SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ April 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Direttiva 2001/29/KE – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Bejgħ ta’ mediaplayer – Moduli addizzjonali (add-ons) – Pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur – Aċċess għal siti tal-internet ta’ streaming – Artikolu 5(1) u (5) – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Użu legali”

Fil-Kawża C-527/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Midden-Nederland (qorti ta’ Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

Stichting Brein

vs

Jack Frederik Wullems, li qed jaġixxi wkoll taħt l-isem “Filmspeler”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, A. Prechal, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Settembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Stichting Brein, minn D. Visser u P. de Leeuwe, advocaten,

–        għal J. F. Wullems, li qed jaġixxi wkoll taħt l-isem “Filmspeler”, minn J. van Groenendaal, D. Stols u F. Blokhuis, advocaten,

–        għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, T. Rendas u M. Figueiredo, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda kif ukoll minn T. Scharf u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Stichting Brein, fondazzjoni li tiddefendi l-interessi tad-detenturi ta’ dritt tal-awtur, u Jack Frederik Wullems, fir-rigward tal-bejgħ min-naħa tiegħu ta’ mediaplayer li jippermetti li jkun hemm libertà ta’ aċċess għal xogħlijiet awdjoviżivi protetti mid-dritt tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dan id-dritt.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 9, 10, 23, 27 u 33 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:

“(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

[…]

(27)      Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[…]

(33)      Id-dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni għandu jkun bla ħsara għal eċċezzjoni biex tippermetti ċerti atti ta’ riproduzzjoni temporanja, li huma riproduzzjonijiet temporanji jew inċidentali, li jagħmlu parti integrali u essenzali mill-proċess teknoloġiku u mwettaq għal fini unika li tippermetti jew trasmissjoni effiċjenti f’network bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, jew użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir. L-atti ta’ riproduzzjoni relatati m’għandu jkollhom l-ebda valur ekonomiku separat għalihom waħedhom. Sa fejn dawn jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet, din l-eċċezzjoni għandha tinkludi atti li bihom jista’ jsir browsing kif ukoll atti ta’ ħażna, inklużi dawk li bihom jagħmluha possibbli għal sistemi ta’ trasmissjoni li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti, kemm-il darba li l-intermedjarju ma jimmodifikax l-informazzjoni u ma jfixkilx l-użu legali tat-teknoloġija, rikonoxxuta b’mod wiesgħa u użata mill-industrija, biex jikseb data dwar l-użu ta’ l-informazzjoni. Użu għandu jiġi kkunsidrat legali fejn ikun awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet jew ma jkunx ristrett bil-liġi.”

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

c)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħquda bil-cable jew bis-satellita.”

5        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

a)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

b)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

c)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

d)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħquda bil-cable jew bis-satellita.

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

6        L-Artikolu 5(1) u (5) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

a)      trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

b)      użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.

[…]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

7        L-Artikolu 1 tal-Auteurswet (liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq id-drittijiet tal-awtur, iktar ’il quddiem il-“liġi fuq id-drittijiet tal-awtur”) jipprevedi:

“Id-drittijiet tal-awtur huma dritt esklużiv li għandu l-awtur ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jew tal-aventi kawża tiegħu, li jikkomunika jew jirriproduċi dak ix-xogħol, suġġett għal-limitazzjonijiet previsti mil-liġi.”

8        L-Artikolu 12 tal-liġi fuq id-drittijiet tal-awtur huwa redatt kif ġej:

“1.      B’komunikazzjoni ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku, għandu jinftiehem:

1°.      il-komunikazzjoni ta’ kopja tax-xogħol kollu jew ta’ parti minnu;

[…]”

9        L-Artikolu 13a ta’ din il-liġi jipprevedi:

“L-atti provviżorji ta’ riproduzzjoni li huma tranżitorji jew aċċessorji u li jikkostitwixxu parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku u li l-uniku skop tagħhom hu li jippermettu:

a)      trażmissjoni ta’ xogħol f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

b)      l-użu legali tiegħu

u li ma għandux valur ekonomiku awtonomu, ma humiex atti ta’ riproduzzjoni ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku.”

