SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni Doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 212a – Proċeduri ta’ importazzjoni – Dejn doganali – Eżenzjoni – Dumping – Sussidji – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti ewlenin tagħhom (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 u Nru 1239/2013 li jimponu dazju antidumping u dazju kumpensatorju – Eżenzjonijiet”

Fil-Kawża C‑226/18

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Krohn & Schröder GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Hafen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Krohn & Schröder GmbH, minn L. Harings, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros, B.‑R. Killmann, T. Maxian Rusche u F. Clotuche‑Duvieusart, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 212a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 13) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), tal-Artikolu 3(1)(a) sa (c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 1) u tal-Artikolu 2(1)(a) sa (c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 66).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Krohn & Schröder GmbH u l-Hauptzollamt Hamburg-Hafen (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali tal-Port ta’ Hamburg, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali Prinċipali”), dwar l-impożizzjoni fuq din il-kumpannija ta’ dazju antidumping u ta’ dazju kompensatorju minħabba li naqset milli tissodisfa obbligu marbut mal-ħażna temporanja tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-regolamenti doganali

3        Skont l-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali:

“‘Dazji fuq l-importazzjoni’ tfisser:

dazji doganali u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali li għandhom jitħallsu fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija,

[…]”

4        L-Artikolu 36a ta’ dan il-kodiċi jiddisponi:

“1.      Il-merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Komunità għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni fil-qosor, ħlief merkanzija trasportata b’mezzi ta’ trasport li jkunu biss fi transitu fl-ilmijiet territorjali jew fl-ispazju ta’ l-arja tat-territorju doganali mingħajr waqfien f’dan it-territorju.

2.      Id-dikjarazzjoni fil-qosor għandha tiġi preżentata fl-uffiċċju doganali tad-dħul.

[…]”

5        L-Artikolu 49(1) ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“Fejn merkanzija tkun koperta b’dikjarazzjoni sommarja, il-formalitajiet neċessarji sabiex tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana għandhom jitwettqu fi żmien:

[…]

(a)      20 jum mid-data li fiha d-dikjarazzjoni sommarja tiġi preżentata fil-każ ta’ merkanzija li tkun inġarret b’mod ieħor mhux bil-baħar”.

6        L-Artikolu 53(1) ta’ dan l-istess kodiċi jipprevedi:

“L-awtoritajiet doganali għandhom mingħajr dewmien jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inkluż il-bejgħ tal-merkanzija, biex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni ta’ merkanzija li fir-rigward tagħhom il-formalitajiet neċessarji sabiex hija tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana ma jkunux inbdew fil-perjodi stabbiliti skond l-Artikolu 49.”

7        L-Artikolu 184 tal-Kodiċi Doganali jiddisponi:

“Il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jistabbilixxi l-każijiet li fihom, minħabba ċirkostanzi speċjali, eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandha tingħata fejn merkanziji jiġu meħlusa għal ċirkolazzjoni libera jew jiġu esportati.”

8        L-Artikolu 204(1)(a) ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

(a)      tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu”.

9        Skont l-Artikolu 212a tal-istess kodiċi:

“Fejn il-liġijiet tad-dwana jipprovdu għal trattament favorevoli ta’ tariffa fuq l-oġġetti għar-raġuni tan-natura jew l-użu aħħari jew għal solliev jew eżenzjoni totali jew parzjali tad-dazji ta’ importazzjoni jew esportazzjoni skond l-Artikoli 21, 82, 145 jew 184 sa 187, dan it-trattament favorevoli ta’ tariffa, solliev jew eżenzjoni għandu wkoll japplika għall-każi fejn dejn mad-dwana jintefaq skond l-Artikoli 202 sa 205, 210 jew 211, bil-kondizzjoni li l-imġiba tal-persuna interessata ma tinvolvi la negozju frawdulenti u lanqas negliġenza fid-dieher u li tipproduċi xiehda li l-kondizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni ta’ trattament favorevoli kienu sodisfatti.”

