. Skont l-Artikolu 45(2), is-sentenza barranija ma tistax tiġi riveduta fuq is-sustanza tagħha.

3.        L-Artikolu 34 tar-Regolament, sa fejn huwa rilevanti f’din il-kawża, jistipula:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

[…]

3)      jekk ikun irrikonċiljabbli ma' sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

4)      jekk ikun irrikonċiljabbli ma' sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”

4.        B’effett mill-10 ta’ Jannar 2015, l-Artikolu 34(3) u (4) tar-Regolament ser jiġi sostitwit bl-Artikolu 45(1)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 1215/2012 (3). Il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda ma jitbiegħedx b’mod sinjifikattiv mill-kliem tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ bħalissa.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi mressqa

5.        SC Laminorul SA (iktar ’il quddiem “Laminorul”), kumpannija stabbilita fir-Rumanija, ippreżentat rikors kontra Salzgitter Mannesmann Handel GmbH (iktar ’il quddiem “Salzgitter”) quddiem it-Tribunalul Brăila (Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brăila, ir-Rumanija), li permezz tiegħu talbet il-ħlas għal kunsinna ta’ prodotti tal-azzar.

6.        B’sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008 (iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza”), it-Tribunalul Brăila ċaħdet ir-rikors minħabba li ma ġiex dirett kontra l-parti l-oħra fil-kuntratt rilevanti, Salzgitter Mannesmann Stahlhandel GmbH (preċedentement magħrufa bħala Salzgitter Stahlhandel GmbH). Din is-sentenza saret res judicata.

7.        Laminorul bdiet proċeduri ġodda kontra Salzgitter quddiem l-istess qorti, li kienu jirrigwardaw l-istess ċirkustanzi. Ir-rikors ġie nnotifikat lir-rappreżentant legali Rumen preċedenti ta’ Salzgitter, li l-awtorità tiegħu biex jirrappreżenta lil dik il-kumpannija kienet ġiet limitata, skont Salzgitter, għall-ewwel proċeduri. Minħabba dan, ħadd ma deher għal Salzgitter waqt is-seduta quddiem il-Qorti Rumena, li pproċediet biex tadotta s-sentenza b’kontumaċja kontra Salzgitter fis-6 ta’ Marzu 2008, fejn ordnat lil Salzgitter tħallas EUR 188 330 lil Laminorul (iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza”).

8.        Salzgitter ippreżentat rikors fejn talbet li t-tieni sentenza tiġi annullata minħabba li, fir-rigward tat-tieni proċedura, it-taħrika ma saritx skont id-dispożizzjonijiet legali rilevanti. Dan ir-rikors ġie miċħud mit-Tribunalul Brăila b’deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2008, minħabba li Salzgitter kienet naqset milli tħallas il-bolla meħtieġa.

9.        It-tieni sentenza ġiet iddikjarata eżegwibbli mill-Landgericht Düsseldorf (Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) b’digriet tal-21 ta’ Novembru 2008. Salzgitter appellat kontra dan id-digriet.

10.      Lejn l-aħħar tal-2008, Salzgitter ippreżentat ukoll appell fir-Rumanija biex tiġi annullata t-tieni sentenza, billi reġgħet sostniet li Salzgitter ma ġietx imħarrka biex tidher fis-seduta. Dan l-appell ġie miċħud bħala inammissibbli permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Frar 2009.

11.      Wara, Salzgitter appellat għal darb’oħra biex it-tieni sentenza tiġi annullata abbażi tal-effett vinkolanti tal-ewwel sentenza. Il-Curtea de Apel Galaţi (Qorti tal-Appell ta’ Galati, ir-Rumanija) ċaħdet dak l-appell b’sentenza tat-8 ta’ Mejju 2009 minħabba li kien tardiv, deċiżjoni li ntlaqgħet mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2009.

