SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

4 ta’ Settembru 2008

Kawża F-22/07

Paul Lafili

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004 (KEE, Euratom) – Artikoli 44 u 46 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Promozzjoni – Klassifikazzjoni – Fattur ta’ multiplikazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Lafili jitlob: l-annullament tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni, tal-11 ta’ Mejju 2006, li tikklassifikah fil-grad AD 13, skala 5, kif tinsab fid-dikjarazzjonijiet tas-salarju tiegħu tax-xahar ta’ Ġunju 2006 u tax-xhur segwenti, u, konsegwentement, r-reintegrazzjoni tiegħu, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2006 fil-grad AD 13, skala 2 biż-żamma tal-fattur tal-multiplikazzjoni 1,1172071, kif ukoll ir-rikostruzzjoni, b’mod sħiħ, tal-karriera tiegħu b’effett retroattiv sal-1 ta’ Mejju 2006 sad-data tal-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad u skala hekk mibdul (inkluż iż-żieda fl-esperjenza tiegħu fil-klassifikazzjoni hekk mibdula, id-drittijiet tiegħu għall-avvanzament u d-drittijiet tiegħu għal pensjoni), inkluż il-ħlas ta’ interessi moratorji abbażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli fil-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti, fuq l-ammonti kollha korrispondenti għad-differenza bejn is-salarju relatat mal-klassifikazzjoni tiegħu u dak relatat mal-klassifikazzjoni li għaliha huwa kien imissu kellu dritt sad-data li fiha tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni tiegħu.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kap tad-Diviżjoni A 6 “Struttura tal-karrieri, evalwazzjoni u promozzjoni” tad-Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni” tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Mejju 2006, hija annullata. Ir-rikorrent għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tar-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Regoli tranżitorji applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 7(7))

3.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Regoli tranżitorji applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 66; Anness XIII, Artikolu 2(1), u Artikolu 7(6) u (7); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      Huma biss l-atti li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tal-persuni kkonċernati li jistgħu jiġu kkunsidrati li joħolqulhom preġudizzju u jistgħu jwasslu sabiex jibdew jiddekorru t-termini għall-preżentata ta’ ilment u ta’ appell skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Dan huwa l-każ ta’ komunikazzjoni tal-amministrazzjoni li tinforma lil uffiċjal bil-fatt li l-klassifikazzjoni tiegħu fl-iskala kif ukoll il-fattur ta’ multiplikazzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni tiegħu kienu ġew stabbiliti b’mod żbaljat u għalhekk se jiġu rettifikati.

(ara l-punti 30 sa 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Marzu 2007, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑237/06 P, p. I‑33, punt 62; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Ottubru 1995, Obst vs Il‑Kummissjoni, T‑562/93, ĠabraSP p. I‑A‑247 u II‑737, punt 23; 22 ta’ Marzu 2006, Strack vs Il‑Kummissjoni, T‑4/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑83 u II‑A‑2‑361, punt 35

2.      Deċiżjoni li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni fi skala ta’ uffiċjal, kif ukoll il-fattur ta’ multiplikazzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 7(7) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iffirmata minn awtorità li ma hijiex awtorizzata tagħmel dan skont id-dispożizzjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra fis-seħħ fl-istituzzjoni kkonċernata, hija vvizzjata b’difett ta’ nuqqas ta’ kompetenza fir-rigward tal-awtur tagħha, fin-nuqqas ta’ subdelegazzjoni li tiġġustifika deroga mill-kriterji ta’ tqassim li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjonijiet, li l-għan tagħhom huwa preċiżament li jiġi garantit li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tiġi adottata mill-awtorità, li fil-prinċipju hija l-iktar adatta sabiex tieħu din id-deċiżjoni fid-dawl tar-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam ta’ ġestjoni tal-persunal.

(ara l-punti 34, 38 u 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 30 ta’ Mejju 1973, De Greef vs Il‑Kummissjoni, 46/72, Ġabra p. 543, punt 18; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il‑Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, Ġabra p. I‑0000, punti 67 u 68

3.      Jekk il-fattur tal-multiplikazzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni ta’ uffiċjal irreklutat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, huwa għola mill-unità wara l-ewwel promozzjoni li ssir wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, dan għandu jkun suġġett għall-konverżjoni msemmija fl-Artikolu 7(7) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u jiġi ttrasformat f’anzjanità ta’ skala. F’dan ir-rigward ma tistax tkun milqugħa interpretazzjoni li abbażi tagħha din id-dispożizzjoni tapplika biss fl-ipoteżi fejn il-qbiż tal-unità mill-fattur tal- multiplikazzjoni jirriżulta mill-avvanz fi skala li jirriżulta wara promozzjoni, imma mhux direttament mill-promozzjoni stess, b’mod li, f’dan l-aħħar każ, jaqbel li jiġi applikat biss l-Artikolu 7(6) tal-Anness XIII, u li jiġi ddeterminat fattur tal-multiplikazzjoni ġdid.

Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(6) u (7) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija biżżejjed ambivalenti sabiex tiġġustifika t-tfittxija ta’ interpretazzjoni mhux esklussivament litterali li tkun konformi mal-istruttura ġenerali u l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni mwarrba jista’ jkollha l-effett li żżomm l-applikazzjoni ta’ fatturi tal-multiplikazzjoni għal perijodu illimitat, matul il-karriera kollha tal-persuna kkonċernata u anki iktar tard, wara l-irtirar tagħha, filwaqt li l-applikazzjoni tal-fattur tal-multiplikazzjoni, li tikkostitwixxi miżura ta’ tranżazzjoni, hija intiża sabiex tiggarantixxi l-livell ta’ ħlas bażiku fix-xahar imħallas lill-uffiċjali rreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, liema ħlas, skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax jinbidel minħabba bdil fl-ismijiet tal-gradi li jsir skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi Anness. Ladarba l-fattur tal-multiplikazzjoni jilħaq l-unità, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 7(7) tal-imsemmi Anness, kif ifformulat, ma tistax tostakola l-applikazzjoni tal-Artikolu 66 il-ġdid tar-Regolamenti tal-Persunal li jistabbilixxi, abbażi ta’ struttura ġdida ta’ karriera, għal kull grad u għal kull skala, il-ħlas bażiku tal-uffiċjali. Tali twarrib tat-tabella tas-salarji li tinstab fl-imsemmi Artikolu 66, li jmur kontra l-prinċipju ta’ applikazzjoni immedjata ta’ leġiżlazzjoni ġdida, ma jistax jiġi aċċettat fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ċara u mhux ambigwa mogħtija f’dan is-sens mil-leġiżlatur.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mwarrba jkollha wkoll l-effett li tikser, fil-futur, it-trattament ugwali fil-qasam ta’ remunerazzjoni bejn l-uffiċjali rreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u dawk irreklutati sa minn din id-data, filwaqt li l-miżuri ta’ tranżazzjoni għandhom, minn natura tagħhom, ikunu intiżi sabiex jiffaċilitaw it-tranżazzjoni minn leġiżlazzjoni antika għal leġiżlazzjoni ġdida, billi jipproteġu d-drittijiet miksuba, mingħajr madankollu ma jżommu, għall-benefiċċju ta’ kategorija ta’ uffiċjali, l-effetti tal-leġiżlazzjoni antika għas-sitwazzjonijiet li jridu jinħolqu fil-futur, bħal avvanz fl-iskala fil-kuntest ta’ struttura ta’ karriera ġdida.

(ara l-punti 73, 75, 78, 80, 81, 83, 86 u 88)