 Il-miżuri għad-difiża kummerċjali

10      Skont il-premessi 6 u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/423/UE tat‑2 ta’ Awwissu 2013 li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 209, p. 26):

“(6)      Barra minn hekk, l-esportaturi Ċiniżi, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ qlib għal kumpaniji oħra u jagħmluha possibbli u prattika sabiex l-għadd ta’ esportaturi parteċipanti jiġu mmonitorjati, offrew li jiżguraw li l-volum tal-importazzjonijiet magħmula taħt impenn jikkorrispondu bejn wieħed u ieħor fuq livell annwali mal-prestazzjoni attwali tagħhom fis-suq.

[…]

(8)      L-effett dannuż tad-dumping għalhekk jiġi eliminat permezz tal-impenn dwar il-prezzijiet li jkopri l-importazzjonijiet fil-livell relatat annwali, u barra minn hekk b’dazju provviżorju ad valorem miġbur minn fuq importazzjonijiet ogħla mil-livell annwali kif hemm referenza għalih fil-premessa 6 ta’ hawn fuq.”

11      Il-premessi 13 u 14 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/707/UE tal‑4 ta’ Diċembru 2013 li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ anti-dumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU 2013, L 325, p. 214 u rettifika fil-ĠU 2014, L 104, p. 82) jistabbilixxu:

“(13)      Il-[prezzijiet minimi ta’ importazzjoni (MIP)] u l-livell annwali huma soġġetti għas-segretezza professjonali […] […]

(14)      […] Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għal MIP u livell annwali li ma għandux ikun żvelat f’livell akbar ta’ dettall.”

12      L-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 jistabbilixxi:

“Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.”

13      L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi:

“1.      Importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera għal prodotti li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi tal-NM ex 8541 40 90 (kodiċijiet TARIC 8541409021, 8541409029, 8541409031 u 8541409039) li huma fatturati minn kumpaniji li l-Kummissjoni taċċettata l-impenji tagħhom u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE, għandhom ikunu eżentati mid-dazju antidumping impost mill-Artikolu 1, bil-kundizzjoni li:

(a)      kumpanija elenkata fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE mmanifatturat, bagħtet u fatturat direttament il-prodotti msemmija hawn fuq jew permezz tal-kumpanija relatata magħha elenkata wkoll fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE jew lill-kumpaniji relatati magħha fl-Unjoni li jaġixxu bħala importatur u jawtorizzaw l-prodotti għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni jew lill-ewwel klijent indipendenti li jaġixxi bħala importatur u li jawtorizza l-prodotti għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni;

(b)      it-tali importazzjonijiet huma akkumpanjati minn fattura tal-impenn li hija fattura kummerċjali li tal-inqas fiha l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament;

(c)      it-tali importazzjonijiet huma akkumpanjati minn Ċertifikat ta’ Impenn ta’ Esportazzjoni skont l-Anness IV ta’ dan ir-Regolament; u

(d)      il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jikkorrispondu bl-eżatt għad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ impenn.

2.      Dejn mad-dwana għandu jiġġarrab fil-mument ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera:

(a)      kull meta jkun stabbilit, fir-rigward tal-importazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1, li waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet elenkati f’dak il-paragrafu mhumiex issodisfati […]

[…]”

14      L-Anness III ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jelenka l-elementi li għandhom jiġu inklużi fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-merkanzija suġetta għal impenn li ġiet aċċettata u li tinbiegħ fl-Unjoni. Il-punt 9 ta’ dan l-anness jippreċiża li din il-fattura għandha tinkludi:

“Isem l-uffiċjal tal-kumpanija li ħareġ il-Fattura Kummerċjali u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja:

‘Jien, il-firmatarju, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lejn l-Unjoni Ewropea tal-prodotti koperti b’din il-fattura qiegħed isir fl-ambitu u skont it-termini tal-Impenn offrut minn [il-KUMPANIJA], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/707/UE. Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.’”

15      Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013:

“Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.”