12.      Minħabba li r-rimedji legali disponibbli ġewwa r-Rumanija kienu issa ġew eżawriti, il-proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà mibdija ġewwa l-Ġermanja — li kienu ġew issospenduti fl-istadju tal-appell — reġgħu komplew. L-appell ta’ Salzgitter kontra d-dikjarazzjoni tal-eżegwibbiltà ġie miċħud bħala infondat mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) b’digriet tat-28 ta’ Ġunju 2010.

13.      Immedjatament wara dan, Salzgitter appellat quddiem il-Bundesgerichtshof fuq punt ta’ liġi kontra l-eżegwibbiltà tat-tieni sentenza tal-Bundesgerichtshof.

14.      Minħabba li l-Bundesgerichtshof kellha dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament Nru 44/2001, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 34(4) [tar-Regolament] jkopri wkoll każijiet ta’ sentenzi irrikonċiljabbli mogħtija fl-istess Stat Membru (Stat ta’ oriġini)?”

15.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Salzgitter, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Spanja, tal-Italja u tar-Rumanija, u mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tal-14 ta’ Marzu 2013, saru osservazzjonijiet orali minn Salzgitter u mill-Kummissjoni.

III – L-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Il-qorti tar-rinviju jidhrilha li l-motiv tar-rifjut tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ma japplikax għall-kawża preżenti, minħabba li Salzgitter kellha l-opportunità li torganizza d-difiża tagħha. Barra dan, il-qorti tar-rinviju eskludiet ukoll il-motivi tar-rifjut tal-Artikolu 34(1) u (3), kif ukoll dawk tal-Artikolu 35. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju dehrilha li r-riżultat tal-proċeduri jiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-motiv tar-rifjut stabbilit fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament. Bis-saħħa tal-Artikolu 45(1), dik id-dispożizzjoni tapplika fil-każ ta’ proċeduri ta’ appell li jikkontestaw dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

17.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-ewwel sentenza, li ċaħdet ir-rikors ta’ Laminorul biex titħallas, u t-tieni sentenza li laqgħet dak ir-rikors, huma irrikonċiljabbli. Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-ewwel sentenza hija eliġibbli biex tiġi rikonoxxuta ġewwa l-Ġermanja.

18.      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Bundesgerichtshof tipproponi żewġ interpretazzjonijiet differenti tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament, biex jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont l-ewwel linja ta’ ħsieb, li hija sostnuta mill-kliem tad-dispożizzjoni, l-Artikolu 34(4) tar-Regolament jippresupponi relazzjoni bejn tliet Stati. Din l-eċċezzjoni tkopri biss sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru indirizzat ikun qed jiġi ffaċċjat b’żewġ sentenzi irrikonċiljabbli mogħtija f’żewġ Stati Membri differenti, jew fi Stat Membru u fi Stat terz. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Italja u tar-Rumanija, kif ukoll mill-Kummissjoni.

19.      Skont it-tieni linja ta’ ħsieb, il-motivi tar-rifjut japplikaw ukoll f’sitwazzjoni li tinvolvi żewġ sentenzi irrikonċiljabbli mogħtija fl-istess Stat Membru (iktar ’il quddiem “kunflitt domestiku”). Din il-fehma hi prinċipalment ibbażata fuq l-għan ipperċepit tal-Artikolu 34(3) u (4) tar-Regolament. F’dan ir-rigward, qed jiġi sostnut li l-Artikolu 34(3) ikopri dawk il-każijiet li jinvolvu l-kunflitt bilaterali ta’ sentenzi bejn l-Istat Membru indirizzat u Stat Membru ieħor, filwaqt li l-Artikolu 34(4) ikopri s-sitwazzjonijiet l-oħra kollha fejn iqum kunflitt bejn żewġ sentenzi barranin. Salzgitter taqbel ma dan ir-raġunament.