10      L-Artikolu 2 tal-Wet op de Naburige Rechten (liġi fuq id-drittijiet relatati, iktar ’il quddiem il-“liġi fuq id-drittijiet relatati”), jipprovdi:

“1.      L-artist li jeżegwixxi għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza waħda jew iktar mill-operazzjonijiet li ġejjin:

[…]

d.      it-trażmissjoni, it-trażmissjoni mill-ġdid, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew kull forma oħra ta’ komunikazzjoni ta’ eżekuzzjoni jew ta’ reġistrazzjoni ta’ eżekuzzjoni jew ta’ riproduzzjoni tagħha.

[…]”

11      L-Artikoli 6 tal-liġi fuq id-drittijiet relatati jipprevedi:

“1.      Il-produttur ta’ fonogramma għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza:

[…]

c.      it-trażmissjoni, it-trażmissjoni mill-ġdid, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew kull forma oħra ta’ komunikazzjoni ta’ fonogramma maħluqa minnu jew ta’ riproduzzjoni tagħha.

[…]”

12      L-Artikolu 7a tal-liġi fuq id-drittijiet relatati huwa redatt kif ġej:

“1.      Il-produttur tal-ewwel fissazzjonijiet ta’ films għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza:

[…]

c.      it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-ewwel fissazzjoni ta’ film maħluq minnu jew ta’ riproduzzjoni tiegħu.

[…]”

13      L-Artikolu 8 tal-liġi dwar id-drittijiet relatati jipprovdi:

“Organu ta’ xandir għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza waħda jew iktar mill-operazzjonijiet li ġejjin:

[…]

e.      it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew kull forma oħra ta’ komunikazzjoni ta’ reġistrazzjonijiet ta’ programmi jew ta’ riproduzzjonijiet tagħhom, ikunu liema jkunu l-mezzi tekniċi użati għal dan il-għan. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Stichting Brein hija fondazzjoni Olandiża ta’ difiża tal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

15      J. F. Wullems ibigħ, fuq numru ta’ siti tal-internet, fosthom is-sit tiegħu stess www.filmspeler.nl, mudelli differenti ta’ mediaplayer. Dan, mibjugħ taħt l-isem “filmspeler”, huwa apparat li jservi bħala intermedjarju bejn, minn naħa, sors ta’ data viżiva u/jew awditiva u, min-naħa l-oħra, skrin ta’ televiżjoni.

16      Fuq dan il-player, J. F. Wullems installa softwer b’sors miftuħ, li jippermetti li jinqraw fajls f’interfaċċa faċli biex tintuża permezz ta’ menù strutturati, u inkorpora ma’ dan, mingħajr ma mmodifikahom, add-ons disponibbli fuq l-internet, magħmula minn terzi, fejn uħud minnhom iwasslu speċifikament għal siti tal-internet li fuqhom xogħlijiet protetti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-dritt tal-awtur.

17      L-imsemmija add-ons jinkludu links li, meta jiġu attivati permezz tar-remote control tal-imsemmi mediaplayer, iwasslu għal siti tal-internet ta’ xandir permezz ta’ streaming operati minn terzi, fejn uħud minnhom jagħtu aċċess għal kontenut diġitali bl-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, filwaqt li oħrajn jagħtu aċċess għal tali kontenut mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, l-add‑ons għandhom bħala funzjoni li jisselezzjonaw il-kontenut mixtieq fis-siti ta’ xandir permezz ta’ streaming u dan jibda jixxandar, permezz ta’ sempliċi klikk, fuq il-mediaplayer mibjugħ minn J. F. Wullems konness ma’ skrin tat-televiżjoni.

18      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, J. F. Wullems irreklama l-mediaplayer “filmspeler”, fejn skont dan ir-reklam dan kien jippermetti b’mod partikolari li persuna tara b’xejn u faċilment, fuq skrin tat-televiżjoni, materjal awdjoviżiv disponibbli fuq l-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

19      Fit-22 ta’ Mejju 2014, Stichting Brein ordnat lil J. F. Wullems jinterrompi l-bejgħ ta’ dan il-mediaplayer. Fl-1 ta’ Lulju 2014, hija ppreżentat azzjoni kontra J. F. Wullems quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex din tordna lil dan tal-aħħar, essenzjalment, iwaqqaf il-bejgħ ta’ mediaplayers bħal “filmspeler” jew l-offerta ta’ links hypertext li jagħtu lill-utenti aċċess b’mod illegali għal xogħlijiet protetti.

