Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2020 minn Archimandritis Sarantis Sarantos, Protopresvyteros Ioannis Fotopoulos,

Protopresvyteros Antonios Bousdekis,

Protopresvyteros Vasileios Kokolakis,

Estia Paterikon Meleton,

Christos Papasotiriou,

Charalampos Andralis,

mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-11 ta’ Diċembru 2019 fil-Kawża T-547/19, Sarantis Sarantos vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-84/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Archimandritis Sarantis Sarantos,

Protopresvyteros Ioannis Fotopoulos,

Protopresvyteros Antonios Bousdekis,

Protopresvyteros Vasileios Kokolakis,

Estia Paterikon Meleton,

Christos Papasotiriou,

Charalampos Andralis,

(rappreżentant: C. Papasotiriou, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddeċiedi fir-rigward tar-rikors tagħhom tal-31 ta’ Lulju 2019, mingħajr ir-rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali tad-digriet ikkontestat.

tannulla d-digriet Nru 923557 tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Id-Disa’ Awla), tal-11 ta’ Diċembru 2019, relattiv għall-imsemmi rikors u tilqa’ r-rikors b’mod sħiħ;

tannulla r-Regolament (UΕ) 2019/11571 tal-20 ta’ Ġunju 2019 imsemmi iktar ’il fuq;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż tal-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji:

L-ewwel aggravju, li bih jiġi sostnut li d-digriet ikkontestat, meta jiċħad ir-rikors tagħhom bħala inammissibbli u meta jiddeċiedi, qabel kollox, li “[…] ir-Regolament ikkontestat ma jolqotx lir-rikorrenti li huma persuni fiżiċi minħabba kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna oħra, iżda minħabba t-twemmin tagħhom, li huwa ddikjarat, fil-fatt jew fid-dritt, minn numru indeterminat ta’ persuni. Konsegwentement, l-imsemmija rikorrenti ma humiex individwalment ikkonċernati mir-Regolament ikkontestat fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE”, kiser ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-preambolu kif ukoll l-Artikoli 47 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2000/C 364/01), l-Artikolu 5(1) u (4) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (individwalment u flimkien mal-Protokoll Nru 2 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità), kif ukoll il-ġurisprudenza relattiva. Dan għaliex bir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament ikkontestat jikser id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, fosthom anki d-drittijiet fundamentali previsti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, (id-dinjità tal-bniedem, it-twemmin reliġjuż, id-dritt ta’ objezzjoni minħabba l-libertà ta’ reliġjon, il-ħajja personali u l-libertà, l-informazzjoni ta’ natura personali, id-dritt għal kunsens espliċitu għal kull trattament ta’ din l-informazzjoni), peress li r-Regolament jirrigwardahom direttament u individwalment u, minħabba n-natura stess tad-drittijiet affettwati bħala drittijiet fundamentali tal-bniedem, huma għandom interess leġittimu li jippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li fost il-qrati tal-Unjoni jitqies li huwa direttament intiż biex jistħarreġ l-invalidità tar-Regolamenti fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

It-tieni aggravju, li bih jiġi sostnut li l-Qorti Ġenerali li ppronunzjat id-digriet ikkontestat, meta ddikjarat inammissibbli r-rappreżentanza tas-sitt rikorrent quddiemha, l-avukat Christos Papasotiriou, u dan għaliex “is-sitt rikorrent […] ma għamilx użu mis-servizzi ta’ avukat, terz, biex jirrappreżentah, iżda aġixxa f’ismu stess, billi ffirma r-rikors huwa stess u billi bbaża ruħu fuq l-istatus tiegħu ta’ avukat abbażi tad-dokument ta’ leġittimazzjoni msemmi fl-Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura […]”, wettqet interpretazzjoni żbaljata, contra legem, tad-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stabbiliti biex jiżguraw dan il-prinċipju.

____________

1     Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (ĠU 2019, L 188, p. 67).