20.      Il-Gvern Ġermaniż jikkontendi li r-Regolament ma huwiex adattat biex isolvi kunflitti bejn deċiżjonijiet li jistgħu jiġu riżolti permezz tad-dritt nazzjonali. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż jikkontendi wkoll li f’każijiet eċċezzjonali, bħal fil-każ quddiem il-qorti tar-rinviju, li fihom dan il-kunflitt ma jistax jiġi riżolt permezz tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini, l-Artikolu 34(4) tar-Regolament għandu japplika biex jimla’ l-lacuna fil-liġi. Din il-possibbiltà li Salzgitter taqbel magħha bħala alternattiva, tirreferi għaliha wkoll il-qorti tar-rinviju.

IV – Analiżi

A –    Rimarki ġenerali

21.      L-għan tar-Regolament, bħal ma kien dak għall-predeċessur tiegħu, il-Konvenzjoni ta’ Brussell (4), huwa “li jirregola l-ġurisdizzjoni tal-qrati għas-soluzzjoni ta’ kawżi li jikkonċernaw kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fir-relazzjonijiet bejn dawn l-Istati u li jiffaċilita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.” (5)

22.      Il-liġijiet li jirregolaw, minn naħa, il-ġurisdizzjoni u dawk li jirregolaw, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni sussegwenti ta’ deċiżjoni, jikkostitwixxu ż-żewġ kolonni meħtieġa biex tinkiseb iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, li hu dak li qed jipprova jikseb ir-Regolament (6).

23.      L-ewwel nett, l-għan tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali, inklużi l-ġurisdizzjoni speċjali u l-ġurisdizzjoni esklussiva, huma stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament sabiex tiġi ffaċilitata l-litigazzjoni transkonfinali.

24.      Madankollu, li kieku kellhom joperaw waħedhom, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni ma jkunux jistgħu jipprevjenu t-tfixkil tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea f’sitwazzjoni fejn ikunu nbdew iżjed minn proċedura waħda quddiem fora differenti fir-rigward tal-istess ċirkustanzi. Dan ikun imur kontra għan ieħor tar-Regolament, jiġifieri li “ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri.” (7)

25.      Għalhekk, biex jiġu evitati proċeduri kontemporanji quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti u biex jiġu evitati l-kunflitti bejn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fil-Kapitolu II tar-Regolament ġew issupplimentati bid-dispożizzjonijiet fis-Sezzjoni 9 dwar il-lis pendens. Dawn ir-regoli, min-naħa tagħhom, huma mfassla biex mill-bidu nett jipprekludu l-possibbiltà li tingħata deċiżjoni ġudizzjarja kunfliġġenti (8).

26.      It-tieni nett, il-proċeduri tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni jippermettu li sentenza jkollha l-istess effett fl-Istat Membru indirizzat bħal ma kien ikollha fl-Istat Membru ta’ oriġini (9). Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija stabbilita b’mod iżjed speċifiku fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament.

27.      Peress li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, “il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr.” (10) Għaldaqstant, ladarba tkun ingħatat sentenza fi Stat Membru, din tkun predisposta li tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor “meta, fuq applikazzjoni ta’ parti [i]nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.” (11) Skont l-Artikolu 41 “[i]s-sentenza għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli immedjatament mat-twettieq tal-formalitajiet fl-Artikolu 53”, jiġifieri, malli tiġi ppreżentata kopja tas-sentenza “li [t]issodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha” u l-formola standard imsemmija fl-Anness V tar-Regolament, mimlija mill-qorti ta’ oriġini. L-Artikolu 45(2) jipprojbixxi lill-qorti indirizzata milli teżamina, waqt dik il-proċedura, is-sentenza barranija f’dak li jirrigwarda l-mertu tagħha.

28.      Minkejja r-regoli msemmija iktar ’il fuq dwar il-lis pendens, is-sentenzi irrikonċiljabbli huma inevitabbli — pereżempju, jekk il-qorti indirizzata ma tkunx taf bil-proċeduri pendenti li jkunu nbdew qabel f’ġurisdizzjoni oħra. Għalhekk, ir-Regolament jistabbilixxi wkoll, fl-Artikolu 34, dispożizzjonijiet biex jirregolaw ir-riżoluzzjoni ta’ dawn il-kunflitti ladarba tkun inqatgħet is-sentenza.