20      Quddiem il-qorti tar-rinviju, Stichting Brein issostni li, billi kkummerċjalizza l-mediaplayer “filmspeler” J. F. Wullems wettaq “komunikazzjoni lill-pubbliku”, bi ksur tal-Artikoli 1 u 12 tal-liġi fuq id-drittijiet tal-awtur u tal-Artikoli 2, 6, 7a u 8 tal-liġi fuq id-drittijiet relatati. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, li fir-rigward tiegħu huma jiżguraw it-traspożizzjoni fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-qorti tar-rinviju tqis, f’dan ir-rigward, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li tingħata tweġiba ċerta għall-kwistjoni dwar jekk din hijiex komunikazzjoni lill-pubbliku taħt ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21      Barra minn hekk, quddiem il-qorti tar-rinviju, J. F. Wullems isostni li l-istreaming ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur minn sors illegali jaqa’ taħt l-eċċezzjoni ddikjarata fl-Artikolu 13a tal-liġi fuq id-drittijiet tal-awtur, li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 li tiegħu huwa t-traspożizzjoni fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar it-tifsira tar-rekwiżit ta’ “użu legali” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2001/29.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Midden-Nederland (qorti ta’ Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (Direttiva 2001/29/KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni, meta persuna tbiegħ prodott (mediaplayer) li fih jkun ġew installati add-ons li jinkludu hyperlinks għall-siti tal-internet li permezz tagħhom jingħata access dirett għal xogħolijiet koperti mid-dritt tal-awtur, bħal films, serji u xandiriet diretti, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur?

2)      Għandu xi effett:

–        il-fatt li x-xogħolijiet koperti mid-drittijiet tal-awtur ikkunsidrati flimkien ma kinux ġew preċedentement ippubblikati fuq l-internet jew ġew hekk ippubblikati biss permezz ta’ abbonamenti bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur,

–        il-fatt li l-add-ons li jinkludu hyperlinks għall-siti tal-internet li permezz tagħhom jingħata access dirett għal xogħolijiet koperti mid-dritt tal-awtur huma disponibbli mingħajr ħlas u jistgħu wkoll jiġu installati fil-mediaplayer mill-utenti stess,

–        il-fatt li s-siti tal-internet u b’hekk ukoll ix-xogħolijiet koperti mid-drittijiet tal-awtur li għalihom jingħata aċċess permezz tagħhom – mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur – huma aċċessibbli pubblikament mingħajr il-mediaplayer?

3)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ma jkunx hemm ‘użu legali’ fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ dik id-direttiva jekk issir riproduzzjoni temporanja mill-utenti finali matul l-istreaming ta’ xogħol kopert mid-drittijiet tal-awtur minn sit tal-internet terz li fih dak ix-xogħol kopert mid-drittijiet tal-awtur huwa offrut mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur/i tad-drittijiet tal-awtur?

4)      F’każ li tingħata risposta negattiva għat-tielet domanda, ir-riproduzzjoni temporanja nnifisha mill-utent finali matul l-istreaming ta’ xogħol kopert mid-drittijiet tal-awtur minn sit tal-internet li fih dan ix-xogħol kopert mid-drittijiet tal-awtur huwa offrut mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur/i tad-drittijiet tal-awtur, hija b’hekk kuntrarja għat-‘test fi tlett stadji’ li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva […]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari

23      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-bejgħ ta’ mediaplayer, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuqu add-ons ġew installati minn qabel, disponibbli fuq l-internet, li jinkludu links hypertext li jwasslu għal siti tal-internet aċċessibbli liberament mill-pubbliku li fuqhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-dritt.

24      Mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-awturi jibbenefikaw mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li persuna tagħżel li tagħmel dan b’mod individwali.

