Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-8 ta’ Lulju 2019 – Union des industries de la protection des plantes vs Premier ministre, Ministre de la transition écologique et solidaire, Ministre des Solidarités et de la Santé, Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation, Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail

(Kawża C-514/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Union des industries de la protection des plantes

Konvenuti: Premier ministre, Ministre de la transition écologique et solidaire, Ministre des Solidarités et de la Santé, Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation, Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail

Partijiet oħra fil-proċedura: Association Générations futures, Union nationale de l’apiculture française (UNAF), Syndicat national de l’apiculture

Domandi preliminari

Meta miżura nazzjonali intiża li tirrestrinġi l-użu ta’ sustanzi attivi tkun ġiet formalment innotifikata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535/UE tad-9 ta’ Settembru 2015 1 flimkien ma’, madankollu, preżentazzjoni tal-elementi li jwasslu lill-Istat Membru jqis li s-sustanza tista’ tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent u li, bis-sitwazzjoni preżenti tal-leġiżlazzjoni, dan ir-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti ħlief permezz ta’ miżuri adottati mill-Istat Membru, jiġifieri preżentazzjoni suffiċjentement ċara sabiex il-Kummissjoni ma tkunx tista’ twettaq żball billi tqis li l-bażi tan-notifika huwa r-Regolament Nru 1107/2009 tal-21 ta’ Ottubru 2009 2 , allura l-Kummissjoni Ewropea tista’ tqis din in-notifika bħala li ġiet ippreżentata skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 69 u 71 ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, tadotta miżuri addizzjonali ta’ investigazzjoni jew miżuri li jissodisfaw kemm ir-rekwiżiti ta’ din il-leġiżlazzjoni kif ukoll it-tħassib espress minn dan l-Istat Membru?

Fl-ipoteżi fejn ir-risposta għal din id-domanda tkun pożittiva, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 2018/783 3 , 2018/784 4 u 2018/785 5 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jipprojbixxu l-użu tas-sustanzi tijametossam, klotijanidin u imidakloprid, sa mid-19 ta’ Diċembru 2018, bl-eċċezzjoni tat-trattamenti għall-għelejjel f’serra permanenti tal-pjanti li jqattgħu ċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom f’tali serra, għandhom jitqiesu bħala miżuri adottati b’risposta għat-talba magħmula minn Franza fit-2 ta’ Frar 2017 intiża għall-projbizzjoni ġenerali tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanza waħda jew iktar tal-familja tan-neonikotinojdi u żerriegħa ttrattata b’dawn il-prodotti?

F’każ ta’ risposta pożittiva għal din l-aħħar domanda, x’jista’ jagħmel l-Istat Membru li, abbażi tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1107/2009, ikun talab lill-Kummissjoni sabiex tadotta miżuri intiżi li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanza waħda jew iktar tal-familja tan-neonikotinojdi u żerriegħa ttrattata b’dawn il-prodotti, jekk din tilqa’ biss parzjalment it-talba tiegħu peress li tirrestrinġi l-użu mhux tas-sustanzi kollha tal-familja tan-neonikotinojdi iżda ta’ tlieta fosthom?

____________

1 Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1).

2 Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. ).

3 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/783 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva imidakloprid (ĠU 2018, L 132, p. 31).

4 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva klotijanidin (ĠU 2018, L 132, p. 35).

5 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/785 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva tijametossam (ĠU 2018, L 132, p. 40).