29.      L-ewwel motiv tar-rifjut tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni jirrigwarda kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku (12). It-tieni motiv tar-rifjut, previst fl-Artikolu 34(2), essenzjalment jirrigwarda difetti proċedurali li jistgħu jwasslu għal possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fl-aħħarnett, iż-żewġ eċċezzjonijiet tal-Artikolu 34(3) u (4) jirrigwardaw sentenzi irrikonċiljabbli. Filwaqt li skont l-Artikolu 34(4), is-sentenza barranija li tkun inqatgħet l-ewwel tieħu preċedenza skont ir-regola prior tempore, potior jure, l-Artikolu 34(3) tar-Regolament jippermetti li s-sentenzi li jinqatgħu fl-Istat Membru indirizzat jieħdu preċedenza fuq sentenzi li jkunu nqatgħu fi Stat Membru ieħor, irrispettivament mid-dati li fihom ikunu ngħataw (13).

30.      Fir-rigward ta’ dawn l-eċċezzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, l-ewwel nett, li sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, minħabba li jikkostitwixxu ostakolu għall-ksib ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tar-Regolament (14). It-tieni nett, l-eċċezzjonijiet huma eżawrjenti (15). It-tielet nett, l-Artikoli 34(2), (3) u (4) tar-Regolament jikkostitwixxu lex specialis fil-konfront tal-Artikolu 34(1), li għandu natura ġenerika. Għalhekk, l-Artikolu 34(1) ma japplikax meta l-kunsiderazzjonijiet tal-ordni pubbliku jiġu indirizzati permezz ta’ eċċezzjonijiet oħra (16).

31.      Ir-regoli msemmija iktar ’il fuq ma jarmonizzawx jew ma jaffettwawx ir-regoli tal-proċedura tal-Istati Membri (17). B’mod iżjed speċifiku, ma joħolqux rimedji addizzjonali kontra sentenzi nazzjonali li jkunu saru res judicata. Kull ma jagħmlu huwa li jirregolaw l-effetti ta’ sentenzi kunfliġġenti li joriġinaw minn ġurisdizzjonijiet differenti.

32.      Fil-fatt, kif ġie nnotat mill-qorti tar-rinviju, regoli simili għal dawk stabbiliti fir-Regolament jeżistu fis-sistemi proċedurali nazzjonali. Regoli ta’ dan it-tip mhux biss jistgħu jipprevjenu l-kunflitti domestiċi li jirriżultaw meta jkunu nbdew diversi proċeduri quddiem qrati differenti fl-istess Stat Membru (jiġifieri, regoli nazzjonali dwar il-lis pendens), iżda jistgħu joffru wkoll diversi rimedji kontra d-deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali (18).

33.      Għal raġunijiet ovvji, sentenza mogħtija fi Stat Membru tista’ tiġi rrimedjata biss permezz ta’ mekkaniżmu disponibbli fl-istess Stat Membru, u mhux permezz tal-ordni ġuridiku ta’ Stati Membri oħra. Għaldaqstant, kull ma jagħmel ir-Regolament huwa li jipprovdi mezz li bih ikunu jistgħu jiġu rrimedjati l-interferenzi fl-istat tad-dritt li ma jistgħux jiġu rregolarizzati fil-livell tad-dritt proċedurali nazzjonali. Fil-fatt, kunflitt li jirriżulta minħabba sentenzi irrikonċiljabbli fi ħdan l-istess ordni ġuridiku jista’ jiġi ttrattat minn persuni privati. Minħabba li diġà jeżistu rimedji domestiċi, ir-Regolament ma jagħtix lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri lill-qorti tal-Istat Membru indirizzat, is-setgħa li tinjora — u allura effettivament li tannulla — sentenza tal-Istat Membru ta’ oriġini. Tali setgħa tista’ lanqas tkun teżisti fis-sistema ġuridika tal-Istat Membru ta’ oriġini f’każijiet fejn iż-żewġ sentenzi jkunu saru res judicata.