25      Skont din id-dispożizzjoni, l-awturi għandhom dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom li jindaħlu bejn l-utenti potenzjali tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li dan isir (sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 30, u tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Peress li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jispeċifikax il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, hemm lok li jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tiegħu fir-rigward tal-għanijiet segwiti minn din id-direttiva u fid-dawl tal-kuntest li fih tidħol id-dispożizzjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li mill-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li din għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Għaldaqstant il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandu jinftiehem fis-sens wiesa’, hekk kif tiddikjara espliċitament il-premessa 23 ta’ din id-direttiva (sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 36, u tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, fir-rigward tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, li huwa jinvolvi evalwazzjoni individwalizzata (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil “pubbliku” (sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 37, u tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Sabiex jiġi evalwat jekk utent iwettaqx att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ kriterji addizzjonali, ta’ natura mhux awtonoma u interdipendenti, kollha f’relazzjoni ma’ xulxin. Konsegwentement, huma għandhom jiġu applikati kemm individwalment kif ukoll fl-interazzjoni tagħhom ma’ xulxin, peress li dawn jistgħu, f’sitwazzjonijiet konkreti differenti, ikunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 78 u 79; tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 30, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 34].

31      Fost dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, qabel kollox, ir-rwol inevitabbli li għandu l-utent. Fil-fatt, dan l-utent iwettaq att ta’ komunikazzjoni meta jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ tali intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, bħala prinċipju, igawdu mix-xogħol imxandar (sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 46, u tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Sussegwentement, hija ppreċiżat li l-kunċett ta’ “pubbliku” jinkludi numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru ta’ persuni daqstant importanti (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 32; tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 41, u tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex ikun ikkwalifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, xogħol protett għandu jiġi kkomunikat skont mod tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi kkomunikat lil “pubbliku ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta jkunu awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tagħhom lill-pubbliku (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 26; tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 24, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 37).

34      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, numru ta’ drabi, li n-natura lukrativa ta’ komunikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ma hijiex nieqsa minn rilevanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 204; tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 42, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 38).

35      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk il-bejgħ ta’ mediaplayer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi osservat, hekk kif jirriżulta mill-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, li d-drittijiet tal-awtur ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, imsemmija fl-imsemmi Artikolu 3(1), ikopru kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol lill-pubbliku mhux preżenti fil-post ta’ oriġini tal-komunikazzjoni, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir.

36      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, sabiex ikun hemm “att ta’ komunikazzjoni”, jeħtieġ, b’mod partikolari, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku b’tali mod li l-persuni li jiffurmaw dan il-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalih, mingħajr ma jkun determinanti jekk jużawx jew le din il-possibbiltà (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-fatt li jiġu pprovduti, fuq sit tal-internet, links li jistgħu jiġu kklikkjati u li jwasslu għal xogħlijiet protetti ppubblikati mingħajr ebda restrizzjoni ta’ aċċess fuq sit ieħor joffri lill-utenti tal-ewwel sit aċċess dirett għall-imsemmija xogħlijiet (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 18; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International, C‑348/13, EU:C:2014:2315, punt 15 kif ukoll is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 43).

38      Dan huwa wkoll il-każ tal-bejgħ ta’ mediaplayer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      Ċertament, kif jirriżulta mill-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, is-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet intiżi li jippermettu li sseħħ jew sabiex isseħħ komunikazzjoni ma tikkostitwixxix fiha nfisha “komunikazzjoni” fis-sens ta’ din id-direttiva.

40      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, fir-rigward tal-provvista ta’ settijiet tat-televiżjoni fil-kmamar tal-lukandi, li, għalkemm is-“sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet fiżiċi” ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha “komunikazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2001/29, xorta jibqa’ l-fatt li din l-installazzjoni tista’ tippermetti li jsir teknikament possibbli li l-pubbliku jkollu aċċess għax-xogħlijiet imxandra. Għalhekk, jekk, permezz tas-settijiet tat-televiżjoni hekk installati, il-lukanda tqassam is-sinjal lill-klijenti tagħha alloġġjati fil-kmamar ta’ dan l-istabbiliment, ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir magħrufa t-teknika tat-trażmissjoni tas-sinjal użata (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 46).