16      L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jiddisponi:

“1.      L-importazzjonijiet ddikjarati biex jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera għal prodotti li bħalissa jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM [ex 8541 40 90] (kodiċijiet TARIC 8541409021, 8541409029, 8541409031 u 8541409039) li huma fatturati minn kumpaniji li minnhom huma aċċettati impriżi mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE, jiġu eżentati mid-dazju antisussidji impost mill-Artikolu 1, bil-kundizzjoni li:

(a)      kumpanija elenkata fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE immanifatturat, bagħtet u ffatturat b’mod dirett il-prodotti msemmija hawn fuq jew permezz tal-kumpanija relatata tagħha li hija elenkata wkoll fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE jew il-kumpaniji relatati tagħhom fl-Unjoni li jaġixxu bħala importatur u li jikklirjaw l-oġġetti għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni jew l-ewwel klijent indipendenti li jaġixxi bħala importatur u li jikklirja l-oġġetti għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni;

(b)      tali importazzjonijiet huma akkumpanjati minn fattura ta’ impriża li hija fattura kummerċjali li jkun fiha tal-anqas l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament;

(c)      tali importazzjonijiet huma akkumpanjati minn Ċertifikat ta’ Impenn ta’ Esportazzjoni skont l-Anness 3 ta’ dan ir-Regolament; u

(d)      l-oġġetti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jikkorrispondu b’mod preċiz għad-deskrizzjoni dwar il-fattura ta’ impriża.

2.      Id-dejn doganali jiġġarrab meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera:

(a)      kull meta jkun stabbilit, fir-rigward tal-importazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1, li waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet elenkati f’dak il-paragrafu mhumiex sodisfatti […]

[…]”

17      L-Anness 2 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jelenka l-elementi li għandhom jiġu inklużi fil-fattura kummerċjali li takkumpanja l-merkanzija suġetta għal impenn li ġiet aċċettata u li tinbiegħ fl-Unjoni. Il-punt 9 ta’ dan l-anness jippreċiża li din il-fattura għandha tinkludi:

“L-isem tal-uffiċjal tal-Kumpanija li ħareġ il-Fattura Kummerċjali u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja:

‘Jien, is-sottoskritt/a, niċċertifika li l-bejgħ għal esportazzjoni diretta lejn l-Unjoni Ewropea tal-oġġetti koperti minn din il-fattura qiegħed isir taħt il-kamp ta’ applikazzjoni u skont it-termini tal-Impriża offerta minn [KUMPANIJA], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta fuq din il-fattura hija kompluta u korretta.’”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tmexxi maħżen fil-port ta’ Hamburg (il-Ġermanja). Fil‑21 ta’ Awwissu 2014, hija ħażnet fih żewġ kunsinni ta’ moduli fotovoltajċi, li għalihom għamlet dikjarazzjoni sommarja, u qegħdithom f’ħażna temporanja.

19      Fil‑11 ta’ Settembru 2014, l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-fatt li ma kienet issodisfat l-ebda formalità bil-għan li din il-merkanzija tingħata trattament jew użu ieħor approvat mid-dwana fit-terminu ta’ għoxrin jum previst mill-Artikolu 49 tal-Kodiċi Doganali. Huwa talabha wkoll tissottometti d-dokumenti meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dazji doganali applikabbli.

20      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bagħat lill-Uffiċċju Doganali Prinċipali dokumenti li juru li l-merkanzija kkonċernata kienet immanifatturata minn Wuxi Suntech Power, kumpannija Ċiniża li isimha jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, u li dawn kienu ntbagħtu lil kumpannija fil-Ġermanja li hija affiljata magħha. Fost dawn id-dokumenti hemm fattura ta’ Wuxi Suntech Power, tal‑11 ta’ Lulju 2014, li kienet tinkludi riferiment għad-Deċiżjoni 2013/423, kif ukoll Ċertifikat ta’ Impenn ta’ Esportazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi, li kienet tinkludi riferiment għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707.

21      Permezz ta’ opinjoni tal‑24 ta’ Novembru 2014, l-Uffiċċju Doganali Prinċipali stabbilixxa, b’mod partikolari, dazju antidumping u dazju kumpensatorju fuq il-merkanzija, wara li kkunsidra li, konformement mal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali, tnissel dejn doganali fil‑11 ta’ Settembru 2014, minħabba nuqqas ta’ osservanza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 49 ta’ dan il-kodiċi.