34.      Meta tkun qed tiġi ttrattata l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin, huwa neċessarju wkoll li ssir distinzjoni bejn il-proċedura ta’ exequatur — jiġifieri, il-proċedura li permezz tagħha sentenza barranija tiġi ddikjarata bħala eżegwibbli — u l-eżekuzzjoni attwali sussegwenti tas-sentenza barranija. L-għan tal-ewwel proċedura msemmija huwa li tiġi inkorporata sentenza barranija fl-ordni ġuridiku tal-Istat Membru indirizzat, liema proċedura hija kompletament irregolata mir-Regolament. Min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni nnifisha, fil-każ fejn dik il-kwistjoni ma hijiex armonizzata mid-dritt tal-UE, tiġi rregolata mid-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. Għalhekk, fir-rigward ta’ sentenza mogħtija mill-Istat Membru indirizzat, parti f’kawża tista’ tikkontesta l-eżekuzzjoni proprja bl-istess mod previst fir-regoli nazzjonali (19).

35.      Biex nikkonkludi, fir-rigward ta’ tilwim transkonfinali li jirrigwarda materji ċivili u kummerċjali, ir-Regolament jistabbilixxi sistema komprensiva li tirregola l-ġurisdizzjoni internazzjonali, kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi. L-ewwel nett, jistabbilixxi liema għandha tkun il-qorti kompetenti. It-tieni nett, ma jippermettix li qrati li għandhom l-istess kompetenza jisimgħu l-istess kawża li tkun diġà marret quddiem il-qorti indirizzata l-ewwel. It-tielet nett, jippermetti li s-sentenzi barranin jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti bl-istess mod, daqs li kieku ngħataw fl-Istat Membru indirizzat. Ir-raba’ nett, jipprovdi rimedji fil-każ ta’ sentenzi irrikonċiljabbli meta dan il-kunflitt ma jkunx jista’ jiġi riżolt fuq talba ta’ parti privata.

36.      Huwa abbażi ta’ dawn ir-rimarki ġenerali li għandha tingħata risposta għad-domanda mressqa.

B –    L-Artikolu 34(4) tar-Regolament japplika f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju?

37.      Mingħajr ma jikkontestaw espliċitament l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, il-Gvernijiet ta’ Spanja u tar-Rumanija, jesprimu d-dubji tagħhom, bħal ma tagħmel ukoll il-Kummissjoni, dwar jekk l-ewwel u t-tieni sentenzi humiex inkompatibbli.

38.      Dwar dan il-punt nixtieq nenfasizza li, fl-ordni tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof tgħid li, fil-fehma tagħha, id-deċiżjonijiet inkwistjoni huma irrikonċiljabbli u li l-ewwel sentenza hija eliġibbli għar-rikonoxximent ġewwa l-Ġermanja. Fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tivverifika l-kumpilazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti tal-qorti tar-rinviju, peress li din hija l-kompetenza tal-qrati nazzjonali (20). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda mressqa abbażi tal-informazzjoni pprovduta lilha mill-qorti nazzjonali, irrispettivament mid-dubji msemmija. Madankollu, jidhirli li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taqbel mal-fehma espressa mill-gvernijiet imsemmija iktar ’il fuq u mill-Kummissjoni, ikun hemm ir-riskju li d-domanda mressqa titqies li hija waħda purament ipotetika.

39.      Madankollu, fid-dawl tas-sottomissjonijiet magħmula waqt is-seduta, nixtieq nenfasizza li ma jistax jingħad li d-deċiżjonijiet huma rikonċiljabbli sempliċiment minħabba li l-ewwel sentenza, li tiċħad ir-rikors, ma hijiex eżegwibbli. Il-motivi tar-rifjut tar-rikonoxximent skont l-Artikolu 34(3) u (4) tar-Regolament, li għalihom jirreferi l-Artikolu 45(1), ma jeżiġux li ż-żewġ sentenzi għandhom ikunu eżegwibbli, ladarba dawn ikunu jinvolvu konsegwenzi ġuridiċi li jipprekludu lil xulxin (21).