41      Bl-istess mod, hemm lok li jitqies li din ma hijiex, f’dan il-każ, “sempliċi” provvista ta’ installazzjonijiet fiżiċi intiża li tippermetti li sseħħ jew sabiex isseħħ komunikazzjoni. Fil-fatt, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, J. F. Wullems ipproċeda, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, għall-installazzjoni minn qabel, fuq il-mediaplayer “filmspeler”, li huwa jikkummerċjalizza, ta’ add‑ons li jippermettu speċifikament lix-xerrejja tiegħu jkollhom aċċess għax-xogħlijiet protetti ppubblikati fuq siti ta’ streaming mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fejn dawn ix-xerrejja jkunu jistgħu jivviżwalizzaw dawn ix-xogħlijiet fuq l-iskrin tat-televiżjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 42). Peress li din l-operazzjoni tippermetti li tiġi stabbilita rabta diretta bejn is-siti tal-internet li jxandru x-xogħlijiet iffalsifikati u x-xerrejja tal-imsemmi mediaplayer, li mingħajru dawn tal-aħħar jkunu biss diffiċilment jistgħu jgawdu x-xogħlijiet protetti, tali attività ma hijiex l-istess bħas-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet fiżiċi, imsemmija fil-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-siti tal-internet ta’ streaming inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex faċilment identifikabbli mill-pubbliku u, fir-rigward ta’ maġġoranza minn fosthom, jinbidlu b’mod frekwenti.

42      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-provvista ta’ mediaplayer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti, fid-dawl tal-add‑ons li ġew installati minn qabel fuqu, li jkollhom aċċess, permezz ta’ menù strutturati, għal-links li jinkludu l-imsemmija add‑ons li, meta jiġu attivati permezz ta’ tar-remote control ta’ dan il-mediaplayer, joffru lill-utenti tiegħu aċċess dirett għax-xogħlijiet protetti ppubblikati mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, u għandu jitqies bħala att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

43      Fit-tieni lok, biex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ ulterjorment li x-xogħlijiet protetti jiġu effettivament ikkomunikati lil pubbliku (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 31).

44      F’dan ir-r-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ “pubbliku” jinvolvi ċertu limitu de minimis, li jeskludi minn dan il-kunċett numru ta’ persuni kkonċernati żgħir wisq, jew saħansitra insinjifikanti. Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat dan in-numru, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet lil destinatarji potenzjali. B’hekk, ma huwiex rilevanti biss li jsir magħruf kemm persuni għandhom aċċess għall-istess xogħol b’mod parallel, iżda jeħtieġ ukoll li jkun magħruf kemm minnhom għandhom suċċessivament aċċess għalih [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 35; tas-27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 28, u tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

45      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-mediaplayer “filmspeler” inxtara minn numru kunsiderevoli biżżejjed ta’ persuni. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda lix-xerrejja kollha potenzjali ta’ dan il-mediaplayer li għandhom konnessjoni għall-internet. Dawn il-persuni jistgħu jaċċedu għax-xogħlijiet protetti b’mod parallel, fil-kuntest tal-istreaming tax-xogħlijiet inkwistjoni fuq l-internet. B’hekk, din il-komunikazzjoni hija intiża għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u timplika numru kbir ta’ persuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147 punti 35 u 36).

46      Għalhekk, permezz tal-komunikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ix-xogħlijiet protetti huma effettivament ikkomunikati lil “pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

47      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn ix-xogħlijiet ġewx ikkomunikati lil pubbliku “ġdid” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 24 u 31) kif ukoll fid-digriet tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International, C‑348/13, EU:C:2014:2315), iddeċidiet li tali pubbliku huwa pubbliku li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta dawn tal-aħħar awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali. Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 43), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dawn id-deċiżjonijiet jikkonfermaw l-importanza ta’ awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet protetti li ġew magħmula liberament disponibbli fuq sit tal-internet fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi preċiżament li kull att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol protett lill-pubbliku għandu jiġi awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