22      Fit‑28 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment kontra din l-opinjoni. Hija tafferma, b’mod partikolari, li, anki fil-każ ta’ tnissil ta’ dejn doganali bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu ta’ ħażna temporanja, l-eżenzjonijiet mid-dazji antidumping u mid-dazji kumpensatorji previsti, rispettivament, fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 kellhom jiġu applikati skont l-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali bħala trattament tariffarju favorevoli jew eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni msemmija f’dan l-aħħar artikolu. Hija indikat li r-riferiment, fil-fattura kummerċjali, għad-Deċiżjoni 2013/423 minflok id-Deċiżjoni 2013/707 kienet irrilevanti.

23      Fl‑4 ta’ Mejju 2015, l-Uffiċċju Doganali Prinċipali naqqas ir-rata tad-dazji antidumping u tad-dazji kumpensatorji għar-rati applikabbli għall-moduli fotovoltajċi mmanifatturati minn Wuxi Suntech Power, previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“Regolamenti ta’ Implimentazzjoni”). Madankollu, hija rrifjutat li tagħti eżenzjoni minn dawn id-dazji, fuq il-bażi li l-kundizzjonijiet previsti sabiex tibbenefika minnhom ma ġewx issodisfatti, peress li l-fattura ta’ impenn issottomessa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tinkludi riferiment mhux għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 iżda għad-Deċiżjoni 2013/423.

24      Fid‑19 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssottomettiet fattura ta’ impenn korretta, b’riferiment għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707.

25      Wara li ġiet iddepożitata l-garanzija meħtieġa, l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta r-rilaxx tal-merkanzija u din intbagħtet lill-kumpanija affiljata mal-esportatur Ċiniż ikkonċernat.

26      Fis‑7 ta’ Lulju 2015, l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ċaħad l-ilment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali billi tenna l-argument tiegħu li l-merkanzija ma kinitx irċeviet trattament jew użu ġdid approvat mid-dwana fl-iskadenza tat-terminu ta’ ħażna temporanja. Barra minn hekk, huwa ddikjara li d-dazji antidumping u d-dazji kumpensatorji ma kinux jikkostitwixxu trattament favorevoli jew eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali.

27      L-Uffiċċju Doganali Prinċipali qies li l-eżenzjoni prevista mir-regolamenti ta’ implimentazzjoni ma setgħetx tingħata, peress li l-merkanzija kkonċernata ma kinitx is-suġġett ta’ rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera u l-fattura prodotta ma ssodisfatx ir-rekwiżiti formali stabbiliti minn dawn ir-regolamenti.

28      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja).

29      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-eżenzjonijiet minn dazji antidumping u minn dazji kumpensatorji jikkostitwixxu trattament tariffarju favorevoli jew, għall-inqas, eżenzjonijiet minn dazji doganali, fis-sens tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali. Hija tqis ukoll li l-fattura li inizjalment ġiet ippreżentata lill-Uffiċċju Doganali Prinċipali kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fir-regolamenti ta’ implimentazzjoni u għalhekk a fortiori anki l-fattura rrettifikata. Hija indikat li r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 212a u li, għalhekk, ma jkunx meħtieġ li hija tipproduċi fattura ta’ impenn fid-data li fiha t-terminu previst fl-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi Doganali ma ġiex osservat.

30      L-Uffiċċju Doganali Prinċipali jqis, prinċipalment, li l-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali ma huwiex applikabbli, peress li eżenzjoni mid-dazji antidumping u mid-dazji kumpensatorji ma tikkostitwixxi la trattament favorevoli, minħabba n-natura tal-merkanzija, u lanqas eżenzjoni ta’ natura mhux tariffarja. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet kollha previsti mir-regolamenti ta’ implimentazzjoni ma jiġux issodisfatti jekk id-debitur tad-dazji doganali ma jkunx il-persuna li isimha jissemma fuq il-fattura. Barra minn hekk, ma jkunx possibbli li tiġi prodotta a posteriori fattura kummerċjali modifikata.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 212a [tal-Kodiċi Doganali) japplika wkoll għall-eżenzjoni ta’ dazju antidumping u kumpensatorju skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1239/2013?