40.      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ttrattata fid-domanda mressqa, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità tinterpreta l-Artikolu 34(4) tar-Regolament, u lanqas ma interpretat id-dispożizzjoni korrispondenti fl-Artikolu 27(5) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Minkejja dan il-fatt, jidhirli li qorti ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi sentenza ta’ Stat Membru ieħor għar-raġuni li dik id-deċiżjoni tkun inkompatibbli ma’ sentenza li toriġina mill-istess Stat Membru.

41.      Fil-fehma tiegħi, dan jidher ċar meta l-Artikolu 34(4) tar-Regolament jiġi interpretat kif suppost.

42.      Skont id-definizzjoni ġenerali mogħtija fl-Artikolu 32 tar-Regolament, il-kunċett ta’ “sentenza” għandu jinftiehem bħala “sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru” differenti mill-Istat Membru kkonċernat. Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, il-kliem tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament jista’ jiġi mfisser aħjar bil-mod li ġej: “[s]entenza [mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru] m’għandhiex tiġi rikonoxxuta […] jekk [t]kun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz”. Għalhekk, naqbel mal-Gvern Spanjol u mal-Kummissjoni li dik id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għal-relazzjoni bejn tliet Stati. Konsegwentement, l-interpretazzjoni alternattiva ssuġġerita minn Salzgitter u mill-Gvern Ġermaniż, li tgħid li l-frażi “Stat Membru ieħor” fl-Artikolu 34(4) tista’ tinqara konġuntament mal-Artikolu 34(3) fis-sens li tfisser Stat Membru li ma huwiex “l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent”, ma hijiex sostenibbli.

43.      Madankollu, b’mod iżjed importanti jirriżulta — kif diġà semmejt iktar ’il fuq — li mis-sistema stess stabbilita mir-Regolament, l-Artikolu 34(4) ma jistax japplika fil-każ ta’ “kunflitt domestiku”.

44.      Ir-Regolament ma jfixkilx l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, inkluż il-prinċipju ta’ res judicata. Ma għandux jiġi interpretat b’tali mod li qorti tal-Istat Membru indirizzat tista’ tinjora l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija li, fi kwalunkwe każ, xorta waħda tista’ tiġi kkontestata skont ir-regoli domestiċi bħala sentenza allegatament irrikonċiljabbli ma’ sentenza preċedenti tal-istess Stat Membru. Għalhekk, l-Artikolu 34(4) tar-Regolament għandu jkun applikabbli biss sa fejn il-partijiet ma jistgħux — minħabba l-involviment ta’ iżjed minn ġurisdizzjoni waħda f’diversi Stati Membri — jikkontestaw sentenza abbażi tal-irrikonċiljabbiltà tagħha ma’ sentenza oħra. Kif irrikonoxxa l-avukat ta’ Salzgitter meta rrisponda għad-domanda li għamilt waqt is-seduta, Salzgitter kellha żmien biżżejjed biex tikkontesta t-tieni sentenza fir-Rumanija. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(4) fis-sens li jinkludi l-“kunflitti domestiċi” ikun jipprovdi lil Salzgitter b’opportunità oħra biex tinvalida t-tieni sentenza billi tevadi d-dritt tal-proċedura nazzjonali. Barra minn hekk, dan ikollu l-istess effett bħar-rikonoxximent li nkiser id-dritt ta’ Salzgitter li tiġi rrappreżentata min avukat difensur skont l-Artikolu 34(2); fehma li diġà ġiet irrifjutata — ġustament — mill-qorti tar-rinviju.

