Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2011 – ZZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-141/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Talba għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tirrifjuta t-talba tar-rikorrent sabiex jitħallas l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni dovuti għax-xhur ta’ Settembru sa Diċembru 2010 u għax-xahar ta’ Jannar 2011

Talbiet tar-rikorrent

jannulla kull waħda mill-ħames deċiżjonijiet ta’ ċaħda segwenti, kull waħda minnhom irrispettivament mill-forma tagħha u mill-awtur tagħha, għalkemm fi kwalunkwe każ jistgħu jiġu attribwiti lill-Kummissjoni, u irrispettivament minn jekk iċ-ċaħda kinitx ta’ natura parzjali jew totali, liema deċiżjonijiet jiċħdu t-talbiet tar-rikorrent magħmula fil-ħames talbiet segwenti: (1.a) deċiżjoni li tiċħad it-talbiet tar-rikorrent magħmula fit-talba tal-5 ta’ Ottubru 2010 indirizzata lill-Awtorità tal-Ħatra; (1.b) deċiżjoni li tiċħad, kemm jekk b’mod parzjali kif ukoll jekk b’mod totali, it-talbiet tar-rikorrent magħmula fit-talba tat-2 ta’ Novembru 2010 indirizzata lill-Awtorità tal-Ħatra; (1.c) deċiżjoni li tiċħad, kemm jekk b’mod parzjali kif ukoll jekk b’mod totali, it-talbiet tar-rikorrent magħmula fit-talba tas-6 ta’ Diċembru 2010 indirizzata lill-Awtorità tal-Ħatra; (1.d) deċiżjoni li tiċħad, kemm jekk b’mod parzjali kif ukoll jekk b’mod totali, it-talbiet tar-rikorrent magħmula fit-talba tat-3 ta’ Jannar 2011 indirizzata lill-Awtorità tal-Ħatra; (1.e) deċiżjoni li tiċħad, kemm jekk b’mod parzjali kif ukoll jekk b’mod totali, it-talbiet tar-rikorrent magħmula fit-talba tat-3 ta’ Frar 2011 indirizzata lill-Awtorità tal-Ħatra;

jikkonstata l-ineżistenza ex lege, sa fejn ikun neċessarju, in-nota irreġistrata fit-28 ta’ Frar 2011 bir-referenza Ares(2011)217354;

jannulla l-ħames deċiżjonijiet segwenti, li kull waħda minnhom toriġina minn jew tista’ tiġi attribwita lill-Kummissjoni, li jiċħdu l-ilmenti segwenti mressqa mir-rikorrent, irrispettivament minn jekk iċ-ċaħda tal-ilmenti msemmija kinitx ta’ natura parzjali jew totali: (3.a) deċiżjoni li tiċħad l-ilment tas-26 ta’ April 2011 imressaq kontra d-deċiżjoni li tiċħad it-talba tal-5 ta’ Ottubru 2010; (3.b) deċiżjoni li tiċħad, kemm jekk b’mod parzjali u kemm jekk b’mod totali, l-ilment tat-23 ta’ Mejju 2011; (3.c) deċiżjoni li tiċħad, kemm jekk b’mod parzjali u kemm jekk b’mod totali, l-ilment tal-20 ta’ Ġunju 2011; (3.d) deċiżjoni li tiċħad, kemm jekk b’mod parzjali u kemm jekk b’mod totali, l-ilment tal-24 ta’ Ġunju 2011; (3.e) deċiżjoni li tiċħad, kemm jekk b’mod parzjali u kemm jekk b’mod totali, l-ilment tat-23 ta’ Lulju 2011;

jannulla n-nota bir-referenza HR.D.21MB/ac Ares(2011)941139, tat-8 ta’ Awwissu 2011;

jikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.