48      Fil-fatt, mis-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li t-tqegħid, fuq sit tal-internet, ta’ hypertext links lejn xogħol protett li ġie magħmul liberament disponibbli fuq sit ieħor tal-internet, bl-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan ix-xogħol, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, peress li u sa fejn dan ix-xogħol huwa liberament disponibbli fuq sit tal-internet li għalih l-hypertext link jippermetti li jkun hemm aċċess, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, meta d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan ix-xogħol ikunu awtorizzaw tali komunikazzjoni, huma jkunu ħadu inkunsiderazzjoni lill-utenti kollha tal-internet bħala pubbliku, b’tali mod li l-att ta’ komunikazzjoni inkwistjoni ma jiġix affetwat quddiem pubbliku ġdid. Madankollu, l-istess kunsiderazzjoni ma tistax tiġi dedotta minn dawn is-sentenzi fl-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punti 42 u 43).

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qalet, qabel kollox, li meta jkun ġie stabbilit li persuna li toffri aċċess dirett għal xogħlijiet protetti kienet taf jew kellha tkun taf li l-hypertext link li hija qiegħdet tagħti aċċess għal xogħol ippubblikat illegalment fuq l-internet, ikun hemm lok li jitqies li l-provvista ta’ dan il-link tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ma’ dan, sussegwentement, li l-istess jgħodd fl-ipoteżi fejn dan il-link jippermetti lill-utenti tas-sit tal-internet li fuqu jidher dan il-link jevitaw miżuri ta’ restrizzjoni adottati mis-sit li fuqu jinsab ix-xogħol protett sabiex l-aċċess għalih mill-pubbliku jkun ristrett għall-abbonati biss, fejn it-tqegħid ta’ dan il-link għalhekk jikkostitwixxi intervent intenzjonat li mingħajru l-imsemmija utenti ma jkunux jistgħu jgawdu mix-xogħlijiet trażmessi. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, meta t-tqegħid ta’ hypertext links isir bi skop ta’ lukru, jista’ jkun mistenni mill-awtur ta’ tali tqegħid li jwettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiżgura ruħu li x-xogħol ikkonċernat ma huwiex ippubblikat illegalment fuq is-sit li jwasslu għalih l-imsemmija hypertext links, b’mod li hemm lok li wieħed jippreżumi li dan it-tqegħid ikun sar b’kuxjenza sħiħa tan-natura protetta tal-imsemmi xogħol u tal-assenza eventwali ta’ awtorizzazzjoni ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur. F’tali ċirkustanzi, u sakemm din il-preżunzjoni konfutabbli ma tiġix ikkonfutata, l-att li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ link li jsir klikk fuqu lejn xogħol illegalment ippubblikat fuq l-internet jikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punti 49 sa 51).

50      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-bejgħ tal-mediaplayer “filmspeler” sar b’għarfien sħiħ taċ-ċirkustanza li l-add‑ons li jinkludu l-hypertext links installati minn qabel fuq l-imsemmi mediaplayer jagħtu aċċess għal xogħlijiet ippubblikati illegalment fuq l-internet. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, ir-reklami relatati ma’ dan il-mediaplayer isemmu speċifikament li dan jippermetti b’mod partikolari li persuna tara gratuwitament u faċilment, fuq l-iskrin tat-televiżjoni, materjal awdjoviżiv disponibbli fuq l-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

51      Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li l-provvista tal-imsemmi mediaplayer isir bil-għan li jinkiseb vantaġġ, fejn il-prezz għal dan l-istess mediaplayer jitħallas b’mod partikolari sabiex jinkiseb aċċess dirett għax-xogħlijiet protetti, disponibbli fuq siti ta’ xandir permezz ta’ streaming mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Kif sostna l-gvern Portugiż, l-attrazzjoni prinċipali ta’ tali mediaplayer għax-xerrejja potenzjali tinsab preċiżament fil-fatt li fih jiġu installati minn qabel add‑ons li jippermettu lill-utenti jaċċedu għal siti li fihom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni films protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dan id-dritt.