2)      Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għal dejn doganali inkors skont l-Artikolu 204(1) ta’ dan il-kodiċi, minħabba l-qbiż tat-terminu previst fl-Artikolu 49(1) ta’ dan il-kodiċi, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1238/2013 u fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1239/2013 hija ssodisfatta meta l-kumpannija marbuta ma’ dik iċċitata fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE (li pproduċiet, bagħtet u ffatturat il-prodott ikkonċernat) żgur li ma aġixxietx bħala importatur tal-prodott ikkonċernat u lanqas ma rrilaxxatu għal ċirkulazzjoni libera, iżda madankollu kellha tali intenzjoni, u effettivament irċeviet kunsinna tal-prodott ikkonċernat?

3)      Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta affermattiva għat-tieni domanda, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għal dejn doganali inkors skont l-Artikolu 204(1) ta’ dan il-kodiċi, minħabba l-qbiż tat-terminu previst fl-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi Doganali, fattura konformi u ċertifikat ta’ impenn għall-esportazzjoni konformi fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u (c) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(1)(b) u (c) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1239/2013 ikunu għadhom jistgħu jiġu ppreżentati f’terminu stabbilit mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 53(1) tal-Kodiċi Doganali?

4)      Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta affermattiva għat-tielet domanda, fattura konformi fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1239/2013 li, minflok id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE, tiċċita d-Deċiżjoni 2013/243/UE, tissodisfa, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u b’kunsiderazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, il-kundizzjonijiet tal-punt 9 tal-Anness III tar-Reglament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1238/2013 u tal-punt 9 tal-Anness 2 tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1239/2013?

5)      Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għar-raba’ domanda, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 212a] tal-Kodiċi Doganali għal dejn doganali inkors skont l-Artikolu 204(1) ta’ dan il-kodiċi, minħabba l-qbiż tat-terminu previst fl-Artikolu 49(1) ta’ dan il-kodiċi, fattura konformi fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 1239/2013 tkun għadha tista’ tiġi ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura ta’ lment kontra d-determinazzjoni tad-dejn doganali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

32      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-eżenzjonijiet mid-dazji antidumping u mid-dazji kumpensatorji, rispettivament previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013.

33      L-ewwel nett, ta’ min jinnota li l-leġiżlazzjoni doganali kollha kemm hija, kif stipulata b’mod partikolari fil-Kodiċi Doganali, hija applikabbli għad-dazji antidumping jew għad-dazji kumpensatorji biss jekk ir-regolamenti li jistabbilixxu dawn id-dazji jipprevedu dan.

34      F’din il-kawża, l-Artikolu 1(3) tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni jistabbilixxi li, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni kuntrarja f’dawn ir-regolamenti, l-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali huwa, bħala prinċipju, applikabbli għall-eżenzjonijiet mid-dazji antidumping u mid-dazji kumpensatorji previsti minn dawn ir-regolamenti.

35      Madankollu, l-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għandu japplika biss jekk tali eżenzjonijiet jitqiesu, fis-sens ta’ dan l-artikolu, bħala trattament tarrifarju favorevoli ta’ merkanzija minħabba n-natura jew l-użu partikolari tagħha, eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni jew mid-dazji fuq l-esportazzjoni skont l-Artikoli 21, 82, 145 jew 184 sa 187 ta’ dan il-kodiċi.

36      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali jinkludi fost id-dazji fuq l-importazzjoni id-dazji doganali u t-taxxi li għandhom effett ekwivalenti previsti fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija.

37      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-taxxi li għandhom effett ekwivalenti jikkonsistu fi kwalunkwe ħlas, impost b’mod unilaterali, irrispettivament mid-denominazzjoni u mit-teknika tiegħu, u li jaffettwaw il-merkanzija minħabba l-fatt li huma jaqsmu l-fruntiera, minkejja li dan ma huwiex eżattament dazju doganali (sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2006, Koornstra, C‑517/04, EU:C:2006:375, punt 15, u tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C‑248/04, EU:C:2006:666, punt 30).

38      Madankollu, id-dazji antidumping u d-dazji kumpensatorji huma ħlasijiet imposti b’mod unilaterali, li jaffettwaw il-merkanzija minħabba l-fatt li jaqsmu l-fruntiera tal-Unjoni u jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni. Konsegwentement, jikkostitwixxu taxxi li għandhom effett ekwivalenti għad-dazji doganali, fis-sens tal-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali.