45.      Apparti dan, ma nistax naqbel ma’ Salzgitter li l-esklużjoni tal-“kunflitti domestiċi” mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament tkun problematika minħabba li sentenza waħda jkollha tingħata preċedenza fuq l-oħra. Fil-fatt, l-approċċ li nipproponi jirrikjedi li l-Bundesgerichtshof tagħti preċedenza lit-tieni sentenza, sempliċiment minħabba li fil-kawża preżenti hija proprju dik is-sentenza li ġiet mitluba teżegwixxi. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċetta l-interpretazzjoni tiegħi, id-deċiżjoni li jkollha tieħu l-Bundesgerichtshof fil-kawża preżenti, jiġifieri li tiċħad l-appell ta’ Salzgitter, tkun tikkostitwixxi “sentenza” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 32 tar-Regolament. Dik is-sentenza tkun sussegwentement tipprevali fuq l-ewwel sentenza bis-saħħa tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament minħabba li tkun tinvolvi tilwima bejn l-istess partijiet, irrispettivament mid-data li fiha tkun ingħatat. Għalhekk, fil-każ inkunsiderazzjoni, l-istess sistema stabbilita mir-Regolament tkun tirrikjedi li t-tieni sentenza tingħata preċedenza.

46.      Nixtieq inżid li jidher li leġiżlazzjoni sekondarja paragunabbli fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili tikkonferma l-fehma tiegħi li motiv tar-rifjut fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament jippresupponi relazzjoni bejn tliet Stati.

47.      L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 805/2004 (22), l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 (23), kif ukoll l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 861/2007 (24), kollha jipprovdu li fir-rigward ta’ sentenza preċedenti mogħtija fi kwalunkwe Stat Membru, l-eżekuzzjoni tista’ tiġi rrifjutata. Madankollu, dawn il-motivi tar-rifjut huma kollha suġġetti għall-kundizzjoni li l-irrikonċiljabbiltà ma kinitx u ma setgħetx tqajmet bħala oġġezzjoni fil-proċeduri ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ oriġini. Għalhekk jidher ċar li l-motivi tar-rifjut skont dawk id-dispożizzjonijiet ma japplikawx f’sitwazzjonijiet fejn l-irrikonċiljabbiltà setgħet ġiet ittrattata internament fl-Istat Membru ta’ oriġini, bħal fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

48.      Barra dan, id-dispożizzjonijiet ta’ atti legali rilevanti oħra (25) jirreferu, bħal ma jagħmel ir-Regolament, għal “Stat Membru ieħor” jew għal xi espressjoni li għandha l-istess tifsira. Għalhekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jindikawx approċċ differenti minn dak deskritt iktar ’il fuq.

49.      Fl-aħħar nett, ma nistax naqbel mal-fehma sostnuta mill-Gvern Ġermaniż u minn Salzgitter, li tgħid li l-Artikolu 34(4) tar-Regolament jista’ xorta waħda jiġi applikat b’analoġija (dak li l-Gvern Ġermaniż jirreferi għalihom bħala “ċirkustanzi eċċezzjonali”). L-applikazzjoni ta’ regola ta’ dritt b’analoġija tippresupponi lacuna regolatorja (26). Abbażi tar-raġunijiet imsemmija fil-bidu tal-evalwazzjoni tiegħi, jidher li l-kwistjoni preżenti hija kollha koperta mir-Regolament, u b’hekk is-sitwazzjonijiet ta’ “kunflitti domestiċi” għandhom jiġu riżolti mill-ordni ġuridiku ta’ kull Stat Membru. Għalhekk, ma nista’ nara ebda lacuna ta’ dan it-tip fir-Regolament.

50.      Għar-raġunijiet li diġà spjegajt, jien tal-fehma li l-Artikolu 34(4) tar-Regolament ma japplikax f’sitwazzjoni li tirrigwarda żewġ sentenzi kunfliġġenti tal-istess Stat Membru.