52      Għalhekk, hemm lok li jitqies li l-bejgħ ta’ tali mediaplayer jikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi magħmula tkun li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-bejgħ ta’ mediaplayer, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuqu ġew installati minn qabel add‑ons, disponibbli fuq l-internet, li jinkludu hypertext links li jwasslu għal siti tal-internet liberament aċċessibbli għall-pubbliku li fuqhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dan id-dritt.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

54      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni sostniet li t-tielet u r-raba’ domandi huma ipotetiċi, ġaladarba huma relatati max-xandir permezz ta’ streaming ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur u mhux mal-bejgħ ta’ mediaplayer.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika eventwali, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56      Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ulterjorment meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli elementi fattwali u legali neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, hija stabbilita relazzjoni bejn it-tielet u r-raba’ domandi mar-realtà tal-kawża prinċipali, fejn il-qorti tar-rinviju speċifikat, bi tweġiba għal talba għal kjarifiki fformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li hija neċessarja risposta għal dawn id-domandi sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-pretensjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li talbet b’mod partikolari lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li l-konsultazzjoni permezz ta’ streaming ta’ xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur minn sors illegali ma huwiex “użu legali” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29.

58      Għaldaqstant id-domandi huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

59      Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) u (5), tad-Direttiva 2001/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ riproduzzjoni temporanja, fuq mediaplayer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ xogħol protett mid-dritt tal-awtur miksub permezz ta’ xandir permezz ta’ streaming fuq sit tal-internet li jappartjeni lil terza persuna li jipproponi dan ix-xogħol mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt tal-awtur jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddikjarati fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

60      Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, att ta’ riproduzzjoni huwa eżentat mid-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tagħha biss jekk huwa jissodisfa ħames kundizzjonijiet, jiġifieri meta

–        dan l-att huwa temporanju;

–        huwa tranżitorju jew inċidentali;

–        jikkostitwixxi parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku;

–        l-iskop ta’ dan il-proċess huwa li jippermetti trażmissjoni f’netwerk bejn terzi minn intermedjarju jew użu legali ta’ xogħol jew ta’ oġġett protett, u;

–        l-imsemmi att ma jkollux sinjifikat ekonomiku indipendenti.

61      Qabel kollox, hemm lok li jiġi osservat li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minnhom biss għandha bħala konsegwenza li l-att ta’ riproduzzjoni ma jiġix eżentat, taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, mid-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tagħha (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 55; digriet tas-17 ta’ Jannar 2012, Infopaq International, C‑302/10, EU:C:2012:16, punt 26).

62      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjonijiet elenkati iktar ’il fuq għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta, peress li l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi deroga għar-regola ġenerali stabbilita minnha li tirrikjedi li l-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur jawtorizza kull riproduzzjoni tax-xogħol protett tiegħu (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punti 56 u 57; tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 162; digriet tas-17 ta’ Jannar 2012, Infopaq International, C‑302/10, EU:C:2012:16, punt 27, kif ukoll is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Public Relations Consultants Association, C‑360/13, EU:C:2014:1195, punt 23).

63      Dan huwa wisq iżjed minnu inkwantu din l-eżenzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li skontha l-imsemmija eżenzjoni hija applikabbli biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jippreġudikawx l-użu normali tax-xogħol jew ta’ oġġett ieħor protett u lanqas ma jikkawżaw preġudizzju inġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 58).

64      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-unika għan tal-proċedura inkwistjoni huwa li tkun tista’ ssir trażmissjoni f’netwerk bejn terzi permezz jew b’użu illegali ta’ xogħol jew oġġett protett, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-atti ta’ riproduzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex intiżi li jippermettu tali trażmissjoni. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-atti għandhomx bħala uniku għan li jkun jista’ jsir użu legali ta’ xogħol jew ta’ oġġett protett.

65      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 33 tad-Direttiva 2001/29, użu jitqies li huwa legali meta jiġi awtorizzat mid-detentur tad-dritt ikkonċernat jew meta dan ma jkunx limitat mil-leġiżlazzjoni applikabbli (ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 168; kif ukoll id-digriet tas-17 ta’ Jannar 2012, Infopaq International, C-302/10, EU:C:2012:16, punt 42).