39      Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali, il-kunċett ta’ “eżenzjoni”, f’dan l-artikolu, għandu jinftiehem bħala li jirreferi, b’mod partikolari, għal limitu fiss f’termini ta’ kwantità jew ta’ valur, applikat għall-merkanzija importata fit-territorju tal-Unjoni, li fir-rigward tagħha l-importatur jingħata eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni.

40      Madankollu, b’referenza għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 għandhom jiġu interpretati bħala li jimponu eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali.

41      Fil-fatt, il-premessi 13 u 14, 16 sa 23 u 26 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, moqrija flimkien mal-premessi 6 u 8 tad-Deċiżjoni 2013/423, jirriflettu, kif enfasizzat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-kontenut tal-impenji aċċettati minnha f’dan il-kuntest, li jirrigwardaw mhux biss il-konformità mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi ma’ prezz minimu għall-importazzjoni iżda wkoll għal livell annwali ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-eżenzjonijiet mid-dazji antidumping u mid-dazji kumpensatorji previsti, rispettivament, fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013.

 Fuq it-tieni domanda

43      Skont it-tieni domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta japplika għal dejn doganali li tnissel skont l-Artikolu 204(1) ta’ dan il-kodiċi, minħabba li nqabeż it-terminu stabbilit fl-Artikolu 49(1) ta’ dan il-kodiċi, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 hijiex ssodisfatta meta l-kumpannija affiljata ma’ dik elenkata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, li mmanifatturat, bagħtet u ffatturat il-merkanzija kkonċernata, ma aġixxietx bħala importatur ta’ din il-merkanzija u ma rrilaxxathomx għaċ-ċirkulazzjoni libera, minkejja li kienet biħsiebha tagħmel hekk u hija effettivament irċeviet il-kunsinna ta’ din il-merkanzija.

44      Fl-ewwel lok, għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “parti kkonċernata”, fis-sens tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi doganali, għandu jinftiehem, fid-dawl tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, bħala riferiment għal kull persuna, fiżika jew ġuridika, li titqies bħala debitur ta’ dejn doganali skont wieħed mill-Artikoli 202 sa 205 ta’ dan il-kodiċi, b’mod partikolari minħabba l-fatt li din il-persuna, permezz tal-aġir tagħha, kienet wettqet l-introduzzjoni irregolari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Ultra-Brag, C‑679/15, EU:C:2017:40, punt 38).

45      Ladarba r-rikorrenti fil-kawża prinċipali titqies bħala debitur ta’ dejn doganali skont l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali, hija “parti kkonċernata”, fis-sens tal-Artikolu 212a ta’ dan il-kodiċi.

46      Fit-tieni lok, l-eżenzjonijiet mid-dazji antidumping u mid-dazji kumpensatorji jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet, f’każijiet speċifikament previsti, u għalhekk jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għas-sistema normali tad-dazji antidumping u tad-dazji kumpensatorji. Id-dispożizzjonijiet li jipprevedu tali eżenzjonijiet huma, għalhekk, interpretati b’mod strett (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Baltic Agro, C‑3/13, EU:C:2014:2227, punt 24).

47      Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali u b’mod iktar speċifiku tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet oħra ta’ applikazzjoni” li jinsab fih, il-kundizzjonijiet differenti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni li jipprevedu eżenzjoni mid-dazji antidumping u mid-dazji kumpensatorji għandhom jiġu ssodisfatti.

48      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 jistabbilixxu numru ta’ kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazji antidumping u mid-dazji kumpensatorji li huma jipprovdu.

49      Minn naħa, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprevedu, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-importazzjonijiet ta’ merkanzija għandha tiġi ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera.

50      Issa, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ma ġiet ippreżentata l-ebda dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali fit-terminu għall-ħażna temporanja prevista fl-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi Doganali, bin-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jwassal għat-tnissil ta’ dejn doganali skont l-Artikolu 204(1)(a) ta’ dan il-kodiċi.

51      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 jistabbilixxu li kumpannija elenkata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 trid tkun immanifatturat, bagħtet u ffatturat il-merkanzija kkonċernata, jew lill-kumpanniji affiljati magħha fl-Unjoni li jaġixxu bħala importaturi u li jirrilaxxaw il-merkanzija għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni, jew lill-ewwel klijent indipendenti li jaġixxi bħala importatur u li jqiegħed din il-merkanzija f’ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni.