V –    Konklużjoni

51.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bundesgerichtshof b’dan il-mod:

L-Artikolu 34(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ma jinkludix il-possibbiltà li jiġu rrifjutati l-għoti jew ir-revoka ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà fir-rigward ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, li tkun irrikonċiljabbli ma sentenza preċedenti, li tirrigwarda l-istess ċirkustanzi u tkun bejn l-istess partijiet, u li tingħata fl-istess Stat Membru fejn tkun ingħatat is-sentenza li fir-rigward tagħha tkun qed tintalab dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


3 –      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni), ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.


4 –      Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1978, L 299, p. 36), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal dik il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).


5 –      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, G (C-292/10, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6 –      Ara l-premessi 6 u 10 fil-preambolu tar-Regolament.


7 –      Ara l-premessa 15 fil-preambolu tar-Regolament.


8 –      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C-116/02 Ġabra p. I-14693) punti 41 u 42, u l-ġurisprudenza ċċitata.


9 –      Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C-139/10, Ġabra p. I‑9511, punt 31).


10 –      Ara l-premessa 17 fil-preambolu tar-Regolament.


11 –      Ara l-Artikolu 38(1) tar-Regolament.


12 –      Ara l-Artikolu 34(1) tar-Regolament. Bis-saħħa tal-Artikolu 45, il-motivi tar-rifjut imsemmija fl-Artikolu 34 japplikaw ukoll fil-proċeduri ta’ appell kontra dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.


13 –      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (C-145/86 Ġabra p. 645).


14 –      Ara, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 34(1) tar-Regolament, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C-619/10, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 –      Prism Investments, punti 33 u 43.


16 –      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 27(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza Hoffmann, punt 21, u fir-rigward tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fi Trade Agency, punt 68. Ara wkoll ir-Rapport Jenard fuq il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59 p. 1), p. 45.


17 –      Ara, f’dan is-sens, G, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.


18 –      F’dan ir-rigward, il-Bundesgerichtshof tirreferi għall-paragrafu 580(7)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż, li jipprovdi għal rimedju fil-każ ta’ sentenzi irrikonċiljabbli (suġġett għall-osservanza tal-limitu taż-żmien stipulat fil-paragrafu 586(1)), u għad dispożizzjoni korrispondenti fl-Artikolu 322(1)(7) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Rumen, li fir-rigward tiegħu japplika limitu ta’ żmien simili permezz tal-Artikolu 324(1).


19 –      Ara Prism Investments, punt 40.


20 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et (C-11/07, Ġabra p. I-6845) punti 27 u 32.


21 –      Biex nagħti eżempju, nirreferi għas-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Italian Leather (C-80/00, Ġabra p. I-4995). F’din il-kawża, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998 tal-Landgericht Koblenz (Qorti Reġjonali ta’ Koblenz, il-Ġermanja), li ċaħdet talba għal miżuri provviżorji, ukoll ma kinitx eżegwibbli, b’mod kuntrarju għad-digriet tat-28 ta’ Diċembru 1998 tat-Tribunale di Bari (Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bari, l-Italja), fejn din it-talba ntlaqgħet.


22 –      Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38.


23 –      Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ĠU L 399, p. 1.


24 –      Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, p. 1.


25 –      F’dan il-kuntest, nirreferi għall-:


(i) Artikoli 22(d) u 23(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243);


(ii) Artikolu 24(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 7, p. 1);


(iii) Artikolu 40(d) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU L 201, p. 107);


(iv) Artikoli 45(1)(c) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 1215/2012;


(v) Artikolu 34(4) tal-Konvenzjoni tat-30 ta’ Ottubru 2007 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, magħml f’Lugano, ĠU L 339, 21.12.2007, p. 3 (il-Konvenzjoni tuża l-frażi “Stat ieħor marbut b’din il-Konvenzjoni”); u


(vi) Artikolu 9(g) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tat-30 ta’ Ġunju 2005 dwar l-Għażla tal-Forum (il-Konvenzjoni tuża l-frażi “Stat ieħor”, tinsab fis-sit tal-internet: http://www.hcch.net/).


26 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1985, Krohn vs BALM (C-165/84, Ġabra p. 3997) punti 13 u 14.