66      Peress li l-użu tax-xogħlijiet inkwistjoni ma huwiex, fil-kawża prinċipali, awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk l-atti inkwistjoni humiex intiżi li jippermettu użu ta’ xogħlijiet li ma huwiex limitat mil-leġiżlazzjoni applikabbli, fejn tali evalwazzjoni għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni, hekk kif tfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanza li l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 hija applikabbli biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jippreġudikawx l-użu normali tax-xogħol u lanqas ma jikkawżaw preġudizzju inġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt.

67      Fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 170 sa 172), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, mill-perspettiva tat-telespettaturi, l-atti effimeri ta’ riproduzzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, li kienu jippermettu l-funzjonament korrett tad-dekoder tas-satellita u tal-iskrin tat-televiżjoni, kienu jrendu possibbli r-riċezzjoni tat-trażmissjonijiet li jinkludu xogħlijiet protetti. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’dan ir-rigward, li sempliċi riċezzjoni ta’ dawn it-trażmissjonijiet fiha nnifisha, jiġifieri l-qbid u l-viżwalizzazzjoni tagħhom, f’ambitu privat, ma tikkostitwixxix att limitat mil-leġiżlazzjoni applikabbli u li tali riċezzjoni kellha tiġi kkunsidrata legali fil-każ ta’ trażmissjonijiet li joriġinaw minn Stat Membru ieħor meta din issir permezz ta’ apparat ta’ dekodifikazzjoni barrani. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-atti ta’ riproduzzjoni inkwistjoni kellhom bħala għan uniku li jippermettu “użu legali” tax-xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2001/29.

68      Bl-istess mod, fid-digriet tagħha tas-17 ta’ Jannar 2012, Infopaq International (C‑302/10, EU:C:2012:16, punti 44 u 45), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-redazzjoni ta’ sinteżi ta’ artikli tal-istampa, minkejja li ma ġietx awtorizzata mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq dawn l-artikli, ma kinitx limitata mil-leġiżlazzjoni applikabbli, b’tali mod li l-użu inkwistjoni ma setax jitqies bħala illegali.

69      B’kuntrast, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kontenut tar-reklamar magħmul għall-mediaplayer inkwistjoni msemmi fil-punt 18 ta’ din is-sentenza u taċ-ċirkustanza, ikkonstatata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li l-attrazzjoni prinċipali tal-imsemmi mediaplayer għax-xerrejja potenzjali tinsab fl-installazzjoni minn qabel tal-add‑ons ikkonċernati, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, huwa b’mod deliberat u f’għarfien sħiħ tal-fatti li x-xerrej ta’ tali mediaplayer jaċċedi għal offerta gratuwita u mhux awtorizzata ta’ xogħlijiet protetti.

70      Hemm ukoll lok li jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, l-atti ta’ riproduzzjoni temporanja, fuq mediaplayer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li għalihom jinkiseb aċċess permezz ta’ xandir permezz ta’ streaming fuq siti tal-internet li jappartjenu lil terzi li jipproponu dawn ix-xogħlijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dan id-dritt huma tali li jippreġudikaw l-użu normali ta’ tali xogħlijiet u li jikkawżaw preġudizzju inġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detenturi tad-dritt, peress li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 u 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, normalment jirriżulta tnaqqis fit-tranżazzjonijiet legali relatati ma’ dawn ix-xogħlijiet protetti, li joħloq preġudizzju inġustifikat għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 39).

71      Għaldaqstant l-imsemmija atti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2001/29.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ riproduzzjoni temporanja, fuq mediaplayer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur miksub permezz ta’ xandir bi streaming fuq sit tal-internet li jappartjeni lil terza persuna li jipproponi dan ix-xogħol mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet iddikjarati fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-bejgħ ta’ mediaplayer, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuqu ġew installati minn qabel addons, disponibbli fuq l-internet, li jinkludu hypertext links li jwasslu għal siti tal-internet liberament aċċessibbli għall-pubbliku li fuqhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dan id-dritt.

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ riproduzzjoni temporanja, fuq mediaplayer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur miksub permezz ta’ xandir bi streaming fuq sit tal-internet li jappartjeni lil terza persuna li jipproponi dan ix-xogħol mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet iddikjarati fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.