52      F’dan il-każ, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet intiża għal kumpannija affiljata mal-produttur-esportatur Ċiniż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda din il-kumpannija la kienet irċieviet u lanqas ma kienet irrilaxxat din il-merkanzija għaċ-ċirkulazzjoni libera fil-mument li tnissel id-dejn doganali, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-ħażna temporanja previst fl-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi Doganali. Iċ-ċirkustanzi li tali kumpannija kellha l-intenzjoni li taġixxi bħala importatur tal-merkanzija, li tqegħedhom f’ċirkulazzjoni libera u li hija tkun sussegwentement aċċettathom, ma jagħmlux possibbli li l-kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti titqies bħala ssodisfatta.

53      Fl-aħħar nett, għandu jiġi wkoll osservat li l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 jirrikjedu li l-importazzjonijiet ikunu akkumpanjati minn fattura tal-impenn, jiġifieri minn fattura kummerċjali li fiha tal-inqas l-informazzjoni u d-dikjarazzjoni previsti, rispettivament, fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013.

54      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ma ġiet ippreżentata l-ebda fattura fid-data li fiha tnissel id-dejn doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-fattura bid-data tal‑11 ta’ Lulju 2014, ippreżentata wara din id-data, jiġifieri fis‑26 ta’ Settembru 2014, ma kinitx tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-annessi rilevanti tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni, peress li d-dikjarazzjoni kellha tiġi ffirmata mill-persuna inkarigata mill-kumpannija li ħarġet din il-fattura u ma kellhiex tinkludi r-riferiment għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707.

55      Issa, għandu jiġi rrilevat li tali indikazzjoni hija ta’ importanza partikolari fil-kuntest tas-sistema stabbilita mir-regolamenti ta’ implimentazzjoni, sa fejn din tippermetti lill-awtoritajiet doganali li jivverifikaw, fiż-żmien tal-fatti, li r-rekwiżiti kollha relatati mal-eżenzjoni tad-dazji antidumping u tad-dazji kumpensatorji kkonċernati huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2010, Isaac International, C‑371/09, EU:C:2010:458, punt 43).

56      Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali ma tistax, f’ċirkustanzi bħal dawn, twassal għar-riżultat li tali eżenzjoni, li hija suġġetta, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, għal kundizzjonijiet, tista’ tingħata anki jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux ġew osservati (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2010, Isaac International, C‑371/09, EU:C:2010:458, punt 44).

57      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta japplika għal dejn doganali li tnissel skont l-Artikolu 204(1) ta’ dan il-kodiċi, minħabba li nqabeż it-terminu stabbilit fl-Artikolu 49(1) ta’ dan il-kodiċi, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 ma hijiex issodisfatta meta l-kumpannija affiljata ma’ dik elenkata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, li mmanifatturat, bagħtet u ffatturat il-merkanzija kkonċernata, ma aġixxietx bħala importatur ta’ din il-merkanzija u ma rrilaxxathomx għaċ-ċirkulazzjoni libera, minkejja li kienet biħsiebha tagħmel hekk u li hija effettivament irċeviet il-kunsinna ta’ din il-merkanzija.

 Fuq it-tielet sal-ħames domanda

58      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 212a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-eżenzjonijiet mid-dazji antidumping u mid-dazji kumpensatorji previsti, rispettivament, fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 1238/2013 tat2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 tat2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2)      L-Artikolu 212a tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta japplika għal dejn doganali li tnissel skont l-Artikolu 204(1) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat, minħabba li nqabeż it-terminu stabbilit fl-Artikolu 49(1) ta’ dan ir-regolament, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 ma hijiex issodisfatta meta l-kumpannija affiljata ma’ dik elenkata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/707 tal4 ta’ Diċembru 2013 li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi, li mmanifatturat, bagħtet u ffatturat il-merkanzija kkonċernata, ma aġixxietx bħala importatur ta’ din il-merkanzija u ma rrilaxxathomx għaċ-ċirkulazzjoni libera, minkejja li kienet biħsiebha tagħmel hekk u li hija effettivament irċeviet il-kunsinna ta’ din il-merkanzija.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.